Il-Liġijiet Divini Huma għall-Benefiċċju Tagħna
“Kemm inħobbha l-liġi tiegħek!”—SALM 119:97.
1. X’attitudni komuni teżisti rigward l-ubbidjenza lejn il-liġijiet divini?
L-UBBIDJENZA lejn il-liġijiet divini xejn m’hi popolari llum. Għal ħafna, ma jagħmilx sens li joqogħdu għal xi awtorità ogħla inviżibbli. Aħna qegħdin ngħixu f’perijodu fejn ħafna għandhom l-idea li l-valuri morali jistgħu jinbidlu, fejn il-limiti li jiddistingwu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin huma mċajprin, u fejn il-kundizzjonijiet u s-sitwazzjonijiet mhux la kemm jiġu timbrati tajbin jew ħżiena. (Proverbji 17:15; Isaija 5:20) Stħarriġ li sar dan l-aħħar irrifletta mod taʼ ħsieb li huwa komuni f’ħafna soċjetajiet sekularizzati. Dan wera li “l-biċċa l-kbira mill-Amerikani jridu jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu ġust, tajjeb u taʼ skop.” Huma jippreferu tip taʼ Alla li m’huwiex aħrax, jagħżlu li ma jkollhom l-ebda regoli stretti, u ma jridux li fuqhom ikollhom lil xi ħadd superjuri li jkollu konvinzjonijiet morali jew konvinzjonijiet oħra. Ċertu analista soċjali osserva li llum “l-individwi huma mistennijin li jiddeterminaw għalihom infushom xi jfisser li tgħix ħajja tajba u morali.” Hu kompla: “Kwalunkwe tip t’awtorità ogħla trid taddatta l-kmandamenti tagħha għall-bżonnijiet tan-nies reali.”
2. Ir-rakkont fejn il-liġi tissemma għall-ewwel darba fil-Bibbja, kif inhu marbut mill-qrib mal-barka u l-approvazzjoni t’Alla?
2 Ladarba tant nies qed jiddubitaw mill-valur tal-liġijiet taʼ Jehovah, għandna bżonn insaħħu l-konvinzjoni tagħna li l-livelli divini huma għall-benefiċċju tagħna. Ir-rakkont fejn il-liġi tissemma għall-ewwel darba fil-Bibbja huwa interessanti u taʼ min jikkunsidrah. F’Ġenesi 26:5, naqraw il-kliem t’Alla: “Abraham samaʼ minn kliemi u l-ordnijiet, it-twissijiet, il-kmandamenti u l-liġijiet tiegħi.” Dan il-kliem intqal sekli qabel ma Jehovah ta lid-dixxendenti t’Abraham kodiċi tal-liġi dettaljata. Alla kif ippremja l-ubbidjenza t’Abraham, inkluż l-ubbidjenza lejn il-liġijiet Tiegħu? Alla Jehovah wiegħdu: “Jitbierku b’nislek il-ġnus kollha taʼ l-art talli smajt minn kelmti.” (Ġenesi 22:18) Għaldaqstant, l-ubbidjenza għal-liġijiet t’Alla hija marbuta mill-qrib mal-barka u l-approvazzjoni t’Alla.
3. (a) Liema sentiment esprima wieħed mis-salmisti rigward il-liġi taʼ Jehovah? (b) Liema mistoqsijiet jixraq li nikkunsidraw?
3 Wieħed mis-salmisti—x’aktarx prinċep taʼ Ġuda li wara sar sultan—esprima sentiment li ġeneralment ma jiġix assoċjat mal-liġi. Hu esklama lil Alla: “Kemm inħobbha l-liġi tiegħek!” (Salm 119:97, korsiv tagħna.) Din ma kinitx xi espressjoni mqanqla mill-emozzjoni tal-mument. Kienet espressjoni taʼ mħabba għar-rieda t’Alla kif spjegata fil-liġi tiegħu. Ġesù Kristu, l-Iben perfett t’Alla, kellu l-istess sentimenti. Ġesù ġie deskritt b’mod profetiku bħala li qed jgħid: ‘Li nagħmel ir-rieda tiegħek, Alla tiegħi, dan jogħġobni; il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.’ (Salm 40:9 [40:8, NW]; Lhud 10:9) Xi ngħidu għalina? Hija l-għaxqa tagħna li nagħmlu r-rieda t’Alla? Konvinti aħna li l-liġijiet taʼ Jehovah huma siewja u taʼ benefiċċju? X’post għandha l-ubbidjenza għal-liġijiet t’Alla fil-qima tagħna, fil-ħajja tagħna taʼ kuljum, meta niġu biex nieħdu xi deċiżjoni, u fir-relazzjonijiet tagħna m’oħrajn? Sabiex inħobbu l-liġi divina, ikun tajjeb li nifhmu għala Alla għandu d-dritt li jagħmel il-liġijiet u jara li jiġu obduti.
Jehovah—Il-Leġislatur bi Dritt
4. Jehovah għala huwa bi dritt l-aqwa Leġislatur?
4 Bħala l-Ħallieq, Jehovah huwa bi dritt l-aqwa Leġislatur fl-univers. (Apokalissi 4:11) Il-profeta Isaija stqarr: “Il-Mulej [hu] il-leġislatur tagħna.” (Isaija 33:22) Hu stabbilixxa l-liġijiet fiżiċi li jikkontrollaw kemm il-ħlejjaq ħajjin kif ukoll dawk bla ħajja. (Ġob 38:4-38; 39:1-12; Salm 104:5-19) Bħala ħolqien t’Alla, il-bniedem huwa suġġett għal-liġijiet fiżiċi taʼ Jehovah. U għalkemm il-bniedem għandu l-libertà li jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin, u kapaċi jirraġuna, huwa jkun ferħan biss meta jissottometti ruħu għal-liġijiet morali u spiritwali t’Alla.—Rumani 12:1, NW; 1 Korintin 2:14-16.
5. Kemm huwa minnu l-prinċipju f’Galatin 6:7 rigward il-liġijiet divini?
5 Bħalma nafu, ħadd ma jistaʼ jmur kontra l-liġijiet fiżiċi taʼ Jehovah. (Ġeremija 33:20, 21) Jekk xi ħadd imur kontra xi liġi fiżika, bħal-liġi tal-gravità, ikollu jġarrab il-konsegwenzi. B’mod simili, il-liġijiet morali t’Alla ma jinbidlux, u ħadd ma jistaʼ jaħrab minnhom jew jiksirhom u jgħaddiha lixxa. Sewwa sew bħalma l-liġijiet tan-natura ma jistgħux jinkisru daqstant ieħor ma jistgħux jinkisru l-liġijiet morali, għalkemm ir-riżultat jistaʼ ma jkunx daqshekk immedjat. “Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.”—Galatin 6:7; 1 Timotju 5:24.
Il-Liġi taʼ Jehovah Hija Vasta
6. Kemm hija vasta l-liġi divina?
6 Il-Liġi taʼ Mosè kienet mod li jispikka taʼ kif il-liġi divina setgħet tiġi komunikata lin-nies. (Rumani 7:12) Maż-żmien, Alla Jehovah biddel il-Liġi Mosajka ‘mal-liġi taʼ Kristu.’a (Galatin 6:2; 1 Korintin 9:21) Bħala Kristjani taħt “il-liġi perfetta tal-ħelsien,” nifhmu li Alla ma jillimitax id-direttivi tiegħu għal ċerti aspetti tal-ħajja tagħna, bħalma hu t-twemmin duttrinali jew ir-riti ċerimonjali. Il-livelli tiegħu jkopru kull aspett taʼ ħajjitna, inkluż kwistjonijiet tal-familja u tan-negozju, l-imġiba maʼ dawk tas-sess oppost, l-attitudni lejn sħabna l-Kristjani, u l-parteċipazzjoni fil-qima vera.—Ġakbu 1:25, 27.
7. Agħti eżempji taʼ liġijiet divini importanti.
7 Per eżempju, il-Bibbja tgħid: “La żienja, la idolatri, la adulteri, la effemminati, la omosesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa, ma jirtu s-saltna taʼ Alla!” (1 Korintin 6:9, 10) Iva, l-adulterju u ż-żína m’humiex sempliċement “relazzjonijiet taʼ mħabba.” L-atti omosesswali m’humiex sempliċement “stil taʼ ħajja differenti.” Dawn imorru kontra l-liġi taʼ Jehovah. U l-istess jagħmlu s-serq, il-gideb, u l-malafama. (Salm 101:5; Kolossin 3:9; 1 Pietru 4:15) Ġakbu kkundanna l-ftaħir, filwaqt li Pawlu wissiena biex nevitaw kliem baxx u ġesti vulgari. (Efesin 5:4; Ġakbu 4:16) Għall-Kristjani, dawn ir-regoli taʼ kondotta huma kollha parti mil-liġi perfetta t’Alla.—Salm 19:8 (19:7, NW).
8. (a) X’inhi n-natura tal-liġi taʼ Jehovah? (b) X’inhi t-tifsira bażika tal-kelma Ebrajka għal “liġi”?
8 Regoli bażiċi bħal dawn fil-Kelma taʼ Jehovah juru li l-liġi tiegħu hija bil-wisq iktar minn sempliċi lista taʼ statuti riġidi u neqsin mis-sensittività. Tifforma l-bażi għal ħajja bilanċjata u produttiva, u teffettwa kull aspett tal-kondotta għall-aħjar. Il-liġi divina hija ġusta, istruttiva, u tibni. (Salm 119:72) Il-kelma “liġi” bħalma jużaha s-salmista hija tradotta mill-kelma Ebrajka toh·rahʹ. Ċertu studjuż tal-Bibbja jgħid: “Din il-kelma ġejja minn verb li jfisser tidderieġi, tiggwida, timmira, tispara ’l quddiem. . . . Allura, it-tifsira tagħha trid tkun regola taʼ kondotta.” Għas-salmista, il-liġi kienet rigal mingħand Alla. M’għandniex aħna nistmawha bl-istess mod u nħalluha tinfluwenzalna ħajjitna?
9, 10. (a) Għala għandna bżonn direzzjoni taʼ min joqgħod fuqha? (b) Liema huwa l-uniku mod kif jistaʼ jkollna ħajja ferħana u taʼ suċċess?
9 Il-ħlejjaq kollha jeħtieġu direzzjoni taʼ min joqgħod fuqha u gwida li tistaʼ tafdaha. Dan japplika għal Ġesù u anġli oħra, li huma superjuri għall-bnedmin. (Salm 8:6 [8:5, NW]; Ġwann 5:30; 6:38; Lhud 2:7; Apokalissi 22:8, 9) Jekk saħansitra dawn il-ħlejjaq perfetti jistgħu jibbenefikaw mill-gwida divina, mela kemm iktar jistgħu jibbenefikaw bnedmin imperfetti! L-istorja tal-bniedem u l-esperjenza persunali tagħna wrew biċ-ċar kemm hija minnha l-osservazzjoni tal-profeta Ġeremija: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.
10 Jekk nixtiequ li jkollna ħajja ferħana u taʼ suċċess, irridu nduru lejn Alla għall-gwida. Is-Sultan Salamun għaraf kemm huwa perikoluż li nagħmlu livell persunali fuqiex nimxu sabiex ngħixu ħajja indipendenti mill-gwida divina: “Xi ħadd jistaʼ jaħseb li triqtu dritta, iżda mbagħad tmiemha jwassal għall-mewt.”—Proverbji 14:12.
Raġunijiet Għala Għandna Ngħożżu l-Liġi taʼ Jehovah
11. Għala għandna nixtiequ li nifhmu l-liġi t’Alla?
11 Nagħmlu tajjeb jekk niżviluppaw xewqa kbira biex nifhmu l-liġi taʼ Jehovah. Is-salmista esprima xenqa bħal din meta qal: “Iftaħli għajnejja, biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek.” (Salm 119:18) Iktar ma nsiru nafu lil Alla u l-mogħdijiet tiegħu, iktar se napprezzaw kemm huwa minnu l-kliem taʼ Isaija: “Jien il-Mulej, Alla tiegħek, li ngħallmek għall-ġid tiegħek, u li jmexxik fit-triq li għandek timxi. O li kieku [tismaʼ] mill-kmandamenti tiegħi!” (Isaija 48:17, 18, Karm Żammit) Jehovah jixtieq sinċerament li n-nies tiegħu jevitaw l-inkwiet u jgawdu l-ħajja billi jisimgħu mill-kmandamenti tiegħu. Ejja nikkunsidraw ftit mir-raġunijiet ewlenin għala għandna ngħożżu l-liġi t’Alla.
12. L-għarfien li Jehovah għandu dwarna kif jagħmlu l-aqwa Leġislatur?
12 Il-liġi divina ġejja mill-Wieħed li jafna l-iktar. Ladarba Jehovah hu l-Ħallieq tagħna, huwa loġiku li hu jaf il-bnedmin sew. (Salm 139:1, 2; Atti 17:24-28) La l-ħbieb tal-qalb, la l-qraba, u saħansitra lanqas il-ġenituri tagħna ma jafuna daqskemm jafna Jehovah. Mhux hekk biss, imma Alla jafna saħansitra iktar minn kemm aħna nafu lilna nfusna! Ħadd ma jifhem il-bżonnijiet spiritwali, emozzjonali, mentali, u fiżiċi tagħna daqs il-Ħallieq. Hekk kif jitfaʼ l-attenzjoni tiegħu fuqna, hu juri li jifhem sa l-iċken dettall kif aħna magħmulin, kif ukoll ix-xewqat u l-ambizzjonijiet tagħna. Jehovah jifhem il-limitazzjonijiet tagħna, imma jaf ukoll x’possibbiltajiet għandna biex nagħmlu t-tajjeb. Jgħid is-salmista: “Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Għalhekk, jistaʼ jkollna sens taʼ sigurtà spiritwali hekk kif inħabirku biex nimxu fi qbil mal-liġi tiegħu u nissottomettu ruħna minn jeddna għall-gwida divina.—Proverbji 3:19-26.
13. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah irid dak li hu l-aħjar għalina?
13 Il-liġi divina ġejja mill-Wieħed li jħobbna. Alla huwa interessat profondament fil-ġid dejjiemi tagħna. Ma kienx sagrifiċċju kbir għalih li jagħtina lil Ibnu “b’fidwa għall-kotra”? (Mattew 20:28) Ma wegħedniex Jehovah li ‘mhux se jħallina niġġarrbu iktar milli nifilħu’? (1 Korintin 10:13) Ma taċċertaniex il-Bibbja li ‘hu jaħseb fina’? (1 Pietru 5:7) Ħadd iktar minn Jehovah ma wera daqshekk interess ġenwin f’li jagħti lill-bnedmin linji taʼ gwida għall-benefiċċju tagħhom. Hu jaf x’inhu tajjeb għalina u x’jagħmilna ferħanin jew imnikktin. Avolja imperfetti u niżbaljaw, jekk inkomplu nfittxu t-tjieba hu jurina mħabbtu b’modi li jagħtuna l-ħajja u jġibulna l-barkiet.—Eżekjel 33:11.
14. Il-Liġi t’Alla b’liema mod importanti hija differenti mill-ideat tal-bniedem?
14 Il-liġi t’Alla hija rassiguranti għax ma tinbidilx. F’dawn iż-żminijiet imqallbin li qed ngħixu fihom, Jehovah hu bħal blata stabbli li ma titħarrikx, u ilu jeżisti minn dejjem taʼ dejjem u se jibqaʼ għall-eternità. (Salm 90:2) Hu qal dwaru nnifsu: “Jien, il-Mulej, ma tbiddiltx.” (Malakija 3:6) Il-livelli t’Alla, bħalma huma mniżżlin fil-Bibbja, huma taʼ min jorbot fuqhom kompletament—mhux bħall-ideat tal-bniedem li jinbidlu l-ħin kollu. (Ġakbu 1:17) Per eżempju, il-psikoloġi kienu ilhom snin isostnu li t-tfal għandhom jitrabbew b’mod permissiv. Iżda żmien wara xi wħud bidlu fehmithom u ammettew li l-parir tagħhom kien żbaljat. Il-livelli u l-linji taʼ gwida li toffri d-dinja fuq dan is-suġġett huma bħal qasba tixxejjer mar-riħ. Madankollu, il-Kelma taʼ Jehovah ma tinbidilx. Għal sekli sħaħ, il-Bibbja tat pariri fuq kif trabbi t-tfal bl-imħabba. L-appostlu Pawlu kiteb: “Missirijiet, iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4) Kemm iqawwilna qalbna l-fatt li nkunu nafu li nistgħu noqogħdu fuq il-livelli taʼ Jehovah; dawn qatt m’huma se jinbidlu!
Barkiet għal Dawk li Jobdu l-Liġijiet t’Alla
15, 16. (a) X’se jkun ir-riżultat jekk napplikaw il-livelli taʼ Jehovah? (b) Il-liġijiet t’Alla kif jistgħu juru li huma gwida taʼ min jorbot fuqha fiż-żwieġ?
15 Permezz tal-profeta tiegħu Isaija, Alla qal: “Kelmti li toħroġ minn fommi . . . jkollha r-riżq.” (Isaija 55:11, KŻ) Bl-istess mod nistgħu nkunu ċerti li jekk nagħmlu l-almu kollu tagħna biex nimxu fi qbil mal-livelli li nsibu fil-Kelma tiegħu, se jkollna suċċess, se nwettqu affarijiet tajbin, u se nsibu l-ferħ.
16 Ikkunsidra kif il-liġi t’Alla hija gwida taʼ min jorbot fuqha għal żwieġ li jirnexxi. “Ħalli jkun iż-żwieġ tagħkom miżmum fil-ġieħ minn kulħadd,” kiteb Pawlu, “u s-sodda taż-żwieġ bla tinġis, għax Alla għad jagħmel ħaqq miż-żienja u mill-adulteri.” (Lhud 13:4) L-imseħbin fiż-żwieġ iridu jirrispettaw u jħobbu lil xulxin: “Kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha.” (Efesin 5:33) It-tip taʼ mħabba li hi meħtieġa hija deskritta fl-1 Korintin 13:4-8: “L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba m’hijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità; kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba ma tintemm qatt.” Żwieġ fejn tintwera mħabba bħal din m’hu se jfalli qatt.
17. Liema benefiċċji ngawdu jekk napplikaw il-livelli taʼ Jehovah rigward l-alkoħol?
17 Evidenza oħra li l-livelli taʼ Jehovah huma taʼ benefiċċju hija l-fatt li hu jikkundanna s-sokor. Jehovah hu kontra wkoll taʼ li wieħed ‘ikun mogħti żżejjed għall-inbid.’ (1 Timotju 3:3, 8; Rumani 13:13) Ħafna li jinjoraw il-livelli t’Alla f’din il-kwistjoni jispiċċaw biex jimirdu kaġun tax-xorb żejjed jew inkella jekk ikollhom xi marda, din tmur iktar għall-agħar. Xi wħud injoraw il-parir tal-Bibbja dwar il-moderazzjoni u qabdu l-vizzju tax-xorb biex “jgħinhom jirrilassaw.” Il-problemi li jinħolqu minħabba s-sokor huma ħafna, fosthom hemm it-telf tar-rispett, it-tensjoni bejn il-membri tal-familja jew it-tkissir taʼ familji, il-ħela taʼ flus, u t-telf taʼ l-impjieg. (Proverbji 23:19-21, 29-35) M’humiex tassew taʼ protezzjoni il-livelli taʼ Jehovah rigward l-alkoħol?
18. Huma l-liġijiet t’Alla prattiċi fi kwistjonijiet finanzjarji? Spjega.
18 Il-livelli t’Alla wrew li huma prattiċi wkoll fi kwistjonijiet finanzjarji. Il-Bibbja tħeġġeġ lill-Kristjani biex ikunu onesti u biżlin. (Luqa 16:10; Efesin 4:28; Kolossin 3:23) Minħabba li mxew fuq dan il-parir, ħafna Kristjani ngħataw pożizzjoni aħjar, inkella żammew l-impjieg tagħhom waqt li oħrajn ġew imkeċċijin. Wieħed jibbenefika wkoll finanzjarjament meta jevita drawwiet u vizzji li m’humiex skritturali bħal-logħob taʼ l-ażżard, it-tipjip, u l-abbuż tad-drogi. Bla dubju tistaʼ taħseb f’ħafna eżempji oħrajn li juru kemm huma prattiċi l-livelli t’Alla f’dik li hi ekonomija.
19, 20. Għala huwa għaqli li naċċettaw u nżommu mal-liġijiet divini?
19 Huwa faċli għall-bnedmin imperfetti li jitbiegħdu mil-liġijiet u l-livelli t’Alla. Aħseb ftit dwar l-Iżraelin biswit il-Muntanja Sinaj. Alla qalilhom: “Jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha.” Huma wieġbu: “Kull ma qal il-Mulej aħna nagħmluh.” Madankollu, għamlu eżattament l-oppost! (Eżodu 19:5, 8; Salm 106:12-43) Ejja ma nagħmlux bħalhom u naċċettaw il-livelli t’Alla u nżommu magħhom.
20 Li nżommu mill-qrib mal-liġijiet uniċi li Jehovah ipprovdielna biex iservu bħala gwida f’ħajjitna mhux biss huwa għaqli imma se jagħmilna wkoll ferħanin. (Salm 19:8-12 [19:7-11, NW]) Sabiex nagħmlu dan b’suċċess, irridu wkoll nifhmu u ngħożżu l-valur tal-prinċipji divini. Dan hu s-suġġett taʼ l-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dettaljata dwar ‘il-liġi taʼ Kristu,’ ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Settembru, 1996, paġni 22-32.
Tiftakar Int?
• Għala jistaʼ jkollna fiduċja li l-liġijiet t’Alla huma għall-benefiċċju tagħna?
• Għal liema raġunijiet għandna ngħożżu l-liġi taʼ Jehovah?
• Il-liġijiet t’Alla b’liema modi huma taʼ benefiċċju?
[Stampa f’paġna 13]
Abraham ġie mbierek bil-kbir talli obda l-liġi taʼ Jehovah
[Stampi f’paġna 15]
Ħafna jwarrbu l-liġi divina minħabba l-ansjetajiet tal-ħajja mgħaġġla taʼ llum
[Stampa f’paġna 17]
Bħal fanal tal-port fuq il-blat, il-liġi divina hija stabbli u ma tinbidel qatt