Kapitlu 10
Is-Saltna t’Alla Taħkem
1, 2. Il-gvernijiet umani kif taw prova li m’humiex adekwati?
FORSI int għaddejt mill-esperjenza taʼ li tixtri xi tagħmir, biex imbagħad issib li ma kienx jaħdem. Nagħmlu mod li ċempilt lil xi ħadd biex isewwihulek. Ftit wara li “sewwa” l-apparat, madankollu, dan waqaf. Kemm kien taʼ diżappunt dak!
2 Huwa simili inkwantu għall-gvernijiet umani. Il-bnedmin minn dejjem xtaqu gvern li kellu jassigura l-paċi u l-hena. Madankollu, sforzi qawwijin biex isewwu l-ħsarat fis-soċjetà ma kinux verament taʼ suċċess. Partita trattati taʼ paċi ġew magħmulin—u mbagħad miksurin. Iktar minn hekk, liema gvern kien kapaċi jneħħi għalkollox il-faqar, il-preġudizzju, il-kriminalità, il-mard, u r-rovina ekoloġika? Il-ħakma tal-bniedem ma tistax tissewwa. Saħansitra l-għaref sultan Salamun taʼ Iżrael staqsa: “Kif jistaʼ l-bniedem jifhem triqtu?”—Proverbji 20:24.
3. (a) X’kienet it-tema taʼ l-ippridkar taʼ Ġesù? (b) Xi nies kif jiddeskrivuha s-Saltna t’Alla?
3 Tiddisprax! Gvern dinji stabbli m’huwiex sempliċi ħolma. Kien it-tema taʼ l-ippridkar taʼ Ġesù. Hu sejjaħlu “s-Saltna taʼ Alla,” u għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu għalih. (Luqa 11:2; 21:31) M’għandniex xi ngħidu, is-Saltna t’Alla hija kultant imsemmija fi gruppi reliġjużi. Fil-fatt, miljuni jitolbu għaliha kuljum meta jirrepetu t-Talba tal-Mulej (imsejħa wkoll il-Missierna jew talba mudell). Imma n-nies iwieġbu b’diversi modi meta jiġu mistoqsijin: “X’inhi s-Saltna t’Alla?” Xi wħud jgħidu, “Hija f’qalbek.” Oħrajn isejħulha s-sema. Il-Bibbja tagħti tweġiba ċara, bħalma se naraw.
SALTNA BI SKOP
4, 5. Jehovah għala għażel li jġiegħel li ssir manifestazzjoni ġdida tas-sovranità tiegħu, u din x’se twettaq?
4 Alla Jehovah minn dejjem kien Sultan, jew Ħakkiem Sovran, taʼ l-univers. Il-fatt li hu ħalaq l-affarijiet kollha jelevah għal dik il-pożizzjoni eżaltata. (1 Kronaki 29:11; Salm 103:19; Atti 4:24) Imma s-Saltna li Ġesù ppriedka dwarha hija sussidjarja, jew sekondarja, għas-sovranità universali t’Alla. Dik is-Saltna Messjanika għandha skop speċifiku, imma x’inhu?
5 Bħalma huwa spjegat f’Kapitlu 6, l-ewwel par uman irribellaw kontra l-awtorità t’Alla. Minħabba l-kwistjonijiet li ġew imqajmin, Jehovah għażel li jġiegħel li ssir manifestazzjoni ġdida tas-sovranità tiegħu. Alla ħabbar l-iskop tiegħu li jipproduċi ‘nisel’ li kellu jfarrak lis-Serpent, Satana, u jneħħi l-effetti tad-dnub li ntiret mill-umanità. In-‘nisel’ primarju huwa Ġesù Kristu, u “s-Saltna taʼ Alla” hija l-aġenzija li se tegħleb kompletament lil Satana. Permezz taʼ din is-Saltna, Ġesù Kristu se jirrestawra l-istat taʼ ħakkiem għal fuq l-art f’isem Jehovah u se jivvindika għal dejjem is-sovranità t’Alla bi dritt.—Ġenesi 3:15; Salm 2:2-9.
6, 7. (a) Is-Saltna fejn qiegħda, u min huma s-Sultan u l-ħakkiema mseħbin tiegħu? (b) Min huma s-sudditi tas-Saltna?
