LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 12/1 pp. 22-26
  • Jehovah, Alla li ‘Lest Biex Jaħfer’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah, Alla li ‘Lest Biex Jaħfer’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Jehovah Għala Hu ‘Lest Li Jaħfer’?
  • Jehovah Kemm Jaħfer Kompletament?
  • “Ħtijiethom Aktar Ma Niftakarhomx”
  • Xi Ngħidu Għall-​Konsegwenzi?
  • Alla li hu ‘lest biex jaħfer’
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Kun Ċert li Ġeħova Ħafirlek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Ġeħova—L-​Iktar Wieħed li Jaħfer
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Ġeħova b’Liema Mod Jaħfirlek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 12/1 pp. 22-26

Jehovah, Alla li ‘Lest Biex Jaħfer’

“Int, Sidi, twajjeb u [“lest biex,” “Karm Żammit”] taħfer.” —SALM 86:5.

1. Is-​Sultan David liema piż tqil ġarr, u kif sab il-​faraġ għall-​qalb inkwetata tiegħu?

IS-​SULTAN DAVID taʼ Iżrael tal-​qedem kien jaf kemm setaʼ jkun tqil il-​piż taʼ kuxjenza ħatja. Hu kiteb: “Dnubieti telgħu ’l fuq minn rasi, bħal toqol kbir għalija jagħfsu fuqi. Mifni nħossni u mfarrak għalkollox; ngħajjat minħabba t-​tferfir taʼ qalbi.” (Salm 38:5, 9 [Salm 38:4, 8, NW]) David, madankollu, sab il-​faraġ għall-​qalb inkwetata tiegħu. Kien jaf li, waqt li Jehovah jobgħod id-​dnub, ma jobgħodx lill-​midneb​—jekk dan ikun verament niedem u jwarrab il-​korsa midinba tiegħu. (Salm 32:5; 103:3) B’fidi sħiħa fil-​fatt li Jehovah dejjem lest li jestendi l-​ħniena lejn dawk li jindmu, David qal: “Int, Sidi, twajjeb u [“lest biex,” KŻ] taħfer.”—Salm 86:5.

2, 3. (a) Meta nidinbu, liema tagħbija għandna mnejn inġorru bħala riżultat, u dan għala huwa taʼ ġid? (b) Liema periklu hemm f’li ‘naqtgħu jiesna’ minħabba sens taʼ ħtija? (ċ) Il-​Bibbja tagħtina liema assiguranza dwar il-​fatt li Jehovah lest li jaħfer?

2 Meta nidinbu, aħna wkoll, bħala riżultat għandna mnejn inġorru tagħbija ferm tqila minħabba kuxjenza mweġġgħa. Dan is-​sentiment taʼ rimors huwa normali, saħansitra taʼ ġid. Jistaʼ jqanqalna biex nieħdu passi pożittivi biex nikkorreġu l-​iżbalji tagħna. Xi Kristjani, iżda, ħallew is-​sens taʼ ħtija jirbaħhom kompletament. Il-​qalb tagħhom li tikkundannahom għandha mnejn tinsisti li Alla m’huwiex se jaħfrilhom kompletament, ikunu kemm ikunu nedmin. “Verament tħossok terribbli meta taħseb li Jehovah jistaʼ ma jibqax iħobbok,” qalet waħda oħt, waqt li rriflettiet fuq żball li kienet għamlet. Saħansitra wara li nidmet u aċċettat pariri siewja mingħand l-​anzjani fil-​kongregazzjoni, hi kompliet tħossha mhux denja tal-​maħfra t’Alla. Hi tispjega: “Lanqas tgħaddi ġurnata li lil Jehovah ma nitolbux jaħfirli.” Jekk nibdew ‘naqtgħu jiesna’ minħabba s-​sens taʼ ħtija, Satana għandu mnejn jipprova jġagħalna naqtgħu qalbna, inħossuna li ma jistħoqqilniex naqdu lil Jehovah.—2 Korintin 2:5-7, 11.

3 Imma dan m’għandux x’jaqsam maʼ kif Jehovah jħares lejn l-​affarijiet! Il-​Kelma tiegħu taċċertana li meta nuru ndiema ġenwina mill-​qalb, Jehovah jkun lest, iva dispost, li jaħfrilna. (Proverbji 28:13) Mela jekk il-​maħfra t’Alla qatt xi darba dehret li ma stajtx tiksibha, forsi dak li hemm bżonn huwa fehma aħjar taʼ għala u kif jaħfer hu.

Jehovah Għala Hu ‘Lest Li Jaħfer’?

4. Jehovah x’jiftakar dwar in-​natura tagħna, u dan kif jeffettwa l-​mod li bih jittrattana?

4 Aħna naqraw: “Daqs kemm hu mbiegħed il-​lvant mill-​punent, hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. Bħalma jħenn il-​missier għal uliedu, hekk iħenn il-​Mulej għal min għandu l-​biżaʼ tiegħu.” Jehovah għala lest li juri ħniena? Il-​vers li ġej iwieġeb: “Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:12-14) Iva, Jehovah ma jinsiex li aħna ħlejjaq magħmulin mit-​trab, li għandna imperfezzjonijiet, jew dgħjufijiet, bħala riżultat taʼ l-​imperfezzjoni. L-​espressjoni li hu jaf “kif aħna magħġuna” tfakkarna li l-​Bibbja xxebbah lil Jehovah maʼ fuħħari u lilna maʼ reċipjenti li hu jsawwar.a (Ġeremija 18:2-6) Fuħħari jittratta r-​reċipjenti tiegħu tal-​fuħħar b’mod sod imma delikat, dejjem attent għan-​natura tagħhom. Hekk ukoll, Jehovah, il-​Fuħħari l-​Kbir, jimmodera l-​modi taʼ kif jittratta magħna skond il-​fraġilità tan-​natura midinba tagħna.—Qabbel it–2 Korintin 4:7.

5. Il-​ktieb taʼ Rumani kif jiddeskrivi l-​qabda potenti li d-​dnub għandu fuq in-​natura imperfetta tagħna?

5 Jehovah jifhem kemm hu potenti d-​dnub. L-​Iskrittura tiddeskrivi d-​dnub bħala forza potenti li qed iżżomm lill-​bniedem fil-​qabda qattiela tagħha. Preċiżament kemm hija b’saħħitha dik il-​qabda tad-​dnub? Fil-​ktieb taʼ Rumani, l-​appostlu Pawlu taħt ispirazzjoni jispjega dan f’termini grafiċi: Aħna qegħdin “taħt il-​ħakma tad-​dnub,” bħalma suldati qegħdin taħt il-​kmandant tagħhom (Rumani 3:9); dan ‘isaltan’ fuq il-​bnedmin bħala sultan (Rumani 5:21); dan “jgħammar” ġewwa fina (Rumani 7:17, 20); il-​“liġi” tiegħu qiegħda taħdem kontinwament fina, fil-​fatt qed tipprova tikkontrollalna l-​korsa tagħna. (Rumani 7:23, 25) X’battalja diffiċli għandna biex nirreżistu l-​qabda potenti li d-​dnub għandu fuq in-​natura imperfetta tagħna!—Rumani 7:21-24.

6. Jehovah kif iqis lil dawk li jfittxu l-​ħniena tiegħu b’qalb sogħbiena?

6 Għaldaqstant, Alla tagħna kollu ħniena jaf li m’huwiex possibbli għalina li nuru ubbidjenza perfetta, minkejja kemm qlubna jkunu jixtiequ juruha lejh. (1 Slaten 8:46) Hu b’imħabba jassigurana li meta b’qalb sogħbiena nfittxu l-​ħniena tiegħu taʼ missier, hu se jaħfrilna. Is-​salmista David qal: “Is-​sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-​qalb niedma; qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.” (Salm 51:19 [Salm 51:17, NW]) Jehovah qatt ma se jirrifjuta, jew iwarrab, qalb li hija maqsuma u sogħbiena minħabba l-​piż tal-​ħtija. Dan kemm jiddeskrivih sabiħ il-​fatt li Jehovah dejjem lest li jaħfer!

7. Għala ma nistgħux nabbużaw mill-​ħniena t’Alla?

7 Ifisser dan, iżda, li nistgħu nabbużaw mill-​ħniena t’Alla, billi ninqdew bin-​natura midinba tagħna bħala skuża biex nidinbu? Dażgur li le! Jehovah m’huwiex iggwidat minn sempliċi sentiment. Il-​ħniena tiegħu għandha l-​limiti. Hu bl-​ebda mod ma se jaħfer lil dawk li b’qalb iebsa jipprattikaw id-​dnub malizzjuż u apposta bla ebda ndiema. (Lhud 10:26-31) Mill-​banda l-​oħra, meta jara qalb li hija “maqsuma u sogħbiena,” hu jkun ‘[“lest biex,” KŻ] jaħfer.’ (Proverbji 17:3) Ejjew nikkunsidraw xi ftit mil-​lingwaġġ espressiv użat fil-​Bibbja biex jiddeskrivi kemm hija kompleta l-​maħfra divina.

Jehovah Kemm Jaħfer Kompletament?

8. Jehovah x’jagħmel, fil-​fatt, meta jaħfrilna dnubietna, u dan x’effett għandu jkollu fuqna?

8 Is-​Sultan niedem David qal: “Id-​dnub tiegħi jien stqarrejtlek, u l-​ħażen tiegħi ma ħbejtulekx. Jien għedt: ‘Quddiem il-​Mulej nistqarr ħtijieti.’ U int ħfirtli l-​ħażen tad-​dnub tiegħi.” (Korsiv tagħna.) (Salm 32:5) L-​espressjoni “ħfirtli” qed tittraduċi kelma Ebrajka li bażikament tfisser “terfaʼ ’l fuq,” “tissaporti, iġġorr.” L-​użu tagħha hawnhekk jissinjifika ‘li tneħħi l-​ħtija, id-​dnub, in-​nuqqas.’ Mela Jehovah refaʼ ’l fuq id-​dnubiet taʼ David u bħallikieku ġarrhom ’il bogħod. (Qabbel Levitiku 16:20-22.) Dan bla dubju naqqas is-​sentimenti taʼ ħtija li David kien ilu jġorr. (Qabbel Salm 32:3.) Aħna wkoll jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa f’dak Alla li jaħfer id-​dnubiet taʼ dawk li jfittxu l-​maħfra tiegħu fuq il-​bażi tal-​fidi tagħhom fis-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù Kristu. (Mattew 20:28; qabbel Isaija 53:12.) Dawk li lilhom dnubiethom Jehovah jerfaʼ ’l fuq u jġorr b’dan il-​mod ma jkollhomx għalfejn ikomplu jġorru t-​tagħbija taʼ sentimenti taʼ ħtija għad-​dnubiet tal-​passat.

9. X’ifisser il-​kliem taʼ Ġesù: “Aħfrilna djunna”?

9 Ġesù għamel użu mir-​relazzjoni taʼ dawk li dejnu u tal-​midjunin biex juri kif Jehovah jaħfer. Per eżempju, Ġesù ħeġġiġna biex nitolbu: “Aħfrilna djunna.” (Mattew 6:12, KŻ) Ġesù b’hekk xebbah id-​“dnubiet” maʼ “djun.” (Luqa 11:4) Meta nidinbu, aħna nsiru “midjunin” maʼ Jehovah. Il-​verb Grieg tradott “aħfer” jistaʼ jfisser “ħallih jgħaddi, ċedi, xi dejn, billi ma titolbux.” F’ċertu sens, meta Jehovah jaħfer, hu jikkanċella d-​dejn li altrimenti kien jiġi ddebitat fil-​kont tagħna. Midinbin li jindmu b’hekk jistgħu jiġu mfarrġin. Jehovah qatt ma se jitlob ħlas għal dejn li hu ħassar!—Salm 32:2, 3 [Salm 32:1, 2, NW]; qabbel Mattew 18:23-35.

10, 11. (a) X’inhu l-​kunċett espress bil-​kelma “jinħafrulkom,” misjub f’Atti 3:19? (b) Il-​kompletezza tal-​maħfra taʼ Jehovah kif inhi murija?

10 F’Atti 3:19, il-​Bibbja tuża mod vividu ieħor t’espressjoni biex tiddeskrivi l-​maħfra t’Alla: “Indmu, mela, u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom.” Il-​kelma “jinħafrulkom” hija traduzzjoni tal-​verb Grieg li, meta jiġi wżat metaforikament, jistaʼ jfisser “li jħassar kompletament, ineħħi għalkollox, jikkanċella jew jeqred.” Skond xi studjużi, il-​kunċett espress huwa dak taʼ li wieħed iħassar kitba bil-​gomma. Dan kif kien possibbli? Il-​linka li l-​iktar kienet tintuża fl-​antik kienet issir minn taħlita li kienet tinkludi l-​karbonju, il-​gomma, u l-​ilma. Ftit tal-​ħin wara li jkun ħadem b’din il-​linka, individwu setaʼ jaqbad sponża mxarrba u jħassar kollox.

11 F’dan, hemm stampa sabiħa taʼ kemm hija kompleta l-​maħfra taʼ Jehovah. Meta jaħfer dnubietna, ikun bħallikieku qed jieħu sponża u jħassarhom għalkollox. M’għandniex għalfejn nibżgħu li dawn id-​dnubiet se jżommhom fil-​komma biex jużahom kontrina fil-​futur, għax il-​Bibbja tirrivela xi ħaġa oħra dwar il-​ħniena taʼ Jehovah li tant hija rimarkevoli: Meta jaħfer, Hu jinsa!

“Ħtijiethom Aktar Ma Niftakarhomx”

12. Meta l-​Bibbja tgħid li Jehovah jinsa dnubietna, ifisser dan li m’huwiex kapaċi jiftakarhom, u għala twieġeb hekk?

12 Permezz tal-​profeta Ġeremija, rigward dawk fil-​patt il-​ġdid, Jehovah wiegħed: “Jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx.” (Ġeremija 31:34) Ifisser dan li meta Jehovah jaħfer ma jkunx jistaʼ jiftakar id-​dnubiet iktar? Dan żgur li ma jistax ikun. Il-​Bibbja titkellem dwar id-​dnubiet taʼ ħafna individwi li Jehovah ħafrilhom, inkluż David. (2 Samwel 11:1-17; 12:1-3) Jehovah ovvjament għadu konxju taʼ l-​iżbalji li kkommettew, u hekk għandna nkunu aħna. Ir-​rekord taʼ dnubiethom, kif ukoll dak taʼ l-​indiema u l-​maħfra tagħhom mingħand Alla, ġie ppreservat għall-​benefiċċju tagħna. (Rumani 15:4) Il-​Bibbja, allura, xi trid tfisser meta tgħid li Jehovah ma ‘jiftakarx’ id-​dnubiet taʼ dawk li lilhom jaħfer?

13. (a) X’hemm inkluż fit-​tifsira tal-​verb Ebrajk mogħti ‘niftakar’? (b) Meta Jehovah jgħid, “ħtijiethom aktar ma niftakarhomx,” dwar liema ħaġa qiegħed jassigurana?

13 Il-​verb Ebrajk mogħti ‘niftakar’ jimplika ħafna iktar milli wieħed sempliċement jiftakar il-​passat. Skond it-​Theological Wordbook of the Old Testament, dan jinkludi “l-​implikazzjoni miżjuda taʼ li wieħed jieħu azzjoni xierqa.” Mela f’dan is-​sens, li ‘jiftakar’ id-​dnub jinvolvi li jieħu azzjoni kontra l-​midinbin. Meta l-​profeta Ħosegħa qal kontra l-​Iżraeliti xellerati: “[Jehovah] għad jiftakar fi ħżunithom,” il-​profeta ried ifisser li Jehovah kellu jieħu azzjoni kontriehom minħabba n-​nuqqas taʼ ndiema tagħhom. B’hekk, il-​bqija tal-​vers iżid: “U jikkastiga ħtijiethom.” (Ħosegħa 9:9) Mill-​banda l-​oħra, meta Jehovah jgħid, “ħtijiethom aktar ma niftakarhomx,” hu qiegħed jassigurana li ladarba jaħfer lil xi midneb niedem, hu m’huwiex se jaġixxi kontrieh għal dawk id-​dnubiet f’xi żmien fil-​futur. (Eżekjel 18:21, 22) Hu b’hekk jinsa fis-​sens li ma joqgħodx ifakkarna għal darba wara l-​oħra fi dnubietna sabiex jakkużana jew jikkastigana ripetutament. Jehovah f’dan jistabbilixxi eżempju mill-​aqwa għalina biex nimitawh meta nittrattaw m’oħrajn. Meta jinqalaʼ xi nuqqas taʼ ftehim, ikun aħjar li ma ssemmix xi offiżi tal-​passat li diġà tkun qbilt li taħfirhom.

Xi Ngħidu Għall-​Konsegwenzi?

14. Il-​maħfra għala ma tfissirx li wieħed midneb li nidem huwa eżentat mill-​konsegwenzi kollha tal-​korsa żbaljata tiegħu?

14 Il-​fatt li Jehovah lest li jaħfer ifisser li midneb li nidem huwa eżentat mill-​konsegwenzi kollha tal-​korsa żbaljata tiegħu? Xejn affattu. Aħna ma nistgħux nidinbu bla ma nieħdu l-​kastig. Pawlu kiteb: “Dak li bniedem jiżra[’], dak huwa jaħsad.” (Galatin 6:7) Nistgħu niffaċċjaw ċerti konsegwenzi minħabba l-​azzjonijiet jew il-​problemi tagħna, imma wara li jaħfrilna, Jehovah ma jikkaġunalniex avversità. Meta jqum xi inkwiet, Kristjan m’għandux iħossu, ‘Forsi Jehovah qed jikkastigani għad-​dnubiet li għamilt fil-​passat.’ (Qabbel Ġakbu 1:13.) Mill-​banda l-​oħra, Jehovah ma jeħlisniex mill-​effetti kollha taʼ l-​azzjonijiet żbaljati tagħna. Divorzju, tqâla mhix mixtieqa, mard trasmess sesswalment, telf taʼ fiduċja jew rispett​—dawn kollha għandhom mnejn ikunu l-​konsegwenzi koroh tad-​dnub, u Jehovah m’huwiex se jipproteġina minnhom. Ftakar li avolja Jehovah ħafirlu lil David għad-​dnubiet tiegħu f’konnessjoni maʼ Batseba u Urija, hu ma pproteġiehx mill-​konsegwenzi diżastrużi li ġew wara.—2 Samwel 12:9-14.

15, 16. Il-​liġi ddokumentata f’Levitiku 5:20-26 [Levitiku 6:1-7, NW] kif ibbenefikat kemm lill-​vittma kif ukoll lil dak li jkun għamel l-​offiża?

15 Dnubietna jistaʼ jkollhom konsegwenzi oħrajn ukoll. Ikkunsidra, per eżempju, ir-​rakkont f’Levitiku kapitlu 6. Il-​Liġi Mosajka hawnhekk qed tindirizza s-​sitwazzjoni fejn individwu jikkommetti żball serju billi jaħtaf taħt idejh il-​ġid taʼ Iżraelit sieħbu permezz taʼ serq, estorzjoni, jew qerq. Il-​midneb imbagħad jiċħad li huwa ħati, u jasal biex jaħlef falz. Hija l-​kelma taʼ wieħed kontra taʼ l-​ieħor. Iktar tard, madankollu, dak li jagħmel l-​offiża tibda tniggżu l-​kuxjenza u jammetti d-​dnub tiegħu. Biex jikseb il-​maħfra mingħand Alla, ikollu jagħmel tliet affarijiet oħrajn: irodd lura dak li ħa, iħallas lill-​vittma multa taʼ 20 fil-​mija, u joffri muntun bħala offerta tal-​ħtija. Imbagħad il-​liġi tgħid: “U l-​qassis jagħmel l-​espjazzjoni għalih quddiem il-​Mulej, u jinħafirlu.”—Levitiku 5:20-26 [Levitiku 6:1-7, NW]; qabbel Mattew 5:23, 24.

16 Din il-​liġi kienet provvediment taʼ ħniena mingħand Alla. Ibbenefikat minnha l-​vittma, li ngħatatilha lura l-​propjetà tagħha u li bla dubju strieħet ferm meta dak li għamel l-​offiża fl-​aħħar ammetta d-​dnub tiegħu. Fl-​istess ħin, il-​liġi bbenefika minnha dak li l-​kuxjenza tiegħu fl-​aħħar qanqlitu biex jammetti l-​ħtija tiegħu u jikkorreġi l-​iżball tiegħu. Tabilħaqq, li kieku rrifjuta li jagħmel dan, ma kien se jkun hemm ebda maħfra għalih mingħand Alla.

17. Meta oħrajn jiġu mweġġgħin minħabba dnubietna, Jehovah x’jistenna li aħna nagħmlu?

17 Għalkemm m’aħniex taħt il-​Liġi Mosajka, din tagħtina dehen prezzjuż dwar kif jaħdem il-​moħħ taʼ Jehovah, inkluż il-​mod taʼ kif jaħsibha dwar il-​maħfra. (Kolossin 2:13, 14) Meta oħrajn jiġu mweġġgħin jew jisfaw vittmi taʼ dnubietna, Jehovah jieħu pjaċir meta nagħmlu dak li nistgħu biex ‘nirranġaw il-​ħażin.’ (2 Korintin 7:11, NW) Dan jinvolvi li nirrikonoxxu d-​dnub tagħna, li nammettu l-​ħtija tagħna, u saħansitra li niskużaw ruħna mal-​vittma. Imbagħad nistgħu nagħmlu l-​appell tagħna lil Jehovah fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù u nġarrbu s-​serħan taʼ kuxjenza nadifa u l-​assiguranza li Alla jkun ħafrilna.—Lhud 10:21, 22.

18. Liema dixxiplina tistaʼ takkumpanja l-​maħfra mingħand Jehovah?

18 Bħal kwalunkwe ġenitur li jħobb, Jehovah jistaʼ joffrilna l-​maħfra flimkien maʼ xi ammont taʼ dixxiplina. (Proverbji 3:11, 12) Kristjan niedem jistaʼ jkollu jċedi l-​privileġġ tiegħu taʼ li jaqdi bħala anzjan, qaddej ministerjali, jew pijunier. Jistaʼ jkun taʼ wġigħ għalih li jitlef għal perijodu taʼ żmien xi privileġġi li kienu prezzjużi għalih. Dixxiplina bħal din, madankollu, ma tfissirx li jkun tilef il-​favur taʼ Jehovah jew li Jehovah żamm lura milli jaħfirlu. Iżjed minn hekk, irridu niftakru li d-​dixxiplina mingħand Jehovah hija prova taʼ mħabbtu għalina. Li naċċettawha u napplikawha se jkun fl-​aħjar interessi tagħna u jistaʼ jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem.—Lhud 12:5-11.

19, 20. (a) Jekk ikkommettejt xi dnubiet, għala m’għandekx tħossok li ma jistaʼ qatt ikollok il-​ħniena taʼ Jehovah? (b) X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

19 Kemm huwa rifreskanti li nkunu nafu li aħna qed naqdu lil Alla li ‘[“lest biex,” KŻ] jaħfer’! Jehovah ma jarax biss id-​dnubiet u l-​iżbalji tagħna. (Salm 130:3, 4) Hu jaf x’hemm f’qalbna. Jekk tħoss li qalbek hija maqsuma u mikula minħabba żbalji tal-​passat, tikkonkludix li int ma tistax tikseb il-​ħniena taʼ Jehovah. Minkejja l-​iżbalji li stajt għamilt, jekk int verament indimt, ħadt passi biex issewwi l-​ħażin, u tlabt bis-​serjetà għall-​maħfra taʼ Jehovah fuq il-​bażi tad-​demm imxerred taʼ Ġesù, int jistaʼ jkollok fiduċja sħiħa li l-​kliem taʼ l-1 Ġwann 1:9 japplika għalik: “Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.”

20 Il-​Bibbja tinkuraġġina biex nimitaw il-​maħfra taʼ Jehovah meta nittrattaw maʼ xulxin. Sa liema punt, madankollu, aħna mistennijin li naħfru u ninsew meta xi ħaddieħor jidneb kontrina? Dan se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss. (w97 12/1)

[Nota taʼ taħt]

a Taʼ interess, il-​kelma Ebrajka li tingħata “kif aħna magħġuna” hija wżata rigward ir-​reċipjenti tat-​tafal imsawrin minn fuħħari.—Isaija 29:16.

Kif Twieġeb Int?

◻ Jehovah għala hu “[“lest biex,” KŻ] jaħfer”?

◻ Il-​Bibbja kif tiddeskrivi kemm hija kompleta l-​maħfra taʼ Jehovah?

◻ Meta Jehovah jaħfer, f’liema sens jinsa?

◻ Jehovah x’jistenna li aħna nagħmlu meta oħrajn ikunu ġew imweġġgħin mid-​dnubiet tagħna?

[Stampa f’paġna 24]

Meta oħrajn jiġu mweġġgħin minħabba dnubietna, Jehovah jistenna li nirrikompensaw

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja