LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • mwbr19 Diċembru pp. 1-6
  • Referenzi għall-“Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Referenzi għall-“Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna”
  • Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna—2019
  • Sottitli
  • 2-8 taʼ Diċembru
  • 9-15 taʼ Diċembru
  • 16-22 taʼ Diċembru
  • 23-​29 taʼ Diċembru
  • 30 taʼ Diċembru–5 taʼ Jannar
Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna—2019
mwbr19 Diċembru pp. 1-6

Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna

2-8 taʼ Diċembru

TEŻORI MILL-​KELMA T’ALLA | RIVELAZZJONI 7-9

“Ġeħova jbierek lil folla kbira bla għadd”

it-​1 997 ¶1

Folla kbira

Dan iqajjem il-​mistoqsija: Jekk il-​“folla kbira” huma nies li jiksbu s-​salvazzjoni u jibqgħu fuq l-​art, kif jistaʼ jingħad li qegħdin “weqfin quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf?” (Ri 7:9) Fil-​Bibbja, li wieħed ikun ‘wieqaf’ xi drabi jindika li persuna jew grupp ikun approvat f’għajnejn dak li jinsab wieqaf quddiemu. (Sa 1:5; 5:5; Pr 22:29; Lq 1:19) Fil-​fatt, fil-​kapitlu taʼ qabel taʼ Rivelazzjoni, “is-​slaten taʼ l-​art u l-​kbarat u l-​kmandanti militari u s-​sinjuri u n-​nies b’saħħithom u kull ilsir u kull ħieles” huma deskritti bħala li qed jinħbew “minn wiċċ Dak li qiegħed bil-​qiegħda fuq it-​tron u mill-​korla tal-​Ħaruf, għax wasal il-​jum il-​kbir tal-​korla tagħhom, u min jistaʼ jibqaʼ wieqaf?” (Ri 6:15-​17; qabbel Lq 21:36) B’hekk jidher li l-​“folla kbira” hija fformata minn dawk in-​nies li baqgħu ħajjin matul dak iż-​żmien taʼ korla u li rnexxielhom jibqgħu “weqfin” bħala approvati minn Alla u l-​Ħaruf.

it-​2 1127 ¶4

Tribulazzjoni

Madwar tletin sena wara l-​qerda taʼ Ġerusalemm, l-​appostlu Ġwanni ntqallu hekk rigward folla kbira taʼ nies minn kull ġens, tribù, u poplu: “Dawn huma l-​uħud li ħarġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira.” (Ri 7:13, 14) Il-​fatt li folla kbira ‘toħroġ mit-​tribulazzjoni l-​kbira’ juri li huma jibqgħu ħajjin. Dan hu konfermat b’espressjoni simili li tintuża f’​Atti 7:9, 10: “Imma Alla kien miegħu [Ġużeppi], u ħelsu mit-​tribulazzjonijiet kollha tiegħu.” Il-​fatt li Ġużeppi nħeles mit-​tribulazzjonijiet kollha tiegħu kien ifisser li mhux biss irnexxielu jissaportihom, imma wkoll baqaʼ ħaj minkejja t-​tbatijiet li għadda minnhom.

it-​1 996-997

Folla kbira

L-​identifikazzjoni tagħhom. Iċ-​ċavetta biex tiġi identifikata l-​“folla kbira” tinsab fil-​mod kif jiġu deskritti f’​Rivelazzjoni kapitlu 7 u f’versi oħra dwar l-​istess rakkont. Rivelazzjoni 7:15-​17 jitkellem dwar Alla bħala li qed “jifrex it-​tinda tiegħu fuqhom,” bħala li huma qed jiġu gwidati “lejn għejun taʼ l-​ilmijiet tal-​ħajja,” u li Alla qed “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.” F’​Rivelazzjoni 21:2-​4 insibu espressjonijiet simili: “It-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin,” “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom,” u “ma jkunx hemm iżjed mewt.” Il-​viżjoni li nsibu hemm mhix dwar nies fis-​sema, minn fejn ‘tinżel Ġerusalemm il-​Ġdida,’ imma fuq l-​art, minn fost il-​bnedmin.