6 Skond traduzzjoni waħda tal-kliem taʼ Ġesù lil Fariżej mill-agħar, hu qal: “Is-saltna t’Alla hi ġo fikom.” (Luqa 17:21, KŻ) Ried Ġesù jfisser li s-Saltna kienet fil-qlub mill-agħar taʼ dawk l-irġiel korrotti? Le. Traduzzjoni iktar eżatta tal-Grieg oriġinali tinqara: “Is-Saltna taʼ Alla fostkom qiegħda.” (Bibbja bil-Malti taʼ l-Għaqda Biblika) Ġesù, li kien f’nofshom, b’hekk irrefera għalih innifsu bħala s-Sultan futur. Mhux talli m’hijiex xi ħaġa li individwu jkollu f’qalbu, imma talli s-Saltna t’Alla hija gvern reali li qiegħed jopera u li għandu ħakkiem u sudditi. Din hija gvern tas-sema, għax tissejjaħ kemm is-“Saltna tas-Smewwiet” u kemm is-“Saltna taʼ Alla.” (Mattew 13:11; Luqa 8:10) Fil-viżjoni, il-profeta Danjel lemaħ il-Ħakkiem tagħha “bħal iben taʼ bniedem” miġjub quddiem Alla li Jistaʼ Kollox u mogħti “ħakma, ġieħ, u saltna” dejjiema “biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.” (Danjel 7:13, 14) Min hu dan is-Sultan? Sewwa, il-Bibbja lil Ġesù Kristu ssejjaħlu “Bin il-bniedem.” (Mattew 12:40; Luqa 17:26) Iva, Jehovah innomina lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex ikun Sultan.
7 Ġesù ma jaħkimx waħdu. Miegħu hemm 144,000 li ġew “mifdijin mill-art” biex ikunu slaten u qassisin imseħbin miegħu. (Apokalissi 5:9, 10; 14:1, 3; Luqa 22:28-30) Is-sudditi tas-Saltna t’Alla se jkunu familja globali taʼ bnedmin li huma sottomessi lejn it-tmexxija taʼ Kristu. (Salm 72:7, 8) Kif, iżda, nistgħu nkunu żguri li s-Saltna attwalment se tivvindika s-sovranità t’Alla u tirrestawra kundizzjonijiet taʼ ġenna lill-art tagħna?
IR-REALTÀ TAS-SALTNA T’ALLA
8, 9. (a) Kif nistgħu nagħtu tixbieha taʼ kemm huma taʼ min joqgħod fuqhom il-wegħdi t’Alla dwar is-Saltna? (b) Għala nistgħu nkunu żguri mir-realtà tas-Saltna?
8 Immaġina li nar qeridlek id-dar. Issa ħabib li għandu l-mezzi jwiegħed li jgħinek tibni d-dar tiegħek mill-ġdid u jipprovdi l-ikel għall-familja tiegħek. Jekk dak il-ħabib dejjem qallek il-verità, ma kontx temmnu? Suppost li l-għada ġejt lura d-dar mix-xogħol u sibt li l-ħaddiema diġà kienu qegħdin jibdew inaddfu t-tifrik li ħalla n-nar u li l-ikel kien ġie pprovdut għall-familja tiegħek. Bla dubju kont tkun kompletament fiduċjuż li hekk kif jgħaddi ż-żmien, l-affarijiet mhux biss kienu se jiġu rrestawrati imma kellhom ikunu saħansitra aħjar minn qabel.
9 Bl-istess mod, Jehovah jagħtina assiguranza dwar ir-realtà tas-Saltna. Bħalma huwa muri fil-ktieb taʼ Lhud, ħafna aspetti tal-Liġi kienu dell bil-quddiem taʼ l-arranġament tas-Saltna. (Lhud 10:1) Tidwil bil-quddiem dwar is-Saltna t’Alla kien evidenti wkoll fis-saltna taʼ l-art taʼ Iżrael. Dak ma kienx xi gvern ordinarju, għax il-ħakkiema qagħdu bil-qiegħda fuq “it-tron tal-Mulej.” (1 Kronaki 29:23) Iktar minn hekk, kien ġie mbassar: “Ix-xettru m’huwiex se jdur fil-ġenb minn Ġuda, lanqas il-ħatar tal-kmandant minn bejn riġlejh, sakemm jiġi Xilo; u lilu se tappartjeni l-ubbidjenza tal-popli.” (Ġenesi 49:10, NW)a Iva, kien f’din il-linja taʼ slaten Ġudeani li Ġesù, is-Sultan permanenti tal-gvern t’Alla, kellu jitwieled.—Luqa 1:32, 33.
10. (a) Il-pedament tas-Saltna Messjanika t’Alla meta ġie mqiegħed? (b) Il-ħakkiema sħab prospettivi taʼ Ġesù lil liema xogħol importanti kellhom ikunu qegħdin jagħtu spinta?
10 Il-pedament tas-Saltna Messjanika t’Alla ġie mqiegħed meta ġew magħżulin l-appostli taʼ Ġesù. (Efesin 2:19, 20; Apokalissi 21:14) Dawn kienu l-ewwel mill-144,000 li kellhom jaħkmu fis-sema bħala slaten imseħbin maʼ Ġesù Kristu. Waqt li qegħdin fuq l-art, dawn il-ħakkiema mseħbin prospettivi kellhom jagħtu spinta lil kampanja taʼ xiehda, billi jżommu mal-kmand taʼ Ġesù: “Morru . . . agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu.”—Mattew 28:19.
11. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna kif qiegħed isir illum, u x’qiegħed iwettaq?
11 Il-kmand biex jagħmlu dixxipli qiegħed issa jiġi obdut fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha. Ix-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jipproklamaw l-aħbar tajba tas-Saltna madwar il-globu kollu, f’armonija mal-kliem profetiku taʼ Ġesù: “Din il-Bxara t-tajba tas-Saltna tixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Imbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Bħala aspett wieħed tax-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna, programm edukattiv kbir ferm qiegħed jiġi mwettaq. Dawk li jissottomettu ruħhom lejn il-liġijiet u l-prinċipji tas-Saltna t’Alla diġà qegħdin jesperjenzaw paċi u unità li l-gvernijiet umani ma jistgħux jiksbu. Dan kollu jagħti evidenza ċara li s-Saltna t’Alla hija realtà!
12. (a) Għala huwa xieraq li wieħed isejjaħ lill-proklamaturi tas-Saltna Xhieda taʼ Jehovah? (b) Is-Saltna t’Alla kif inhi differenti mill-gvernijiet umani?
12 Jehovah qal lill-Iżraeliti: “Intom ix-xhieda tiegħi, . . . [i]l-qaddej tiegħi li jiena ħtart.” (Isaija 43:10-12) Ġesù, “ix-Xhud Leali,” b’mod żeluż iddikjara l-aħbar tajba tas-Saltna. (Rivelazzjoni 1:5, NW; Mattew 4:17) Mela huwa xieraq li l-proklamaturi tas-Saltna tal-lum iġibu fuqhom l-isem maħtur b’mod divin Xhieda taʼ Jehovah. Imma x-Xhieda għala jqattgħu daqs dak ħin u sforz ikellmu lil oħrajn dwar is-Saltna t’Alla? Dan jagħmluh għaliex is-Saltna hija l-unika tama għall-bnedmin. Il-gvernijiet umani llum jew għada jispiċċaw, imma s-Saltna t’Alla qatt ma se tispiċċa. Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW] isejjaħ lill-Ħakkiem tagħha, Ġesù, il-“Prinċep tas-sliem” u jżid: “Kbira tkun saltnatu, u s-sliem bla qjies.” Is-Saltna t’Alla m’hijiex bħall-gvernijiet tal-bniedem—illum hawn u għada telqu. Tabilħaqq, Danjel 2:44 jgħid: “Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. . . . Hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”
13. (a) X’inhuma xi problemi li s-Saltna t’Alla se tittratta magħhom b’suċċess? (b) Għala nistgħu nkunu żguri li l-wegħdi t’Alla se jiġu mwettqin?
13 Liema sultan uman jistaʼ jwassal biex jiġu eliminati l-gwerer, il-kriminalità, il-mard, il-ġuħ, u n-nuqqas taʼ djar? Barra minn hekk, liema ħakkiem taʼ l-art jistaʼ jirxoxta lil dawk li mietu? Is-Saltna t’Alla u s-Sultan tagħha se jittrattaw maʼ dawn il-kwistjonijiet. Is-Saltna m’hijiex se toħroġ difettuża, bħal xi tagħmir li jaħdem ħażin u li jkollu bżonn it-tiswija kontinwament. Minflok, is-Saltna t’Alla se jkollha suċċess għax Jehovah iwiegħed: “Kelmti . . . toħroġ minn fommi, u ma terġax lura vojta, imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.” (Isaija 55:11) L-iskop t’Alla m’huwiex se jfalli, imma l-ħakma tas-Saltna meta kellha tibda?
