Stinka Biex Issir Midħla taʼ Jehovah
“ERSQU lejn Alla, u hu jersaq lejkom,” kiteb id-dixxiplu Ġakbu. (Ġakbu 4:8) U s-salmista David kanta: “Midħla l-Mulej taʼ dawk li jibżgħu minnu.” (Salm 25:14) Jidher ċar li Alla Jehovah jrid li jkollna relazzjoni intima miegħu. Madankollu, mhux bilfors li kulmin iqim lil Alla u jobdi l-liġijiet tiegħu jħossu qrib tiegħu.
Xi ngħidu dwarek? Għandek int relazzjoni persunali mill-qrib m’Alla? Bla dubju, int tixtieq li jkollok relazzjoni eqreb miegħu. Kif nistgħu nsiru midħla t’Alla? Dan x’ikun ifisser għalina? It-tielet kapitlu tal-ktieb Bibliku taʼ Proverbji jagħtina t-tweġibiet.
Uri Qalb Tajba bl-Imħabba u Fedeltà
Is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem jibda t-tielet kapitlu taʼ Proverbji bil-kliem: “Ibni, tinsiex it-tagħlim tiegħi, iżda żomm f’qalbek il-kmandamenti tiegħi; għax għomor twil u ħafna snin, u riżq tajjeb iġibulek.” (Proverbji 3:1, 2) Ladarba Salamun kiteb taħt ispirazzjoni divina, dan il-parir bħal taʼ missier ġej fil-fatt mingħand Alla Jehovah u huwa indirizzat lilna. Hawnhekk ningħataw il-parir biex nimxu skond it-tfakkiriet t’Alla—il-liġi, jew it-tagħlim, u l-kmandamenti tiegħu—kif imniżżlin fil-Bibbja. Jekk nagħmlu dan, “għomor twil u ħafna snin, u riżq tajjeb” se jiżdidulna. Iva, saħansitra issa nistgħu ngawdu ħajja mimlija riżq u nistgħu nevitaw li niġru wara affarijiet li jpoġġuna fil-periklu taʼ mewta qabel il-waqt kif taʼ sikwit jiġri lil min jagħmel il-ħażen. Iktar minn hekk, nistgħu nifirħu bit-tama taʼ ħajja eterna f’dinja ġdida taʼ paċi.—Proverbji 1:24-31; 2:21, 22.
Salamun ikompli billi jgħid: “[“Il-qalb tajba bl-imħabba,” “NW”] u l-fedeltà tħallihomx iħalluk; maʼ għonqok orbothom; iktibhom f’qalbek. Hekk issib xorti u isem tajjeb quddiem Alla u l-bnedmin.”—Proverbji 3:3, 4.
Il-kelma għal “qalb tajba bl-imħabba” fil-lingwa oriġinali tistaʼ tiġi tradotta wkoll “imħabba leali” u tinvolvi fedeltà, solidarjetà, u lealtà. Determinati aħna li nibqgħu marbutin maʼ Jehovah jiġri x’jiġri? Nuru aħna qalb tajba bl-imħabba fir-relazzjonijiet tagħna maʼ sħabna taʼ l-istess twemmin? Nistinkaw aħna biex inżommu relazzjoni mill-qrib magħhom? Fl-affarijiet taʼ kuljum li nagħmlu magħhom, inżommu aħna ‘l-liġi tal-qalb tajba bl-imħabba fuq ilsienna’ anki meta nkunu taħt l-iktar ċirkustanzi taʼ prova?—Proverbji 31:26, NW.
Billi huwa abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba, Jehovah hu ‘lest biex jaħfer.’ (Salm 86:5, KŻ) Jekk indimna minn dnubietna tal-passat u qed niddrittaw il-mogħdijiet tagħna, nistgħu nibqgħu ċerti li se jiġu “żminijiet taʼ mistrieħ” mingħand Jehovah. (Atti 3:20 [3:19, NW]) Għandna aħna nimitaw lil Alla tagħna billi naħfru n-nuqqasijiet taʼ oħrajn?—Mattew 6:14, 15.
Jehovah hu “Alla tas-sewwa,” u hu jrid “fedeltà” minn dawk li qed ifittxu li jkunu midħla tiegħu. (Salm 31:6 [31:5, NW]) Nistgħu aħna nistennew tassew li Jehovah jkun il-Ħabib tagħna jekk ngħixu ħajja doppja—naġixxu mod meta nkunu maʼ Kristjani sħabna u mod ieħor meta ma jarawniex—bħal “nies giddieba” li jaħbu t-tip taʼ persuna li huma? (Salm 26:4) Xi bluha tkun kieku nagħmlu hekk, ladarba “kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla”!—Lhud 4:13.
Il-qalb tajba bl-imħabba u l-fedeltà għandhom jiġu stmati bħallikieku kullana imprezzabbli ‘marbuta maʼ għonqna,’ għaliex dawn jgħinuna nsibu ‘xorti quddiem Alla u l-bnedmin.’ Dawn il-kwalitajiet ma rridux nuruhom minn barra biss imma rridu wkoll innaqqxuhom ‘f’qalbna,’ billi nagħmluhom parti minsuġa fil-personalità tagħna.
Ikkultiva Fiduċja Assoluta f’Jehovah
Is-sultan għaref ikompli: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”—Proverbji 3:5, 6.
Jehovah żgur li jixraqlu l-fiduċja sħiħa tagħna. Bħala l-Ħallieq, hu “vigoruż fil-qawwa” u hu s-Sors taʼ l-“enerġija dinamika.” (Isaija 40:26, 29, NW) Hu kapaċi jwettaq l-iskopijiet kollha tiegħu. Fil-fatt, ismu stess ifisser letteralment “Hu Jikkaġuna li Jsir,” u dan jgħinna nibnu l-fiduċja tagħna fl-abbiltà tiegħu li jwettaq dak li wiegħed! Il-fatt li “Alla ma jigdibx” jagħmlu l-iktar mudell ideali taʼ verità. (Lhud 6:18) L-iktar kwalità dominanti tiegħu hija l-imħabba. (1 Ġwann 4:8) Hu “ġust . . . fl-imġiba tiegħu kollha, twajjeb [“leali,” NW] f’dak kollu li għamel.” (Salm 145:17) Jekk ma nistgħux nafdaw lil Alla, lil min nistgħu nafdaw? M’għandniex xi ngħidu, biex nikkultivaw fiduċja fih, għandna bżonn li ‘nipprovaw u naraw kemm hu tajjeb il-Mulej’ billi napplikaw dak li nitgħallmu mill-Bibbja fil-ħajja persunali tagħna u billi nirriflettu fuq it-tajjeb li joħroġ minn dan.—Salm 34:9 [34:8, NW].
Kif nistgħu ‘naħsbu fih f’kull ma nagħmlu’? Is-salmista ispirat jgħid: “Naħseb f’kull ma int għamilt; nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.” (Salm 77:13 [77:12, NW]) Ladarba Alla hu inviżibbli, huwa vitali li nimmeditaw fuq ix-xogħlijiet taʼ l-għaġeb tiegħu u kif hu aġixxa mal-poplu tiegħu jekk irridu nsiru midħla tiegħu.
It-talb huwa mod importanti ieħor kif naħsbu f’Jehovah. Is-Sultan David baqaʼ jsejjaħ lil Jehovah l-“ħin kollu.” (Salm 86:3) David taʼ spiss talab matul il-lejl, bħal meta kien maħrub fid-deżert. (Salm 63:6, 7) “Itolbu dejjem fl-Ispirtu,” ħeġġeġ l-appostlu Pawlu. (Efesin 6:18) Kemm-il darba nitolbu? Nieħdu pjaċir aħna b’komunikazzjoni persunali m’Alla li tkun ġejja mill-qalb? Meta nħabbtu wiċċna maʼ sitwazzjonijiet taʼ prova, nissupplikaw aħna għall-għajnuna tiegħu? Infittxuha l-gwida tiegħu permezz tat-talb qabel ma nieħdu xi deċiżjonijiet importanti? It-talb sinċier tagħna se jagħmilna għeżież għal Jehovah. U għandna l-assiguranza li hu se jismaʼ t-talb tagħna u ‘jwittilna triqatna.’
Xi bluha tkun jekk ‘nafdaw fl-għaqal tagħna’ jew f’dak taʼ persuni prominenti fid-dinja meta nistgħu npoġġu l-fiduċja kollha tagħna f’Jehovah! “Toqgħodx taħseb kemm inti għaref,” jgħid Salamun. Għall-kuntrarju, hu jwissi: “Imma ibżaʼ mill-Mulej u warrab mill-ħażen. Ħa jkun dan is-saħħa taʼ ġismek, u d-duwa għal għadmek.” (Proverbji 3:7, 8) L-azzjonijiet, il-ħsibijiet, u l-emozzjonijiet kollha tagħna għandhom ikunu kontrollati minn biżaʼ bnin li noffendu lil Alla. Biżaʼ riverenzjali bħal dan jiskansana milli nagħmlu dak li hu ħażin kif ukoll ifejjaqna u jserraħna spiritwalment.
Agħti lil Jehovah l-Aħjar Tiegħek
Liema ħaġa oħra tistaʼ tgħinna jkollna relazzjoni mill-qrib m’Alla? “Weġġaħ lill-Mulej b’ġidek, u bl-ewwel dħul tal-qligħ tiegħek,” jgħallem is-sultan. (Proverbji 3:9) Li nonoraw lil Jehovah jfisser li jkollna rispett kbir lejh u li neżaltawh pubblikament billi nieħdu sehem fil-proklamazzjoni pubblika taʼ ismu u nappoġġawha. Illum, l-affarijiet prezzjużi, jew ġid, li bihom nistgħu nonoraw lil Jehovah huma l-ħin tagħna, it-talenti tagħna, is-saħħa tagħna, u l-ġid materjali tagħna. Dawn għandhom ikunu l-ewwel dħul—l-aħjarnett tagħna. M’għandux il-mod kif aħna nużaw ir-riżorsi persunali tagħna jirrifletti r-riżoluzzjoni tagħna biex nibqgħu ‘nfittxu l-ewwel is-Saltna u . . . [“t-tjieba,” NW] taʼ Alla’?—Mattew 6:33.
Il-fatt li nonoraw lil Jehovah bl-affarijiet prezzjużi tagħna mhux se jibqaʼ għaddej mingħajr ma jiġi premjat. “U jimtlew bil-qamħ l-imħażen tiegħek,” jassigurana Salamun, “u l-imgħasar bl-inbid ifuru.” (Proverbji 3:10) Għalkemm il-prosperità spiritwali minnha nfisha ma twassalx għal prosperità materjali, li nużaw ir-riżorsi tagħna b’mod ġeneruż biex nonoraw lil Jehovah jġibilna barkiet kbar. Għal Ġesù, li jagħmel ir-rieda taʼ missieru kien “ikel” li jsostnih. (Ġwann 4:34) Bl-istess mod, li nieħdu sehem fix-xogħol li jigglorifika lil Alla—l-ippridkar u li nagħmlu dixxipli—isostnina. Jekk nippersistu f’dan ix-xogħol, l-imħażen spiritwali tagħna se jkunu mimlijin sax-xifer. Il-ferħ tagħna—simbolizzat bl-inbid ġdid—se jfur.
Mhux lejn Jehovah nduru u mhux lilu nitolbu biex ikollna wkoll biżżejjed ikel materjali kull ġurnata? (Mattew 6:11) Kull m’għandna, fil-fatt, ġej mingħand Missierna tas-sema li hu mimli mħabba. Jehovah se jferraʼ iktar barkiet fuqna dment li aħna nużaw il-ġid tagħna biex infaħħruh.—1 Korintin 4:7.
Ilqaʼ d-Dixxiplina taʼ Jehovah
Billi jinnota l-importanza tad-dixxiplina f’li nsiru midħla taʼ Jehovah, is-sultan taʼ Iżrael jagħtina l-parir: “Ibni, tistmerrx it-tagħlim tal-Mulej, u tiddejjaqx bit-twiddib tiegħu, għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb, u jgħakkes ’l ibnu l-maħbub.”—Proverbji 3:11, 12.
Madankollu, m’huwiex dejjem faċli għalina li naċċettaw id-dixxiplina. “Tassew li bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna,” kiteb l-appostlu Pawlu, “iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott taʼ ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja.” (Lhud 12:11) It-twiddib u d-dixxiplina huma parti neċessarja mit-taħriġ li jqarrabna iżjed lejn Alla. Il-korrezzjoni mingħand Jehovah—sew jekk nirċivuha mingħand il-ġenituri, permezz tal-kongregazzjoni Kristjana, jew billi nimmeditaw fuq l-Iskrittura waqt l-istudju persunali tagħna—hija espressjoni taʼ l-imħabba t’Alla għalina. Inkunu għaqlin jekk nilqgħuha.
Żomm Sod maʼ l-Għerf u d-Dixxerniment
Imbagħad, Salamun jenfasizza l-importanza taʼ l-għerf u d-dixxerniment biex nikkultivaw relazzjoni mill-qrib m’Alla. Hu jiddikjara: “Hieni min isib l-għerf, u l-bniedem li jikseb id-dehen, għax qligħ l-għerf jiswa aktar mill-fidda, u l-ġid li jġibu hu, aħjar mid-deheb. . . . Hu siġra tal-ħajja għal min iħaddnu; hieni hu min iżomm sħiħ miegħu.”—Proverbji 3:13-18.
Biex ifakkarna fl-għerf u fid-dixxerniment li naraw fil-ħolqien meraviljuż taʼ Jehovah, is-sultan jgħid: “Bl-għerf il-Mulej waqqaf l-art; bid-dehen saħħaħ is-smewwiet . . . Ibni, żomm l-għaqal u l-qjies, twarrabhomx minn quddiem għajnejk; huma jkunu l-ħajja taʼ ruħek, u t-tiżjin taʼ għonqok.”—Proverbji 3:19-22.
L-għerf u d-dixxerniment huma kwalitajiet li ġejjin minn Alla. Aħna mhux biss irridu nikkultivawhom imma rridu nżommu sod magħhom billi qatt ma nittraskuraw l-istudju diliġenti tagħna taʼ l-Iskrittura u l-applikar taʼ dak li nitgħallmu. “Mbagħad timxi bla biżaʼ fi triqtek,” ikompli Salamun, “u ma jogħtrux riġlejk.” Hu jkompli: “Jekk tmur torqod, ma jkollokx għax tibżaʼ; xħin timtedd, jiġik ħelu l-irqad.”—Proverbji 3:23, 24.
Iva, aħna nistgħu nimxu bla biżaʼ u norqdu b’moħħna mistrieħ waqt li nistennew dak il-jum, li qiegħed joqrob bħal ħalliel, meta tiġi “għal għarrieda l-qerda” fuq id-dinja mill-agħar taʼ Satana. (1 Tessalonikin 5:2, 3; 1 Ġwann 5:19) Saħansitra matul it-tribulazzjoni l-kbira li qegħda fuq l-għatba, jistaʼ jkollna din l-assiguranza: “La tibżax minn qtajja għal għarrieda, u lanqas mill-ħsara tal-ħżiena, meta tasal. Għax ikun maʼ ġenbek il-Mulej, u riġlek iħarislek li ma jinqabadx.”—Proverbji 3:25, 26, KŻ; Mattew 24:21.
Agħmel Dak li Hu Tajjeb
“Min ħaqqu l-ġid tiċħadhulux,” iwissi Salamun, “meta dan tistaʼ tagħmlu.” (Proverbji 3:27) Li nagħmlu t-tajjeb lil oħrajn jinvolvi li nużaw ir-riżorsi tagħna biex ngħinuhom, u dan jistaʼ jsir b’diversi modi. Imma x’nistgħu nagħmlu aħjar biex ngħinu lil oħrajn jekk mhux li ngħinuhom jiksbu relazzjoni mill-qrib mal-veru Alla f’dan iż-“żmien taʼ l-aħħar”? (Danjel 12:4) Dan, mela, huwa ż-żmien biex nuru żelu fl-ippridkar tas-Saltna u fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli.—Mattew 28:19, 20.
Is-sultan għaref jagħmel ukoll lista taʼ xi prattiċi li rridu nevitaw, billi jgħid: “Tgħidx lil għajrek: ‘Mur, u erġaʼ ejja; nagħtik għada,’ meta għandek mnejn tagħtih. Tfassalx il-ħsara kontra għajrek, hu u jserraħ bit-tama fik. Titlewwimx maʼ ħaddieħor għal xejn b’xejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Tgħirx għall-bniedem vjolenti, u titħajjarx timxi fuq xi mġiba tiegħu.”—Proverbji 3:28-31.
Billi jiġbor fil-qosor ir-raġuni għall-parir tiegħu, Salamun jgħid: “Għax min jimxi bl-imgħawweġ jistkerrhu l-Mulej, imma f’idejh huma dawk li jimxu bis-sewwa. Is-saħta tal-Mulej f’dar il-ħżiena, imma hu jbierek djar it-tajbin. Min iżeblaħ lill-oħrajn jistmellu l-Mulej, imma lit-twajbin jagħtihom il-grazzja. L-għorrief jirtu l-ġieħ, imma l-boloh jiksbu l-għajb.”—Proverbji 3:32-35.
Jekk irridu nsiru midħla taʼ Jehovah, ma rridux infasslu pjanijiet diżonesti jew li jagħmlu l-ħsara. (Proverbji 6:16-19) Biss jekk nagħmlu dak li hu sewwa f’għajnejn Alla se jkollna l-favur u l-barka tiegħu. Nistgħu nirċievu wkoll unur mhux mitlub meta oħrajn josservaw li aħna naġixxu fi qbil maʼ l-għerf divin. Għalhekk, ejja niċħdu l-modi diżonesti taʼ din id-dinja mill-agħar u vjolenti. Tabilħaqq, ejja nfittxu li nkunu retti u li nsiru midħla taʼ Jehovah!
[Stampi f’paġna 25]
“Weġġaħ lill-Mulej b’ġidek”