Ħaffer għal ġawhar spiritwali

re 115 ¶4

L-​Issiġillar t’Iżrael t’Alla

4 Bla dubju, dawn l-​erbaʼ anġli jirrappreżentaw erbaʼ gruppi anġeliċi, li Ġeħova juża biex iżomm lura l-​esekuzzjoni tal-​ħaqq sakemm jasal iż-​żmien maħtur. Meta l-​anġli jerħu dawk l-​irjieħ taʼ korla divina biex dawn iduru bis-​saħħa fl-​istess ħin mit-​Tramuntana, min-​Nofsinhar, mil-​Lvant, u mill-​Punent, il-​qerda se tkun tremenda. Se jkun bħal meta Ġeħova uża l-​erbat irjieħ biex ixerred, ifarrak u jeqred għalkollox lill-​Għelamin tal-​qedem, imma fuq skala ħafna ikbar. (Ġeremija 49:36-​38) Dan se jkun riefnu liema bħalu, ħafna iktar qerriedi mit-​“tempesta” li uża Ġeħova biex iġib fix-​xejn lill-​ġens t’Għammon. (Għamos 1:13-​15) L-​ebda parti mill-​organizzazzjoni taʼ Satana fuq l-​art mhi se jirnexxilha tibqaʼ wieqfa f’jum ir-​rabja taʼ Ġeħova, meta se jagħti prova darba għal dejjem li l-​mod taʼ tmexxija tiegħu hi tajba.—Salm 83:15, 18; Isaija 29:5, 6.

it-​1 12

Abaddon

Abaddon, l-​anġlu tal-​abbiss—min hu?

F’​Rivelazzjoni 9:11, madankollu, il-​kelma “Abaddon” tintuża bħala l-​isem tal-​“anġlu taʼ l-​abbiss.” Il-​kelma bħalha bil-​Grieg Apolljon tfisser “Qerried.” Fis-​seklu dsatax kienu saru sforzi biex dan il-​kliem jiġi applikat b’mod profetiku għal individwi bħalma huma l-​Imperatur Vespasjanu, Muħammad, u anki Napuljun, u l-​anġlu kien meqjus b’mod ġenerali bħala “sataniku.” Madankollu, taʼ min jinnota li f’​Rivelazzjoni 20:1-​3, l-​anġlu li għandu l-​“muftieħ taʼ l-​abbiss” jintwera li hu r-​rappreżentant t’Alla mis-​sema, u mhux talli m’huwiex “sataniku” imma talli jorbot u jitfaʼ lil Satana fl-​abbiss. Rigward Rivelazzjoni 9:11, The Interpreter’s Bible tikkummenta: “Madankollu, Abaddon m’huwiex anġlu taʼ Satana imma t’Alla, u jwettaq ix-​xogħol taʼ qerda skont kif iqabbdu Alla.”

Fl-​Iskritturi Ebrajċi li għadna kemm ikkunsidrajna, huwa evidenti li ʼavad·dohnʹ huwa l-​istess bħal Xeol u mewt. F’​Rivelazzjoni 1:18 Ġesù qal: “Jien ħaj għal dejjem taʼ dejjem, u għandi l-​imfietaħ tal-​mewt u tal-​Qabar.” F’​Luqa 8:31 tintwera l-​qawwa li għandu rigward l-​abbiss. F’​Ebrej 2:14 insibu prova li hu għandu l-​qawwa li jeqred, inkluż il-​qawwa li jeqred lil Satana, għax hemmhekk jgħid li Ġesù ħa sehem mid-​demm u l-​laħam “biex b’mewtu jġib fix-​xejn lil dak li jistaʼ jikkaġuna l-​mewt, jiġifieri, ix-​Xitan.” F’​Rivelazzjoni 19:11-​16 huwa rappreżentat b’mod ċar bħala l-​Qerried jew l-​Esekutur maħtur t’Alla.

9-15 taʼ Diċembru

TEŻORI MILL-​KELMA T’ALLA | RIVELAZZJONI 10-​12

Ħaffer għal ġawhar spiritwali

it-​2 880-​881

Skroll, Romblu

Użu simboliku. Fil-​Bibbja nsibu diversi drabi fejn il-​kelma “skroll” tintuża b’mod simboliku. Kemm Eżekjel u kemm Żakkarija raw skroll bil-​kitba fuq iż-​żewġ naħat. Peress li normalment kienet tintuża naħa waħda biss tal-​iskroll, il-​kitba fuq iż-​żewġ naħat tistaʼ tirreferi għat-​toqol, l-​importanza, u s-​serjetà tal-​ġudizzji miktubin f’dawn l-​iskrolli. (Eże 2:9–3:3; Ża 5:1-​4) Fil-​viżjoni taʼ Rivelazzjoni, il-​wieħed fuq it-​tron kien qiegħed iżomm f’idu l-​leminija skroll b’sebaʼ siġilli, biex ħadd ma jara x’hemm miktub sakemm jiftaħhom il-​Ħaruf t’Alla. (Ri 5:1, 12; 6:1, 12-​14) Iktar tard fil-​viżjoni, Ġwanni nnifsu ngħata skroll u ntqallu biex jieklu. Ġwanni togħmu ħelu imma ħassu morr f’żaqqu. Peress li l-​iskroll kien miftuħ u mhux issiġillat, dan kien ifisser li kellu jiġi mifhum. Għalkemm il-​messaġġ li Ġwanni ntqallu jipprofetizza ħassu “ħelu,” dan kien fih affarijiet morri. (Ri 10:1-​11) Eżekjel kellu esperjenza simili bl-​iskroll li ngħatalu, fejn fih kien hemm “għanjiet taʼ niket u krib u biki.”—Eże 2:10.

it-​2 187 ¶7-9

Uġigħ tal-​ħlas

Fil-​viżjoni tal-​appostlu Ġwanni li nsibu f’​Rivelazzjoni, hu ra mara fis-​sema tgħajjat “bl-​uġigħ u bl-​agunija tagħha biex tiled.” It-​tarbija li twieldet kienet “tifel, li għandu jirgħa lill-​ġnus kollha b’xettru tal-​ħadid.” Minkejja l-​isforzi li jagħmel id-​dragun biex jiblagħha,“it-​tarbija . . . ttieħdet lejn Alla u lejn it-​tron tiegħu.” (Ri 12:1, 2, 4-​6) Il-​fatt li t-​tifel jittieħed minn Alla kien sinjal li Alla aċċettah bħala ibnu, bħalma kienet id-​drawwa fi żminijiet tal-​qedem li tarbija tat-​twelid tiġi preżentata quddiem missierha sabiex jaċċettaha. Dan ifisser li l-​“mara” hi l-​“mara” miżżewġa t’Alla, “Ġerusalemm taʼ fuq,” ‘omm’ Kristu u ħutu spiritwali.—Ga 4:26; Eb 2:11, 12, 17.

M’għandniex xi ngħidu, il-​“mara” ċelestjali t’Alla kienet perfetta, u t-​twelid ma kienx se jkollu uġigħ letterali. Għaldaqstant, l-​uġigħ tal-​ħlas kellu jindika b’mod simboliku li l-​“mara” kellha tinduna li waslet biex tiled; kienet se tkun qed tistenna li tiled minn ħin għal ieħor.—Ri 12:2.

Min kien se jkun dan l-​“iben, tifel?” Dan kellu “jirgħa lill-​ġnus kollha b’xettru tal-​ħadid.” Dan ġie mbassar f’​Salm 2:6-​9 rigward is-​Sultan Messjaniku t’Alla. Imma Ġwanni ra din il-​viżjoni ħafna żmien wara t-​twelid taʼ Kristu fuq l-​art, u l-​mewt u l-​irxoxt tiegħu. Għaldaqstant din il-​viżjoni milli jidher tirreferi għat-​twelid tas-​Saltna Messjanika f’idejn l-​Iben t’Alla Ġesù Kristu, li, malli ġie rxoxtat mill-​mewt, “qagħad bil-​qiegħda fuq il-​leminija t’Alla, jistenna, minn dak iż-​żmien ’il quddiem, sakemm l-​għedewwa tiegħu jitqiegħdu bħala banketta għal saqajh.”—Eb 10:12, 13; Sa 110:1; Ri 12:10.

16-22 taʼ Diċembru

TEŻORI MILL-​KELMA T’ALLA | RIVELAZZJONI 13-16

“Tibżgħux mill-​bhejjem tal-​biżaʼ”

re 194 ¶26

Tissara maʼ żewġ bhejjem salvaġġi

26 X’tistaʼ tkun? Il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana—l-​istess bħas-​sebaʼ ras tal-​ewwel bhima salvaġġa imma fi rwol speċjali! Il-​fatt li fil-​viżjoni tissemma bħala bhima salvaġġa b’mod separat, jgħinna naraw iktar ċar kemm din taġixxi b’mod indipendenti fix-​xena dinjija. Din il-​bhima salvaġġa figurattiva b’żewġt iqrun hi fformata minn żewġ qawwiet politiċi li jeżistu fl-​istess żmien u li huma indipendenti, imma li jikkooperaw flimkien. Iż-​żewġt iqrun “bħal ħaruf” jagħtu x’tifhem li din tagħmilha taʼ bir ruħha li hi kwieta u ma tattakkax, u li hi gvern moħħu miftuħ li d-​dinja kollha għandha tismaʼ minnu. Imma din titkellem “bħal dragun” fis-​sens li tuża l-​pressjoni u t-​theddid u saħansitra vjolenza sfaċċata kull meta ma jiġix aċċettat il-​mod kif tmexxi. Hi ma inkuraġġietx sottomissjoni lejn is-​Saltna t’Alla taħt it-​tmexxija tal-​Ħaruf t’Alla, imma minflok, inkuraġġiet sottomissjoni lejn l-​interessi taʼ Satana, id-​dragun il-​kbir. Hi appoġġjat firdiet u mibegħda nazzjonalistika, u dan wassal biex tiġi meqjuma l-​ewwel bhima salvaġġa.

re 195 ¶30-31

Tissara maʼ żewġ bhejjem salvaġġi

30 It-​twettiq tal-​istorja jidentifika din ix-​xbieha bħala dik l-​organizzazzjoni li l-​Brittanja u l-​Istati Uniti pproponew, ħeġġew, u appoġġjaw, magħrufa fil-​bidu bħala l-​Lega tan-​Nazzjonijiet. Iktar tard, f’​Rivelazzjoni kapitlu 17, din tidher bħala simbolu differenti, dak taʼ bhima salvaġġa ħajja lewn l-​iskarlat u li teżisti b’mod indipendenti minn ħaddieħor. Din l-​entità internazzjonali ‘titkellem,’ billi tiftaħar li hi biss tista’ ġġib paċi u sigurtà fost l-​umanità. Imma fir-​realtà din saret post fejn il-​ġnus membri jgħidu kliem aħrax u jinsultaw lil xulxin. Hi heddet li twarrab, daqslikieku kienu mejtin, lil kull ġens jew poplu li ma jbaxxix rasu għall-​awtorità tagħha. Fil-​fatt, il-​Lega tan-​Nazzjonijiet keċċiet lil dawk il-​ġnus li naqsu li jimxu mal-​ideoloġiji tagħha. Malli tfaqqaʼ t-​tribulazzjoni l-​kbira, il-​‘qrun’ militaristiċi taʼ din ix-​xbieha tal-​bhima salvaġġa se jwettqu rwol qerriedi.—Rivelazzjoni 7:14; 17:8, 16.

31 Mit-​Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, ix-​xbieha tal-​bhima salvaġġa—issa identifikata bħala l-​organizzazzjoni tal-​Ġnus Magħquda—diġà qatlet f’sens letterali. Pereżempju, fl-​1950 qawwa tal-​ĠM ħadet sehem fil-​gwerra bejn il-​Korea taʼ Fuq u l-​Korea t’Isfel. Il-​qawwa tal-​ĠM, flimkien mal-​Korea t’Isfel, qatlet mal-​1,420,000 ruħ mill-​Korea taʼ Fuq u ċ-​Ċina. Eżempju ieħor kien mill-​1960 sal-​1964, meta l-​armati tal-​Ġnus Magħquda kienu attivi fil-​Kongo (Kinshasa). Barra minn hekk, il-​mexxejja dinjin, inkluż il-​papiet Pawlu VI u Ġwanni Pawlu II, komplew isostnu li din ix-​xbieha hija l-​unika u l-​aqwa tama għall-​paċi fuq l-​art. Huma jinsistu li jekk il-​bnedmin m’humiex se jagħmlu kif tgħid hi, ir-​razza umana se teqred lilha nfisha. B’hekk huma b’mod figurattiv qed iġiegħlu li jinqatlu dawk il-​bnedmin kollha li jirrifjutaw li joqogħdu għal li tgħid ix-​xbieha u jqimuha.—Dewteronomju 5:8, 9.

Ħaffer għal ġawhar spiritwali

w08-​E 4/1 31 ¶3

3 Il-​ġnus b’xi mod jiġu mħajrin minn forzi sataniċi biex jingħaqdu fil-​battalja. Il-​Bibbja titkellem dwar “espressjonijiet imnebbħin mid-​demonji” li jmorru “għand is-​slaten [mexxejja] taʼ l-​art abitata kollha, biex jiġbruhom flimkien . . . lejn il-​post li bl-​Ebrajk jissejjaħ Ħar–Magedon.”—Rivelazzjoni 16:14-​16.

23-​29 taʼ Diċembru

TEŻORI MILL-​KELMA T’ALLA | RIVELAZZJONI 17-​19

“Il-​gwerra t’Alla li se ttemm il-​gwerer kollha”

it-​1 1146 ¶1

Żiemel

Fil-​viżjoni simbolika tal-​appostlu Ġwanni, Ġesù Kristu glorifikat jintwera bħala li hu riekeb fuq żiemel abjad u akkumpanjat minn armata, kull wieħed riekeb fuq żiemel abjad. Ġwanni ntwera li din il-​viżjoni tirrappreżenta s-​sewwa u l-​ġustizzja tal-​gwerra li Kristu se jqajjem f’isem Alla tiegħu u Missieru, Ġeħova, kontra l-​għedewwa kollha. (Ri 19:11, 14) Iktar qabel, dak li jagħmel Kristu bħala sultan u l-​gwajijiet li jseħħu wara huma rappreżentati minn żwiemel differenti u r-​rikkieba tagħhom.—Ri 6:2-​8.

re 286 ¶24

Is-​Sultan-​Gwerrier joħroġ rebbieħ f’Armageddon

24 Il-​bhima salvaġġa b’sebat irjus u għaxart iqrun li toħroġ mill-​baħar, u li tirrappreżenta l-​organizzazzjoni politika taʼ Satana, tinqered għalkollox, u magħha jinqered il-​profeta falz, is-​sebaʼ qawwa dinjija. (Rivelazzjoni 13:1, 11-​13; 16:13) Waqt li jkunu għadhom “ħajjin,” jew attivi u ħaġa waħda kontra l-​poplu t’Alla fuq l-​art, huma jiġu mitfugħin fl-​“għadira tan-​nar.” Hija din għadira tan-​nar letterali? Le, daqskemm m’humiex annimali letterali l-​bhima salvaġġa u l-​profeta falz. Minflok, din hija simbolu taʼ qerda totali u finali, post li ma tistax terġaʼ tiġi lura minnu. Huwa hawnhekk fejn iktar tard, se jintefgħu l-​mewt u Ħades, kif ukoll ix-​Xitan innifsu. (Rivelazzjoni 20:10, 14) Żgur li dan mhux xi infern taʼ torturi eterni għan-​nies mill-​agħar, ladarba Ġeħova lanqas biss tgħaddilu minn rasu ħaġa mistkerrha bħal din.—Ġeremija 19:5; 32:35; 1 Ġwanni 4:8, 16.

re 286 ¶25

Is-​Sultan-​Gwerrier joħroġ rebbieħ f’Armageddon

25 Dawk kollha li ma kinux jagħmlu parti mill-​gvern b’mod dirett, imma xorta kienu parti irriformabbli minn din id-​dinja korrotta taʼ bnedmin, bl-​istess mod se ‘jinqatlu bix-​xabla twila taʼ dak li kien riekeb fuq iż-​żiemel.’ Ġesù se jiddikjarahom li jistħoqqilhom il-​mewt. Peress li fil-​każ tagħhom ma tissemmiex l-​għadira tan-​nar, ifisser dan li għandna nistennew li se jkollhom irxoxt? Imkien ma nsibu li dawk li jinqatlu f’dan iż-​żmien mill-​Imħallef taʼ Ġeħova se jiġu rxoxtati. Bħalma qal Ġesù nnifsu, dawk kollha li m’humiex “nagħaġ” se jintefgħu “fin-​nar taʼ dejjem imħejji għax-​Xitan u l-​anġli tiegħu,” jiġifieri, “fil-​qtugħ taʼ dejjem.” (Mattew 25:33, 41, 46) Din se tkun il-​quċċata taʼ “jum il-​ġudizzju u l-​qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.”—2 Pietru 3:7; Naħum 1:2, 7-​9; Malakija 4:1.

Ħaffer għal ġawhar spiritwali

re 247-​248 ¶5-​6

Solvut misteru tal-​għaġeb

5 “Il-​bhima salvaġġa . . . kienet.” Iva, din kienet eżistiet bħala l-​Lega tan-​Nazzjonijiet mill-​10 taʼ Jannar, 1920 ’il quddiem, bil-​parteċipazzjoni taʼ 63 nazzjon f’xi żmien jew ieħor. Imma, imbagħad, il-​Ġappun, il-​Ġermanja, u l-​Italja rtiraw, u l-​eks Unjoni Sovjetika tneħħiet mil-​Lega. F’Settembru tal-​1939 id-​dittatur Nazist tal-​Ġermanja beda t-​Tieni Gwerra Dinjija. Peress li ma rnexxilhiex iżżomm il-​paċi fid-​dinja, il-​Lega tan-​Nazzjonijiet kienet bħal donnha niżlet f’abbiss t’inattività. Sal-​1942 kienet saret xi ħaġa tal-​passat. Eżatt f’dan iż-​żmien kritiku—la qabel u lanqas f’xi data iktar tard—Ġeħova interpreta lill-​poplu tiegħu t-​tifsira sħiħa tal-​viżjoni. Fl-​Assemblea Teokratika tad-​Dinja l-​Ġdida, N. H. Knorr setaʼ jiddikjara, fi qbil mal-​profezija, li “l-​bhima salvaġġa . . . m’hijiex.” Imbagħad staqsa l-​mistoqsija, “Il-​Lega se tibqaʼ fil-​ħofra?” Billi kkwota Rivelazzjoni 17:8, hu wieġeb: “L-​assoċjazzjoni taʼ ġnus dinjin se terġaʼ tqum.” Dan hu proprju dak li ġara—eżatt bħalma qalet il-​Kelma profetika taʼ Ġeħova!

It-​tlugħ mill-​abbiss

6 Il-​bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat verament ħarġet mill-​abbiss. Fis-​26 taʼ Ġunju, 1945, fost ħafna briju f’San Francisco, l-​Istati Uniti, 50 nazzjon ivvotaw biex jaċċettaw il-​Kostituzzjoni tal-​organizzazzjoni tal-​Ġnus Magħquda. Din kellha “żżomm il-​paċi u s-​sigurtà internazzjonali.” Il-​Lega u l-​ĠM kellhom ħafna affarijiet komuni bejniethom. The World Book Encyclopedia tinnota: “F’ċerti aspetti, il-​ĠM tixbah lil-​Lega tan-​Nazzjonijiet, li twaqqfet wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija . . . Ħafna nazzjonijiet li waqqfu l-​ĠM kienu waqqfu wkoll il-​Lega. Bħal-​Lega, il-​ĠM twaqqfet biex tinżamm il-​paċi fost il-​ġnus. Il-​kumitati prinċipali tal-​ĠM tistaʼ tgħid li huma bħal dawk tal-​Lega.” Għalhekk, il-​ĠM hija fil-​fatt il-​bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat li reġgħet ħadet il-​ħajja. Il-​Lega kellha 63 nazzjon membru; il-​ĠM għandha 190 nazzjon, ħafna iktar minnha. Barra minn hekk, hi ħadet f’idha iktar responsabbiltajiet minn dik taʼ qabilha.

30 taʼ Diċembru–5 taʼ Jannar

TEŻORI MILL-​KELMA T’ALLA | RIVELAZZJONI 20-22

“Ara! Qed nagħmel kollox ġdid”

re 301 ¶2

Sema ġdid u art ġdida

2 Mijiet taʼ snin qabel żmien Ġwanni, Ġeħova kien qal lil Isaija: “Għax, ara, qed noħloq smewwiet ġodda u art ġdida; u l-​affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-​qalb.” (Isaija 65:17; 66:22) Din il-​profezija twettqet l-​ewwel darba meta l-​Lhud leali rritornaw Ġerusalemm fis-​sena 537 QK, wara eżilju taʼ 70 sena f’Babilonja. Matul dak ir-​restawr, huma fformaw soċjetà mnaddfa, “art ġdida,” taħt sistema governattiva ġdida, “smewwiet ġodda.” Madankollu, l-​appostlu Pietru pponta lejn twettiq ieħor taʼ din il-​profezija, meta qal: “Imma hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-​wegħda tiegħu, u f’dawn tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Issa Ġwanni juri li din il-​wegħda titwettaq matul jum il-​Mulej. “Is-​sema taʼ qabel u l-​art taʼ qabel,” is-​sistema t’affarijiet organizzata minn Satana, bil-​gvernijiet kollha influwenzati minn Satana u d-​demonji tiegħu, se jgħaddu. Il-​“baħar” imqalleb taʼ bnedmin ribellużi u mill-​agħar mhux se jibqaʼ jeżisti. Minfloku se jkun hemm “sema ġdid u art ġdida”—soċjetà ġdida fuq l-​art taħt gvern ġdid, is-​Saltna t’Alla.—Qabbel Rivelazzjoni 20:11.

Ħaffer għal ġawhar spiritwali

it-​2 249 ¶2

Ħajja

Fil-​kmand li ta lil Adam, Alla implika li jekk Adam jobdi, hu ma kienx se jmut. (Ġen 2:17) Din il-​mewt, l-​aħħar għadu tal-​bniedem, se tinġieb fix-​xejn meta f’ġisimhom mhux se jkun għad hemm id-​dnub li jwassal għall-​mewt. Huma qatt iktar ma se jkollhom għalfejn imutu. (1Ko 15:26) Il-​mewt se tinġieb fix-​xejn fit-​tmiem tar-​renju taʼ Kristu, li skont il-​ktieb taʼ Rivelazzjoni huwa twil 1,000 sena. Rigward dawk li se jsiru slaten u qassisin maʼ Kristu, hawnhekk jintqal li huma “ħadu l-​ħajja u saltnu mal-​Kristu għal elf sena.” ‘Il-​bqija tal-​mejtin li ma ħadux il-​ħajja qabel ma ntemmew l-​elf sena’ bilfors li huma dawk li jibqgħu ħajjin fl-​aħħar tal-​elf sena, imma qabel ma Satana jinħeles mill-​abbiss u jagħmel l-​aħħar test deċiżiv fuq il-​bnedmin. Sa l-​aħħar tal-​elf sena, il-​bnedmin fuq l-​art se jkunu laħqu l-​perfezzjoni umana, u se jkunu fl-​istess kundizzjoni bħalma kienu Adam u Eva qabel dinbu. Issa verament se jkollhom ħajja perfetta. Wara li Satana jinħeles mill-​abbiss għal żmien qasir, dawk li mbagħad se jgħaddu mit-​test se jkunu jistgħu jgawdu dik il-​ħajja għal dejjem.—Ri 20:4-​10.

it-​2 189-​190

Għadira tan-​nar

Din l-​espressjoni tidher biss fil-​ktieb taʼ Rivelazzjoni u jidher ċar li hi simbolika. Il-​Bibbja nfisha tispjega xi jfisser dan is-​simbolu meta tgħid: “Din tfisser it-​tieni mewt, l-​għadira tan-​nar.”—Ri 20:14; 21:8.

Fil-​ktieb taʼ Rivelazzjoni, meta tissemma din l-​għadira tan-​nar, il-​kuntest ikompli jagħti prova li din hija simbolika. Il-​mewt jintqal li tiġi mixħuta f’din l-​għadira tan-​nar. (Ri 19:20; 20:14) Ovvjament, il-​mewt ma tistax tinħaraq b’mod letterali. Barra minn hekk, ix-​Xitan, ħliqa spirtu inviżibbli, ukoll jiġi mixħut fl-​għadira. Peress li hu spirtu, ma tistaʼ ssirlu l-​ebda ħsara b’nar letterali.—Ri 20:10; qabbel Eżo 3:2 u Mħ 13:20.

Ladarba l-​għadira tan-​nar tirrappreżenta “t-​tieni mewt” u peress li Rivelazzjoni 20:14 jgħid li “l-​mewt u l-​Qabar” se jiġu t-​tnejn li huma mixħutin fiha, huwa evidenti li l-​għadira ma tistax tirrappreżenta l-​mewt li l-​bniedem wiret mingħand Adam (Rum 5:12), lanqas ma tirreferi għal Ħades (Xeol). Għaldaqstant, din bilfors li hi simbolu taʼ tip ieħor taʼ mewt, waħda li ma tistax terġaʼ lura minnha, għax imkien m’hemm miktub li l-​“għadira” se tirritorna lil dawk taʼ ġo fiha, bħalma se jagħmlu l-​mewt Adamika u Ħades (Xeol). (Ri 20:13) B’hekk, dawk li ma jinstabux miktubin fil-​“ktieb tal-​ħajja,” uħud li jopponu s-​sovranità t’Alla mingħajr ma jindmu, se jiġu mixħutin fl-​għadira tan-​nar, jiġifieri qerda għal dejjem, jew it-​tieni mewt.—Ri 20:15.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja