LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 9/15 pp. 7-12
  • Il-Ħolqien Igħid, “Ma Jistgħux Iġibu Skuża”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ħolqien Igħid, “Ma Jistgħux Iġibu Skuża”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iċ-​Ċiklu tal-​Għaġeb tal-​Ilma
  • Sors Wieħed tal-​Għerf taʼ Salamun
  • Mingħajr Diskors jew Kliem jew Leħen, Jitkellmu!
  • Il-​“Ħallieq” li Qegħdin Jagħżlu l-​Evoluzzjonisti
  • Il-Meravilji tal-Ħolqien Jeżaltaw lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġob
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Il-Premju taʼ Ġob—Sors taʼ Tama
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Il-Ħolqien Ixandar il-Glorja t’Alla!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 9/15 pp. 7-12

Il-Ħolqien Igħid, “Ma Jistgħux Iġibu Skuża”

“Il-​kwalitajiet inviżibbli tiegħu jidhru ċari mill-​ħolqien tad-​dinja ’l quddiem, għaliex jintgħarfu mill-​affarijiet li ntgħamlu, saħansitra l-​qawwa eterna u d-​Divinità tiegħu, b’mod li ma jistgħux iġibu skuża.”—RUMANI 1:20.

1, 2. (a) Ġob liema lment qawwi għamel lil Jehovah? (b) Ġob kif irtira kliemu wara?

ĠOB, raġel tal-​qedem li kien jippossjedi integrità li ma titkissirx lejn Alla Jehovah, kien tpoġġa taħt prova terribbli minn Satana. Ix-​Xitan kien ikkaġuna t-​telfa tal-​ġid materjali kollu taʼ Ġob, kien ġab il-​mewt lil uliedu subien u bniet, u kien ħakmu b’marda tal-​biżaʼ. Ġob ħaseb li kien Alla li kien qed iġib dawn il-​gwajiet kollha fuqu, u lmenta bl-​ikrah maʼ Jehovah: “Huwa tajjeb għalik li għandek tagħmel il-​ħażin, . . . li għandek tipprova ssib l-​iżball tiegħi u li għad-​dnub tiegħi għandek tibqaʼ tfittex? Dan minkejja l-​għarfien tiegħek stess li jien m’inix fil-​ħażin?”—Ġob 1:​12-19; 2:​5-8; 10:​3, 6, 7.

2 Xi żmien wara dan, il-​kliem taʼ Ġob lil Alla rrifletta bidla kompleta: “Jien tkellimt, imma ma kontx qiegħed nifhem affarijiet tal-​għaġeb wisq għalija, li ma nafhomx. Mill-​għidut smajt dwarek, imma issa għajni stess tarak. Dak hu għala nirtira kliemi, u tassew nindem fit-​trab u l-​irmied.” (Ġob 42:​3, 5, 6) X’kien ġara li biddel l-​attitudni taʼ Ġob?

3. Ġob liema fehma ġdida kiseb dwar il-​ħolqien?

3 Fl-​intervall, Jehovah kien ikkonfronta lil Ġob minn ġo tempesta. (Ġob 38:1) Hu kien għarbel lil Ġob bil-​mistoqsijiet. ‘Fejn kont int meta jien sejjist l-​art? Min sakkar lill-​baħar bil-​bibien u qiegħed limiti fuq fejn il-​mewġ tiegħu setaʼ jiġi? Tistaʼ int iġġiegħel l-​isħab jitfgħu x-​xita tagħhom fuq l-​art? Tistaʼ int iġġiegħel lill-​ħaxix jikber? Tistaʼ int torbot flimkien lill-​kostellazzjonijiet u tiggwidahom fil-​korsi tagħhom?’ Fil-​kapitli 38 sa 41 tal-​ktieb taʼ Ġob, Jehovah għamel xita taʼ mistoqsijiet lil Ġob bħal dawn u ħafna oħrajn dwar il-​ħolqien Tiegħu. Hu ġagħal lil Ġob jara l-​qabża tremenda li hemm bejn Alla u l-​bniedem, billi fakkar lil Ġob b’mod qawwi dwar il-​għerf u l-​qawwa riflessi fil-​ħolqien t’Alla, affarijiet bil-​wisq superjuri biex Ġob iwettaqhom jew saħansitra biex jifhimhom. Ġob, imbellah mill-​qawwa tal-​għaġeb u l-​għerf inkredibbli t’Alla li jistaʼ kollox kif irrivelat permezz tal-​ħolqien Tiegħu, tkaża bih innifsu talli ħaseb li kien azzarda jargumenta maʼ Jehovah. Mela qal: “Mill-​għidut smajt dwarek, imma issa għajni stess tarak.”​—Ġob 42:5.

4. X’għandna nilmħu mill-​ħolqien taʼ Jehovah, u x’inhi s-​sitwazzjoni għal dawk li jonqsu li jaraw dan?

4 Ħafna sekli wara, kittieb imnebbaħ tal-​Bibbja kkonferma li l-​kwalitajiet taʼ Jehovah jistgħu jidhru permezz tal-​ħolqien tiegħu. L-​appostlu Pawlu kiteb f’​Rumani 1:​19, 20: “Dak li jistaʼ jkun magħruf dwar Alla jidher fosthom, għax Alla għamlu jidher għalihom. Għax il-​kwalitajiet inviżibbli tiegħu jidhru ċari mill-​ħolqien tad-​dinja ’l quddiem, għaliex jintgħarfu mill-​affarijiet li ntgħamlu, saħansitra l-​qawwa eterna u d-​Divinità tiegħu, b’mod li ma jistgħux iġibu skuża.”

5. (a) Il-​bnedmin liema bżonn ġewwieni għandhom, u xi wħud kif jimlewh b’mod mhux xieraq? (b) Pawlu x’irrakkomandalhom lill-​Griegi taʼ Ateni?

5 Il-​bniedem ġie maħluq bi bżonn ġewwieni li jqim lil qawwa ogħla. Dr. C. G. Jung, fil-​ktieb tiegħu The Undiscovered Self, irrefera għal dan il-​bżonn bħala “attitudni istintiva partikulari għall-​bniedem, u l-​manifestazzjonijiet tagħha jistgħu jiġu segwiti matul l-​istorja umana kollha.” L-​appostlu Pawlu tkellem dwar il-​ġibda ġewwinija tal-​bniedem biex iqim, li jispjega għala l-​Griegi f’Ateni għamlu xbihat u artali lil ħafna allat, magħrufin u m’humiex. Pawlu identifikalhom ukoll lill-​veru Alla u wera li huma għandhom jissodisfaw din il-​ġibda ġewwinija b’mod korrett billi jfittxu lil Jehovah il-​veru Alla, “jekk jistgħu jteftfu fid-​dlam għalih u tassew isibuh, għalkemm, fil-​fatt, m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:​22-30) Daqs kemm aħna ninsabu qrib tal-​ħolqien tiegħu, daqstant ieħor ninsabu qrib biex nilmħu l-​kwalitajiet u l-​attributi tiegħu.

Iċ-​Ċiklu tal-​Għaġeb tal-​Ilma

6. Liema kwalitajiet taʼ Jehovah naraw fiċ-​ċiklu tal-​ilma?

6 Liema kwalitajiet taʼ Jehovah nilmħu, per eżempju, fl-​abbiltà taʼ sħab bħal tajjar li jżomm tunnellati taʼ ilma? Naraw l-​imħabba u l-​għerf tiegħu, għax hu b’hekk jipprovdi ħalbiet taʼ xita biex ibierek l-​art. Hu jagħmel dan permezz tal-​ħsieb tal-​għaġeb involut fiċ-​ċiklu tal-​ilma, imsemmi f’​Ekkleżjasti 1:7: “Il-​kurrenti kollha tax-​xitwa sejrin ’il quddiem lejn il-​baħar, u madankollu l-​baħar innifsu m’huwiex mimli. Lejn il-​post fejn il-​kurrenti tax-​xitwa sejrin, hemmhekk qegħdin imorru lura sabiex imorru ’l quddiem.” Il-​ktieb Bibliku taʼ Ġob hu speċifiku dwar kif dan jiġri.

7. L-​ilma kif jasal fis-​sħab mill-​oċean, u sħab bħal tajjar kif jistaʼ jiflaħ tunnellati taʼ ilma?

7 Meta l-​kurrenti tax-​xitwa jgelglu ġewwa l-​baħar, huma ma jibqgħux hemmhekk. Jehovah “itellaʼ ’l fuq qtar tal-​ilma mill-​baħar u jiddistilla x-​xita miċ-​ċpar li hu għamel.” Minħabba li l-​ilma hu fil-​għamla taʼ fwar u fl-​aħħar isir ċpar irqiq, “is-​sħab jiddendel irpożat fuq rasna, xogħol tal-​għaġeb tas-​sengħa sħiħa tiegħu.” (Ġob 36:27; 37:16; The New English Bible) Is-​sħab iżomm ’il fuq sakemm jibqaʼ ċpar: “Hu jissikka l-​ilmijiet fis-​sħab tiegħu​—iċ-​ċparijiet ma jinfaqgħux taħt il-​piż tagħhom.” Jew kif tgħid traduzzjoni oħra: “Hu jżomm l-​ilmijiet maqfulin f’massi taʼ sħab oħxon, u l-​isħab ma jinfaqax taħt il-​piż tiegħu.”​—Ġob 26:​8, The Jerusalem Bible; NE.

8. Permezz taʼ liema passi differenti jitferrgħu “l-​ġarar tal-​ilma tas-​sema” u jitlesta ċ-​ċiklu tal-​ilma?

8 Dawn il-​“ġarar tal-​ilma tas-​sema—min jistaʼ jferragħhom” biex jikkaġuna li x-​xita tinżel fuq l-​art? (Ġob 38:37) Dak il-​Wieħed li “s-​sengħa sħiħa tiegħu” poġġiethom hemm sa mill-​bidu, li “jiddistilla x-​xita miċ-​ċpar li hu għamel.” U x’inhu meħtieġ biex tiddistilla qtar tax-​xita miċ-​ċparijiet? Irid ikun hemm materjal solidu mikroskopiku, bħal trab jew frak tal-​melħ—minn eluf sa mijiet taʼ eluf minnhom f’kull pulzier kubu taʼ arja—​biex jaġixxu bħala nukleu biex il-​qtar jifforma madwaru. Huwa stmat li hemm bżonn miljun taʼ qtar tas-​sħab irqiq biex tifforma qatra xita medja. Huwa biss wara dan l-​iżvilupp kollu li l-​isħab jistgħu jitfgħu l-​ammonti kbar taʼ ilma tagħhom lejn l-​art biex jifformaw in-​nixxigħat li jirritornaw l-​ilma lejn il-​baħar. B’hekk iċ-​ċiklu tal-​ilma jitlesta minnu nnifsu. U dan kollu b’kumbinazzjoni għamja? “Ma jistgħux iġibu skuża,” tabilħaqq!

Sors Wieħed tal-​Għerf taʼ Salamun

9. Salamun liema ħaġa sabha meraviljuża dwar speċi waħda taʼ nemla?

9 Fid-​dinja tal-​qedem, il-​għerf taʼ Salamun kien bla paragun. Ħafna minn dak il-għerf kien jikkonċerna l-​ħolqien taʼ Jehovah: “[Salamun] kien jitkellem dwar is-​siġar, miċ-​ċedru li qiegħed f’Lebanon saż-​żuf li ħiereġ ’il barra fuq il-​ħajt; u kien jitkellem dwar il-​bhejjem u dwar il-​ħlejjaq li qegħdin itiru u dwar l-​affarijiet li qegħdin jitħarrku u dwar il-​ħutiet.” (1 Slaten 4:33) Kien dan l-​istess Sultan Salamun li kiteb: “Mur għand in-​nemla, ja għażżien; ara mogħdijietha u sir għaref. Għalkemm ma għandha ebda kmandant, fizzjal jew ħakkiem, hi tħejji l-​ikel tagħha saħansitra fis-​sajf; ġabret il-​provisti tal-​ikel tagħha saħansitra fil-​ħsad.”​—Proverbji 6:​6-8.

10. It-​tixbiha taʼ Salamun dwar in-​nemel li jaħsad kif ġiet ivvindikata?

10 Min għallem lin-​nemel biex jaħżnu ikel fis-​sajf biex iservihom matul il-​kesħa tax-​xitwa? Għal sekli sħaħ l-​eżattezza tar-​rakkont taʼ Salamun dwar dawn in-​nemel li jaħsdu żrieragħ u jaħżnuhom għall-​użu fix-​xitwa kien iddubitat. Ħadd ma kien għadu sab xi evidenza dwar l-​eżistenza tagħhom. Fl-​1871, madankollu, wieħed naturalista Ingliż skopra l-​ħażniet taʼ taħt l-​art tagħhom, u ġiet ivvindikata l-​eżattezza tal-​Bibbja f’dak li qalet fuqhom. Imma dawn in-​nemel kif kisbu d-​dehen biex ikunu jafu fis-​sajf li ġejja l-​kesħa tax-​xitwa u l-​għerf biex ikunu jafu x’għandhom jagħmlu dwarha? Il-​Bibbja nfisha tispjega li ħafna mill-​ħolqien taʼ Jehovah għandu għerf ipprogrammat fih biex jistaʼ jibqaʼ jgħix. In-​nemel ħassada huma fost dawk li rċevew din il-​barka mingħand il-​Ħallieq tagħhom. Proverbji 30:24 jitkellem dwar din: “Huma għorrief bl-​istint.” Li tgħid li għerf bħal dan setaʼ ġara biss b’kumbinazzjoni ma jagħmilx sens; min jonqos li jilmaħ Ħallieq għaref wara dan mhux skużat.

11. (a) Is-​siġra ġganteska seqoja għala hi tant taʼ stgħaġib? (b) X’inhu tant tal-​għaġeb dwar l-​ewwel reazzjoni fil-​fotosintesi?

11 Raġel wieqaf ħdejn xi siġra ġganteska bħas-​seqoja, imgħaġġeb bil-​kobor immens tagħha, bir-​raġun iħossu bħal nemlu żgħir. Id-​daqs tas-​siġra hu tremend: 300 pied għolja, 36 pied fid-​dijametru, zokk oħxon 2 piedi, għeruq jinfirxu ’l barra għal iktar minn għaxar jew ħmistax-il tomna. Madankollu, jerġaʼ iżjed tal-​għaġeb hi l-​kemistrija u l-​fiżika involuti fit-​tkabbir tagħha. Il-​weraq tagħha jieħdu l-​ilma mill-​għeruq, carbon dioxide mill-​arja, u enerġija mix-​xemx biex timmanifattura z-​zokkor u tagħti l-​ossiġnu​—proċess imsejjaħ fotosintesi li jinvolvi madwar 70 reazzjoni kimika, li mhux kollha huma mifhumin. B’mod tal-​għaġeb, l-​ewwel reazzjoni tiddependi fuq id-​dawl mix-​xemx li hu preċiż il-​lewn eżatt, il-​frekwenza eżatta; inkella ma jiġix assorbit mill-​molekuli tal-klorofil biex jibda l-​proċess tal-​fotosintesi.

12. (a) Għala huwa taʼ meravilja l-​mod kif is-​siġra seqoja tuża l-​ilma? (b) In-​nitroġenu għala hu meħtieġ biex tikber pjanta, u kif jitwettaq iċ-​ċiklu tiegħu?

12 Tal-​għaġeb ukoll hu l-​fatt li s-​siġra tistaʼ tiġbed kolonni taʼ ilma mill-​għeruq sal-​quċċata taʼ dan l-​iġgant taʼ 300 pied. Ħafna iżjed ilma jiġi miġbud ’il fuq milli hu meħtieġ għall-​fotosintesi. Iż-​żejjed jitneħħa mill-​weraq taħt forma taʼ fwar għal ġo l-​arja. Dan jagħmel lis-​siġra friska bl-​ilma, xi ftit bħal meta aħna niġu ffriskati permezz tal-​għaraq. Biex tifforma proteina biex tikber, irid jiġi miżjud in-​nitroġenu maz-​zokkor, jew karboidrati. Il-​werqa ma tistax tuża nitroġenu ggassjat meħud mill-​arja, imma organiżmi fil-​ħamrija jistgħu jbiddlu n-​nitroġenu ggassjat fl-​art għal nitrati u nitriti li jinħallu fl-​ilma, li mbagħad jitilgħu mill-​għeruq għall-​weraq. Meta pjanti u annimali li jkunu wżaw dan in-​nitroġenu fil-​proteini tagħhom imutu u jiddikomponu, in-​nitroġenu joħroġ, billi jifforma ċ-​ċiklu tan-​nitroġenu sħiħ. F’dan kollu, il-​komplessità nvoluta hi tremenda, mhix xi ħaġa li tiġri b’kumbinazzjoni.

Mingħajr Diskors jew Kliem jew Leħen, Jitkellmu!

13. Is-​smewwiet mimlijin kwiekeb x’kienu jiddikjarawlu lil David, u xi jkomplu jgħidu lilna?

13 X’riflessjoni tal-​għaġeb tal-​Ħallieq tiġi minn sema mimli kwiekeb bil-​lejl li jimla lil dawk li jarawh b’reverenza! F’Salm 8:​3, 4, David esprima l-​meravilja li ħass: “Meta nara s-​smewwiet tiegħek, ix-​xogħlijiet taʼ subgħajk, il-​qamar u l-​kwiekeb li int ħejjejt, x’inhu l-​bniedem mortali li int iżżommu f’moħħok, u bin il-​bniedem tal-​art li int tieħu ħsiebu?” Għal dawk li għandhom għajnejn biex jaraw, widnejn biex jisimgħu, u qalb biex tħoss, dawn is-​smewwiet mimlijin kwiekeb jitkellmu, kif għamlu lil David: “Is-​smewwiet qegħdin jiddikjaraw il-​glorja t’Alla.”—Salm 19:​1-4.

14. L-​enerġija dinamika taʼ waħda mill-​kwiekeb għala hi tant vitali għalina?

14 Iktar ma nkunu nafu dwar il-​kwiekeb, iktar jitkellmu magħna b’mod ċar. F’​Isaija 40:​26, niġu mistednin biex ninnotaw l-​enerġija tremenda tagħhom: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw. Min ħalaq dawn l-​affarijiet? Huwa Dak li qiegħed joħroġ l-​armata tagħhom saħansitra bil-​għadd, li lkoll kemm huma jsejħilhom saħansitra bl-​isem. Minħabba l-​abbundanza tal-​enerġija dinamika, billi hu wkoll vigoruż fil-​qawwa, lanqas waħda minnhom m’hi nieqsa.” Il-​forza taʼ gravità u l-​enerġija dinamika taʼ waħda minnhom, ix-​xemx tagħna, iżommu l-​art f’postha fl-​orbitu tagħha, ikabbru l-​pjanti, iżommuna sħan, u jagħmlu possibbli l-​ħajja kollha hawn fuq l-​art. L-​appostlu Pawlu taħt ispirazzjoni qal: “Stilla hi differenti minn stilla fil-​glorja.” (1 Korintin 15:41) Ix-​xjenza taf dwar kwiekeb sofor bħax-​xemx tagħna, ukoll kwiekeb blu, ġganti ħomor, nani bojod, kwiekeb newtroni, u supernova li jisplodu u jikkaġunaw qawwa inkomprensibbli.

15. Ħafna inventaturi x’tgħallmu mill-​ħolqien upprovaw jimitawh?

15 Ħafna inventaturi tgħallmu mill-​ħolqien u pprovaw jikkopjaw l-​abbiltajiet taʼ ħlejjaq ħajjin. (Ġob 12:​7-10) Innota biss ftit aspetti tal-​għaġeb tal-​ħolqien. Għasafar tal-​baħar bi glandoli li jiddesalinaw l-​ilma tal-​baħar; ħut u sallur li jiġġeneraw l-​elettriku; ħut, dud, u insetti li jipproduċu dawl kiesaħ; friefet il-​lejl u dniefel li jużaw is-​sonar; żnażan li jagħmlu l-​karta; nemel li jibnu pontijiet; kastori li jibnu lqugħ; sriep li għandhom fihom termometri; insetti tal-​għadajjar li jużaw maskri u apparat biex jogħdsu; qarnit li juża l-​jet propulsion; brimb li jagħmel sebaʼ tipi taʼ għaqbut u jagħmel bokkaporti, xbieki, u ngases u li jkollhom iż-​żgħar li huma vjaġġaturi bil-​bżieżaq, li jivvjaġġaw eluf taʼ mili f’altitudnijiet kbar; ħut u bebbux tal-​baħar li jużaw apparat li jtellagħhom fil-​wiċċ bħas-​sottomarini; u għasafar, insetti, frieken tal-​baħar, ħut, u mammiferi li jwettqu bravuri tal-​għaġeb biex imorru minn post għall-ieħor​—abbiltajiet li x-​xjenza għadha ma tistax tispjega.

16. Liema veritajiet xjentifiċi nkitbu fil-​Bibbja eluf taʼ snin qabel skopriethom ix-​xjenza?

16 Il-​Bibbja kien fiha veritajiet xjentifiċi eluf taʼ snin qabel ma kienet taf bihom ix-​xjenza. Il-​Liġi taʼ Mosè (tas-seklu 16 Q.E.K.) kienet tirrifletti għarfien dwar il-​mikrobi tal-​mard eluf taʼ snin qabel Pasteur. (Levitiku, kapitli 13, 14) Fis-​seklu 17 Q.E.K., Ġob stqarr: “Hu qiegħed . . . idendel l-​art fuq xejn.” (Ġob 26:7) Elf sena qabel Kristu, Salamun kiteb dwar iċ-​ċirkolazzjoni tad-​demm; ix-​xjenza medika kellha tistenna sas-​seklu 17 biex titgħallem dwarha. (Ekkleżjasti 12:6) Qabel dak, Salm 139:16 irrifletta għarfien dwar il-​kodiċi ġenetiku: “Għajnejk raw saħansitra l-​bidu tiegħi, u fil-​ktieb tiegħek il-​partijiet kollha tiegħu kienu miktubin, rigward il-​jiem meta kienu fformati u kien għad m’hemm ebda wieħed fosthom.” Fis-​seklu 7 Q.E.K., qabel ma n-​naturalisti fehmu dwar il-​passa tal-​annimali, Ġeremija kiteb, kif insibu f’Ġeremija 8:7: “Iċ-​ċikonja fis-​sema taf iż-​żmien biex tpassi, il-​ħamiema u r-​rundun u l-​bulebbiet jafu l-​istaġun biex jirritornaw.”​—NE.

Il-​“Ħallieq” li Qegħdin Jagħżlu l-​Evoluzzjonisti

17. (a) Rumani 1:​21-23 xi jgħid dwar xi wħud li jirrifjutaw li jaraw Ħallieq intelliġenti wara l-​meravilji li nħolqu? (b) F’ċertu sens, l-​evoluzzjonisti x’inhuma jagħżlu bħala l-​“ħallieq” tagħhom?

17 Skrittura waħda tgħid rigward xi wħud li jirrifjutaw li jilmħu Ħallieq intelliġenti wara l-​affarijiet tal-​għaġeb li ġew maħluqin: “Saru rashom vojta fir-​raġunar tagħhom u l-​qalb mhix intelliġenti tagħhom saret imdallma. Għalkemm insistew li kienu għorrief, saru boloh u dawru l-​glorja taʼ dak Alla inkorruttibbli f’xi ħaġa bħax-​xbiha taʼ bniedem korruttibbli u taʼ għasafar u ħlejjaq b’erbaʼ saqajn u affarijiet li jitkaxkru.” Huma “bidlu l-​verità t’Alla mal-​gidba u qiemu u taw servizz sagru lill-​ħolqien minflok lil Dak li ħalaq.” (Rumani 1:​21-23, 25) Huwa simili max-​xjenzati tal-​evoluzzjoni, li, fil-​fatt, jigglorifikaw katina immaġinarja li tavvanza ’l quddiem taʼ protozoa-​dud-​ħut-​amfibjani-​rettili-​mammiferi-​“raġel xadin” bħala l-​“ħallieq” tagħhom. Huma jafu, madankollu, li ma hemm verament l-​ebda organiżmu b’ċellola waħda biex jibda l-​katina. L-​iktar organiżmu sempliċi magħruf fih mitt biljun atomu, b’eluf taʼ reazzjonijiet kimiċi li jseħħu fih f’ħin wieħed.

18, 19. (a) Min hu Dak li bi dritt jixraqlu li jingħata l-​kredtu li oriġina l-​ħajja? (b) Kemm nistgħu naraw mill-​ħolqien taʼ Jehovah?

18 Alla Jehovah hu l-​Ħallieq tal-​ħajja. (Salm 36:9) Hu l-​Ewwel Kaġun il-​kbir. Ismu, Jehovah, ifisser “Hu jġiegħel li jsir.” L-​affarijiet li ħalaq ma tistax tgħoddhom. Ċertament li hemm miljuni iżjed milli l-​bniedem jaf bihom. Salm 104:​24, 25 jiċċenna għal dan: “Kemm huma xogħlijietek, O Jehovah! Kollha kemm huma bil-​għerf int għamilthom.” Ġob 26:14 jgħid ċar u tond dwar dan: “Ħares! Dawn huma t-​trufijiet tal-​mogħdijiet tiegħu, u liema tpespisa taʼ xi ħaġa nstemgħet dwaru! Imma dwar ir-​ragħad qawwi tiegħu min jistaʼ juri li jifhem?” Aħna naraw ftit trufijiet, nisimgħu ftit tpespisiet, imma li nifhmu s-​sens sħiħ tar-​ragħad qawwi tiegħu huwa ’l bogħod minna.

19 Aħna għandna, madankollu, sors aħjar biex narawh milli permezz tal-​ħolqien fiżiku tiegħu. Dak is-​sors aħjar hu il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Lejn dak is-​sors issa se nduru fl-​artiklu li jmiss.

Tiftakar?

◻ Ġob x’tgħallem meta Jehovah kellmu minn ġot-​tempesta tar-​riħ?

◻ Pawlu għala qal li xi wħud ma kellhomx skuża?

◻ Kif jaħdem iċ-​ċiklu tal-​ilma?

◻ Id-​dawl tax-​xemx liema affarijiet importanti jagħmel għalina?

◻ Il-​Bibbja liema veritajiet xjentifiċi rrivelat qabel ma skopriethom ix-​xjenza?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja