Konvenzjoni Distrettwali tax-Xhieda taʼ Jehovah għas-Sena 2002 “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna”
1 “Fraħt meta qaluli: ‘Sejrin f’dar il-Mulej.’” (Salm 122:1) Meta teżamina l-espressjoni tas-salmista, innota (1) kif ħassu meta ġie mistieden biex jingħaqad f’li jagħti qima lil Jehovah, (2) il-ħbieb tajbin li kellu, li kienu wkoll interessati b’mod ħerqan fil-qima pura, u (3) l-ippjanar li kien hemm bżonn biex l-istedina tingħata lil ħaddieħor, kulħadd jinġabar flimkien, u jivvjaġġa lejn id-dar t’Alla.
2 Ma jirriflettix il-kliem tas-salmista s-sentimenti tagħna stess meta nisimgħu li qed isiru l-pjanijiet għall-konvenzjoni tagħna li jmiss? Qed inħarsu ’l quddiem ħafna għal dak li ġej hekk kif niftakru l-ferħ li gawdejna fil-konvenzjonijiet li għaddew, u qed inħarsu ’l quddiem biex nerġgħu nkunu f’laqgħa speċjali maʼ sħabna li jħobbu lil Jehovah. Diġà saru xi arranġamenti għall-Konvenzjoni Distrettwali “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna” li se ddum tlett ijiem u li se ssir f’Malta mis-6 sat-8 taʼ Settembru 2002. Issa huwa ż-żmien li nagħmlu l-pjanijiet tagħna biex nattendu u nirċievu l-aħjar benefiċċju mill-festa spiritwali li qed tistenniena.
3 “Il-prokuratur leali, il-wieħed diskret,” beda jipprepara l-ikel spiritwali f’waqtu li se jiġi servut fil-konvenzjoni. (Lq. 12:42, NW) Ukoll, ħafna aħwa diġà bdew jorganizzaw id-diversi dipartimenti tal-konvenzjoni sabiex “isir kollox kif imur u bl-ordni.” (1 Kor. 14:40) Issa li hemm tant affarijiet diġà lesti għall-benefiċċju u l-konvenjenza tagħna, x’nistgħu nagħmlu personalment biex nippreparaw għall-konvenzjoni?
4 Ippjana minn Issa biex Tattendi t-Tlett Ijiem Kollha: Għandek bżonn tistaqsi lill-imgħallem għal-leave sabiex tattendi l-konvenzjoni kollha? Jehovah jifhem li xi mgħallmin “huma ħorox.” (1 Pt. 2:18) Iżda l-konvenzjonijiet tagħna huma importanti ħafna, u rridu nagħmlu sforz kbir sabiex nattendu għall-programm kollu. Tkellem maʼ Jehovah fit-talb dwar affarijiet bħal dawn, u fittex il-gwida tiegħu għal riżultati tajbin.—Neħ. 2:4.
5 Agħti Ħarsa Lejn il-Kongregazzjoni: Jekk nafu dwar xi ħadd mill-aħwa li għandu bżonn fiżiku jew materjali u minħabba dan jistaʼ jkun diffiċli għalih li jattendi għall-konvenzjoni, nistgħu aħna ‘niftħu qalbna beraħ’ bl-imħabba u nipprovdu xi għajnuna? (2 Kor. 6:12, 13; Dt. 15:7) Dan hu l-ispirtu li Pawlu ħeġġeġ biex ikollna fit-2 Korintin 8:14. Għax ma tistidinx lil uħud bħal dawn biex jaslu miegħek sal-konvenzjoni? Jekk huma pijunieri, x’aktarx li għandhom ħafna esperjenzi sbieħ x’jaqsmu miegħek intom u sejrin. Jekk huma membri avanzati tal-kongregazzjoni, jistaʼ jkun li għandhom storja taʼ ġrajjiet teokratiċi meraviljużi li int qatt ma smajt. Ma taħsibx li sħubija maʼ dawn l-aħwa se tħalli effett tajjeb fuqek u l-familja tiegħek? L-ispirtu ġeneruż tiegħek se jkun apprezzat minnhom u premjat minn Jehovah. (Prov. 28:27; Mt. 10:42) Għalkemm lil dawk bi bżonnijiet speċjali jieħdu ħsiebhom primarjament il-qraba Kristjani, l-anzjani u l-oħrajn fil-kongregazzjoni li jafu dwar bżonnijiet bħal dawn jistgħu b’imħabba jgħinu fl-arranġamenti.—1 Tim. 5:4.
6 Offri Ruħek mill-Qalb Bħala Volontier: Matul il-konvenzjoni, mijiet taʼ volontiera jgħinu biex ix-xogħol fid-dipartimenti jimxi ħarir. L-attendants fl-awditorju u fil-post tal-parking jipprovdu direzzjoni għal fejn inpoġġu u joqogħdu għassa mal-karozzi matul il-jum. Id-Dipartiment tat-Tindif għandu l-privileġġ li jżomm ir-reputazzjoni tajba li għandna għall-indafa, filwaqt li jħalli l-post tal-qima temporanju tagħna iktar nadif milli nsibuh. Nistgħu ngħinu lil dan id-dipartiment jew lil xi dipartiment ieħor li jistaʼ jagħmel użu mill-appoġġ tagħna? Se toffri l-għajnuna tiegħek bħala volontier biex taqdi “qalb waħda” maʼ ħutek?—Sof. 3:9.
7 In-Nies Jinnotaw Verament Dak li Nagħmlu? Matul konvenzjoni distrettwali waħda tas-sena li għaddiet, raġel li waqaf jistudja max-Xhieda taʼ Jehovah iktar minn 20 sena ilu kien qed jaħdem f’lukanda. Hu stqarr maʼ xi Xhieda li issa kien qed jaħseb biex jerġaʼ jibda jistudja l-Bibbja u jmur għal-laqgħat. Għala? Minħabba kemm ġie trattat b’imħabba matul il-jiem li x-Xhieda kienu fil-lukanda.
8 Impjegat f’ħanut taʼ lukanda qal dwar ħutna: “Il-grupp tagħkom hu l-aħjar wieħed minn dawk li joqogħdu fil-lukanda tagħna. In-nies tagħkom huma tant paċenzjużi u edukati.” Min jaf kemm jagħmlu kburi dan lil Missierna tas-sema hekk kif jarana nimxu mat-twissija taʼ Ġesù: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”!—Mt. 5:16.
9 Jalla nirriflettu l-attitudni tas-Sultan David, li bil-ferħ ħares ’il quddiem lejn li jmur fid-dar tal-qima taʼ Jehovah. Il-konvenzjonijiet distrettwali tagħna huma sors vitali taʼ ikel spiritwali u opportunità li m’hawnx bħalha taʼ sħubija kollha mħabba. Għalhekk, bil-ħeġġa nistidnuk tibda tagħmel l-arranġamenti tiegħek biex din is-sena tattendi s-sessjonijiet kollha tat-tlett ijiem kollha tal-Konvenzjoni Distrettwali “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna”!
[Kaxxa f’paġna 3]
Ħinijiet tal-Programm
Il-Ġimgħa u s-Sibt
9:30 a.m. - 5.00 p.m.
Il-Ħadd
9:30 a.m. - 4.00 p.m.