“Kemm Inħobbha l-Liġi Tiegħek!”
“Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-jum kollu ħsiebi fiha.”—SALM 119:97.
1, 2. (a) Il-kittieb ispirat taʼ Salm 119 liema sitwazzjoni ffaċċja? (b) Kif irreaġixxa, u għala?
IL-KITTIEB taʼ Salm 119 iffaċċja prova iebsa. Għedewwa prużuntużi li ma kinux jagħtu kas il-liġi t’Alla ddieħqu bih u mmalafamawh. Il-kbarat ftiehmu bejniethom kontrih u ppersegwitawh. Il-ħżiena għalquh dawramejt, u saħansitra ħajtu kienet fil-periklu. Minħabba dan kollu hu ‘nfena bin-niket.’ (Salm 119:9, 23, 28, 51, 61, 69, 85, 87, 161) Minkejja li ffaċċja din il-prova, is-salmista għanna: “Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-jum kollu ħsiebi fiha.”—Salm 119:97.
2 Int tagħmel tajjeb jekk tistaqsi, “Il-liġi t’Alla kif kienet sors taʼ konsolazzjoni u faraġ għas-salmista?” Il-fiduċja li Ġeħova jimpurtah minnu sostnietu. Minħabba li s-salmista kien jaf dwar il-provvedimenti kollhom imħabba taʼ dik il-liġi hu ħassu ferħan, minkejja l-inkwiet li ġabu fuqu l-opponenti tiegħu. Hu rrikonoxxa li Ġeħova kien ittrattah b’qalb tajba. Iktar minn hekk, minħabba li applika l-gwida li ġiet mil-liġi t’Alla, is-salmista kien iktar għaref mill-għedewwa tiegħu u dan saħansitra salvalu ħajtu. Minħabba li obda l-liġi hu kellu l-paċi u kuxjenza nadifa.—Salm 119:1, 9, 65, 93, 98, 165.
3. Illum għala hija taʼ sfida għall-Kristjani li jgħixu skond il-livelli t’Alla?
3 Xi wħud mill-qaddejja t’Alla llum ukoll għaddejjin minn provi kbar tal-fidi tagħhom. Forsi m’aħniex qed niffaċċjaw sitwazzjoni li thedded lil ħajjitna bħalma ffaċċja s-salmista, imma aħna qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” Ħafna nies li jkollna kuntatt magħhom kuljum ma jħobbux il-valuri spiritwali—il-miri tagħhom huma egoistiċi u materjalistiċi, l-attitudni tagħhom hija arroganti u bla rispett taʼ xejn. (2 Timotju 3:1-5) Iż-żgħażagħ Kristjani regolarment ikollhom jissieltu m’affarijiet li jġarrbu l-livelli morali tagħhom. F’ambjent bħal dan, huwa diffiċli li nżommu l-imħabba tagħna għal Ġeħova u għal dak li hu tajjeb. Kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna?
4. Is-salmista kif wera apprezzament għal-liġi t’Alla, u għandhom il-Kristjani kollha jagħmlu bħalu?
4 Dak li għen lis-salmista biex jiflaħ għall-pressjonijiet li għadda minnhom kien li hu ddedika l-ħin biex jistudja fil-fond u jimmedita fuq il-liġi t’Alla. B’dan il-mod hu sar iħobbha. Tabilħaqq, kważi kull vers f’Salm 119 isemmi aspett tal-liġi taʼ Ġeħova.a Il-Kristjani llum m’humiex marbutin bil-Liġi Mosajka, li Alla ta lill-ġens taʼ Iżrael tal-qedem. (Kolossin 2:14) Madankollu, il-prinċipji mniżżlin f’dik il-Liġi għadhom taʼ valur. Dawn il-prinċipji kienu taʼ faraġ għas-salmista, u jistgħu jfarrġu wkoll lill-qaddejja t’Alla li qed jissieltu biex ikampaw mad-diffikultajiet tal-ħajja llum.
5. Liema aspetti tal-Liġi Mosajka se nikkunsidraw?
5 Ejja naraw liema inkuraġġiment nistgħu niksbu minn tliet aspetti biss tal-Liġi Mosajka: l-arranġament tas-Sabat, il-provvediment tat-tlaqqit, u l-kmandament kontra x-xenqa. F’kull każ, se naraw li l-apprezzament għall-prinċipji li hemm f’dawn il-liġijiet huwa vitali jekk irridu nkampaw maʼ l-isfidi li nġarrbu fi żmienna.
Nissodisfaw il-Bżonn Spiritwali Tagħna
6. Liema bżonnijiet fundamentali għandhom il-bnedmin kollha?
6 Il-bnedmin huma maħluqin b’għadd taʼ bżonnijiet. Per eżempju, l-ikel, ix-xorb, u l-post fejn ngħixu huma essenzjali jekk irridu li jibqaʼ jkollna saħħa fiżika tajba. Madankollu, il-bniedem irid ukoll jieħu ħsieb il-“bżonn spiritwali” tiegħu. Ma jistax ikun tassew hieni jekk ma jagħmilx dan. (Mattew 5:3) Ġeħova tant rah fundamentali li jiġi sodisfat dan il-bżonn li għandna fina, li hu kkmanda lill-poplu tiegħu biex iwaqqaf l-attivitajiet normali għal jum wieħed kull ġimgħa sabiex jieħu ħsieb il-kwistjonijiet spiritwali.
7, 8. (a) Alla kif għamel distinzjoni bejn is-Sabat u ġranet oħra? (b) Liema skop kellu jum is-Sabat?
7 L-arranġament tas-Sabat enfasizza kemm hu importanti li individwu jqattaʼ l-ħin itejjeb ir-relazzjoni tiegħu m’Alla. L-ewwel darba li l-kelma sabat, jew “sibt,” tidher fil-Bibbja hija b’konnessjoni mal-provvediment tal-manna fix-xagħri. Lill-Iżraelin intqalilhom li kellhom jiġbru dan il-ħobż mirakoluż għal sitt ijiem. Fis-sitt jum, huma kellhom jiġbru “ikel għal jumejn,” għaliex fis-sebaʼ jum, ma kienx se jkun hemm ħobż provdut. Is-sebaʼ jum kellu jkun “[“Sabat,” NW] imqaddes lill-Mulej,” li matulu kull wieħed kellu jibqaʼ f’postu. (Eżodu 16:13-30) Wieħed mill-Għaxar Kmandamenti kien jgħid li assolutament ebda xogħol ma kellu jsir fis-Sabat. Il-jum kien qaddis. Il-kastig għal min ma josservahx kien il-mewt.—Eżodu 20:8-11; Numri 15:32-36.
8 Il-liġi tas-Sabat uriet l-interess taʼ Ġeħova kemm fis-saħħa fiżika kif ukoll dik spiritwali tal-poplu tiegħu. “Is-Sabat kien magħmul għall-bniedem,” qal Ġesù. (Marku 2:27) Dan mhux biss ippermetta l-mistrieħ lill-Iżraelin, imma wkoll tahom l-opportunità li jersqu eqreb lejn il-Ħallieq tagħhom u juruh imħabbithom. (Dewteronomju 5:12) Dan kien jum dedikat kompletament għall-interessi spiritwali. Dawn kienu jinkludu l-qima mal-familja, it-talb, u l-meditazzjoni fuq il-Liġi t’Alla. L-arranġament serva biex jipproteġi lill-Iżraelin milli jużaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex jiġru wara affarijiet materjali. Is-Sabat fakkarhom li r-relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova kellha l-akbar importanza f’ħajjithom. Ġesù rripeta dan il-prinċipju li ma jinbidilx meta qal: “Hu miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.’”—Mattew 4:4.
9. L-arranġament tas-Sabat liema tagħlima jipprovdi għall-Kristjani?
9 Il-poplu t’Alla m’għadx għandu l-ħtieġa li josserva l-mistrieħ tas-sabat letterali t’24 siegħa, imma l-arranġament tas-sabat m’huwiex sempliċement xi ħaġa interessanti fl-istorja. (Kolossin 2:16) M’huwiex dan tfakkira li aħna wkoll għandna nagħtu prijorità lill-attivitajiet spiritwali? It-tħassib dwar affarijiet materjali jew l-attivitajiet taʼ rikreazzjoni m’għandhomx jieħdu post l-attivitajiet konnessi mal-qima tagħna. (Ebrej 4:9, 10) Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: “X’jieħu l-ewwel post f’ħajti? Qed nagħti prijorità lill-istudju, lit-talb, lill-attendenza għal-laqgħat Kristjani, u lill-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna? Jew hemm interessi oħrajn li qed jieħdu post dawn l-attivitajiet?” Jekk inpoġġu l-interessi spiritwali l-ewwel f’ħajjitna, Ġeħova jiżgurana li mhux se jonqsuna l-bżonnijiet tal-ħajja.—Mattew 6:24-33.
10. Kif nistgħu nibbenefikaw jekk niddedikaw il-ħin għal affarijiet spiritwali?
10 Perijodi taʼ studju tal-Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha, kif ukoll meditazzjoni profonda fuq il-messaġġ tagħhom, se jgħinuna nersqu eqreb lejn Ġeħova. (Ġakbu 4:8) Susan, li xi 40 sena ilu bdiet twarrab ħin regulari għall-istudju tal-Bibbja, tammetti li għall-ewwel ma kinitx issibu pjaċevoli. Kien xi ħaġa taʼ bilfors. Imma iktar ma bdiet taqra, iktar bdiet tieħu gost. Issa tassew timmissja l-istudju persunali tagħha jekk għal xi raġuni jew oħra ma tkunx tistaʼ tagħmlu. Hi tgħid: “L-istudju għenni nsir naf lil Ġeħova bħala Missier. Nistaʼ nafdah, nistrieħ fuqu, u nħossni komda nersaq lejh bit-talb. Hija tassew xi ħaġa meraviljuża meta nara kemm Ġeħova jħobb lill-qaddejja tiegħu, kif jieħu ħsiebi personalment, u meta nara kif għenni.” Kemm nistgħu niksbu ferħ aħna wkoll jekk nieħdu ħsieb regolarment il-bżonnijiet spiritwali tagħna!
Il-Liġi t’Alla dwar it-Tlaqqit
11. Kif kien jaħdem l-arranġament tat-tlaqqit?
11 It-tieni aspett tal-Liġi Mosajka li wera l-interess t’Alla fil-benesseri tal-poplu tiegħu kien dwar id-dritt tat-tlaqqit. Ġeħova ordna li meta bidwi Iżraeli kien jaħsad il-frott taʼ l-għalqa tiegħu, dawk li huma fil-bżonn kellhom jitħallew jiġbru dak li l-ħaddiema tal-ħsad ikunu ħallew warajhom. Il-bdiewa ma kellhomx jaħsdu t-truf taʼ l-għelieqi kompletament, lanqas ma kellhom jiġbru dak li jibqaʼ mill-għeneb jew miż-żebbuġ. Jekk kien ikun hemm xi qatta qamħ li bla ma jintebħu jkunu ħallewha fl-għalqa ma kellhomx imorru lura għaliha. Dan kien arranġament kollu mħabba għan-nom tal-foqra, ir-residenti barranin, l-orfni, u r-romol. Huwa minnu li t-tlaqqit kien jirrikjedi xogħol iebes min-naħa tagħhom, imma permezz tiegħu huma setgħu jevitaw li joqogħdu jittallbu.—Levitiku 19:9, 10; Dewteronomju 24:19-22; Salm 37:25.
12. L-arranġament tat-tlaqqit liema opportunità tahom lill-bdiewa?
12 Il-liġi dwar it-tlaqqit ma kinitx tispeċifika kemm il-bdiewa kellhom iħallu prodotti għal dawk li huma fil-bżonn. Kien jiddependi minnhom jekk it-truf tar-rabaʼ bil-qamħ li ma jinħasadx kinux se jkunu wesgħin jew dojoq. F’dan ir-rigward, dan l-arranġament għallimhom ikunu ġenerużi. Dan ta lill-bdiewa l-opportunità biex juru l-apprezzament tagħhom lejn il-Wieħed li jipprovdilhom il-ħsad, ladarba ‘min iħenn għall-imsejken iweġġaħ [lill-Ħallieq].’ (Proverbji 14:31) Bogħaż kien wieħed li għamel dan. Hu b’qalb tajba aċċerta ruħu li Rut, armla li kienet tlaqqat fl-għelieqi tiegħu, tiġbor ammont sostanzjali taʼ qamħ. Ġeħova ppremjah bil-kbir lil Bogħaż għall-ġenerożità tiegħu.—Rut 2:15, 16; 4:21, 22; Proverbji 19:17.
13. X’tgħallimna l-liġi tal-qedem dwar it-tlaqqit?
13 Il-prinċipju fil-liġi tat-tlaqqit ma nbidilx. Ġeħova jistenna li l-qaddejja tiegħu jkunu ġenerużi, speċjalment maʼ dawk li huma fil-bżonn. Iktar ma nkunu ġenerużi, iktar se jkunu kbar il-barkiet tagħna. “Idraw agħtu, u n-nies jagħtukom,” qal Ġesù. “Iferrgħulkom f’ħoġorkom kejl tajjeb, marsus, mheżżeż, u mfawwar. Għax bil-kejl li tkejlu, ikejlulkom lura.”—Luqa 6:38.
14, 15. Kif nistgħu nuru l-ġenerożità, u liema benefiċċji huma possibbli kemm għalina nfusna u kemm għal dawk li ngħinu?
14 L-appostlu Pawlu rrikkmanda li aħna “nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ min jiġi minna fil-fidi.” (Galatin 6:10) Allura, żgur li għandna nkunu konċernati li l-Kristjani sħabna jirċievu l-għajnuna spiritwali kulmeta jiffaċċjaw il-provi tal-fidi tagħhom. Imma jistaʼ jkun li għandhom bżonn ukoll għajnuna prattika, per eżempju, biex jaslu sas-Sala tas-Saltna jew jagħmlu x-xiri tagħhom? Hemm xi ħadd li hu mdaħħal fiż-żmien, marid, jew li ma jistax joħroġ minn daru fil-kongregazzjoni tiegħek li jistaʼ japprezza żjara inkuraġġanti jew xi daqqa t’id? Jekk nagħmlu sforz biex noqogħdu attenti għal dawn il-bżonnijiet, imbagħad Ġeħova għandu mnejn ikun jistaʼ jużana biex iwieġeb it-talb taʼ min hu fil-bżonn. Għalkemm hu obbligu Kristjan li nieħdu ħsieb xulxin, min jagħmel dan se jiġi megħjun hu stess. Il-fatt li nuru mħabba ġenwina lil aduraturi sħabna jirriżulta f’ferħ kbir u sodisfazzjon profond li jġibulna l-approvazzjoni taʼ Ġeħova.—Proverbji 15:29.
15 Mod importanti ieħor kif il-Kristjani juru attitudni mhix egoistika hu billi jużaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex jitkellmu dwar l-iskopijiet t’Alla. (Mattew 28:19, 20) Kulmin kellu l-ferħ minħabba li għen individwu ieħor jasal sal-punt li jiddedika ħajtu lil Ġeħova jaf kemm hu minnu l-kliem taʼ Ġesù: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.
Ngħassu Kontra x-Xenqa
16, 17. Xi pprojbixxa l-għaxar kmandament, u għala?
16 It-tielet aspett tal-Liġi t’Alla lil Iżrael li se nikkunsidraw hu l-għaxar kmandament, li pprojbixxa x-xenqa. Il-Liġi kienet tgħid: “La tixtieqx dar għajrek: la tixtieqx il-mara taʼ għajrek, il-qaddej jew il-qaddejja tiegħu, l-għoġol jew il-ħmar tiegħu, u xejn minn kull ma għandu għajrek.” (Eżodu 20:17) Ebda bniedem ma setaʼ jġiegħel li jiġi osservat kmandament bħal dan, ladarba ebda bniedem ma jistaʼ jara x’hemm fil-qalb. Madankollu, dan il-kmand ġab il-Liġi fuq grad ogħla minn dak tal-ġustizzja umana. Dan il-kmandament ġab lil kull Iżraeli konxju tal-fatt li kellu jagħti kont direttament lil Ġeħova, li jistaʼ jara l-inklinazzjoni tal-qalb. (1 Samwel 16:7) Iktar minn hekk, dan il-kmandament kien jasal sal-kaġun fundamentali taʼ ħafna għemejjel mhux xierqa.—Ġakbu 1:14.
17 Il-liġi kontra x-xenqa inkuraġġiet lill-poplu t’Alla biex ma jkunx materjalista, rgħib, u biex ma jilmentax dwar iċ-ċirkustanzi tiegħu. Ukoll, din ħarsithom mit-tentazzjoni li jisirqu jew li jikkommettu l-immoralità. Dejjem se jkun hemm dawk li għandhom affarijiet materjali li aħna nammiraw jew li b’xi mod jew ieħor jidhru li jirnexxu iktar minna. Jekk ma nikkontrollawx il-ħsibijiet tagħna f’sitwazzjonijiet bħal dawn, nistgħu nsiru mdejqin u nibdew ngħiru għall-oħrajn. Il-Bibbja ssejjaħ ix-xenqa bħala li hi turija taʼ “stat mentali diżapprovat.” Aħna nħossuna ħafna aħjar mingħajrha.—Rumani 1:28-30.
18. Liema spirtu jispikka fid-dinja llum, u liema effetti negattivi jipproduċi?
18 L-ispirtu li jispikka fid-dinja taʼ llum jinkuraġġixxi l-materjaliżmu u l-kompetizzjoni. Permezz tar-reklami, il-kummerċ iqajjem xewqat għal prodotti ġodda u spiss jagħti l-idea li m’aħniex se nkunu kuntenti jekk ma niksbuhomx. Dan hu eżatt it-tip taʼ spirtu li l-Liġi taʼ Ġeħova kkundannat. Spirtu simili li hu kundannat ukoll mil-liġi taʼ Ġeħova hu dak li individwu jixxennaq li jirnexxi f’ħajtu akkost taʼ kollox u jiġmaʼ l-għana. L-appostlu Pawlu nnota: “Dawk li huma determinati li jsiru għonja jaqgħu f’tentazzjoni u f’nassa u f’ħafna xewqat bla sens li jwasslu għall-ħsara u li jixħtu lill-bnedmin f’qerda u f’rovina. Għax l-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara u, billi rawmu din l-imħabba, xi wħud ġew żvijati mill-fidi u ferew lilhom infushom b’ħafna weġgħat.”—1 Timotju 6:9, 10.
19, 20. (a) Għal min iħobb il-liġi taʼ Ġeħova, x’inhu tassew taʼ valur? (b) X’se jkun is-suġġett taʼ l-artiklu li jmiss?
19 Dawk li jħobbu l-liġi t’Alla jifhmu l-perikli li jiġu minn spirtu materjalistiku u huma protetti minnu. Per eżempju, is-salmista talab lil Ġeħova: “Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek, u mhux lejn ir-regħba. Aħjar għalija l-liġi taʼ fommok mill-eluf taʼ flejjes tad-deheb u l-fidda.” (Salm 119:36, 72) Konvinzjoni dwar kemm hu minnu dan il-kliem se tgħinna nżommu l-bilanċ neċessarju biex nevitaw in-nases tal-materjaliżmu, ir-regħba, u n-nuqqas taʼ sodisfazzjon biċ-ċirkustanzi taʼ ħajjitna. Mhux kemm nakkumulaw ġid hu fundamentali biex ikollna l-akbar qligħ possibbli, imma “d-devozzjoni lejn Alla.”—1 Timotju 6:6.
20 Il-prinċipji li huma l-bażi tal-Liġi li Ġeħova ta lill-ġens taʼ Iżrael tal-qedem huma taʼ valur għaż-żminijiet diffiċli li qed ngħixu fihom daqskemm kienu taʼ valur meta Ġeħova ta din il-Liġi lil Mosè. Iktar ma napplikaw dawn il-prinċipji f’ħajjitna, iktar se nifhmuhom, iktar se nsiru nħobbuhom, u iktar se nkunu henjin. Il-Liġi tippreserva ħafna lezzjonijiet prezzjużi għalina, u t-tfakkiriet ħajjin taʼ kemm jiswew dawn il-lezzjonijiet huma preżentati fil-ħajja u l-esperjenzi tal-karattri Bibliċi. Se nikkunsidraw xi ftit minn dawn fl-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a Il-176 vers kollha taʼ dan is-salm minbarra 4 minnhom jirreferu jew għall-kmandamenti, id-digrieti, il-liġi, il-preċetti, it-tfakkiriet, il-wegħdi, it-triqat, jew il-kelma taʼ Ġeħova.
Int Kif Twieġeb?
• Il-kittieb taʼ Salm 119 għala kien iħobb il-liġi taʼ Ġeħova?
• Il-Kristjani x’jistgħu jitgħallmu mill-arranġament tas-Sabat?
• Liema valur dejjiemi għandha l-liġi t’Alla dwar it-tlaqqit?
• Il-kmandament dwar ix-xenqa kif jipproteġina?
[Stampa f’paġna 21]
Il-liġi tas-Sabat x’enfasizzat?
[Stampa f’paġna 23]
X’tgħallimna l-liġi dwar it-tlaqqit?