LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 11/1 pp. 9-14
  • Kemm Tħobbha l-Kelma t’Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kemm Tħobbha l-Kelma t’Alla?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ifformaw Xenqa” għall-​Kelma t’Alla
  • Salmista li Kien Iħobb il-​Liġi t’Alla
  • Prinċep li Ażżarda Jkun Differenti
  • Il-​Kelma t’Alla Sostniet lil Ġesù
  • Imitaturi Oħrajn taʼ Kristu
  • Afda fil-Kelma taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Ħalli l-Kelma t’Alla Tkun Dawl fil-Mogħdija Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Baqaʼ Mqabbad maʼ Ġeħova”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Il-Qari tal-Bibbja—Taʼ Siwi u Pjaċevoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 11/1 pp. 9-14

Kemm Tħobbha l-​Kelma t’Alla?

“Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek! Il-​jum kollu ħsiebi fiha.”—SALM 119:97.

1. Liema hu mod wieħed kif individwi li jibżgħu minn Alla juru mħabbithom għall-​Kelma t’Alla?

MIJIET taʼ miljuni taʼ rġiel u nisa għandhom Bibbja. Imma hemm differenza bejn li jkollok Bibbja u li tkun tħobb il-​Kelma t’Alla. Jistaʼ xi ħadd jgħid li verament iħobb il-​Kelma t’Alla jekk rari jaqraha? Dażgur li le! B’kuntrast, xi wħud li qabel ftit li xejn kellhom stima għall-​Bibbja issa qegħdin jaqrawha kuljum. Dawn tgħallmu jħobbu l-​Kelma t’Alla, u bħas-​salmista, issa ħsiebhom fiha ‘l-​jum kollu.’—Salm 119:97.

2. Il-​fidi taʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah kif sostnietu taħt kundizzjonijiet diffiċli?

2 Wieħed li tgħallem iħobb il-​Kelma t’Alla huwa Nasho Dori. Flimkien maʼ sħabu li kienu taʼ l-​istess twemmin bħalu, hu baqaʼ jaqdi lil Jehovah għal ħafna għaxriet taʼ snin f’art twelidu, l-​Albanija. Matul parti kbira minn dak iż-​żmien, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu taħt projbizzjoni, u dawn il-​Kristjani leali ftit li xejn irċivew letteratura Biblika. Madankollu, il-​fidi taʼ Ħuna Dori baqgħet soda. Dan kif? “Il-​mira tiegħi,” qal hu, kienet “li naqra l-​Bibbja għal minn taʼ l-​inqas siegħa kuljum, u dan għamiltu għal 60 sena sħaħ qabel ma tlift id-​dawl.” Sa ftit żmien ilu, kienet għadha ma teżistix il-​Bibbja sħiħa bl-​Albaniż, imma Ħuna Dori kien tgħallem il-​Grieg meta kien għadu tifel, u għalhekk setaʼ jaqra l-​Bibbja b’dik il-​lingwa. Il-​qari regulari tal-​Bibbja sostna lil Ħuna Dori matul diversi provi li għadda minnhom, u dan jistaʼ jsostni lilna wkoll.

“Ifformaw Xenqa” għall-​Kelma t’Alla

3. Il-​Kristjani liema attitudni għandhom jikkultivaw lejn il-​Kelma t’Alla?

3 “Bħal trabi tat-​twelid,” kiteb l-​appostlu Pietru, “ifformaw xenqa għall-​ħalib mhux imħallat li jappartjeni lill-​kelma.” (1 Pietru 2:2, NW) Sewwa sew bħalma tarbija tixxennaq għall-​ħalib t’ommha, hekk ukoll il-​Kristjani li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom isibu għaxqa kbira f’li jaqraw il-​Kelma t’Alla. Huwa dan kif tħossok int? Jekk le, taqtax qalbek. Int ukoll tistaʼ tikkultiva xenqa għall-​Kelma t’Alla.

4. X’inhu involut biex tagħmel il-​qari tal-​Bibbja drawwa taʼ kuljum?

4 Sabiex tagħmel dan, l-​ewwel iddixxiplina lilek innifsek biex tagħmel il-​qari tal-​Bibbja drawwa regulari, waħda taʼ kuljum jekk jistaʼ jkun. (Atti 17:11) Għandu mnejn li ma jkunx possibbli li tqattaʼ siegħa kuljum taqra l-​Bibbja bħalma kien jagħmel Nasho Dori, imma x’aktarx li tkun tistaʼ twarrab ftit ħin kuljum biex tirrifletti fuq il-​Kelma t’Alla. Ħafna Kristjani jqumu ftit minuti iktar kmieni sabiex jimmeditaw fuq silta mill-​Bibbja. Liema mod aħjar jistaʼ jkun hemm biex tibda l-​ġurnata? Oħrajn jippreferu jispiċċaw il-​ġurnata billi jaqraw il-​Bibbja eżatt qabel jidħlu jorqdu. Jerġaʼ oħrajn jaqraw il-​Bibbja f’xi ħin konvenjenti ieħor. L-​importanti hu li taqra l-​Bibbja regolarment. Imbagħad, ħu ftit mumenti biex timmedita fuq dak li tkun qrajt. Ejja nikkunsidraw ftit eżempji taʼ xi individwi li bbenefikaw billi qraw u mmeditaw fuq il-​Kelma t’Alla.

Salmista li Kien Iħobb il-​Liġi t’Alla

5, 6. Għalkemm ma nistgħux inkunu nafu x’jismu l-​kittieb taʼ Salm 119, x’nistgħu nitgħallmu meta naqraw u nimmeditaw fuq dak li kiteb?

5 Il-​kittieb taʼ Salm 119 ċertament li kellu apprezzament profond għall-​Kelma t’Alla. Dan is-​salm min kitbu? Il-​kittieb m’huwiex identifikat fil-​Bibbja. Madankollu, mill-​kuntest niskopru xi dettalji dwaru, u nafu li ħajtu ma kinitx ħielsa mill-​problemi. Xi wħud minn dawk taʼ madwaru li suppost kienu adoraturi taʼ Jehovah ma kellhomx l-​istess imħabba li kellu hu għall-​prinċipji tal-​Bibbja. Minkejja dan, is-​salmista ma ħalliex l-​attitudni tagħhom iżżommu lura milli jagħmel dak li hu sewwa. (Salm 119:23) Jekk int tgħix jew taħdem maʼ xi ħadd li m’għandu ebda rispett lejn il-​livelli tal-​Bibbja, tistaʼ tara kemm is-​sitwazzjoni tas-​salmista tixbah lil dik tiegħek.

6 Għalkemm is-​salmista kien bniedem devot, hu ma kienx xi wieħed li jridha taʼ tajjeb. Kien jirrikonoxxi bil-​miftuħ l-​imperfezzjonijiet tiegħu stess. (Salm 119:5, 6, 67) Madankollu, hu ma ħalliex id-​dnub jikkontrollah. “Kif jistaʼ żagħżugħ jimxi safi fi [“jnaddaf,” NW] triqtu?” It-​tweġiba tiegħu: “Billi jħares il-​kelma tiegħek.” (Salm 119:9) Imbagħad, waqt li enfasizza x’forza għat-​tajjeb hi l-​Kelma t’Alla, is-​salmista żied: “Jien żammejt kelmtek f’qalbi, biex ma nidneb qatt kontrik.” (Salm 119:11) Il-​forza li tistaʼ tgħinna nevitaw li nidinbu kontra Alla hija qawwija tabilħaqq!

7. Għala għandhom iż-​żgħażagħ, b’mod speċjali, ikunu konxji dwar il-​bżonn li jaqraw il-​Bibbja kuljum?

7 Iż-​żgħażagħ Kristjani jagħmlu tajjeb jekk jikkunsidraw il-​kliem tas-​salmista. Illum iż-​żgħażagħ Kristjani jinsabu taħt attakk. Ix-​Xitan tgħidx kemm jieħu gost kieku jkun jistaʼ jħassar lill-​ġenerazzjoni li tielgħa t’adoraturi taʼ Jehovah. L-​għan taʼ Satana hu li jħajjar liż-​żgħażagħ Kristjani biex iċedu għax-​xewqat tal-​ġisem u jiksru l-​liġijiet t’Alla. Il-​films u l-​programmi televiżivi taʼ spiss jirriflettu l-​ħsieb tax-​Xitan. L-​artisti fi programmi bħal dawn jidhru attraenti u jintgħoġbu; relazzjonijiet immorali bejniethom jiġu mpinġijin bħala normali. X’messaġġ jagħtu? ‘Ma jimpurtax jekk uħud li m’humiex miżżewġin ikollhom relazzjonijiet sesswali maʼ xulxin, basta jkunu verament jinħabbu.’ B’sogħba, kull sena numru taʼ Kristjani żgħażagħ jisfaw vittma taʼ raġunar bħal dan. Il-​fidi taʼ xi wħud minnhom iġġarrab nawfraġju. Tabilħaqq, huma jinsabu taħt pressjoni! Imma hija din il-​pressjoni tant kbira li huwa impossibbli li intom iż-​żgħażagħ tifilħu għaliha? Dażgur li le! Jehovah pprovda mod kif iż-​żgħażagħ Kristjani jistgħu jegħlbu xewqat taʼ ħsara. Huma jistgħu jirreżistu kwalunkwe arma li x-​Xitan kapaċi jivvinta billi ‘jħarsu l-​Kelma t’Alla, u jżommu kelmtu f’qalbhom.’ Kemm tqattaʼ ħin int regolarment f’li taqra u timmedita personalment fuq il-​Bibbja?

8. L-​eżempji msemmijin f’dan il-​paragrafu kif jistgħu jgħinuk tkattar l-​apprezzament tiegħek għal-​Liġi Mosajka?

8 Il-​kittieb taʼ Salm 119 esklama: “Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek!” (Salm 119:97) Għal liema liġi kien qed jirreferi? Għall-​kelma rivelata taʼ Jehovah, inkluż il-​kodiċi tal-​Liġi Mosajka. Mad-​daqqa t’għajn xi wħud għandhom mnejn iwarrbu l-​kodici tal-​Liġi bħala li hija antikwata u jiskantaw kif jistaʼ jeżisti xi ħadd li jħobbha. Madankollu, hekk kif nimmeditaw fuq id-​diversi karatteristiċi tal-​Liġi Mosajka, bħalma għamel is-​salmista, nistgħu napprezzaw l-​għerf li hemm wara dik il-​Liġi. Minbarra l-​ħafna aspetti profetiċi tal-​Liġi, hemm il-​ħtiġijiet sanitarji u dijetetiċi tagħha, li ġabu ’l quddiem l-​indafa u s-​saħħa tajba. (Levitiku 7:23, 24, 26; 11:2-8) Il-​Liġi inkuraġġiet l-​onestà fil-​prattiċi tan-​negozju u wissiet lill-​Iżraeliti biex juru empatija lejn adoraturi sħabhom fil-​bżonn. (Eżodu 22:25, 26 [Eżodu 22:26, 27, NW]; Eżodu 23:6; Levitiku 19:35, 36; Dewteronomju 24:17-21) Ma kellux ikun hemm preferenzi fid-​deċiżjonijiet ġudizzjali. (Dewteronomju 16:19; 19:15) Hekk kif il-​kittieb taʼ Salm 119 kiseb l-​esperjenza fil-​ħajja, hu bla dubju taʼ xejn ra kemm irnexxew dawk li applikaw il-​Liġi t’Alla, u sar jgħożżha iktar. L-​istess illum, hekk kif il-​Kristjani jkollhom suċċess f’li japplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja, l-​imħabba u l-​apprezzament tagħhom għall-​Kelma t’Alla joktru.

Prinċep li Ażżarda Jkun Differenti

9. Is-​Sultan Ħeżekija liema attitudni kkultiva lejn il-​Kelma t’Alla?

9 Il-​kontenut taʼ Salm 119 jaqbel sew maʼ dak li nafu dwar Ħeżekija meta kien għadu prinċep żagħżugħ. Xi studjużi tal-​Bibbja jissuġġerixxu li Ħeżekija kien il-​kittieb taʼ dan is-​salm. Waqt li din m’hijiex xi ħaġa ċerta, li nafu hu li Ħeżekija kellu rispett kbir għall-​Kelma t’Alla. Bil-​mod kif għex ħajtu, wera li kien jaqbel b’qalbu kollha mal-​kliem taʼ Salm 119:97. Dwar Ħeżekija, il-​Bibbja tistqarr: “Kien miġbud lejn il-​Mulej [“tqabbad mal-​Mulej,” Saydon], u ma warrab qatt minn warajh; u kien iħares l-​ordnijiet tiegħu, li l-​Mulej kien ordna lil Mosè.” —2 Slaten 18:6.

10. L-​eżempju taʼ Ħeżekija liema inkuraġġiment jagħti lil Kristjani li ma ġewx imrobbijin minn ġenituri devoti?

10 Skond ma juru r-​rakkonti kollha dwaru, Ħeżekija ma trabbiex ġewwa familja devota. Missieru, is-​Sultan Aħaż, kien idolatra bla fidi li ġiegħel lil minn taʼ l-​inqas wieħed minn uliedu​—ħu Ħeżekija stess—​jiġi maħruq ħaj bħala sagrifiċċju lil alla falz! (2 Slaten 16:3) Minkejja dan l-​eżempju ħażin, Ħeżekija kien kapaċi “[“jnaddaf,” NW] triqtu” mill-​influwenzi pagani billi jsir midħla tal-​Kelma t’Alla.—2 Kronaki 29:2.

11. Waqt li Ħeżekija osserva x’kien qed jiġri, kif żvolġew l-​affarijiet għal missieru li tant kien żleali?

11 Hekk kif Ħeżekija beda jikber, beda jara b’għajnejh stess kif l-​idolatra missieru kien qed jittratta l-​kwistjonijiet taʼ l-​Istat. Is-​saltna taʼ Ġuda kienet imdawra bl-​għedewwa. Kien hemm Resin, is-​sultan tas-​Sirja, li ngħaqad mas-​Sultan Pekaħ taʼ Iżrael f’li jassedja lil Ġerusalemm. (2 Slaten 16:5, 6, Karm Żammit) Kien hemm l-​Edumin u l-​Filistin, li għamlu invażjonijiet b’suċċess ġewwa Ġuda u saħansitra ħadu taħt idejhom xi bliet Ġudeani. (2 Kronaki 28:16-19) Aħaż kif ittrattahom dawn il-​kriżijiet? Minflok ma dar lejn Jehovah għall-​għajnuna kontra s-​Sirja, Aħaż dar lejn is-​sultan taʼ l-​Assirja, billi xaħħmu b’deheb u fidda, inkluż dawk mit-​teżor tat-​tempju. Imma dan ma ġabx paċi dejjiema għal Ġuda.—2 Slaten 16:6, 8, KŻ.

12. Billi jagħmel liema ħaġa setaʼ Ħeżekija jevita li jirrepeti l-​iżbalji li għamel missieru?

12 Maż-​żmien, Aħaż miet u Ħeżekija laħaq sultan fl-​età taʼ 25 sena. (2 Kronaki 29:1) Hu kien għadu relattivament żagħżugħ, imma dan ma żammux milli jkollu suċċess bħala sultan. Minflok ma imita l-​kondotta taʼ missieru li tant kien żleali, hu żamm sħiħ mal-​Liġi taʼ Jehovah. Dan kien jinkludi l-​kmandament speċjali għas-​slaten: “Meta [s-sultan] joqgħod fuq it-​tron taʼ saltnatu, jikteb mill-​ġdid din il-​liġi fi ktieb minn fuq dik li hemm għand il-​qassisin Leviti. U jżommha dejjem għandu u jaqraha l-​jiem kollha taʼ ħajtu, biex jitgħallem jibżaʼ mill-​Mulej, Alla tiegħu, u jħares il-​kliem kollu taʼ din il-​liġi.” (Dewteronomju 17:18, 19) Billi jaqra l-​Kelma t’Alla kuljum, Ħeżekija kien se jitgħallem jibżaʼ minn Jehovah u jevita li jirrepeti l-​iżbalji li għamel missieru li tant kien ħażin.

13. Kristjan kif jistaʼ jkun żgur li f’sens spiritwali se jirnexxi f’kulma jagħmel?

13 Ma kinux biss is-​slaten taʼ Iżrael li ġew inkuraġġiti jagħtu attenzjoni l-​ħin kollu għall-​Kelma t’Alla, imma l-​Iżraeliti kollha li kellhom il-​biżaʼ t’Alla kellhom jagħmlu dan. L-​ewwel Salm jiddeskrivi raġel verament hieni bħala wieħed li l-​“liġi tal-​Mulej hi l-​għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-​liġi tiegħu.” (Salm 1:1, 2) Dwar raġel bħal dan, is-​salmista jgħid: “Hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.” (Salm 1:3) B’kuntrast, dwar dak li m’għandux fidi f’Alla Jehovah, il-​Bibbja tgħid: “Hu bniedem mifxul fih innifsu, u m’huwiex żgur mit-​triq li jagħżel.” (Ġakbu 1:8) Aħna lkoll nixtiequ li nkunu henjin u li jkollna suċċess. Qari regulari u sinjifikanti tal-​Bibbja jistaʼ jikkontribwixxi għall-​hena tagħna.

Il-​Kelma t’Alla Sostniet lil Ġesù

14. Ġesù kif wera mħabbtu għall-​Kelma t’Alla?

14 Darba minnhom, il-​ġenituri taʼ Ġesù sabuh bil-​qegħda f’nofs l-​għalliema fit-​tempju taʼ Ġerusalemm. Dawn l-​esperti fil-​Liġi t’Alla ‘baqgħu mistagħġbin bid-​dehen u t-​tweġibiet tiegħu’! (Luqa 2:46, 47) Dan kien meta Ġesù kien għad għandu 12-il sena. Iva, anki f’dik l-​età tenera, deher ċar kemm kien jgħożżha l-​Kelma t’Alla. Iktar tard, Ġesù uża l-​Iskrittura biex iċanfar lix-​Xitan, billi qallu: “Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.” (Mattew 4:3-10) Ftit wara, Ġesù ppriedka lill-​abitanti taʼ Nazaret, il-​post fejn trabba, billi uża l-​Iskrittura.—Luqa 4:16-21.

15. Ġesù kif stabbilixxa eżempju meta kien qed jippriedka lil oħrajn?

15 Ġesù taʼ spiss kien jikkwota mill-​Kelma t’Alla biex jappoġġa t-​tagħlim tiegħu. Dawk li kienu jisimgħuh “baqgħu mistagħġba bit-​tagħlim tiegħu.” (Mattew 7:28) U mhux taʼ b’xejn—it-​tagħlim taʼ Ġesù kien ġej mingħand Alla Jehovah nnifsu! Ġesù qal: “It-​tagħlim tiegħi m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni. Min jgħid xi ħaġa minn moħħu jkun qiegħed ifittex il-​glorja tiegħu nnifsu. Iżda min ifittex il-​glorja taʼ min ikun bagħtu, dan ikun jgħid is-​sewwa, u fih ma jkun hemm ebda qerq.”—Ġwann 7:16, 18.

16. Ġesù sa liema punt urieha l-​imħabba tiegħu għall-​Kelma t’Alla?

16 Kuntrarju għall-​kittieb taʼ Salm 119, Ġesù ma kellu “ebda qerq” fih. Hu kien bla dnub, l-​Iben t’Alla, li “ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-​mewt.” (Filippin 2:8; Lhud 7:26) Madankollu, għalkemm Ġesù kien perfett, hu studja u obda l-​Liġi t’Alla. Dan kien fattur fundamentali biex hu kien kapaċi jżomm l-​integrità. Meta Pietru uża s-​sejf biex jipprova ma jħallix li l-​Imgħallem tiegħu jiġi arrestat, Ġesù ċanfar lill-​appostlu u staqsieh: “Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun taʼ anġli? Iżda mbagħad kif isseħħ l-​iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?” (Mattew 26:53, 54) Iva, għal Ġesù t-​twettiq taʼ l-​Iskrittura kien iktar importanti milli jiskansa mewta krudili u umiljanti. X’imħabba li tispikka kellu għall-​Kelma t’Alla!

Imitaturi Oħrajn taʼ Kristu

17. Il-​Kelma t’Alla kemm kienet importanti għall-​appostlu Pawlu?

17 L-​appostlu Pawlu lil sħabu Kristjani kitbilhom: “Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu.” (1 Korintin 11:1) Bħall-​Imgħallem tiegħu, Pawlu żviluppa għożża għall-​Iskrittura. Hu ammetta: “Fil-​profond taʼ qalbi tassew inħobbha b’għożża kbira l-​Liġi t’Alla.” (Rumani 7:22, The Jerusalem Bible) Pawlu taʼ spiss kien jikkwota mill-​Kelma t’Alla. (Atti 13:32-41; 17:2, 3; 28:23) Meta ta l-​aħħar istruzzjonijiet lil Timotju, sieħbu tal-​qalb fil-​ministeru, Pawlu enfasizza s-​sehem importanti li l-​Kelma t’Alla għandu jkollha fil-​ħajja taʼ kuljum taʼ kull “bniedem taʼ Alla.”—2 Timotju 3:15-17.

18. Semmi eżempju taʼ wieħed li, fi żmienna, wera rispett lejn il-​Kelma t’Alla.

18 Bosta qaddejja leali taʼ Jehovah fi żmienna imitaw b’mod simili l-​imħabba li Ġesù kellu għall-​Kelma t’Alla. Kmieni f’dan is-​seklu, wieħed żagħżugħ irċieva Bibbja mingħand ħabiba tiegħu. Hu ddeskriva l-​effett li kellu fuqu dan ir-​rigal prezzjuż: “Kont determinat li ma nħallix ġurnata tgħaddi bla ma naqra silta mill-​Bibbja.” Dan iż-​żagħżugħ kien Frederick Franz, u l-​imħabba tiegħu għall-​Bibbja wasslitu biex igawdi ħajja twila u taʼ suċċess fis-​servizz taʼ Jehovah. Ħafna jiftakru b’għożża l-​abbiltà li kellu biex jikkwota kapitli sħaħ mill-​Bibbja bl-​amment.

19. Xi wħud kif iqassmuh il-​qari tal-​Bibbja taʼ kull ġimgħa għall-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku?

19 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jpoġġu enfasi kbira fuq il-​qari regulari tal-​Bibbja. Kull ġimgħa, bi preparazzjoni għal waħda mil-​laqgħat tagħhom, l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, huma jaqraw diversi kapitli mill-​Bibbja. Matul il-​laqgħa jiġu diskussi l-​punti prinċipali tal-​qari tal-​Bibbja assenjat għal dik il-​ġimgħa. Xi Xhieda jsibuha iktar faċli li jaqsmu l-​qari tal-​Bibbja taʼ kull ġimgħa f’sebaʼ sezzjonijiet qosra u jaqraw sezzjoni kuljum. Huma u jaqraw, joqogħdu jirriflettu fuq il-​materjal. Meta jkun possibbli, jagħmlu wkoll xi riċerka bl-​għajnuna taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja.

20. X’hemm bżonn sabiex nagħmlu l-​ħin għall-​qari regulari tal-​Bibbja?

20 Għandu mnejn ikollok bżonn ‘tirbaħ iż-​żmien’ minn attivitajiet oħrajn sabiex taqra l-​Bibbja regolarment. (Efesin 5:16, Saydon) Madankollu, il-​benefiċċji huma bil-​wisq akbar minn kwalunkwe sagrifiċċju li tistaʼ tagħmel. Hekk kif tiżviluppa d-​drawwa li taqra l-​Bibbja kuljum, l-​imħabba tiegħek għall-​Kelma t’Alla se tikber. F’qasir żmien, se tiġi mqanqal sabiex tgħid mas-​salmista: “Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek! Il-​jum kollu ħsiebi fiha.” (Salm 119:97) Attitudni bħal din se ġġib benefiċċji kbar issa u fil-​futur, bħalma se jurina l-​artiklu li jmiss.

Tiftakar Int?

◻ Il-​kittieb taʼ Salm 119 kif wera mħabba profonda għall-​Kelma t’Alla?

◻ Liema lezzjonijiet nistgħu nisiltu mill-​eżempji taʼ Ġesù u taʼ Pawlu?

◻ Kif nistgħu aħna personalment nikbru fl-​imħabba tagħna għall-​Kelma t’Alla?

[Stampi f’paġna 10]

Is-​slaten leali kellhom jaqraw il-​Kelma t’Alla regolarment. Int hekk tagħmel?

[Stampa f’paġna 12]

Saħansitra meta kien għadu tifel, Ġesù kellu mħabba għall-​Kelma t’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja