LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 3/15 pp. 21-23
  • Tħallihiex Tegħlbek l-Ansjetà

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tħallihiex Tegħlbek l-Ansjetà
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Fejn Għandek Taqtaʼ Linja
  • Mosè Quddiem il-​Fargħun
  • Ibda Ikkontrolla Ħsibijietek
  • L-​Għajnuna Hija Disponibbli
  • “Ittama f’Alla”
  • Itfaʼ l-Anzjetà Kollha Tiegħek fuq Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Itfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuq Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Kif nistaʼ nkampa mal-ansjetà?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • L-ansjetà
    Stenbaħ!—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 3/15 pp. 21-23

Tħallihiex Tegħlbek l-​Ansjetà

“QATT tkunu ansjużi dwar il-​jum li jmiss, għax il-​jum li jmiss se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu stess. Biżżejjed għal kull jum huwa l-​ħażen tiegħu stess.” (Mattew 6:34, NW) Dan il-​parir mogħti minn Ġesù Kristu ċertament li huwa prattiku għalina lkoll li qegħdin ngħixu fid-​dinja mgħaġġla u stressanti tal-​lum.

Iżda, ngħiduha kif inhi, huwa possibbli li aħna ma nkunux ansjużi dwar il-​problemi, id-​deċiżjonijiet, l-​obbligi, u r-​responsabbiltajiet tagħna? Miljuni taʼ nies iħossuhom dipressi, inkwetati, u mtaqqlin. Huwa għalhekk li l-​kalmanti u s-​sedattivi jrendu qligħ taʼ miljuni taʼ liri.

Fejn Għandek Taqtaʼ Linja

Hemm bżonn li nippjanaw u nippreparaw għall-​obbligi, l-​inkarigi, id-​deċiżjonijiet, u l-​problemi tagħna​—sew jekk huma urġenti u sew jekk le. Il-​Bibbja tinkuraġġina biex ‘noqogħdu bil-​qegħda biex inqisu n-​nefqa’ qabel ma nidħlu għal xi responsabbiltà kbira. (Luqa 14:28-30) Dan jinkludi li niżnu sew l-​għażliet disponibbli għalina, li nanalizzaw l-​effetti li jistaʼ jħalli dak li niddeċiedu li nagħmlu, u li nikkalkulaw kemm se jiswina ħin, enerġija, u flus.

Filwaqt li wieħed għandu jikkunsidra bir-​reqqa dak li x’aktarx jiġri, m’huwiex possibbli u ma jagħmillux tajjeb li joqgħod jipprova jaħseb f’dak kollu li jistaʼ jiġri. Per eżempju, biex tkun ċert mis-​sigurezza tal-​familja tiegħek, għandek mnejn tikkunsidra x’tagħmel jekk id-​dar tiegħek tieħu n-​nar. Tistaʼ tixtri u twaħħal apparat li jattiva ruħu awtomatikament meta jkun hemm id-​duħħan u xi fire extinguisher. Tistaʼ tippjana u tipprova modi kif taħrab minn partijiet differenti tad-​dar. Imma x’inhi d-​differenza bejn ippjanar bis-​sens u prattiku u ansjetà eċċessiva u bla bżonn? Ansjetà bħal din ikollha l-​bidu tagħha malli int tibda ttertaq qalbek minħabba numru li ma jispiċċa qatt taʼ sitwazzjonijiet li taħseb li tistaʼ ssib ruħek fihom, u li ħafna minnhom jistgħu jkunu r-​riżultat taʼ li tħalli ’l moħħok jiġri bik. Għandu mnejn jaħkmuk ħsibijiet li ma jħallukx bi kwietek, u dawn jikkonvinċuk li bilfors li nsejt tagħmel xi ħaġa jew li m’għamiltx biżżejjed biex tipproteġi lill-​familja tiegħek. Jistaʼ jkun li din l-​ansjetà li tkun ġibtha fuqek b’idejk stess tant ma tkunx tistaʼ tneħħiha minn moħħok li għandu mnejn ma tħallikx torqod.

Mosè Quddiem il-​Fargħun

Alla Jehovah ta inkarigu diffiċli lill-​profeta tiegħu Mosè. L-​ewwel, Mosè kellu jidher quddiem l-​Iżraeliti u jikkonvinċihom li Jehovah kien ħatru biex joħroġhom ’il barra mill-​Eġittu. Imbagħad Mosè kellu jidher quddiem il-​Fargħun u jitolbu jħalli lill-​Iżraeliti jitilqu. Finalment, Mosè kellu jmexxi folla li kienet tgħodd bil-​miljuni minn ġox-​xagħri għal ġo art mimlija nies ostili. (Eżodu 3:1-10) Dan kollu setaʼ beżżgħu ferm, imma ppermetta Mosè li din ir-​responsabbiltà timlielu moħħu b’ansjetà bla bżonn?

Ovvjament, Mosè kien ikkonċernat dwar għadd taʼ kwistjonijiet. Hu staqsa lil Jehovah: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: ‘Alla taʼ missirijietkom bagħatni għandkom,’ u huma jistaqsuni, ‘X’jismu?’ Jiena xi ngħidilhom?” Jehovah tah it-​tweġiba. (Eżodu 3:13, 14) Mosè kien ikkonċernat ukoll dwar x’setaʼ jiġri jekk il-​Fargħun jirrifjuta li jemmnu. Għal darb’oħra, Jehovah ta tweġiba lill-​profeta. Kien għad fadal l-​aħħar problema​—Mosè ammetta li ‘ma kienx jinqalaʼ biex jitkellem.’ Dan kif setaʼ jiġi rrimedjat? Jehovah pprovda lil Aron biex jitkellem għal Mosè.—Eżodu 4:1-5, 10-16.

Ippreparat bit-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħu u billi kellu fidi f’Alla, Mosè għamel kif kien ikkmandah Jehovah. Minflok ma qagħad jittortura lilu nnifsu bi ħsibijiet tal-​biżaʼ dwar dak li setaʼ jiġri meta jikkonfronta lill-​Fargħun, Mosè ‘għamel preċiż hekk.’ (Eżodu 7:6, NW) Kieku ħalla l-​ansjetajiet jirkbuh, dawn setgħu jdgħajfu sew il-​fidi u l-​qlubija li kellu bżonn biex iwettaq l-​inkarigu tiegħu.

Il-mod bilanċjat kif Mosè ħa ħsieb l-​inkarigu tiegħu huwa eżempju taʼ dak li l-​appostlu Pawlu sejjaħlu “moħħ f’loku.” (2 Timotju 1:7, NW; Titu 2:2-6, NW) Kieku Mosè ma kellux moħħ f’loku, setaʼ faċilment tant jintrikeb mill-​immensità taʼ l-​inkarigu tiegħu li probabbilment lanqas biss kien jaċċettah.

Ibda Ikkontrolla Ħsibijietek

Kif tirreaġixxi int meta fil-​ħajja taʼ kuljum tħabbat wiċċek maʼ testijiet tal-​fidi tiegħek jew maʼ provi? Għandek it-​tendenza li tibda tippanikkja sempliċement jekk taħseb dwar l-​ostakli u l-​isfidi li jitfaċċaw quddiemek? Jew tħares lejhom b’mod bilanċjat? Bħalma jgħidu xi wħud, ‘Tinfaxxax rasek qabel taqsamha.’ Għandu mnejn ma jkollokx għalfejn tinfaxxaha rasek wara kollox! Allura għala toqgħod titturmenta ruħek b’xi ħaġa li għandha mnejn qatt ma tiġri? Il-​Bibbja tgħid: “L-​inkwiet ikiddha qalb il-​bniedem, imma kelma tajba tferraħha.” (Proverbji 12:25) Taʼ spiss, ir-​riżultat ikun li l-​individwu jibqaʼ jħalli mil-​lum għall-​għada biex jagħmel deċiżjoni, u jħalli l-​affarijiet għal darb’oħra sa ma jkun tard wisq.

Xi ħaġa ferm iktar serja minn din hija l-​ħsara spiritwali li tistaʼ tiġi kkaġunata mill-​ansjetà bla bżonn. Ġesù Kristu indika li l-​apprezzament għall-​“kelma tas-​Saltna” jistaʼ jinħonoq kompletament mill-​poter qarrieqi tal-​ġid u “l-​inkwiet żejjed għall-​ħwejjeġ tad-​dinja.” (Mattew 13:19, 22) Sewwa sew bħalma x-​xewk jistaʼ jżomm liż-​żerriegħa milli tilħaq il-​maturità u tagħmel il-​frott, hekk ukoll l-​ansjetà mingħajr kontroll tistaʼ żżommna lura milli nagħmlu avvanz spiritwali u nipproduċu frott li jġib tifħir lil Alla. Ansjetà qerrieda li ġabuha fuqhom b’idejhom stess saħansitra żammet lura lil xi wħud milli jiddedikaw ruħhom lil Jehovah. Huma jberrnu, ‘U jekk ma jirnexxilix ngħix fi qbil mad-​dedikazzjoni tiegħi?’

L-appostlu Pawlu qalilna li fit-​taqbida spiritwali tagħna, qegħdin nagħmlu ħilitna biex “injassru kull ħsieb għall-​ubbidjenza lil Kristu.” (2 Korintin 10:5) Kemm jieħu gost l-​akbar għadu tagħna, Satana x-​Xitan, li japprofitta minn dak li noqogħdu ninkwetaw fuqu sabiex jiskuraġġina u jdgħajjifna fiżikament, emozzjonalment, u spiritwalment. Hu espert f’li juża d-​dubji biex jonsob lil dawk li ma jkunux għassa. Dan hu għala Pawlu wissa wkoll lill-​Kristjani biex ma ‘jagħtux wisaʼ lix-​Xitan.’ (Efesin 4:27) Bħala “l-​alla taʼ din id-​dinja,” Satana rnexxielu ‘jdallmilhom il-​moħħ tagħhom nieqes mill-​fidi.’ (2 Korintin 4:4) Jalla qatt ma nħalluh jikkontrollalna ’l moħħna!

L-​Għajnuna Hija Disponibbli

Meta jiffaċċjaw il-​problemi, it-​tfal jistgħu jmorru għand missierhom li jħobbhom u jagħtihom direzzjoni u faraġ. B’mod simili, aħna nistgħu mmorru għand Missierna tas-​sema, Jehovah, bil-​problemi tagħna. Fil-​fatt, Jehovah jistidinna biex nitfgħu t-​tagħbijiet u l-​ansjetajiet tagħna fuqu. (Salm 55:22, Karm Żammit) Bħal tifel li ma jibqax jinkwieta dwar il-​problemi tiegħu wara li missieru jkun serraħlu moħħu, aħna mhux biss għandna nitfgħu t-​tagħbijiet tagħna fuq Jehovah, imma wkoll inħalluhom għandu.—Ġakbu 1:6.

Kif nistgħu nitfgħu l-​ansjetajiet tagħna fuq Jehovah? Filippin 4:6, 7 jwieġeb: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” Iva, bi tweġiba għat-​talb u s-​suppliki persistenti tagħna, Jehovah jistaʼ jagħtina kalma ġewwinija li tipproteġi lil moħħna milli jkun inkwetat minħabba ansjetajiet mhux neċessarji.—Ġeremija 17:7, 8; Mattew 6:25-34.

Iżda biex naħdmu f’armonija mat-​talb tagħna, m’għandniex niżolaw lilna nfusna fiżikament jew mentalment. (Proverbji 18:1) Minflok, nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw prinċipji u direzzjonijiet Bibliċi li jolqtu l-​problema tagħna, u b’hekk nevitaw li nistrieħu fuq il-​fehma tagħna stess. (Proverbji 3:5, 6) Kemm iż-​żgħar u kemm il-​kbar jistgħu jduru lejn il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tal-​Watch Tower Society, fejn jistgħu jsibu abbundanza taʼ informazzjoni dwar kif nagħmlu deċiżjonijiet u nittrattaw mal-​problemi. Barra minn hekk, fil-​kongregazzjoni Kristjana, aħna mberkin b’anzjani għaqlin u bl-​esperjenza u Kristjani maturi oħrajn li huma dejjem lesti li jitkellmu magħna. (Proverbji 11:14; 15:22) Uħud li m’humiex involuti emozzjonalment u li għandhom il-​ħarsa t’Alla rigward xi kwistjoni taʼ spiss ikunu jistgħu jgħinuna nħarsu lejn il-​problemi tagħna minn perspettiva differenti. U filwaqt li dawn m’humiex se jagħmlu d-​deċiżjoni għalina, jistgħu jkunu sors kbir taʼ inkuraġġiment u appoġġ.

“Ittama f’Alla”

Ħadd ma jistaʼ jiċħad li jkollna biżżejjed stress f’li kuljum nittrattaw mal-​problemi reali tagħna, mingħajr ma nżidu magħhom it-​tħassib fuq dawk immaġinarji. Jekk l-​ansjetà dwar dak li jistaʼ jiġri ġġegħelna nħossuna beżgħanin u skomdi, allura ejja nduru lejn Jehovah bit-​talb u bis-​suppliki tagħna. Fittex fil-​Kelma tiegħu u dur lejn l-​organizzazzjoni tiegħu għad-​direzzjoni, għall-​għerf, u għall-​għajnuna biex ikollok moħħ f’loku. B’hekk, se nsibu li jkunu xi jkunu ċ-​ċirkustanzi li nsibu ruħna fihom, hemm l-​għajnuna disponibbli biex nittrattaw magħhom.

Meta ħassu mtaqqal u inkwetat, is-​salmista kanta: “Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, u titħawwad ġewwa fija? Ittama f’Alla, għax jien nibqaʼ nfaħħru; hu l-​għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!” (Salm 42:12 [Salm 42:11, NW]) Jalla dawn ikunu s-​sentimenti tagħna.

Iva, ippjana għal dak li tistaʼ tistenna b’mod raġunevoli, u ħalli dak li mhux mistenni f’idejn Jehovah. “Ixħtu fuqu l-​ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom.”—1 Pietru 5:7.

[Stampa f’paġna 23]

Bħal David, titfaʼ int it-​tagħbijiet u l-​ansjetajiet tiegħek fuq Jehovah?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja