LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 9/15 pp. 25-28
  • Ħares ir-Reputazzjoni Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħares ir-Reputazzjoni Tiegħek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tintrabatx b’Wegħdi Neqsin mill-​Għaqal
  • Kun Bieżel bħan-​Nemla
  • Kun Onest
  • Obgħod Dak li Jobgħod Jehovah
  • “Tixxennaqx f’Qalbek għal Sbuħitha”
  • ‘Iġġorrx Nar f’Ħobbok’
  • “Xofftejn is-Sewwa Jżommu Sħiħ għal Dejjem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tal-Proverbji
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • “Il-Liġi tal-Wieħed Għaref”—Sors tal-Ħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • ‘Barkiet Jinżlu fuq il-Ġust’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 9/15 pp. 25-28

Ħares ir-​Reputazzjoni Tiegħek

Raġel li jagħmel pjanti taʼ bini mill-​isbaħ jieħu l-​fama taʼ perit tas-​sengħa. Żagħżugħa li tkun brava ħafna fl-​iskola ssir magħrufa bħala studenta li tibbrilla. Anki wieħed li ma jagħmel xejn jistaʼ jieħu l-​fama t’għażżien. Il-​Bibbja tenfasizza l-​valur taʼ li tagħmel isem tajjeb għalik billi tgħid: “Aħjar isem tajjeb minn ħafna ġid, aħjar fama tajba mill-​fidda u d-​deheb.”—Proverbji 22:1.

Wieħed jikseb fama tajba biż-​żmien u b’ħafna għemejjel żgħar. Iżda din malajr tistaʼ titgħarraq b’att wieħed taʼ bluha. Per eżempju, każ wieħed taʼ kondotta laxka sesswalment jistaʼ jtebbaʼ reputazzjoni tajba. Is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem iwissina dwar dawk l-​attitudnijiet u l-​għemejjel li mhux biss iħammġulna r-​reputazzjoni tagħna iżda wkoll ikissrulna r-​relazzjoni tagħna m’Alla Jehovah. Dawn it-​twissijiet insibuhom fis-​sitt kapitlu tal-​ktieb Bibliku tal-​Proverbji. Fosthom insibu twissijiet dwar li tintrabat b’xi wegħda qabel ma tkun ħsibtha sew, u wkoll dwar l-​għażż, il-​qerq, u l-​immoralità sesswali. Dawn huma affarijiet li Jehovah jobgħodhom tassew. Il-​fatt li nagħtu kas dawn il-​pariri se jgħinna nħarsu r-​reputazzjoni tajba tagħna.

Tintrabatx b’Wegħdi Neqsin mill-​Għaqal

Is-​sitt kapitlu tal-​Proverbji jiftaħ bil-​kliem: “Ibni, jekk għamilt tajjeb għal ħaddieħor, jekk tajt rahan għal min hu barrani, jekk inqbadt bi kliem [fommok], u tħabbilt b’xi wegħda li għamilt; agħmel dan, ibni, biex issalva, għax int waqajt f’idejn ħaddieħor; mur malajr, u ffittah.”—Proverbji 6:​1-3.

Dan il-​proverbju qed iwissina biex ma nidħlux f’xi biċċa negozju maʼ ħaddieħor, speċjalment maʼ xi ħadd li ma nafuhx. Iva, l-​Iżraelin kellhom ‘jgħinu lil ħuhom li jiftaqar u jiġi b’xejn.’ (Levitiku 25:​35-38) Imma xi Iżraelin avventurużi ssograw jidħlu f’xi biċċa xogħol riskjuża u kisbu appoġġ finanzjarju billi kkonvinċew lil oħrajn biex ‘jagħmlulhom tajjeb.’ B’hekk, dawn spiċċaw responsabbli għad-​dejn. Illum faċli jqumu sitwazzjonijiet simili. Per eżempju, hemm xi istituzzjonijiet finanzjarji li jkunu jridu l-​firma taʼ xi ħaddieħor qabel ma jaċċettaw li jagħtu self għal xi ħaġa li f’għajnejhom tidher riskjuża. Kemm ma jkunx għaqli li naqbdu u nintrabtu għan-​nom taʼ ħaddieħor! Finanzjarjament, nistgħu ninqabdu f’nassa, u saħansitra nispiċċaw b’isem ħażin mal-​banek u kredituri oħrajn!

Xi ngħidu jekk insibu ruħna f’dilemma taʼ li l-​ewwel inkunu aġixxejna b’mod li nkunu ħsibna li huwa għaqli imma mbagħad, meta niflu l-​ħaġa iktar bir-​reqqa, nindunaw li ma kien għaqli xejn? Il-​parir hu li ninsew il-​kburija u ‘niffittaw’ b’talbiet persistenti lil min ikun imdaħħal magħna. Irridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nirranġaw is-​sitwazzjoni. Bħalma juri ċertu ktieb taʼ referenza: “Agħmel minn kollox sabiex tilħaq ftehim maʼ l-​avversarju tiegħek u rranġa l-​affari, sabiex l-​obbligazzjoni tiegħek ma ddurx kontrik jew kontra l-​familja tiegħek.” U dan għandu jsir mill-​iktar fis possibbli, għax is-​sultan iżid: “Tagħtix mistrieħ lil għajnejk, lanqas irqad lil xfar għajnejk. Eħles bħal għażżiela mix-​xibka, bħal għasfur minn id in-​nassab.” (Proverbji 6:​4, 5) Huwa aħjar li tirtira minn rabta mhux għaqlija kif għad għandek iċ-​ċans milli tħalliha taqbdek f’nassa.

Kun Bieżel bħan-​Nemla

“Mur għand in-​nemla, ja għażżien, ara kif tgħix, u tgħallem minnha,” iwissi Salamun. X’għerf nistgħu niksbu minn kif taġixxi daqsxejn taʼ nemla ċkejkna? Iwieġeb is-​sultan: “M’għandhiex min hu fuqha, la għassies u lanqas ħâkem; madankollu taħżen ikilha fis-​sajf, tħejji għajxienha fi żmien il-​ħsad.”—Proverbji 6:6-8.

In-nemel hu organizzat b’mod meraviljuż. Il-​kooperazzjoni taʼ bejniethom hi waħda taʼ l-​għaġeb. Immexxijin mill-​istint, huma jaħżnu l-​ikel għall-​quddiem. M’għandhom lil ħadd fuqhom, “la għassies u lanqas ħâkem.” Huwa veru li hemm in-​nemla reġina, imma din tissejjaħ hekk minħabba li tbid il-​bajd u hi omm il-​bejta. Ma tagħti l-​ebda ordnijiet. In-​nemel ikompli sejjer bla heda f’xogħlu anki jekk ma jkun hemm ħadd fuqu biex iġagħlu jaħdem jew jiċċekkjah.

M’għandniex aħna nkunu biżlin bħan-​nemla? Il-​fatt li naħdmu iebes u nistinkaw biex nitjiebu f’xogħolna jiswielna taʼ ġid, sew jekk ikun hemm min jarana u sew jekk le. Iva, irridu nagħmlu mill-​aħjar tagħna kemm fl-​iskola, kemm fuq il-​post tax-​xogħol, kif ukoll meta nkunu qed nieħdu sehem f’attivitajiet spiritwali. Alla jridna ‘nduqu mill-​frott taʼ xogħolna’ sewwa sew bħalma n-​nemla tibbenefika minn xogħolha. (Koħèlet 3:​13, 22; 5:18) Il-​premju għax-​xogħol iebes tagħna huwa li jkollna kuxjenza nadifa u sodisfazzjon persunali.—Koħèlet 5:11 [5:​12, NW].

Salamun juża żewġ mistoqsijiet retoriċi biex jipprova jqajjem lill-​għażżien mit-​telqa li għandu fuqu: “Kemm se ddum rieqed, ja għażżien? Meta se tqum minn ngħasek?” Waqt li jimita d-​diskors taʼ l-​għażżien, is-​sultan iżid: “Daqqa torqod, daqqa tongħos, daqqa tistrieħ b’idejk marbuta, u jiġi fuqek bħal ħalliel il-​faqar, u bħal wieħed ġellied l-​għaks.” (Proverbji 6:​9-11) Waqt li l-​għażżien jintelaq, il-​faqar jirkbu b’ħeffa taʼ ħalliel, u l-​affarijiet jibdew jonqsuh bħallikieku qed jiħodhomlu bniedem armat. L-​għelieqi taʼ l-​għażżien malajr jimtlew ħaxix ħażin u ħurrieq. (Proverbji 24:​30, 31) Fi żmien qasir, in-​negozju tiegħu jibda jsofri t-​telf. Wieħed li jħaddem kemm se jdum jissaportih lil impjegat għażżien? U l-​istudent li hu għażżien wisq biex jistudja, jistaʼ jistenna li jmur tajjeb fl-​iskola?

Kun Onest

Salamun isemmi jerġaʼ tip ieħor taʼ kondotta li jħassar kemm ir-​reputazzjoni li dak li jkun ikollu fil-​komunità kif ukoll ir-​relazzjoni tiegħu m’Alla. Salamun ikompli: “Bniedem brikkun, min hu ħażin, jimxi bit-​tagħwiġ taʼ kliemu: jegħmeż għajnejh, iħabbat riġlejh, jagħmel sinjali b’subgħajh, moħħu kif se jagħmel il-​ħsara, il-​ħin kollu jaqlaʼ l-​ġlied.”—Proverbji 6:​12-14.

Hekk jiġi deskritt wieħed qarrieqi. Wieħed giddieb ġeneralment jipprova jaħbi l-​gideb tiegħu. Kif? Mhux biss “bit-​tagħwiġ taʼ kliemu” imma wkoll bil-​ġesti tiegħu. Wieħed studjuż jinnota: “Il-​ġesti, it-​ton tal-​leħen, u saħansitra l-​espressjonijiet tal-​wiċċ huma metodi li meta jkunu maħsubin minn qabel wieħed jistaʼ jużahom biex iqarraq. Wara dehra minn barra taʼ sinċerità hemm moħbi moħħ korrott u spirtu ġellied.” Bniedem brikkun bħal dan joqgħod il-​ħin kollu jberren fuq pjanijiet mill-​agħar u moħħu biss biex jaqlaʼ l-​ġlied. Fl-​aħħar mill-​aħħar x’se jiġrilu bniedem bħal dan?

“Għalhekk għal għarrieda tiġi fuqu l-​ħsara,” iwieġeb is-​sultan taʼ Iżrael. “F’daqqa waħda jinqered u ma jqumx iżjed.” (Proverbji 6:15) Ladarba l-​giddieb jinkixef, ir-​reputazzjoni tiegħu hija rovinata minnufih. Min se jerġaʼ jafdah? It-​tmiem tiegħu huwa tabilħaqq diżastruż, għax il-​“giddieba kollha” huma mniżżlin fost dawk li se jieħdu l-​mewt għal dejjem. (Apokalissi 21:8) Mela ejja b’qalbna kollha “nġibu ruħna sewwa f’kollox.”—Lhud 13:18.

Obgħod Dak li Jobgħod Jehovah

Jekk nobogħdu l-​ħażen żgur li se nħossuna skuraġġiti milli nagħmlu xi ħaġa li tħammġilna r-​reputazzjoni tagħna! M’għandniex mela nikkultivaw mibegħda għal dak li hu ħażin? Imma, x’irridu nobogħdu eżattament? Salamun jistqarr: “Sitt ħwejjeġ jobgħod il-​Mulej, sebgħa huma li ma jaħmilhomx: għajnejn merfugħa, lsien giddieb, idejn li jxerrdu demm bla ħtija, qalb li trawwem ħsibijiet qarrieqa, riġlejn li jiġru ħfief għall-​ħażen, fomm li jixhed bil-​qerq il-​gideb, u bniedem li jaqlaʼ l-​ġlied bejn l-​aħwa.”—Proverbji 6:​16-19.

Is-sebaʼ kategoriji li qed isemmi l-​proverbju huma bażiċi u tistaʼ tgħid li jkopru kull tip taʼ ħażen. “Għajnejn merfugħa” u “qalb li trawwem ħsibijiet qarrieqa” huma dnubiet li jsiru bil-​ħsieb. “[I]lsien giddieb” u “fomm li jixhed bil-​qerq il-​gideb” huma dnubiet bil-​kliem. “Idejn li jxerrdu demm bla ħtija” u “riġlejn li jiġru ħfief għall-​ħażen” huma għemejjel mill-​agħar. Barra minn hekk, Jehovah jobgħod speċjalment lil dak il-​wieħed li jieħu gost iqajjem il-​ġlied fost persuni li jkunu qegħdin jgħixu flimkien fil-​paċi. Iż-​żjieda fin-​numru minn sitta għal sebgħa tissuġġerixxi li l-​lista m’hijiex maħsuba li tkun sħiħa, ladarba l-​bniedem ikompli jżid maʼ l-​għemejjel mill-​agħar tiegħu.

Tabilħaqq, aħna rridu rrawmu fina stmerrija lejn dak li jobgħod Alla. Per eżempju, irridu nwarrbu “għajnejn merfugħa” jew inkella kwalunkwe turija oħra taʼ kburija. U żgur li rridu nevitaw ukoll li noqogħdu nqassu b’tali mod li nagħmlu l-​ħsara, għax dan faċli jqajjem il-​“ġlied bejn l-​aħwa.” Forsi ma nkunux qed ‘inxerrdu demm bla ħtija’ jekk noqogħdu nxerrdu xnigħat li jistgħu jweġġgħu, kritika mhix ġustifikata, jew gideb, iżda żgur li nistgħu ngħarrqu r-​reputazzjoni tajba taʼ persuna oħra.

“Tixxennaqx f’Qalbek għal Sbuħitha”

Salamun jibda l-​parti li jmiss tal-​parir tiegħu billi jgħid: “Ħares, ibni, ordnijiet missierek, u twarrbux tagħlim ommok. Żommhom dejjem marbutin maʼ qalbek, dendilhom madwar għonqok.” Ir-​raġuni? “Huma jmexxuk fil-​mixi tiegħek, iħarsuk meta tkun rieqed, ikellmuk meta tqum.”—Proverbji 6:​20-22.

Tistaʼ trobbija skond prinċipji Skritturali tħarisna tassew min-​nasba taʼ l-​immoralità sesswali? Iva tistaʼ. Aħna aċċertati: “L-​ordni musbieħ u l-​liġi dawl, u t-twiddib tat-tagħlim hu t-triq tal-​ħajja. Huma jħarsuk minn mart ħaddieħor, mill-​kliem ħelu tal-​mara mitlufa.” (Proverbji 6:​23, 24) Il-​fatt li nżommu f’moħħna l-​pariri tal-​Kelma t’Alla u nużawhom bħal ‘fanal għal riġlejna u dawl fil-​mogħdija tagħna,’ se jgħinna nirreżistu t-​tinbix makakk taʼ mara immorali, jew raġel, jekk niġu f’dan.—Salm 119:105.

“Tixxennaqx f’qalbek għal sbuħitha,” iwissi s-​sultan għaref, “tħallihiex taqbdek b’ħarset għajnejha.” Għala? “Għax mara żienja b’biċċa ħobż tixtriha, iżda mara miżżewwġa tiswielek ħajtek.”—Proverbji 6:​25, 26.

Qiegħed Salamun hawnhekk jirreferi għall-​mara adultera bħala prostituta? Forsi. Jew jistaʼ jkun li qed jagħmel distinzjoni bejn il-​konsegwenzi taʼ l-​immoralità maʼ prostituta u dawk li jirriżultaw minn adulterju maʼ mart ħaddieħor. Dak li jkollu relazzjoni sesswali maʼ prostituta jistaʼ jispiċċa “b’biċċa ħobż,” jew f’faqar kbir. Jistaʼ anki jisfa vittma taʼ xi marda taʼ wġigħ trasmessa sesswalment, bħall-​AIDS, li jew tħallih immankat jew mejjet. Mill-​banda l-​oħra, dak li jkollu relazzjoni sesswali maʼ mara miżżewġa se jkun f’periklu akbar u immedjat taħt il-​Liġi. Mara miżżewġa adulteruża tpoġġi fil-​periklu l-​‘ħajja’ tas-​sieħeb illeċitu tagħha. Skond ċertu xogħol taʼ referenza hawnhekk m’aħniex insemmu sempliċi għomor li jitqassar minħabba ħajja bla rażan. “Il-​midneb huwa suġġett għall-​piena tal-​mewt.” (Levitiku 20:10; Dewteronomju 22:22) Fi kwalunkwe każ, mara bħal din mhux taʼ min jixtieqha, tkun kemm tkun ħelwa fiżikament.

‘Iġġorrx Nar f’Ħobbok’

Salamun ikompli jenfasizza l-​periklu taʼ l-​adulterju billi jistaqsi: “Jistaʼ xi ħadd iġorr in-​nar f’ħobbu, u ħwejġu ma jinħarqulux? Jistaʼ xi ħadd jimxi fuq il-​ġamar, u saqajh ma jinxtwewlux?” Biex jagħti t-​tifsira taʼ din it-​tixbieha, hu jgħid: “Hekk jiġrilu min imur għand mart ħaddieħor; kull min jersaq lejha jpattiha qares.” (Proverbji 6:​27-29) Midneb bħal dan żgur li se jiġi kastigat.

Aħna niġu mfakkrin, “M’hux kulħadd jistmell il-​ħalliel, li jisraq biex jixbaʼ għax ikun bil-​ġuħ?” Madankollu, “Jekk jinqabad, għal sebaʼ darbiet iħallas, ikollu jagħti l-​ġid kollu taʼ daru.” (Proverbji 6:​30, 31) F’Iżrael tal-​qedem, il-​ħalliel kien ikollu jħallas anki jekk dan kien ifisser li jispiċċa fixxa.a Mela, kemm ikun iktar xieraq li wieħed adulteruż, li m’għandu l-​ebda skuża għal għemilu, jiġi kastigat!

“Hekk min jiżni hu bniedem bla moħħ,” jistqarr Salamun. Bniedem bla moħħ huwa nieqes mill-​għaqal, ladarba qed “jeqred lilu nnifsu.” (Proverbji 6:32) Jistaʼ jkollu x-​xeħta taʼ individwu b’reputazzjoni tajba, imma minn ġewwa naqas b’mod serju li jiżviluppa b’mod xieraq.

Iżda dan mhux kollox għal wieħed adulteruż. “Swat u mistħija jkollu, u l-​għajb tiegħu ma jitħassar qatt; għax l-​għira tgħaddab lil żewġha, li ma jaħfirhilux meta tiġih is-​siegħa; ma jilqaʼ ebda tpattija, ebda ħlas, kbir kemm ikun kbir, ma jberrdu.”—Proverbji 6:​33-35.

Il-ħalliel jistaʼ jpatti għal dak li jkun seraq, imma min jagħmel adulterju ma jistax iħallas lura. Kif jistaʼ jtaffi l-​korla tar-​raġel tal-​mara li magħha għamel adulterju, u biex jistaʼ jpattilu? Minkejja t-​talbiet tiegħu huwa diffiċli biex l-​adulteruż jintwera mogħdrija. Bl-​ebda mod ma jistaʼ jikkumpensa għad-​dnub tiegħu. Ir-​reputazzjoni tiegħu tibqaʼ mtabbgħa bit-​tmaqdir u d-​diżunur li jġib fuqu nnifsu. Iktar minn hekk, hu bl-​ebda mod ma jistaʼ jpatti jew jeħles mill-​kastig li ħaqqu.

Kemm huwa għaqli li nżommu ’l bogħod mill-​adulterju kif ukoll minn kull imġiba u attitudni li jħammġulna r-​reputazzjoni tagħna u jġibu tmaqdir fuq Alla! Mela, jalla noqogħdu attenti biex ma nintrabtux b’wegħdi neqsin mill-​għaqal. Jalla l-​bżulija u l-​verità jżejnu r-​reputazzjoni tagħna. U hekk kif nistinkaw biex nobogħdu dak li jobgħod Jehovah, jalla nagħmlu isem tajjeb miegħu u maʼ sħabna l-​bnedmin.

[Nota taʼ taħt]

a Skond il-​Liġi Mosajka, il-​ħalliel kien irid iħallas lura d-​doppju, jew erbaʼ darbiet, jew ħames darbiet iżjed mill-​valur li jkun seraq. (Eżodu 21:​37–22:3 [22:​1-4, NW]) Il-​frażi “sebaʼ darbiet” x’aktarx li tindika piena sħiħa, li tistaʼ tammonta għal ħafna iktar minn dak li jkun seraq.

[Stampa f’paġna 25]

Oqgħod attent meta tintalab il-​firma tiegħek għal xi self

[Stampa f’paġna 26]

Kun bieżel bħan-​nemla

[Stampa f’paġna 27]

Oqgħod attent minn tqassis taʼ ħsara

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja