LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 8/1 pp. 14-19
  • Qiegħed Int Issus Wara l-Virtù?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qiegħed Int Issus Wara l-Virtù?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kien Isus Wara l-​Virtù
  • Baqgħu Virtużi
  • Insusu Wara l-​Virtù Llum
  • Ibqaʼ Għassa!
  • L-​Irwol taʼ l-​Istudju u l-​Meditazzjoni
  • Il-​Virtù u s-​Sħubija
  • Ibqaʼ Sus Wara l-​Virtù
  • Kif Nistgħu Nipprovdu Virtù lill-Fidi Tagħna?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Kif Nistgħu Nikkultivaw il-Virtù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Għala Għandek Tikkultiva l-Virtù?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Inżommu l-Virtù f’ Dinja Mimlija Vizzji
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 8/1 pp. 14-19

Qiegħed Int Issus Wara l-​Virtù?

“F’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-​tifħir; f’dan kollu aħsbu.”—FILIPPIN 4:8.

1. X’inhu l-​vizzju, u dan għala ma kkorrompiex il-​qima taʼ Jehovah?

IL-​VIZZJU hu perversità jew korruzzjoni morali. Dan jiddomina d-​dinja li ngħixu fiha. (Efesin 2:​1-3) Madankollu, Alla Jehovah mhux se jħalli l-​qima nadifa tiegħu tiġi kkontaminata. Pubblikazzjonijiet, laqgħat, assembleat, u konvenzjonijiet Kristjani jagħtuna twissijiet f’waqthom kontra kondotta ħażina. Nirċievu għajnuna Skritturali soda biex ‘inżommu maʼ dak li hu tajjeb’ f’għajnejn Alla. (Rumani 12:9) Għalhekk, bħala organizzazzjoni x-​Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jistinkaw biex ikunu ndaf, virtużi. Iżda xi ngħidu għalina bħala individwi? Tabilħaqq, qiegħed int issus wara l-​virtù?

2. X’inhi l-​virtù, u għala meħtieġ sforz biex nibqgħu virtużi?

2 Il-​virtù hi eċċellenza morali, tjubija, azzjoni u ħsieb xierqa. M’hijiex kwalità passiva imma waħda attiva, pożittiva. Il-​virtù tinvolvi iżjed milli nevitaw id-​dnub; tfisser li nsusu wara dak li hu tajjeb. (1 Timotju 6:11) L-​appostlu Pietru widdeb lill-​Kristjani sħabu: “Kunu ħerqana biex iżżidu mal-​fidi l-​virtù.” Kif? Billi ‘nikkontribwixxu bi tweġiba [għall-wegħdi prezzjużi t’Alla] l-​isforz serju kollu tagħna.’ (2 Pietru 1:5; ara NW.) Minħabba n-​natura midinba tagħna, jitlob sforz veru biex nibqgħu virtużi. Madankollu, individwi tal-​passat li kellhom il-​biżaʼ t’Alla għamluh dan, għalkemm kellhom iħabbtu wiċċhom m’ostakli immensi.

Kien Isus Wara l-​Virtù

3 Is-​Sultan Aħaż kien ħati taʼ liema atti mill-​agħar?

3 L-​Iskrittura fiha ħafna rakkonti taʼ wħud li kienu jsusu wara l-​virtù. Per eżempju, ikkunsidra lir-​raġel virtuż, Ħeżekija. Missieru, is-​Sultan Aħaż taʼ Ġuda, evidentement kien iqim lil Molek. “Kellu għoxrin sena meta Aħaż beda jsaltan, u dam isaltan sittax-il sena f’Ġerusalemm; u ma għamilx is-​sewwa f’għajnejn il-​Mulej, Alla tiegħu, bħal David missieru. U qabad it-​triq tas-​slaten taʼ Iżrael, u wasal biex għadda lil ibnu min-​nar skond id-​drawwa moqżieża tal-​ġnus, li l-​Mulej kien keċċiehom minn quddiem ulied Iżrael. U offra sagrifiċċji, u ħaraq l-​inċens fuq l-​għoljiet u l-​għaqbiet, u taħt kull siġra tħaddar.” (2 Slaten 16:2-4) Xi wħud isostnu li ‘tgħaddi min-​nar’ kien jissinjifika xi għamla taʼ ritwal taʼ purifikazzjoni u mhux sagrifiċċju uman. Madankollu, il-​ktieb Molech​—A God of Human Sacrifice in the Old Testament, minn John Day, josserva: “Hemm evidenza minn sorsi klassiċi u Puniċi [Kartaġiniżi], kif ukoll evidenza arkeoloġika, dwar l-​eżistenza taʼ sagrifiċċji umani . . . fid-​dinja Kangħanita, u għalhekk m’hemm ebda raġuni għala għandna niddubitaw ir-​referenzi fit-​Testment il-​Qadim [għal sagrifiċċji umani].” Barra minn dan, it-2 Kronaki 28:3 [Karm Żammit] speċifikament jgħid li Aħaż “ħaraq lil uliedu fin-​nar.” (Qabbel Dewteronomju 12:31; Salm 106:37, 38.) X’atti mill-​agħar!

4. Ħeżekija kif ġab ruħu f’ambjent mimli vizzji?

4 Ħeżekija kif kien ikampa f’dan l-​ambjent mimli vizzji? Salm 119 hu taʼ interess, għax xi wħud jemmnu li Ħeżekija kkomponieh waqt li kien għadu prinċep. (Salm 119:46, 99, 100) Għalhekk iċ-​ċirkostanzi tiegħu jistgħu jiġu indikati mill-​kliem: “Mqar jekk il-​kbarat joqogħdu jqassu fuqi, fuq il-​kmandamenti tiegħek jibqaʼ jaħseb il-​qaddej ti[e]għek. Jiena nf[n]ejt bin-​niket.” (Salm 119:23, 28) Imdawwar minn nies li jipprattikaw reliġjon falza, Ħeżekija għandu mnejn kien jiġi mwaqqaʼ għaċ-​ċajt minn membri tad-​dar irjali, sal-​punt li lanqas kien ikun jistaʼ jorqod. Iżda, baqaʼ jsus wara l-​virtù, maż-​żmien sar sultan, u “għamel is-​sewwa f’għajnejn il-​Mulej . . . Kien jittama fil-​Mulej, Alla taʼ Iżrael.”—2 Slaten 18:1-5.

Baqgħu Virtużi

5. Danjel u t-​tlett iħbieb tiegħu liema provi ffaċċjaw?

5 Eżemplari wkoll fil-​virtù kien hemm Danjel u t-​tliet Ebrej sħabu, li kien jisimhom Ħananija, Misaèl, u Għażarija. Dawn ittieħdu bil-​forza minn art twelidhom u ġew eżiljati fil-​Babilonja. L-​erbaʼ żgħażagħ ngħataw ismijiet Babilonjani​—Beltesassar, Sidrak, Mesak, u Għabednegu. Lil dawn ġie offrut “sehem mill-​ikel tas-​sultan,” inkluż ikel projbit mil-​Liġi t’Alla. Jerġaʼ, ġew imġegħlin jagħmlu kors taʼ taħriġ għal tliet snin fil-​“kitba u l-​ilsien tal-​Kaldin.” Dan kien jinvolvi iżjed milli sempliċement jitgħallmu lingwa oħra, għax x’aktarx li t-​terminu “Kaldin” hawnhekk jirreferi għall-​klassi mgħallma. B’hekk, dawn iż-​żgħażagħ Ebrej saru esposti għal tagħlim Babilonjan pervers.—Danjel 1:1-7.

6. Għala nistgħu ngħidu li Danjel baqaʼ jsus wara l-​virtù?

6 Minkejja pressjonijiet enormi biex jikkonformaw, Danjel u t-​tlett iħbieb tiegħu għażlu l-​virtù u mhux il-​vizzji. Danjel 1:21 jgħid: “Danjel baqaʼ hemm sa l-​ewwel sena tas-​sultan Ċiru.” Iva, Danjel “baqaʼ” bħala qaddej virtuż taʼ Jehovah għal iktar minn 80 sena​—matul il-​qawma u l-​waqgħa taʼ ħafna slaten setgħanin. Baqaʼ fidil lejn Alla minkejja l-​intriċċi u l-​komplotti t’uffiċjali governattivi korrotti u l-​vizzji sesswali li kienu jiddominaw ir-​reliġjon Babilonjana. Danjel baqaʼ jsus wara l-​virtù.

7. X’nistgħu nitgħallmu mill-​korsa li segwew Danjel u t-​tlett iħbieb tiegħu?

7 Nistgħu nitgħallmu ħafna minn Danjel u sħabu li kellhom il-​biżaʼ t’Alla. Baqgħu jsusu wara l-​virtù u rrifjutaw li jinbelgħu mill-​kultura Babilonjana. Għalkemm ngħataw ismijiet Babilonjani, qatt ma tilfu l-​identità tagħhom bħala qaddejja taʼ Jehovah. Iva, xi 70 sena wara, is-​sultan Babilonjan indirizza lil Danjel b’ismu bl-​Ebrajk! (Danjel 5:13) Matul il-​ħajja twila tiegħu, Danjel irrifjuta li jagħmel kompromess saħansitra f’affarijiet żgħar. Bħala żagħżugħ, “kien għamel il-​ħsieb li ma jitniġġisx bl-​ikel tas-​sultan.” (Danjel 1:8) Din il-​waqfa bla kompromessi li ħadu Danjel u t-​tlett iħbieb tiegħu bla dubju saħħithom biex jissuperaw il-​provi taʼ bejn ħajja u mewt li ffaċċjaw iktar tard.—Danjel, kapitli 3 u 6.

Insusu Wara l-​Virtù Llum

8. Żgħażagħ Kristjani kif jistgħu jirreżistu biex ma jinbelgħux mid-​dinja taʼ Satana?

8 Bħal Danjel u t-​tlett iħbieb tiegħu, in-​nies t’Alla llum jirreżistu biex ma jinbelgħux mid-​dinja mill-​agħar taʼ Satana. (1 Ġwanni 5:19) Jekk int żagħżugħ Kristjan, għandek mnejn qed tesperjenza pressjoni qawwija minn dawk taʼ mparek biex timita l-​gosti estremi tagħhom fl-​ilbies, l-​apparenza, u l-​mużika. Minflok ma ssegwi kull moda jew stil li jkunu popolari, iżda, żomm sod, u tħallix lilek innifsek ‘timxi max-​xejra taʼ din id-​dinja.’ (Rumani 12:2) “[I]nwarrbu l-​ħażen u l-​ġi[bd]iet tad-​dinja, biex ngħixu bir-​rażna u l-​ġustizzja u t-​tjieba.” (Titu 2:11, 12) Il-​ħaġa importanti hi l-​approvazzjoni mhux taʼ dawk taʼ mparek imma taʼ Jehovah.—Proverbji 12:2.

9. Kristjani fid-​dinja tan-​negozju liema pressjonijiet jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom, u kif għandhom iġibu ruħhom?

9 Kristjani adulti wkoll iħabbtu wiċċhom maʼ pressjonijiet u għandhom ikunu virtużi. Kristjani li huma fin-​negozju għandhom mnejn jiġu ttantati li jużaw metodi oġġezzjonabbli jew li jinjoraw regolamenti governattivi u liġijiet tat-​taxxi. Minkejja l-​mod kif iġibu ruħhom kompetituri fin-​negozju jew dawk li jaħdmu magħna, madankollu, aħna “rridu nġibu ruħna sewwa f’kollox.” (Lhud 13:18) Aħna Skritturalment meħtiġin li nkunu onesti u ġusti maʼ dawk li jħaddmuna, maʼ impjegati, maʼ klijenti, u maʼ gvernijiet sekulari. (Dewteronomju 25:13-16; Mattew 5:37; Rumani 13:1; 1 Timotju 5:18; Titu 2:9, 10) Ejjew nistinkaw ukoll biex inkunu t’ordni fin-​negozjar tagħna. Billi nżommu dokumenti eżatti u nniżżlu bil-​miktub xi akkordju, taʼ spiss nistgħu nevitaw xi nuqqas taʼ ftehim.

Ibqaʼ Għassa!

10. Għala għandna bżonn ‘nibqgħu għassa’ fejn tidħol l-​għażla tagħna taʼ mużika?

10 Salm 119:9 jenfasizza aspett ieħor f’li nibqgħu virtużi fil-​ħarsa t’Alla. Is-​salmista kanta: “Kif jistaʼ żagħżugħ jimxi safi fi triqtu? Billi jħares il-​kelma tiegħek.” Waħda mill-​iktar armi effettivi taʼ Satana hi l-​mużika, li għandha l-​qawwa li tqanqal l-​emozzjonijiet. B’sogħba, xi Kristjani naqsu li jibqgħu għassa fejn tidħol il-​mużika, u jsibu ruħhom miġbudin lejn għamliet estremi tagħha, bħalma huma r-​rap u l-​heavy metal. Xi wħud għandhom mnejn jargumentaw li mużika bħal din ma tagħmlilhomx ħsara jew li huma ma jagħtux kas tal-​kliem. Oħrajn jgħidu li sempliċement jieħdu gost b’beat qawwi jew bil-​ħoss qawwi tal-​kitarri. Għall-​Kristjani, iżda, il-​kwistjoni m’hijiex jekk xi ħaġa hix pjaċevoli. It-​tħassib tagħhom hu jekk tkunx ‘togħġob lill-​Mulej.’ (Efesin 5:10) Fil-​biċċa l-​kbira, il-​mużika heavy metal u rap tippromwovi vizzji bħalma huma l-​profanità, il-​fornikazzjoni, u saħansitra s-​Sataniżmu​—affarijiet li ċertament m’għandhom ebda post fost in-​nies t’Alla.a (Efesin 5:3) Żgħar jew kbar, kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jirrifletti fuq din il-​mistoqsija, Bl-​għażla taʼ mużika tiegħi, qiegħed jien insus wara l-​virtù jew wara l-​vizzji?

11. Kristjan kif jistaʼ jibqaʼ għassa rigward programmi televiżivi, videos, u films?

11 Ħafna programmi televiżivi, videos, u films jippromwovu l-​vizzji. Skond wieħed espert prominenti tas-​saħħa mentali, ‘l-​edoniżmu, is-​sesswalità, il-​vjolenza, ir-​regħba, u l-​egoiżmu’ jiddominaw fil-​biċċa l-​kbira tal-​films li jiġu prodotti llum. Għalhekk, li nibqgħu għassa jinkludi li nkunu selettivi dwar dak li nagħżlu li naraw. Is-​salmista talab: “Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-​frugħa.” (Salm 119:37) Wieħed żagħżugħ Kristjan jismu Joseph applika dan il-​prinċipju. Meta ċertu film beda jġib xeni dettaljati taʼ sess u vjolenza, hu telaq ’il barra mit-​tôkis. Staħa jagħmel hekk? “Lanqas xejn,” jgħid Joseph. “Jien ħsibt dwar Jehovah l-​ewwel u dwar li nogħġob lilu.”

L-​Irwol taʼ l-​Istudju u l-​Meditazzjoni

12. Studju persunali u meditazzjoni għala huma meħtieġa sabiex insusu wara l-​virtù?

12 Mhux biżżejjed li nevitaw affarijiet ħżiena. Li nsusu wara l-​virtù jinvolvi wkoll li nistudjaw u nimmeditaw fuq l-​affarijiet tajbin imniżżlin fil-​Kelma t’Alla sabiex il-​prinċipji taʼ tjieba tagħha jistgħu jiġu applikati fil-​ħajja. “Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek!” esklama s-​salmista. “Il-​jum kollu ħsiebi fiha.” (Salm 119:97) Huwa l-​istudju persunali tal-​Bibbja u pubblikazzjonijiet Kristjani parti mill-​iskeda tal-​ġimgħa tiegħek? Veru, li tagħmel il-​ħin għal studju diliġenti tal-​Kelma t’Alla u għal meditazzjoni fuqha bit-​talb jistaʼ jkun taʼ sfida. Imma taʼ spiss hu possibbli li tirbaħ il-​ħin minn attivitajiet oħrajn. (Efesin 5:15, 16) Forsi s-​sigħat bikrin taʼ fil-​għodu jkunu tajbin għalik bħala ħin biex titlob, tistudja, u timmedita.—Qabbel Salm 119:147.

13, 14. (a) Il-​meditazzjoni għala hi imprezzabbli? (b) Li nimmeditaw fuq liema skritturi jistaʼ jgħinna nistmerru l-​immoralità sesswali?

13 Il-​meditazzjoni hi imprezzabbli, għax tgħinna nżommu dak li nitgħallmu. Iktar importanti, tistaʼ tgħin biex tippromwovi ħarsa taʼ tjieba. Biex nagħtu eżempju: Hija ħaġa li tkun taf li Alla jipprojbixxi l-​fornikazzjoni imma hija ħaġ’oħra li ‘ma taħmilx il-​ħażen u żżomm mat-​tajjeb.’ (Rumani 12:9) Nistgħu attwalment inħossu bil-​mod kif iħossu Jehovah dwar l-​immoralità sesswali billi nimmeditaw fuq skritturi importanti, bħal Kolossin 3:5, li tħeġġeġ: “Mewwtu ġo fikom dak kollu li hu taʼ l-​art: żina, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-​rebgħa li hi idolatrija.” Staqsi lilek innifsek: ‘Liema xorta t’aptit sesswali rrid immewwet? X’għandi nevita li jistaʼ jqajjem xewqat ħżiena? Hemm xi bidliet li għandi bżonn nagħmel fil-​mod kif nittratta mas-​sess oppost?’—Qabbel 1 Timotju 5:1, 2.

14 Pawlu jħeġġeġ lill-​Kristjani biex jastjenu mill-​fornikazzjoni u biex jeżerċitaw kontroll fuqhom infushom sabiex “ħadd ma . . . jagħmel tort jew ħsara lil ħuh.” (1 Tessalonikin 4:3-7) Staqsi lilek innifsek: ‘Għala huwa taʼ ħsara li nikkommetti l-​fornikazzjoni? Liema ħsara nagħmel lili nnifsi jew lil ħaddieħor jekk nidneb f’dan ir-​rigward? Kif niġi effettwat spiritwalment, emozzjonalment, u fiżikament? Xi ngħidu dwar individwi fil-​kongregazzjoni li kisru l-​liġi t’Alla u ma nidmux? X’sar minnhom?’ Li ndaħħlu f’qalbna dak li tgħid l-​Iskrittura dwar kondotta bħal din jistaʼ jkabbar il-​mibegħda tagħna għal dak li hu ħażin f’għajnejn Alla. (Eżodu 20:14; 1 Korintin 5:11-13; 6:9, 10; Galatin 5:19-21; Apokalissi 21:8) Pawlu jgħid li min jagħmel il-​fornikazzjoni jkun “iwarrab mhux lill-​bniedem, iżda lil Alla.” (1 Tessalonikin 4:8) Liema Kristjan veru se jwarrab lil Missieru tas-​sema?

Il-​Virtù u s-​Sħubija

15. Is-​sħubija liema rwol għandha f’li nsusu wara l-​virtù?

15 Għajnuna oħra biex nibqgħu virtużi hi sħubija tajba. Is-​salmista kanta: “Nissieħeb maʼ kull min għandu l-​biżaʼ tiegħek [Jehovah], maʼ dawk li jħarsu l-​preċetti tiegħek.” (Salm 119:63) Aħna għandna bżonn tas-​sħubija bnina pprovduta fil-​laqgħat Kristjani. (Lhud 10:24, 25) Jekk niżolaw lilna nfusna, nistgħu nsiru egoċentriċi fil-​ħsieb tagħna, u l-​vizzji jistgħu faċilment jirkbuna. (Proverbji 18:1) Sħubija Kristjana kordjali, madankollu, tistaʼ ssaħħaħ id-​determinazzjoni tagħna biex nibqgħu virtużi. M’għandniex xi ngħidu, irridu ngħassu wkoll kontra sħubijiet ħżiena. Nistgħu nkunu kordjali mal-​ġirien, dawk li jaħdmu magħna, u studenti sħabna. Imma jekk verament qegħdin nimxu bil-​għaqal, se nevitaw li nissieħbu mill-​qrib maʼ dawk li m’humiex isusu wara l-​virtù Kristjana.—Qabbel Kolossin 4:5.

16. Li napplikaw l-1 Korintin 15:33 kif jistaʼ jgħinna nsusu wara l-​virtù llum?

16 Pawlu kiteb: “Il-​ħbiberija ħażina tħassar id-​drawwiet tajba.” Billi għamel din l-​istqarrija, kien qiegħed iwissi lill-​kredenti li huma setgħu jitilfu l-​fidi tagħhom billi jassoċjaw maʼ wħud li jgħidu li huma Kristjani imma li jirrifjutaw it-​tagħlim Skritturali dwar l-​irxoxt. Il-​prinċipju wara t-​twissija taʼ Pawlu japplika għas-​sħubijiet tagħna kollha, barra u ġewwa l-​kongregazzjoni. (1 Korintin 15:12, 33) M’għandniex xi ngħidu, ma rridux inwarrbu lil ħutna spiritwali għaliex jinzertaw ma jaqblux maʼ xi ħarsa purament persunali li jistaʼ jkollna. (Mattew 7:4, 5; Rumani 14:1-12) Madankollu, jeħtieġ noqogħdu attenti jekk xi wħud fil-​kongregazzjoni jġibu ruħhom b’mod oġġezzjonabbli jew juru spirtu taʼ tmaqdir jew tgergir. (2 Timotju 2:20-22) Ikun għaqli li nżommu qrib taʼ dawk li magħhom nistgħu ngawdu “tpartit taʼ inkuraġġiment.” (Rumani 1:11, 12, NW) Dan se jgħinna nsusu wara korsa virtuża u nibqgħu fit-​“triq tal-​ħajja.”—Salm 16:11.

Ibqaʼ Sus Wara l-​Virtù

17. Skond Numri kapitlu 25, liema diżastru seħħ fuq l-​Iżraeliti, u x’lezzjoni jipprovdi dan għalina?

17 Ftit qabel ma l-​Iżraeliti ħadu pussess taʼ l-​Art Imwiegħda, eluf minnhom għażlu li jsusu wara l-​vizzji​—u sofrew diżastru. (Numri, kapitlu 25) Illum, in-​nies taʼ Jehovah jinsabu fuq l-​għatba tad-​dinja ġdida taʼ tjieba. Id-​dħul fiha se jkun il-​privileġġ imbierek taʼ dawk li jibqgħu jirrifjutaw il-​vizzji taʼ din id-​dinja. Bħala bnedmin imperfetti, għandna mnejn ikollna inklinazzjonijiet ħżiena, imma Alla jistaʼ jgħinna nsegwu l-​gwida taʼ tjieba taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu. (Galatin 5:16; 1 Tessalonikin 4:3, 4) Ejjew għalhekk nagħtu kas it-​twiddiba taʼ Ġożwè lil Iżrael: “Ibżgħu mill-​Mulej, u aqduh bir-​reqqa u l-​fedeltà.” (Ġożwè 24:14) Biżaʼ reverenzjali li ma nogħġbux lil Jehovah se jgħinna nsusu wara korsa virtuża.

18. Rigward il-​vizzji u l-​virtù, x’għandha tkun id-​determinazzjoni tal-​Kristjani kollha?

18 Jekk hija x-​xewqa taʼ qalbek li togħġob lil Alla, kun determinat li tagħti kas it-​twiddiba taʼ Pawlu: “F’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-​imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-​ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-​tifħir; f’dan kollu aħsbu.” Jekk tagħmel hekk, x’se jkun ir-​riżultat? Qal Pawlu: “Agħmluh. [U] Alla tas-​sliem ikun magħkom.” (Filippin 4:8, 9) Iva, bil-​għajnuna taʼ Jehovah int tistaʼ tiċħad il-​vizzji u ssus wara l-​virtù.

(w97 7/15)

[Nota taʼ taħt]

a Ara It-​Torri Tal-​Għassa, tal-​15 taʼ Lulju, 1993, paġni 12-​16, u s-​serje “Young People Ask . . . ” fl-​Awake! tat-​8 taʼ Frar, tat-​22 taʼ Frar, u tat-​22 taʼ Marzu, 1993, u tat-​22 taʼ Novembru, 1996.

Punti Għal Reviżjoni

◻ X’inhu meħtieġ sabiex insusu wara l-​virtù?

◻ Ħeżekija, Danjel, u t-​tliet Ebrej taħt liema ċirkostanzi baqgħu virtużi?

◻ Kif nistgħu nkunu bħal Danjel f’li nirreżistu n-​nasbiet taʼ Satana?

◻ Il-​Kristjani għala għandhom jibqgħu għassa rigward id-​divertiment?

◻ Liema rwol għandhom l-​istudju, il-​meditazzjoni, u s-​sħubija f’li nsusu wara l-​virtù?

[Stampa f’paġna 15]

Iż-​żagħżugħ Ħeżekija kien isus wara l-​virtù għalkemm kien imdawwar minn adoraturi taʼ Molek

[Stampi f’paġna 17]

Il-​Kristjani għandhom jibqgħu għassa fejn jidħol id-​divertiment

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja