Nikkultivaw il-Biżaʼ t’Alla
“Ibżaʼ minn Jehovah u dur lil hinn mill-ħażen.”—Proverbji 3:7.
1. Il-ktieb taʼ Proverbji għal min kien miktub?
IL-KTIEB Bibliku taʼ Proverbji fih abbundanza taʼ pariri spiritwali. Jehovah ipprovda dan il-ktieb taʼ gwida inizzjalment biex jistruwixxi lill-ġens tipiku tiegħu taʼ Iżrael. Illum, jipprovdi qwiel għaqlin għall-ġens Kristjan u qaddis tiegħu, ‘li fuqu waslu t-tmimijiet tas-sistemi taʼ affarijiet.’—1 Korintin 10:11; Proverbji 1:1-5; 1 Pietru 2:9.
2. It-twissija fi Proverbji 3:7 għala hi ferm f’waqtha llum?
2 Billi niftħu Proverbji 3:7, naqraw: “Issirx għaref f’għajnejk stess. Ibżaʼ minn Jehovah u dur lil hinn mill-ħażen.” Minn żmien l-ewwel ġenituri tagħna lil hawn, meta s-Serpent ħajjar lil Eva bil-wegħda taʼ li huma jkunu ‘jafu t-tajjeb u l-ħażin,’ is-sempliċi għerf uman ma rnexxielux iwieġeb għall-ħtiġijiet tal-bnedmin. (Ġenesi 3:4, 5; 1 Korintin 3:19, 20) F’ebda perijodu taʼ l-istorja ma kien dan iktar ċar milli f’dan is-seklu 20—dawn “l-aħħar jiem” meta l-umanità, li qiegħda taħsad il-frott taʼ ħsieb ateistiku, evoluzzjonarju, hija kkastigata bir-razziżmu, bil-vjolenza, u b’kull xorta taʼ immoralità. (2 Timotew 3:1-5, 13; 2 Pietru 3:3, 4) Hija ‘diżordni ġdida dinjija’ li la l-ĠM u lanqas ir-reliġjonijiet maqsumin tad-dinja ma jistgħu jgibuha f’postha.
3. Liema żviluppi kienu pprofetizzati għal żmienna?
3 Il-Kelma profetika t’Alla tgħarrafna li forzi demoniċi marru ’l quddiem lejn “is-slaten taʼ l-art abitata kollha, biex jiġimgħuhom flimkien għall-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox . . . lejn il-post li hu msejjaħ bl-Ebrajk Ħar-Magedon.” (Rivelazzjoni 16:14, 16) Dalwaqt terrur mingħand Jehovah se jiġi fuq dawk is-slaten, jew ħakkiema. Se jkun bħat-twerwir li ġie fuq il-Kangħaniti meta Ġożwè u l-Iżraeliti ġew biex jesegwixxu ġudizzju fuqhom. (Ġożwè 2:9-11) Imma llum huwa l-wieħed iffigurat bil-quddiem minn Ġożwè, Kristu Ġesù—is-“Sultan tas-slaten u Mulej tal-mulejiet”—li se ‘jolqot lill-ġnus, u jirgħahom b’virga tal-ħadid’ f’espressjoni “tar-rabja tal-korla t’Alla li Jistaʼ Kollox.”—Rivelazzjoni 19:15, 16.
4, 5. Min se jsib salvazzjoni, u għala?
4 Min se jsib salvazzjoni f’dak iż-żmien? Dawk salvati se jkunu, mhux dawk imwerwrin bit-twerwir, imma dawk kollha li kkultivaw biżaʼ reverenzjali taʼ Jehovah. Minflok ma jkunu għorrief f’għajnejhom stess, dawn ‘iduru lil hinn mill-ħażen.’ Bl-umiltà, jitimgħu lil imħuħhom b’dak li hu tajjeb, sabiex il-ħażen ma jidħolx fil-ħsieb tagħhom. Huma jgħożżu rispett bnin lejn is-Sovran Mulej Jehovah, l-“Imħallef taʼ l-art kollha,” li wasal biex jagħti l-mewt lil kulmin jiggranfa mal-ħażen, sewwa sew bħalma ġab fix-xejn lis-Sodomiti moralment ħżiena. (Ġenesi 18:25) Tabilħaqq, għan-nies t’Alla stess, “il-biżaʼ taʼ Jehovah huwa bir tal-ħajja, biex wieħed idur lil hinn min-nases tal-mewt.”—Proverbji 14:27.
5 F’dan il-jum taʼ ġudizzju divin, dawk kollha li jiddedikaw lilhom infushom għalkollox lil Jehovah bil-biżaʼ taʼ li xi darba ma jogħġbuhx se jiġu li jirrealizzaw il-verità mistqarra b’mod figurattiv fi Proverbji 3:8: “Jalla [l-biżaʼ taʼ Jehovah] isir fejqan għal żokortok u serħan għall-għadam tiegħek.”
Nonoraw Lil Jehovah
6. Liema ħaġa għandha tqanqalna biex nagħtu kas taʼ Proverbji 3:9?
6 Il-biżaʼ tagħna taʼ apprezzament lejn Jehovah, flimkien maʼ mħabba intensa lejh, għandhom iqanqluna biex nagħtu kas taʼ Proverbji 3:9: “Onora lil Jehovah bl-affarijiet taʼ valur tiegħek u bl-ewwel frott tal-prodott kollu tiegħek.” Aħna ma niġux imġegħlin biex nonoraw lil Jehovah bl-offerti tagħna. Dawn għandhom ikunu volontarji, kif indikat xi 12-il darba minn Eżodu 35:29 sa Dewteronomju 23:23 rigward is-sagrifiċċji f’Iżrael tal-qedem. Dan l-ewwel frott lil Jehovah għandu jkun l-għotjiet l-aqwanett li nistgħu noffru, b’rikonoxximent lejn it-tjubija u l-qalb tajba bl-imħabba li gawdejna minn idu. (Salm 23:6) Għandhom jirriflettu d-deċiżjoni tagħna taʼ li ‘nibqgħu . . . infittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba tiegħu.’ (Mattew 6:33) U x’jirriżulta milli nonoraw lil Jehovah bl-affarijiet taʼ valur tagħna? “Allura l-imħażen tiegħek taʼ provisti se jkunu mimlijin bi kwantità kbira; u b’inbid ġdid il-btieti tiegħek stess se jfuru.”—Proverbji 3:10.
7. Liema l-ewwel frott għandna noffru lil Jehovah, u x’se jkun ir-riżultat?
7 Il-mod primarju kif Jehovah iberikna huwa spiritwali. (Malakija 3:10) Għalhekk, l-ewwel frott li noffrulu għandu jkun primarjament spiritwali. Għandna nużaw il-ħin, l-enerġija, u l-forza vitali tagħna f’li nagħmlu r-rieda tiegħu. Din mill-banda l-oħra se tmantnina, bl-istess mod bħalma attività bħal din saret “ikel” li jsaħħaħ għal Ġesù. (Ġwann 4:34) L-imħażen spiritwali tagħna taʼ provista se jkunu mimlijin, u l-ferħ tagħna, issimbolizzat mill-inbid ġdid, se jfur. Barra minn hekk, hekk kif nitolbu b’fiduċja għal suffiċjenza taʼ ikel materjali għal kull jum, nistgħu b’mod konsistenti nikkontribwixxu ġenerożament mill-mezzi tagħna b’appoġġ għax-xogħol tas-Saltna mad-dinja kollha. (Mattew 6:11) Kulma għandna, inklużi l-assi materjali, ġie għandna mingħand il-maħbub Missierna tas-sema. Hu se jferraʼ iktar barkiet, bil-patt li nużaw dawn l-affarijiet taʼ valur għat-tifħir tiegħu.—Proverbji 11:4; 1 Korintin 4:7.
Twiddib Taʼ Mħabba
8, 9. Kif għandna nħarsu lejn it-twiddib u d-dixxiplina?
8 Fil-versi 11 u 12, Proverbji kapitlu 3 mill-ġdid jitkellem dwar ir-relazzjoni hienja taʼ bejn missier u ibnu li teżisti ġewwa familji devoti, kif ukoll bejn Jehovah u t-tfal spiritwali u maħbubin tiegħu fuq l-art. Naqraw: “Id-dixxiplina taʼ Jehovah, O ibni, tiċħadhiex; u taborrix it-twiddib tiegħu, għaliex lil dak li lilu Jehovah iħobb hu jwiddeb, saħansitra bħalma missier jagħmel lil iben li fih isib gost.” Nies tad-dinja jistmerru t-twiddib. In-nies taʼ Jehovah għandhom jieħdu pjaċir bih. L-appostlu Pawlu kkwota dawn il-kelmiet minn Proverbji, billi qal: “Ibni, iċċekkinx id-dixxiplina mingħand Jehovah, lanqas ma tintelaq meta tiġi kkorreġut minnu; għax lil min Jehovah iħobb hu jiddixxiplinah . . . Veru, ebda dixxiplina ma tidher għalissa li tkun taʼ ferħ, imma taʼ niket; madankollu wara lil dawk li tħarrġu fiha tagħtihom frott taʼ paċi, jiġifieri, it-tjieba.”—Ebrej 12:5, 6, 11.
9 Iva, it-twiddib u d-dixxiplina huma parti neċessarja mit-taħriġ taʼ kull wieħed minna, kemm jekk nirċevuh mingħand ġenituri, kemm jekk permezz tal-kongregazzjoni Kristjana, u kemm jekk waqt li nimmeditaw fuq l-Iskrittura matul l-istudju persunali tagħna. Hija kwistjoni taʼ ħajja u mewt għalina li nagħtu kas id-dixxiplina, bħalma Proverbji 4:1, 13 jistqarr ukoll: “Isimgħu, O wlied, id-dixxiplina taʼ missier u oqogħdu attenti, sabiex tkunu tafu l-fehma. Aqbad mad-dixxiplina; titlaqhiex. Issalvagwardjaha, għax hi nfisha hi ħajtek.”
L-Akbar Hena
10, 11. X’inhuma xi ftit aspetti tal-kliem li jgħaxxqek fi Proverbji 3:13-18?
10 X’espressjonijiet sbieħ isegwu issa, tabilħaqq “kliem li jgħaxxaq u korrett taʼ verità”! (Ekkleżjasti 12:10) Dawn il-kelmiet imnebbħin taʼ Salamun jiddeskrivu l-vera hena. Huma l-kelmiet li għandna nnaqqxu fi qlubna. Naqraw:
11 “Hieni hu r-raġel li sab l-għerf, u r-raġel li jikseb id-dehen, għax li jkollok lilu bħala qligħ hu aħjar milli jkollok il-fidda bħala qligħ u li jkollok lilu bħala prodott milli d-deheb innifsu. Huwa iktar prezzjuż mill-qroll, u l-għaxqiet l-oħra kollha tiegħek ma jistgħux jintgħamlu ugwali għalih. Tul taʼ jiem qiegħed f’idu l-leminija; f’idu x-xellugija hemm rikkezzi u glorja. Il-mogħdijiet tiegħu huma mogħdijiet taʼ gost, u t-toroq kollha tiegħu huma paċi. Huwa siġra tal-ħajja għal dawk li qegħdin jaħtfuh, u dawk li qegħdin jibqgħu jaħtfuh sew għandhom jissejħu henjin.”—Proverbji 3:13-18.
12. L-għerf u d-dehen kif għandhom ikunu taʼ benefiċċju għalina?
12 L-għerf—kemm-il darba huwa msemmi dan fil-ktieb taʼ Proverbji, 46 darba b’kollox! “Il-biżaʼ taʼ Jehovah huwa l-bidu taʼ l-għerf.” Dan hu l-għerf prattiku, divin, ibbażat fuq għarfien tal-Kelma t’Alla li permezz tiegħu n-nies tiegħu jistgħu jkollhom korsa taʼ sigurtà minn ġot-tempesti perikolużi li jqumu b’qilla fid-dinja taʼ Satana. (Proverbji 9:10) Id-dehen, li l-ktieb taʼ Proverbji jirreferi għalih 19-il darba, jimxi id f’id maʼ l-għerf, billi jgħinna nikkumbattu l-makakkeriji taʼ Satana. F’li jwettaq l-atti makakki tiegħu, l-Avversarju l-kbir għandu warajh eluf taʼ snin taʼ esperjenza. Imma aħna għandna xi ħaġa bil-wisq iktar taʼ valur mill-esperjenza bħala għalliem—id-dehen divin, l-abbiltà li niddistingwu t-tajjeb mill-ħażin u li nagħżlu l-mogħdija korretta li rridu naqbdu. Dan hu dak li Jehovah igħallimna permezz tal-Kelma tiegħu.—Proverbji 2:10-13; Efesin 6:11.
13. Liema ħaġa tistaʼ tipproteġina matul żminijiet ekonomiċi ebsin, u kif?
13 Il-kaos ekonomiku fid-dinja taʼ llum huwa ħabbâr tat-twettieq tal-profezija f’Eżekjel 7:19: “Fit-toroq huma se jarmu lill-istess fidda tagħhom, u ħaġa mistkerrha d-deheb tagħhom stess se jsir. La l-fidda tagħhom u lanqas id-deheb tagħhom ma se jkunu jistgħu jeħilsuhom f’jum il-furja taʼ Jehovah.” Il-ġid materjali kollu fuq l-art lanqas jibda jitqabbel mal-qawwa li ssalva taʼ l-għerf u d-dehen. L-għaref Sultan Salamun stqarr f’okkażjoni oħra: “L-għerf hu għal protezzjoni l-istess bħalma l-flus huma għal protezzjoni; imma l-vantaġġ taʼ l-għarfien hu li l-għerf innifsu jżomm ħajjin lis-sidien tiegħu.” (Ekkleżjasti 7:12) Henjin tabilħaqq huma dawk kollha li llum jimxu fil-mogħdijiet taʼ gost taʼ Jehovah u li bil-għerf jagħżlu t-“tul taʼ jiem,” il-ħajja taʼ dejjem li hi l-għotja t’Alla lil kulmin qiegħed jeżerċita fidi fis-sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Ġesù!—Proverbji 3:16; Ġwann 3:16; 17:3.
Nikkultivaw L-Għerf Veru
14. Jehovah b’liema modi wera għerf eżemplari?
14 Huwa xieraq li aħna l-bnedmin, li aħna maħluqin fix-xbiha t’Alla, nistinkaw biex nikkultivaw għerf u dehen, kwalitajiet li Jehovah innifsu wera f’li jwettaq ix-xogħlijiet meraviljużi taʼ ħolqien tiegħu. “Jehovah innifsu fil-għerf sejjes l-art. Hu ffissa b’mod sod is-smewwiet fid-dehen.” (Proverbji 3:19, 20) Hu ssokta jagħmel ħlejjaq ħajjin, mhux permezz taʼ xi proċess taʼ evoluzzjoni mistiku li ma jistax jiġi spjegat, imma permezz taʼ atti diretti taʼ ħolqien, kull wieħed “skond ix-xorta tiegħu” u għal għan taʼ għerf. (Ġenesi 1:25) Meta fl-aħħarnett il-bniedem ġie maħluq b’intelliġenza u abbiltajiet bil-wisq superjuri għal dawk taʼ l-annimali, l-applaws taʼ l-ulied anġeliċi t’Alla bil-fors li dewa u dewa mill-ġdid minn ġos-smewwiet. (Qabbel Ġob 38:1, 4, 7.) Il-previżjoni bid-dehen taʼ Jehovah, l-għerf tiegħu, u l-imħabba tiegħu jidhru ċar fil-produzzjonijiet kollha tiegħu fuq l-art.—Salm 104:24.
15. (a) Għala m’huwiex biżżejjed sempliċement li tikkultiva l-għerf? (b) Proverbji 3:25, 26 għandu jqajjem fina liema fiduċja?
15 Għandna bżonn mhux biss li nikkultivaw il-kwalitajiet taʼ għerf u dehen imma wkoll li nżommu sod magħhom, qatt ma nillaxkaw fl-istudju tagħna tal-Kelma tiegħu. Hu jwissina: “Ibni, jalla ma jitilqux lil hemm minn quddiem għajnejk. Issalvagwardja l-għerf prattiku u l-abbiltà tal-ħsieb, u huma se juru li jkunu ħajja għal ruħek u tiżjina għal gerżumtek.” (Proverbji 3:21, 22) B’hekk nistgħu nimxu fis-sigurtà u fil-paċi tal-moħħ, saħansitra matul ir-resqa bħal ħalliel tal-jum taʼ “qerda f’daqqa” li se tfaqqaʼ fuq id-dinja taʼ Satana. (1 Tessalonkin 5:2, 3) Matul it-tribulazzjoni l-kbira nfisha, “mhux se jkollok bżonn tibżaʼ minn xi ħaġa f’daqqa li tkexkex, lanqas mit-tempesta fuq dawk li huma mill-agħar, għaliex ġejja. Għax Jehovah innifsu se jagħti prova li jkun, effettivament, il-fiduċja tiegħek, u hu ċertament li se jżomm lil sieqek li ma tinqabadx.”—Proverbji 3:23-26.
Imħabba Għal Li Nagħmlu T-Tajjeb
16. Liema azzjoni hi meħtieġa mill-Kristjani minbarra ż-żelu fil-ministeru?
16 Dawn huma jiem biex nuru żelu f’li nippridkaw din l-aħbar tajba tas-Saltna għal xiehda lill-ġnus kollha. Imma dan ix-xogħol taʼ għoti taʼ xiehda jrid jiġi appoġġjat minn attività Kristjana oħra, kif deskritta fi Proverbji 3:27, 28: “Iżżommx lura t-tajjeb minn dawk li lilhom jistħoqq, meta jinzerta li jkun fil-qawwa taʼ idek li tagħmel dan. Tgħidx lil sieħbek: ‘Mur, u ejja lura u għada se nagħti,’ meta hemm xi ħaġa miegħek.” (Qabbel Ġakbu 2:14-17.) Bil-parti l-kbira tad-dinja taħt il-ħatfa tal-faqar u l-ġuħ, kien hemm sejħiet urġenti għalina biex ngħinu lil sħabna, speċjalment lil ħutna spiritwali. Kif wieġbu x-Xhieda taʼ Jehovah?
17-19. (a) Liema ħtieġa urġenti ġiet imwettqa matul l-1993, u b’liema tweġiba? (b) Liema ħaġa turi li ħutna assedjati minn diversi affarijiet qegħdin ‘joħorġu kompletament rebbiħin’?
17 Ħu eżempju wieħed: Matul is-sena li għaddiet, sejħa urġenti għall-għajnuna ġiet minn dik li qabel kienet il-Yugoslavia. Il-fratellanza f’pajjiżi ġirien wieġbu b’mod meraviljuż. Matul ix-xhur kesħin silġ tax-xitwa l-oħra, kienet ħaġa possibbli li diversi convoys bil-għajnuna jippenetraw l-inħawi tal-gwerra, billi ġarrew pubblikazzjonijiet riċenti, ilbies li jsaħħan, ikel, u mediċini lil Xhieda fil-bżonn. Darba minnhom, l-aħwa applikaw biex idaħħlu 15-il tunnellata taʼ provisti taʼ għajnuna, imma meta rċevew il-permess, dan kien għal 30 tunnellata! Xhieda taʼ Jehovah fl-Awstrija malajr bagħtu tliet trakkijiet oħrajn. B’kollox, 25 tunnellata waslu fid-destinazzjoni maħsuba tagħhom. Kemm tgħaxxqu ħutna li rċevew dawn il-provisti kotrana spiritwali u materjali!
18 Dawk li rċevew il-provisti kif wieġbu? Iktar kmieni din is-sena, anzjan kiteb: “L-aħwa rġiel u nisa f’Sarajevo huma ħajjin u jinsabu tajbin, u dak li huwa l-iktar importanti, għadna b’saħħitna spiritwalment biex nissaportu din il-gwerra assurda. Is-sitwazzjoni kienet diffiċli ferm dwar l-ikel. Jalla Jehovah iberikkom u jippremjakom għall-isforzi li għamiltu għalina. L-awtoritajiet għandhom rispett speċjali lejn ix-Xhieda taʼ Jehovah minħabba l-mod taʼ ħajja eżemplari tagħhom u minħabba r-rispett tagħhom lejn l-awtoritajiet. Aħna grati wkoll għall-ikel spiritwali li bgħattulna.”—Qabbel Salm 145:18.
19 Dawn l-aħwa fil-periklu wrew apprezzament, ukoll, permezz tal-ministeru taʼ l-għalqa żeluż tagħhom. Bosta ġirien jiġu għandhom jitolbu studji tal-Bibbja fid-dar. Fil-belt taʼ Tuzla, fejn waslu ħames tunnellati taʼ ikel, 40 pubblikatur irrapportaw 25 siegħa kull wieħed fis-servizz bħala medja matul ix-xahar, b’appoġġ mill-isbaħ għad-disaʼ pijunieri fil-kongregazzjoni. Kellhom attendenza sabiħa ferm taʼ 243 fil-Mafkar tal-mewt taʼ Ġesù. Dawn l-aħwa għeżież qegħdin tabilħaqq ‘joħorġu kompletament rebbiħin permezz tiegħu li ħabbna.’—Rumani 8:37.
20. Liema “ugwaljar” seħħ f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika?
20 Il-ġenerożità murija fil-convoys kbar ħafna taʼ ikel u lbies li jsaħħan mibgħutin bil-baħar f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika wkoll patta għaliha ż-żelu taʼ l-aħwa hemmhekk. Per eżempju, f’Moska l-attendenza tal-Mafkar din is-sena kienet 7,549, imqabbla maʼ 3,500 s-sena l-oħra. Matul l-istess perijodu, il-kongregazzjonijiet f’dik il-belt żdiedu minn 12 għal 16. Fil-pajjiż kollu li qabel kien l-Unjoni Sovjetika (inħallu barra l-Istati Baltiċi), iż-żjieda f’kongregazzjonijiet kienet 14 fil-mija, f’pubblikaturi tas-Saltna 25 fil-mija, u f’pijunieri 74 fil-mija. Xi spirtu taʼ żelu u taʼ li wieħed jissagrifika lilu nnifsu! Ifakkar lil dak li jkun fl-ewwel seklu meta kien hemm “ugwaljar.” Il-Kristjani li kellhom ġid spiritwali u materjali għamlu għotjiet ġenerużi lil dawk f’postijiet inqas iffavoriti, waqt li ż-żelu taʼ dawn il-milqutin ġab ferħ u inkuraġġiment lid-donaturi.—2 Korintin 8:14.
Obgħod Il-Ħażin!
21. X’kuntrast hemm bejn l-għorrief u l-istupidi fil-kelmiet taʼ l-aħħar taʼ Proverbji kapitlu 3?
21 It-tielet kapitlu taʼ Proverbji mbagħad jippreżenta serje taʼ kuntrasti, u jagħlaq b’din it-twissija: “Issirx għajjur għall-bniedem taʼ vjolenza, lanqas ma tagħżel xi waħda mill-mogħdijiet tiegħu. Għax il-qarrieqi hu xi ħaġa mistmerra għal Jehovah, imma l-intimità Tiegħu hi mar-retti. Is-saħta taʼ Jehovah hi fuq id-dar tal-wieħed mill-agħar, imma l-post fejn igħammru t-twajbin ibierku. Jekk għandu x’jaqsam maʼ dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajt, hu nnifsu se jiddieħak; imma lill-ġwejdin se jurihom favur. Unur huwa dak li l-għorrief se jiġu li jippossjedu, imma l-istupidi qegħdin jeżaltaw id-diżunur.”—Proverbji 3:29-35.
22. (a) Kif nistgħu aħna nevitaw id-destin taʼ l-istupidi? (b) L-għorrief liema ħaġa jobogħdu, u liema ħaġa jikkultivaw, b’liema premju?
22 Kif nistgħu nevitaw li niġu magħdudin fost l-istupidi? Irridu nitgħallmu nobogħdu l-ħażin, iva, nitqażżu dak li Jehovah jitqażżeż—il-modi qarriqin kollha taʼ din id-dinja vjolenti u ħatja tad-demm. (Ara wkoll Proverbji 6:16-19.) B’kuntrast, irridu nikkultivaw dak li hu tajjeb—l-istat taʼ li tkun rett, it-tjieba, u l-istat taʼ li tkun ġwejjed—sabiex bl-umiltà u bil-biżaʼ taʼ Jehovah nistgħu naslu għal “rikkezzi u glorja u ħajja.” (Proverbji 22:4) Dan se jkun il-premju għalina lkoll li napplikaw lealment it-twissija: “Afda f’Jehovah b’qalbek kollha.” [w93 12/15]
X’Inhu L-Kumment Tiegħek?
◻ It-test tat-tema taʼ dan l-istudju kif japplika llum?
◻ Kif nistgħu aħna nonoraw lil Jehovah?
◻ Għala m’għandniex inċekknu d-dixxiplina?
◻ L-akbar hena fejn trid tinstab?
◻ Kif nistgħu aħna nħobbu t-tajjeb u nobogħdu l-ħażin?
[Stampa f’paġna 17]
Dawk li joffru l-aqwa tagħhom b’sagrifiċċju lil Jehovah se jiġu mberkin b’mod abbundanti