ĦAKMA TAS-SALTNA—META?
14. Id-dixxipli taʼ Ġesù liema fehma żbaljata kellhom rigward is-Saltna, imma Ġesù x’kien jaf dwar l-istat taʼ ħakkiem tiegħu?
14 “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġaʼ twaqqaf is-Saltna taʼ Israel?” Din il-mistoqsija mqajma mid-dixxipli taʼ Ġesù rrivelat li kienu għadhom ma jafux l-iskop tas-Saltna t’Alla u ż-żmien maħtur biex il-ħakma tagħha tibda. Billi wissiehom biex ma jispekulawx dwar il-kwistjoni, Ġesù qal: “M’hix biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu.” Ġesù kien jaf li l-istat taʼ ħakkiem tiegħu għal fuq l-art kien irriżervat għall-futur, ħafna wara l-irxoxt u t-tlugħ tiegħu fis-sema. (Atti 1:6-11; Luqa 19:11, 12, 15) L-Iskrittura kienet bassritu dan. Kif?
15. Salm 110:1 kif jitfaʼ dawl fuq iż-żmien u l-waqt għall-istat taʼ ħakkiem taʼ Ġesù?
15 Billi b’mod profetiku rrefera għal Ġesù bħala “Mulej,” is-Sultan David qal: “Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: ‘Oqgħod fuq il-lemin tiegħi, sa ma nqiegħed l-egħdewwa tiegħek mirfes taħt riġlejk.’” (Salm 110:1; qabbel Atti 2:34-36.) Din il-profezija tindika li l-istat taʼ ħakkiem taʼ Ġesù ma kellux jibda immedjatament wara t-tlugħ tiegħu fis-sema. Minflok, kellu jistenna fuq in-naħa tal-lemin t’Alla. (Lhud 10:12, 13) Kemm kellha ddum din l-istennija? Meta kellu jibda l-istat taʼ ħakkiem tiegħu? Il-Bibbja tgħinna nsibu t-tweġibiet.
16. X’ġara fis-sena 607 Q.E.K., u dan kif kien relatat mas-Saltna t’Alla?
16 L-unika belt fl-art kollha li fuqha Jehovah poġġa ismu kienet Ġerusalemm. (1 Slaten 11:36) Kienet ukoll il-kapitali taʼ saltna taʼ l-art approvata minn Alla tipika tas-Saltna tas-sema t’Alla. Għalhekk, il-qerda taʼ Ġerusalemm mill-Babilonjani fis-sena 607 Q.E.K. kienet sinjifikanti ħafna. Din il-ġrajja mmarkat il-bidu taʼ interruzzjoni twila taʼ ħakma diretta t’Alla fuq il-poplu tiegħu fuq l-art. Madwar sitt sekli wara, Ġesù indika li dan il-perijodu taʼ ħakma interrotta kien għadu sejjer, għax hu qal: “Ġerusalemm tibqaʼ tintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.”—Luqa 21:24.
17. (a) X’inhu “żmien il-ġnus,” u kemm kellu jdum? (b) “Żmien il-ġnus” meta beda u ntemm?
17 Matul “żmien il-ġnus,” gvernijiet dinjin kellhom jiġu mħollijin jinterrompu stat taʼ ħakkiem approvat minn Alla. Dak il-perijodu beda bil-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K., u Danjel indika li dan kellu jibqaʼ sejjer għal “sebaʼ żminijiet.” (Danjel 4:20-22 [4:23-25, NW]) Dak kemm huwa twil? Il-Bibbja turi li tliet “żminijiet” u nofs jammontaw għal 1,260 jum. (Apokalissi 12:6, 14) Id-doppju taʼ dak il-perijodu, jew sebaʼ żminijiet, kellu jkun 2,520 jum. Imma l-ebda ħaġa notevoli ma ġrat fi tmiem dak il-perijodu qasir taʼ żmien. Billi napplikaw “jum għal sena” għall-profezija taʼ Danjel u ngħoddu 2,520 sena mis-sena 607 Q.E.K., madankollu, naslu għas-sena 1914 E.K.—Numri 14:34; Eżekjel 4:6.
18. Ġesù x’għamel ftit wara li rċieva l-qawwa tas-Saltna, u dan kif effettwa lill-art?
18 Beda Ġesù jsaltan fis-sema f’dak iż-żmien? Raġunijiet Skritturali għala qegħdin ngħidu li beda se jiġu diskussi fil-kapitlu li jmiss. M’għandniex xi ngħidu, il-bidu tal-ħakma taʼ Ġesù ma kellux ikun immarkat minn paċi immedjata fuq l-art. Apokalissi 12:7-12 juri li sewwa sew wara li jirċievi s-Saltna, Ġesù kellu jwaddab lil Satana u lill-anġli demonji ’l barra mis-sema. Dan kellu jfisser gwaj għall-art, imma jqawwilek qalbek meta taqra li x-Xitan “żmien ftit” biss baqagħlu. Dalwaqt, se nkunu nistgħu nithennew mhux biss minħabba li s-Saltna t’Alla taħkem imma wkoll minħabba li se ġġib barkiet għall-art u għall-umanità ubbidjenti. (Salm 72:7, 8) Kif nafu li dan se jiġri dalwaqt?
[Nota taʼ taħt]
a L-isem Xilo jfisser “Dak Li Tiegħu Hija; Dak li Lilu Tappartjeni.” Maż-żmien, sar evidenti li “Xilo” kien Ġesù Kristu, “l-Iljun tat-tribù taʼ Ġuda.” (Apokalissi 5:5) Xi wħud mit-Targumi Lhud sempliċement poġġew “il-Messija” jew “is-sultan Messija” minflok il-kelma “Xilo.”
ITTESTJA L-GĦARFIEN TIEGĦEK
X’inhi s-Saltna t’Alla, u minfejn taħkem?
Min jaħkem fis-Saltna, u min huma s-sudditi tagħha?
Jehovah kif assigurana li s-Saltna tiegħu hija realtà?
“Żmien il-ġnus” meta beda u ntemm?
[Kaxxa f’paġna 94]
XI ĠRAJJIET IMPORTANTI RELATATI MAS-SALTNA T’ALLA
• Jehovah iħabbar l-iskop tiegħu biex jipproduċi ‘nisel’ li kellu jfarrak ras is-Serpent, Satana x-Xitan.—Ġenesi 3:15.
• Fl-1943 Q.E.K., Jehovah jindika li dan in-‘nisel’ kellu jkun dixxendent uman t’Abraham.—Ġenesi 12:1-3, 7; 22:18.
• Il-patt tal-Liġi mogħti lil Iżrael fis-sena 1513 Q.E.K. jipprovdi “dell tal-ġid li għandu jiġi.”—Eżodu 24:6-8; Lhud 10:1.
• Is-saltna taʼ l-art taʼ Iżrael tibda fl-1117 Q.E.K., u tkompli iktar tard fil-linja taʼ David.—1 Samwel 11:15; 2 Samwel 7:8, 16.
• Ġerusalemm tiġi meqruda fis-sena 607 Q.E.K., u jibda “żmien il-ġnus.”—2 Slaten 25:8-10, 25, 26; Luqa 21:24.
• Fis-sena 29 E.K., Ġesù jiġi midluk bħala Sultan Innominat u jibda l-ministeru tiegħu fuq l-art.—Mattew 3:16, 17; 4:17; 21:9-11.
• Fis-sena 33 E.K., Ġesù jitlaʼ fis-sema, biex hemmhekk jistenna fuq il-leminija t’Alla sakemm tibda l-ħakma tiegħu.—Atti 5:30, 31; Lhud 10:12, 13.
• Ġesù jiġi mogħti t-tron fis-Saltna tas-sema fl-1914 E.K. hekk kif “żmien il-ġnus” jintemm.—Apokalissi 11:15.
• Satana u d-demonji tiegħu jiġu mitfugħin ’l isfel lejn il-viċinanza taʼ l-art u jġibu iktar gwaj għall-umanità.—Apokalissi 12:9-12.
• Ġesù jindokra l-ippridkar mad-dinja kollha taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.—Mattew 24:14; 28:19, 20.