LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Wirt li Tistaʼ Torbot Fuqu
    It-Torri tal-Għassa—2004 | Ottubru 1
    • Wirt li Tistaʼ Torbot Fuqu

      “JEKK tirċievi avviż bil-​posta mingħand persuna li tgħidlek li writt xi ħaġa li baqgħet ma nġabritx, oqgħod attent. Int tistaʼ tkun il-​mira taʼ qarrieq makakk.”

      Din hija twissija li s-​Servizz taʼ Spezzjoni Postali fl-​Istati Uniti għamel fil-​Web site tiegħu. Għala? Għax eluf taʼ nies kienu rċivew ittra bil-​posta li kienet tgħid, ‘Xi ħadd minn qrabatek miet u ħallielek wirt.’ Minħabba f’hekk, ħafna nies bagħtu bil-​posta s-​somma taʼ $30 (Lm10) jew iktar biex jirċievu ‘rapport taʼ l-​assi’ li suppost kellu jispjegalhom fejn jinsab il-​wirt u kif jistgħu jiġbruh. B’dispjaċir, dawn baqgħu b’xiber imnieħer. Kulmin bagħat il-​flus irċieva l-​istess rapport—u ma kienx hemm l-​iċken ċans li xi ħadd jiret xi ħaġa.

      Skemi bħal dawn jinqdew bix-​xewqa naturali li għandhom in-​nies biex jirtu xi ħaġa. Madankollu, il-​Bibbja titkellem b’approvazzjoni dwar dawk li jipprovdu wirt meta tgħid: “Ġid it-​tajjeb jgħaddi b’wirt għal ulied uliedu.” (Proverbji 13:22) Fil-​fatt, kien Ġesù Kristu nnifsu li għamel din l-​istqarrija magħrufa u tant għażiża fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja: “Henjin taʼ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-​art.”—Mattew 5:5.

      Kliem Ġesù jfakkarna f’dak li s-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem kien imnebbaħ biex jikteb sekli qabel: “Il-​ġwejdin għad jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”—Salm 37:11.

      “Jirtu l-​art”—xi prospett eċċitanti! Imma nistgħu aħna nkunu ċerti li din m’hijiex sempliċement xi skema makakka oħra li tħalli lin-​nies b’xejn? Iva, nistgħu. Ladarba l-​art hija parti mill-​ħolqien meraviljuż taʼ Jehovah, bħala l-​Ħallieq u s-​Sid hu għandu d-​dritt legali li jħalliha b’wirt lil min jogħġbu. Permezz tas-​Sultan David, Jehovah għamel din il-​wegħda profetika lil Ibnu l-​maħbub, Ġesù Kristu: “Itlobni, u l-​ġnus nagħtik b’wirtek, u truf l-​art bi priża tiegħek.” (Salm 2:8) Għal din ir-​raġuni, l-​appostlu Pawlu ddeskriva lil Ġesù bħala l-​wieħed “li [Alla] għamlu werriet taʼ kollox.” (Lhud 1:2) Għaldaqstant, aħna jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li meta Ġesù qal li l-​ġwejdin “għad jirtu l-​art,” hu għamel hekk bi skop tajjeb, u għandu l-​awtorità xierqa biex iwettaq il-​wegħda tiegħu.—Mattew 28:18.

      Għaldaqstant, il-​mistoqsija kruċjali hija, Din il-​wegħda kif se sseħħ? Kulfejn indawru wiċċna llum, donnu li n-​nies aggressivi u arroganti jinsabu minn fuq u qed jakkwistaw dak li jridu. Fejn jidħlu l-​ġwejdin? Barra minn hekk, l-​art hija mifnija bi problemi serji minħabba t-​tniġġis, u r-​riżorsi li fiha qed jiġu sfruttati min-​nies rgħiba u dawk li jaraw biss sa mneħirhom. Fuq kollox, se jkun hemm art taʼ min jiritha? Nistidnuk taqra l-​artiklu li jmiss sabiex issib it-​tweġiba għal dawn il-​mistoqsijiet u oħrajn li huma importanti.

  • “Il-Ġwejdin Għad Jirtu l-Art”—Kif?
    It-Torri tal-Għassa—2004 | Ottubru 1
    • “Il-​Ġwejdin Għad Jirtu l-​Art”—Kif?

      “X’AKTARX li int familjari mal-​kliem li jqawwilna qalbna taʼ Ġesù illi ‘l-​ġwejdin għad jirtu l-​art.’ Imma meta nqisu dak kollu li n-​nies qed jagħmlu lil xulxin u lill-​art, x’taħseb li se jibqgħalhom x’jirtu l-​ġwejdin?”—Mattew 5:5; Salm 37:11.

      Myriam, waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah, użat din il-​mistoqsija biex tibda diskussjoni mill-​Bibbja. Ir-​raġel li kellmet weġibha li jekk Ġesù għamel din il-​wegħda, bilfors li ried jgħid li l-​art kellu jixirqilha tissejjaħ wirt u mhux post meqrud jew li ħadd ma jistaʼ jgħix fih.

      Din tassew kienet tweġiba ottimista. Imma għandna għalfejn inkunu daqshekk pożittivi? Dażgur li għandna, għax il-​Bibbja tagħtina raġunijiet qawwijin biex nemmnu li l-​wegħda se sseħħ. Fil-​fatt, it-​twettiq taʼ din il-​wegħda huwa marbut ħafna maʼ l-​iskop t’Alla għall-​bnedmin u għall-​art. U aħna niġu żgurati li Alla jwettaq kull skop li jkollu. (Isaija 55:11) Mela, allura, x’kien l-​iskop oriġinali t’Alla għall-​bnedmin, u dan kollu kif se jitwettaq?

      L-​Iskop Etern t’Alla għall-​Art

      Alla Jehovah ħalaq l-​art għal skop speċifiku. “Dan jgħid il-​Mulej li ħalaq is-​smewwiet; Hu li hu tassew Alla, li sawwar l-​art, għamilha u wettaqha, ma ħalaqhiex għall-​baħħ, sawwarha biex jgħammru fiha: ‘Jien hu l-​Mulej, u m’hemm ħadd ħliefi!’” (Isaija 45:18) Għaldaqstant, l-​art inħalqet speċifikament biex jgħixu l-​bnedmin fiha. Iktar minn hekk, l-​iskop t’Alla huwa li l-​art tkun id-​dar tal-​bnedmin għall-​eternità. Hu ‘waqqaf l-​art fuq is-​sisien tagħha, b’mod li qatt ma titħarrek.’—Salm 104:5; Koħèlet 1:4.

      L-iskop t’Alla għall-​art jidher ċar ukoll mill-​inkarigu li ta lill-​ewwel koppja umana. Jehovah qalilhom hekk lil Adam u Eva: “Nisslu u oktru, u imlew l-​art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-​ħut tal-​baħar u t-​tajr taʼ l-​ajru u l-​ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-​art.” (Ġenesi 1:28) L-​art, li Alla ħallieha f’idejn Adam u Eva, kellha tkun id-​dar eterna tagħhom u taʼ nisilhom. “Is-​smewwiet huma s-​smewwiet tal-​Mulej,” iddikjara s-​salmista ħafna sekli wara, “imma l-​art hu taha lill-​bnedmin.”—Salm 115:16.

      Biex iwettqu dan il-​prospett meraviljuż, Adam u Eva, kif ukoll nisilhom, kellhom jaċċettaw lil Alla Jehovah, il-​Ħallieq u d-​Donatur tal-​Ħajja, bħala s-​Sovran tagħhom u jkunu lesti li jobduh. Jehovah ma ħalliex l-​iċken dubju dwar din il-​ħaġa għax il-​kmand li ta lill-​bniedem kien dan: “Mis-​siġar kollha tal-​ġnien tistaʼ tiekol, imma mis-​siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-​nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Biex Adam u Eva jibqgħu jgħixu fil-​ġnien taʼ l-​Għeden, huma kellhom jobdu dan il-​kmand ċar u sempliċi. Jekk jobdu, kienu jkunu qed juru l-​gratitudni tagħhom għal dak kollu li Missierhom tas-​sema kien għamel għalihom.

      Meta Adam u Eva minn jeddhom m’obdewx lil Alla billi kisru l-​kmand li kien tahom, huma fil-​fatt ċaħdu lil dak il-​wieħed li kien ipprovdielhom kulma kellhom. (Ġenesi 3:6) B’dan il-​mod, huma tilfu l-​ħajja f’Ġenna taʼ l-​art mill-​isbaħ u tellfuha wkoll lil nisilhom. (Rumani 5:12) Ifisser dan li għax l-​ewwel koppja m’obdewx, ġie mfixkel l-​iskop li kellu Alla meta ħalaq l-​art?

      Alla li Ma Nbidilx

      Permezz tal-​profeta tiegħu Malakija, Alla ddikjara: “Jien, il-​Mulej, ma tbiddiltx.” (Malakija 3:6) Rigward dan il-​vers, l-​istudjuż Bibliku Franċiż L. Fillion osserva li din id-​dikjarazzjoni għandha x’taqsam ħafna mat-​twettiq tal-​wegħdi divini. “Jehovah setaʼ qered lill-​poplu ribelluż tiegħu,” kiteb Fillion, “iżda peress li ma jbiddilx fehmtu dwar il-​wegħdi tiegħu, hu, minkejja kollox, se jibqaʼ leali lejn il-​wegħdi li għamel fil-​passat.” Il-​wegħdi t’Alla, kemm jekk lil individwu, nazzjon, jew lill-​umanità kollha, m’humiex se jintesew imma se jitwettqu fiż-​żmien li jagħżel hu. “Jiftakar għal dejjem fil-​patt tiegħu, fil-​kelma li ta għal elf nisel.”—Salm 105:8.

      Madankollu, kif nistgħu nkunu ċerti li Jehovah ma biddilx l-​iskop oriġinali li kellu għall-​art? Nistgħu nkunu ċerti minn dan għax fil-​Kelma mnebbħa t’Alla, il-​Bibbja, insibu kemm-il darba li l-​iskop t’Alla hu li jagħti l-​art lill-​bnedmin ubbidjenti. (Salm 25:13; 37:9, 22, 29, 34) Barra minn hekk, l-​Iskrittura tgħid li l-​uħud imberkin minn Jehovah jgħixu fis-​sigurtà, kull wieħed minnhom “taħt id-​dielja tiegħu, u taħt is-​siġra tat-​tin tiegħu,” u “ma jkunx hemm min iwerwirhom.” (Mikea 4:4; Eżekjel 34:28) Dawk li jintgħażlu minn Jehovah “għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-​dwieli u jieklu frotthom.” Huma se jgħixu fil-​paċi saħansitra mal-​bhejjem tar-​rabaʼ.—Isaija 11:6-9; 65:21, 25.

      Il-Bibbja tipprovdi dehra bil-​quddiem tal-​wegħda t’Alla b’mod ieħor. Matul ir-​renju tas-​Sultan Salamun, il-​ġens taʼ Iżrael gawda żmien taʼ paċi u ġid. Taħt il-​ħakma tiegħu, “il-​poplu taʼ Ġuda u Iżrael kien jgħix fiż-​żgur, kulħadd taħt id-​dielja u t-​tina tiegħu, minn Dan sa Birsaba, iż-​żmien kollu taʼ Salamun.” (1 Slaten 5:5 [4:25, NW]) Il-​Bibbja tgħid li Ġesù “hu aqwa minn Salamun,” u dwar ir-​renju tiegħu, is-​salmista ddikjara b’mod profetiku: “Tħaddar f’jiemu l-​ġustizzja, u sliem kotran sa ma jintemm il-​qamar.” Dakinhar, “ikun kotran il-​qamħ fuq l-​art, jogħla sal-​qċaċet taʼ l-​għoljiet.”—Luqa 11:31; Salm 72:7, 16.

      Ladarba Alla Jehovah iżomm kelmtu, hu se jagħmel ċert li l-​wirt li wiegħed mhux biss se jkun disponibbli imma se jerġaʼ jkollu s-​sbuħija taʼ qabel. F’Apokalissi 21:4, il-​Kelma t’Alla tgħidilna li fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda, Alla se “jixxuttalhom [lin-nies] kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.” Dak li qed iwegħedna ma se jkun xejn għajr Ġenna taʼ l-​art.—Luqa 23:43.

      Kif Ikollok Sehem mill-​Wirt Imwiegħed

      L-​art se tinbidel f’ġenna meta din se tkun taħt gvern li jeżerċita l-​ħakma tiegħu mis-​sema, Saltna b’Ġesù Kristu bħala s-​Sultan. (Mattew 6:9, 10) L-​ewwel, din is-​Saltna se ‘teqred lil dawk li qegħdin jeqirdu d-​dinja.’ (Apokalissi 11:18; Danjel 2:44) Imbagħad, bħala l-​“Prinċep tas-​sliem,” Ġesù Kristu se jwettaq dan il-​kliem profetiku: “Kbira tkun setegħtu, u s-​sliem bla qjies.” (Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW]) Taħt din is-​Saltna, miljuni taʼ bnedmin, inkluż dawk li se jerġgħu jingħataw il-​ħajja permezz taʼ l-​irxoxt, se jkollhom l-​opportunità li jirtu l-​art.—Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15.

      Min se jkun hemm biex igawdi dan il-​wirt meraviljuż? Ikkunsidra kliem Ġesù: “Henjin taʼ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-​art.” (Mattew 5:5) Xi jfisser li tkun qalbek ħelwa, jew ġwejjed? Ġeneralment id-​dizzjunarji jfissru l-​kelma “ġwejjed,” jew “ħelu,” bħala ġentili, umli, sottomess, kwiet, saħansitra timidu. Madankollu, il-​kelma oriġinali Griega li tintuża tfisser ħafna iktar minn hekk. F’din il-​kelma “hemm il-​ġentilezza,” josserva n-​New Testament Wordbook taʼ William Barclay, “imma fil-​ġentilezza hemm il-​qawwa taʼ l-​azzar.” Din tindika attitudni mentali li ġġiegħel persuna tissaporti l-​ħsara mingħajr ma żżomm f’qalbha jew tibqaʼ bil-​ħsieb li tpattiha, u dan kollu jseħħ bis-​saħħa taʼ relazzjoni tajba m’Alla. Din ir-​relazzjoni ssir sors taʼ qawwa għall-​persuna.—Isaija 12:2; Filippin 4:13.

      Wieħed li hu ġwejjed jaċċetta bl-​umiltà l-​livelli t’Alla f’kull aspett tal-​ħajja persunali tiegħu; ma joqgħodx jinsisti li jagħmel dak li jaħseb hu jew jistrieħ fuq l-​opinjoni taʼ ħaddieħor. Hu kapaċi wkoll jitgħallem, u jixtieq jiġi mgħallem minn Jehovah. Is-​salmista David kiteb: “[Jehovah] lill-​ġwejdin imexxi fis-​sewwa: u lill-​ġwejdin jgħallimhom it-​triqat tiegħu.”—Salm 25:9, Karm Żammit; Proverbji 3:5, 6.

      Se tkun int fost “il-​ġwejdin” li se jirtu l-​art? Jekk issir taf lil Jehovah u r-​rieda tiegħu permezz taʼ studju diliġenti tal-​Kelma tiegħu u billi tpoġġi fil-​prattika dak li titgħallem, int ukoll tistaʼ tħares ’il quddiem lejn li tiret ġenna taʼ l-​art u tgħix għal dejjem fiha.—Ġwanni 17:3.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja