It-Tweġiba taʼ Ġeħova Għal Talba mill-Qalb
“Biex in-nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.”—SALM 83:18.
1, 2. Ħafna liema esperjenza kellhom, u x’mistoqsijiet jistgħu jiġu mistoqsijin?
FTIT tas-snin ilu, waħda mara kienet imnikkta ħafna minħabba traġedja li seħħet fl-inħawi fejn kienet toqgħod. Peress li kienet ġejja minn familja Kattolika Rumana, hi marret għand il-qassis tal-post għall-għajnuna, imma lanqas biss ried ikellimha. Għalhekk, hi talbet lil Alla: “Ma nafx min int . . . , imma naf li qiegħed hemmhekk. Jekk jogħġbok għinni ħalli nsir nafek!” Ftit taż-żmien wara, żaruha x-Xhieda taʼ Ġeħova u tawha l-faraġ u l-għarfien li kienet fittxet. Fost affarijiet oħrajn, għallmuha li Alla għandu isem persunali, Ġeħova. Meta saret tafu baqgħet verament impressjonata. “Immaġina ftit,” qalet hi, “dan kien l-Alla li ili nixtieq insir nafu mindu kont għadni tifla!”
2 Ħafna kellhom esperjenza simili. Spiss, l-ewwel darba li raw l-isem taʼ Ġeħova kien meta qraw Salm 83:18 fil-Bibbja. Fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida, dan il-vers jgħid: “Biex in-nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.” Iżda, qatt ħsibt dwar għala nkiteb Salm 83? Liema ġrajjiet kellhom iġiegħlu lil kulħadd jirrikonoxxi li Ġeħova hu l-uniku Alla veru? Dan is-salm liema messaġġ għandu għalina llum? Aħna se nikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet f’dan l-artiklu.a
Konfoffa Kontra l-Poplu taʼ Ġeħova
3, 4. Min kitbu Salm 83, u liema theddida jiddeskrivi?
3 Skond is-sopraskrizzjoni, Salm 83 huwa “melodija t’Asaf.” Il-kompożitur taʼ dan is-salm x’aktarx li kien dixxendent tal-Levita Asaf, mużiċist prominenti matul ir-renju tas-Sultan David. F’dan is-salm, is-salmista jitlob bil-ħerqa lil Ġeħova biex jaġixxi ħalli jappoġġa s-sovranità Tiegħu u jġiegħel li Ismu jsir magħruf. Is-salm x’aktarx li nkiteb xi żmien wara l-mewt taʼ Salamun. Għala? Għaliex kemm matul ir-renju taʼ David u kemm matul ir-renju taʼ Salamun, is-sultan taʼ Tir kien ħabib taʼ Israel. Sakemm inkiteb Salm 83, l-abitanti taʼ Tir kienu daru kontra Israel u bdew iżommu maʼ l-għedewwa tiegħu.
4 Is-salmista jsemmi għaxart iġnus li kienu qed jikkonfoffaw biex jeqirdu l-poplu t’Alla. Dawn l-għedewwa li kien imdawwar bihom Israel huma msemmijin kif ġej: “It-tined t’Edom u l-Ismagħelin, Mowab u l-Ħagrin, Gebal u Għammon u Għamalek, il-Filistja flimkien maʼ l-abitanti taʼ Tir. Anki l-Assirja ssieħbet magħhom.” (Salm 83:6-8) Dan is-salm għal liema ġrajja storika jirreferi? Xi wħud jissuġġerixxu li dan is-salm jirreferi għall-attakk fuq Israel li sar meta ngħaqdu flimkien Ammon, Mowab, u l-abitanti tal-Muntanja Segħir fi żmien Ġeħosafat. (2 Kron. 20:1-26) Oħrajn jemmnu li dan is-salm jitkellem dwar l-ostilità ġenerali li ġarrab Israel mill-ġirien tiegħu matul l-istorja kollha tiegħu.
5. Il-Kristjani llum liema benefiċċju jiksbu minn Salm 83?
5 Kien x’kien il-każ, huwa evidenti li Alla Ġeħova nebbaħ il-kitba taʼ din l-għanja bħala talba fi żmien meta l-ġens tiegħu kien fil-periklu. Dan is-salm jipprovdi wkoll inkuraġġiment għall-qaddejja t’Alla llum, li matul l-istorja tagħhom ħabbtu wiċċhom m’attakk wara l-ieħor minn għedewwa determinati li jeqirduhom. U dan żgur li se jsaħħaħna fil-futur qarib meta Gog taʼ Magog jiġmaʼ l-forzi tiegħu f’attentat finali biex jeqred lil kulmin iqim lil Alla bl-ispirtu u l-verità.—Aqra Eżekjel 38:2, 8, 9, 16.
Kwistjoni taʼ Interess Primarju
6, 7. (a) Is-salmista x’jitlob fil-kliem li jibda bih Salm 83? (b) X’kien l-interess primarju tas-salmista?
6 Ismaʼ hekk kif is-salmista jesprimi s-sentimenti tiegħu f’talba: “O Alla, ħa ma jkunx hemm skiet min-naħa tiegħek; tibqax imbikkem, u tibqax kwiet, O Divin. Għax, ara, l-għedewwa tiegħek qamu f’rewwixta; u dawk mimlijin mibegħda għalik refgħu rashom. B’makakkerija huma jkomplu jgħidu diskors kunfidenzjali kontra l-poplu tiegħek . . . Għax b’qalbhom kollha u f’unità kkonsultaw flimkien; għamlu patt kontrik.”—Salm 83:1-3, 5.
7 X’kien l-interess primarju tas-salmista? M’għandniex xi ngħidu, hu kien inkwetat ħafna dwar is-sigurtà persunali tiegħu u dik tal-familja tiegħu. Madankollu, fit-talba tiegħu ffoka l-attenzjoni fuq it-tmaqdir li kien qed jinġieb fuq l-isem taʼ Ġeħova u t-theddid kontra l-ġens li kien iġorr dan l-isem. Jalla lkoll kemm aħna nżommu ħarsa bilanċjata bħal din hekk kif nissaportu l-aħħar jiem diffiċli taʼ din id-dinja qadima.—Aqra Mattew 6:9, 10.
8. X’kien l-objettiv tal-ġnus biex jikkonfoffaw kontra Israel?
8 Skond is-salmista, l-għedewwa taʼ Israel qalu: “Ejjew ħa nqaċċtuhom darba għal dejjem u ma jibqgħux ġens iżjed, biex l-isem taʼ Israel ma jitfakkarx iktar.” (Salm 83:4) X’mibegħda kellhom dawn il-ġnus għall-poplu magħżul t’Alla! Imma kellhom motiv ieħor biex jikkonfoffaw kontra Israel. Huma b’għira xxennqu għall-art taʼ Israel u ftaħru: “Ejjew nieħdu taħt idejna l-postijiet fejn jgħammar Alla.” (Salm 83:12) Ġrat xi ħaġa simili fi żmienna? Iva!
“Il-Post Qaddis Fejn Tgħammar Int”
9, 10. (a) Fi żmien il-qedem, x’kien il-post qaddis fejn jgħammar Alla? (b) Liema barkiet jitgawdew illum mill-fdal midluk u n-“nagħaġ oħrajn”?
9 Fi żmien il-qedem, l-Art Imwiegħda kienu jirreferu għaliha bħala l-post qaddis fejn jgħammar Alla. Ftakar fl-għanja tar-rebħa li kantaw l-Israelin wara li nħelsu mill-Eġittu: “Int bil-qalb tajba bl-imħabba tiegħek mexxejt lill-poplu li fdejt; int bis-saħħa tiegħek se tieħdu lejn il-post qaddis fejn tgħammar int.” (Eżo. 15:13) Iktar tard, dak “il-post” kien fih tempju bis-saċerdozju tiegħu u belt kapitali, Ġerusalemm, b’linja taʼ slaten li kienu dixxendenti taʼ David u li qagħdu bil-qiegħda fuq it-tron taʼ Ġeħova. (1 Kron. 29:23) Kellu raġun Ġesù jsejjaħ lil Ġerusalemm “il-belt tas-Sultan il-kbir.”—Mt. 5:35.
10 Xi ngħidu għal żmienna? Fis-sena 33 E.K., twieled ġens ġdid, “l-Israel t’Alla.” (Gal. 6:16) Dan il-ġens, magħmul mill-aħwa midlukin taʼ Ġesù Kristu, wettaq l-inkarigu li Israel tal-laħam kien fl-aħħar mill-aħħar falla li jwettaq, jiġifieri, li jkunu xhieda għall-isem t’Alla. (Is. 43:10; 1 Pt. 2:9) Lilhom, Ġeħova għamlilhom l-istess wegħda li kien għamel lil Israel tal-qedem: “Inkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.” (2 Kor. 6:16; Lev. 26:12) Fl-1919, Ġeħova ġab il-fdal taʼ “l-Israel t’Alla” f’qagħda approvata, u dak iż-żmien, huma ħadu f’idejhom “art,” jiġifieri, qasam spiritwali t’attività li fih gawdew ġenna spiritwali. (Is. 66:8) Mis-snin tletin, miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn” issieħbu magħhom. (Ġw. 10:16) L-hena u l-prosperità spiritwali taʼ dawn il-Kristjani taʼ żmienna jagħtu evidenza qawwija li s-sovranità taʼ Ġeħova hija retta. (Aqra Salm 91:1, 2.) Kemm jirrabjah dan lil Satana!
11. X’għadha l-mira prinċipali taʼ l-għedewwa t’Alla?
11 Matul iż-żmien tat-tmiem, Satana xewwex lill-aġenti tiegħu fuq l-art biex jopponu lill-fdal tal-midlukin u lil sħabhom in-nagħaġ oħrajn. Hekk ġara fl-Ewropa tal-Punent taħt in-Nazi u fl-Ewropa tal-Lvant taħt il-gvern Komunista taʼ l-Unjoni Sovjetika. Dan ġara wkoll f’bosta artijiet oħrajn, u se jerġaʼ jiġri, speċjalment matul l-attakk finali taʼ Gog taʼ Magog. F’dan l-attakk, l-opponenti jistgħu b’regħba jaħtfu l-proprjetà u kulma jippossiedu n-nies taʼ Ġeħova, bħalma għamlu l-għedewwa fl-imgħoddi. Madankollu, il-mira prinċipali taʼ Satana minn dejjem kienet li toħloq firda bejnietna bħala poplu sabiex ħadd ma jibqaʼ jiftakar l-isem “Xhieda taʼ Ġeħova” li hu mogħti minn Alla. Ġeħova kif jirreaġixxi għal din l-isfida għas-sovranità tiegħu? Erġaʼ agħti daqqa t’għajn lejn il-kliem tas-salmista.
Ir-Rebħa li Għamel Ġeħova fil-Passat Isservi t’Eżempju
12-14. Is-salmista jikteb dwar liema żewġ rebħiet storiċi qrib il-belt taʼ Megiddo?
12 Innota l-fidi soda li kellu s-salmista fl-abbiltà taʼ Ġeħova li jħawwad il-pjanijiet tal-ġnus li kienu għedewwa tagħhom. Hu jinseġ flimkien żewġ rebħiet deċiżivi li kellu Israel fuq l-għedewwa tiegħu ħdejn il-belt tal-qedem taʼ Megiddo, li kienet tiddomina pjanura fil-wied bl-istess isem. Matul is-sajf, qiegħ ix-Xmara Kison, li jkun qoxqox, jistaʼ jidher iserrep tul il-pjanura fil-wied. Wara xita bil-qliel fix-xitwa, ix-xmara tfur u tgħarraq il-pjanura. Forsi għal din ir-raġuni, ix-xmara tissejjaħ ukoll “l-ilmijiet taʼ Megiddo.”—Mħ. 4:13; 5:19.
13 Madwar 15-il kilometru minn Megiddo għan-naħa l-oħra tal-wied hemm l-għolja taʼ More, li fi żmien l-Imħallef Gidegħon, it-truppi magħqudin tal-Midjanin, l-Għamalekin, u n-nies tal-lvant inġemgħu għall-gwerra. (Mħ. 7:1, 12) L-armata żgħira taʼ Gidegħon fl-aħħar kien fiha 300 raġel biss, imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova, huma għelbu l-armata enormi taʼ l-għadu. Kif? Huma segwew id-direzzjoni t’Alla, billi dawru l-kamp taʼ l-għadu bil-lejl u żammew f’idhom ġarar li fihom kien hemm moħbijin torċi mqabbdin. Meta Gidegħon ta s-sinjal, l-irġiel tiegħu kissru l-ġarar u minnufih tfaċċaw it-torċi li kienu moħbijin fihom. Fl-istess ħin, bdew idoqqu l-qarn tagħhom u jgħajtu: “Is-sejf taʼ Ġeħova u taʼ Gidegħon!” L-għedewwa spiċċaw f’konfużjoni sħiħa, u bdew joqtlu lil xulxin; dawk li ħelsuha ħarbu għan-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan. Sadanittant, Israelin oħrajn ngħaqdu maʼ Gidegħon biex jiġru wara l-għadu. B’kollox, inqatlu 120,000 suldat taʼ l-għadu.—Mħ. 7:19-25; 8:10.
14 Madwar sitt kilometri lil hinn mill-għolja taʼ More, in-naħa l-oħra tal-wied minn Megiddo, hemm il-Muntanja Tabor. Hawnhekk, żmien qabel, l-Imħallef Barak kien ġabar 10,000 truppa taʼ l-Israelin biex jiħduha kontra l-armata taʼ Ġabin, is-sultan Kangħani taʼ Ħasor, li kienet immexxija mill-kap militari tiegħu Sisera. Din l-armata taʼ Kangħan kellha 900 karru tal-gwerra armat bi xfafar twal tal-ħadid qattiela li kienu jduru mar-roti. Hekk kif it-truppi taʼ Israel, li ma tantx kienu armati tajjeb, inġabru fuq il-Muntanja Tabor, l-armata taʼ Sisera ġiet imħajra tmur lejn il-wied. Imbagħad “Ġeħova tefaʼ f’konfużjoni lil Sisera u l-karrijiet kollha tal-gwerra tiegħu u lill-kamp tiegħu.” X’aktarx li f’daqqa waħda niżlet xita bil-qliel u ġiegħlet lill-karrijiet jeħlu fit-tajn minħabba li faret ix-Xmara Kison. L-armata kollha nqatlet mill-Israelin.—Mħ. 4:13-16; 5:19-21.
15. (a) Is-salmista x’jitolbu jagħmel lil Ġeħova? (b) L-isem tal-battalja finali t’Alla fiex ifakkarna?
15 Is-salmista jitlob b’qalbu kollha lil Ġeħova biex jagħmel xi ħaġa simili lill-ġnus li jheddu l-eżistenza taʼ Israel fi żmienu. Hu jitlob: “Agħmlilhom kif għamilt lil Midjan, kif għamilt lil Sisera, kif għamilt lil Ġabin fil-wied taʼ Kison. Huma nqerdu għalkollox f’Għajn-dor; saru demel għall-art.” (Salm 83:9, 10) Huwa sinifikanti li l-gwerra finali t’Alla kontra d-dinja taʼ Satana tissejjaħ Ħar-Magedon (li tfisser il-“Muntanja taʼ Megiddo”), jew Armageddon. Dan l-isem ifakkarna fil-battalji deċiżivi li seħħew qrib Megiddo. Ir-rebħa taʼ Ġeħova f’dawk il-gwerer tal-qedem tiżgurana dwar iċ-ċertezza tat-trijonf tiegħu fil-battalja t’Armageddon.—Riv. 16:13-16.
Itlob għall-Ivvindikar tas-Sovranità taʼ Ġeħova
16. Illum, l-opponenti kif ‘inksielhom wiċċhom bid-diżunur’?
16 Matul dawn l-“aħħar jiem,” Ġeħova ġab fix-xejn l-isforzi kollha li saru biex jeliminaw lill-poplu tiegħu. (2 Tim. 3:1) Minħabba f’hekk, l-opponenti ġew imġegħlin jistħu. Dan hu ffigurat bil-quddiem f’Salm 83:16, li jgħid: “Iksilhom wiċċhom bid-diżunur, sabiex in-nies ifittxu lil ismek, O Ġeħova.” F’pajjiż wara l-ieħor, l-opponenti fallew kompletament fl-isforzi tagħhom biex isikktu lix-Xhieda taʼ Ġeħova. F’dawk il-pajjiżi, il-waqfa soda u s-sabar li wrew l-aduraturi taʼ l-uniku Alla veru servew bħala xiehda għal dawk b’attitudni xierqa, u ħafna nies ‘fittxew lil isem Ġeħova.’ F’għadd taʼ pajjiżi fejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova darba kienu persegwitati bl-aħrax, issa hemm għaxriet t’eluf, saħansitra mijiet t’eluf, taʼ wħud henjin li jfaħħru lil Ġeħova. Xi trijonf għal Ġeħova! U x’mistħija għall-għedewwa tiegħu!—Aqra Ġeremija 1:19.
17. Liema sitwazzjoni kritika qed tiffaċċja l-umanità, u liema kliem dalwaqt se niftakru?
17 M’għandniex xi ngħidu, aħna nafu li l-battalja għadha ma spiċċatx. U nkomplu nxandru l-aħbar tajba—saħansitra lill-opponenti. (Mt. 24:14, 21) Madankollu, dalwaqt mhux se jkun hemm iktar l-opportunità li issa hija miftuħa għal dawn l-opponenti biex jindmu u jiksbu s-salvazzjoni. It-taqdis taʼ isem Ġeħova hu bil-wisq iktar importanti mis-salvazzjoni tal-bniedem. (Aqra Eżekjel 38:23.) Meta l-ġnus jingħaqdu fl-isforz imbassar biex jeqirdu l-poplu t’Alla mad-dinja kollha, aħna se niftakru dan il-kliem tat-talba tas-salmista: “Ħa jistħu u jitħawdu għal dejjem, u ħa jiġu avviliti u jgħibu.”—Salm 83:17.
18, 19. (a) X’hemm lest għall-opponenti stinati tas-sovranità taʼ Ġeħova? (b) L-ivvindikar finali li riesaq tas-sovranità taʼ Ġeħova kif jeffettwak?
18 Tmiem umiljanti qed jistenna lill-opponenti determinati tas-sovranità taʼ Ġeħova. Il-Kelma t’Alla tirrivela li dawk li “ma jobdux l-aħbar tajba”—u li minħabba din ir-raġuni se jiġu meqrudin f’Armageddon—se jieħdu “qerda għal dejjem.” (2 Tess. 1:7-9) Il-qerda tagħhom u s-salvazzjoni taʼ dawk li jqimu lil Ġeħova bil-verità se jkunu evidenza konvinċenti li Ġeħova hu l-uniku Alla veru. Fid-dinja l-ġdida, din ir-rebħa kbira m’hijiex se tintesa. Dawk li jiġu lura fl-“irxoxt . . . tan-nies sewwa u . . . taʼ dawk li m’humiex sewwa” se jsiru jafu dwar l-att kbir taʼ Ġeħova. (Atti 24:15) Fid-dinja l-ġdida, se jaraw evidenza konvinċenti dwar kemm hu għaqli li tgħix taħt is-sovranità taʼ Ġeħova. U l-ġwejdin fosthom malajr se jikkonvinċu ruħhom li Ġeħova hu l-uniku Alla veru.
19 X’futur meraviljuż ħejja Missierna tas-sema kollu mħabba għall-aduraturi leali tiegħu! Ma tħossokx int imqanqal li titlob biex Ġeħova ma jdumx ma jipprovdi t-tweġiba finali għat-talba li s-salmista talab lil Ġeħova: “Ħa jiġu avviliti u jgħibu [l-għedewwa tiegħek]; biex in-nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha”?—Salm 83:17, 18.
[Nota taʼ taħt]
a Qabel ma tikkunsidra dan l-artiklu, int se tibbenefika jekk taqra Salm 83 sabiex tkun familjari maʼ dak li jgħid.
Tistaʼ Tispjega?
• Liema sitwazzjoni ffaċċja Israel meta nkiteb Salm 83?
• X’kien l-interess primarju tal-kittieb taʼ Salm 83?
• Illum min hu l-mira taʼ l-oppożizzjoni minn Satana?
• Ġeħova fl-aħħar kif se jwieġeb it-talba li hemm imniżżla f’Salm 83:18?
[Mappa f’paġna 15]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Il-battalji miġġildin qrib Megiddo tal-qedem kif inhuma konnessi mal-futur tagħna?
Xmara Kison
Ħaroset
Il-Muntanja Karmel
Wied taʼ Ġeżragħel
Megiddo
Tagħnak
Il-Muntanja Gilbogħa
Bir taʼ Ħarod
More
Għajn-dor
Il-Muntanja Tabor
Baħar tal-Galilija
Xmara Ġordan
[Stampa f’paġna 12]
X’qanqal lil wieħed salmista biex jikteb talba mill-qalb?