Kif Jistaʼ Jiġi Mfarrak it-Tqasqis taʼ Ħsara
“Poġġi gwardja, O Jehovah, għal fommi; poġġi għassa fuq il-bieb taʼ xofftejja.”—SALM 141:3.
1. X’kapaċità għandu l-moħħ li tana Alla?
JEHOVAH tana moħħ, u kemm hu tal-għaġeb! Il-ktieb The Incredible Machine igħid: “Saħansitra l-iktar ‘computers’ sofistikati li nistgħu nimmaġinaw huma bla ħila meta tqabbilhom mal-komplessità u l-flessibilità kważi infinita tal-moħħ uman . . . Il-miljuni taʼ sinjali għaddejjin minn ġo moħħok fi kwalunkwe mument iġorru tagħbija straordinarja taʼ informazzjoni. Huma jġibu aħbarijiet dwar il-kundizzjonijiet taʼ ġismek fuq barra u fuq ġewwa . . . Hekk kif sinjali oħra jipproċessaw u janalizzaw l-informazzjoni, huma jipproduċu ċerti emozzjonijiet, memorji, ħsibijiet, jew pjanijiet li jwasslu għal xi deċiżjoni. Kważi immedjatament, sinjali minn ġol-moħħ tiegħek igħidu lil partijiet oħra taʼ ġismek x’għandhom jagħmlu . . . Sadattant moħħok qed jikkontrolla wkoll in-nifs tiegħek, il-kimika taʼ demmek, it-temperatura, u proċessi essenzjali oħra bla ma int lanqas biss tinduna.”−Paġna 326.
2. X’mistoqsija issa jixraq li nikkunsidraw?
2 Ċertament, rigal meraviljuż bħal dan mingħand Alla m’għandu qatt jintuża bħala barmil taż-żibel. Madankollu, aħna nistgħu nużaw ħażin il-moħħ billi nisimgħu u nifirxu tqasqis taʼ ħsara. Kif nistgħu nevitaw kliem bħal dan u ngħinu oħrajn biex iżommu lura milli jieħdu sehem fih?
Apprezza l-Moħħ li Tak Alla
3. Għala l-ebda Kristjan veru ma se jieħu sehem fi kliem taʼ ħsara?
3 Apprezzament għall-moħħ li tana Alla se jżommna lura milli nisimgħu tqasqis taʼ ħsara u milli nxerrduh. L-ispirtu taʼ Jehovah ma se jqanqal lil ħadd biex jimla moħħu b’idejat bħal dawn u juża Isienu biex iweġġaʼ lil xi ħadd ieħor. Minflok, il-Kelma t’Alla tgħid: “Ħalli r-raġel ħażin iħalli triqtu, u r-raġel li jweġġaʼ ħsibijetu.” (Isaija 55:7) Il-moħħ taʼ persuna mill-agħar hu mimli b’idejat taʼ ħażen, u jkun ħafif biex jikkalunja lil min hu dritt. Iżda aħna qatt ma se nistennew kliem bħal dan mingħand dawk li japprezzaw il-moħħ li tahom Alla.
4. Jekk napprezzaw il-moħħ tagħna u l-abbiltà tagħna li nitkellmu, kif se nużaw il-moħħ u l-ilsien tagħna?
4 Apprezzament xieraq se jgħinna biex inżommu lura milli nużaw lil moħħna u lil ilsienna milli jaqdi l-laħam midneb tagħna. Minflok, aħna se nżommu l-ħsieb u l-kliem tagħna fuq pjan elevat. Nistgħu naħarbu tqasqis taʼ ħsara billi permezz tat-talb nistrieħu fuq Dak il-Wieħed li ħsibijietu huma bil-wisq ogħla minn tagħna. L-appostlu Pawlu ta dan il-parir: “L-affarijiet kollha li huma veri [mhux foloz jew taʼ malafama], l-affarijiet kollha li huma taʼ tħassib serju [mhux ħmerijiet], l-affarijiet kollha li huma taʼ tjieba [mhux ħżiena u taʼ ħsara], I-affarijiet kollha li huma nodfa [mhux malafama maħmuġa jew suspetti ħżiena], l-affarijiet kollha li huma taʼ min iħobbhom [mhux taʼ mibgħeda u li jċekknu], l-affarijiet kollha li jitkellmu tajjeb dwarhom [mhux li jżebilħu], kull virtù [mhux ħażen] li hemm u kull ħaġa taʼ min ifaħħarha [mhux immaqdra] li hemm, ibqgħu ikkunsidraw dawn l-affarijiet.”−Filippin 4:8.
5. Adoraturi sħabu x’kienu raw u semgħu f’konnessjoni maʼ Pawlu?
5 Pawlu żied: “L-affarijiet li tgħallimtu kif ukoll aċċettajtu u smajtu u rajtu f’konnessjoni miegħi, ipprattikawhom; u dak Alla taʼ paċi se jkun magħkom.” (Filippin 4:9) Oħrajn x’kienu raw u semgħu f’konnessjoni maʼ Pawlu? Affarijiet li kienu nodfa u li jibnu spiritwalment. Hu ma fesfsilhomx f’widnejhom xi tqasqis fuq Lidja jew Timotew. Tistaʼ tkun ċert li Pawlu ma qagħadx jismaʼ jew ixerred xi xnigħat rigward l-irġiel ixjeħ f’Ġerusalemm.a Wisq probabbli, rispett għall-moħħ li tah Alla għen lil Pawlu biex iżomm lura milli jinvolvi ruħu fi tqasqis taʼ ħsara. Aħna se nimitaw l-eżempju tiegħu jekk verament se napprezzaw il-moħħ u l-ilsien li tana Jehovah.
Irrispetta lil Alla u l-Kelma Tiegħu
6, 7. (a) Ġakbu kif wera l-effetti tal-ilsien bla kontroll? (b) X’mhux se jiġri jekk aħna nirrispettaw lil Alla u l-Kelma tiegħu?
6 Rispett mill-qalb għal Alla u għall-Kelma Qaddisa tiegħu se jgħinna wkoll biex inkissru tqasqis taʼ ħsara. Tabilħaqq, rispett bħal dan se jqanqalna biex nagħtu kas tal-parir tad-dixxiplu Ġakbu, li ċanfar lill-ilsien. (Ġakbu 3:2-12) Jekk wieħed setaʼ jikkontrolla l-ilsien, hu kien se jkun jistaʼ jliġġem ġismu kollu, saħansitra bħalma biċċa ħadida f’ħalq iż-żiemel tistaʼ tiggwida lil dak l-annimal. Bħalma sempliċi xrara tistaʼ tqabbad foresta sħiħa, l-istess il-biċċa lsien jistaʼ jkun nar li jqabbad ir-rota tal-ħajja. II-bniedem jistaʼ jimmansa bhejjem selvaġġi agħsafar, affarijiet li jitkaxkru, u ħlejjaq tal-baħar, “iżda l-ilsien, ebda wieħed mill-bnedmin ma jistaʼ jimmansah,” qal Ġakbu. Madankollu, dik mhix skuża biex ma nagħmlu l-ebda sforz biex inkissru t-tqasqis taʼ ħsara.
7 Ġakbu qal ukoll li l-ilsien jitfaʼ ’l barra barka u saħta mill-istess ħalq. Dan mhux xieraq, għax funtana ma titfax ’il barra ilma ħelu u ilma morr. Siġra tat-tin ma tistax tipproduċi ż-żebbuġ, u ilma mielaħ ma jipproduċix ilma ħelu. Naturalment, dment li l-Kristjani huma imperfetti, l-ilsien mhux se jiġi mmansat b’mod perfett. Dan għandu jġagħalna nuru ħniena lejn min jiddispjaċih li offenda, madankollu ma jiskużax it-tqasqis taʼ ħsara. Sa fejn jiddependi minna, użu ħażin velenuż bħal dan tal-ilsien ma jkomplix iseħħ jekk verament nirrispettaw lil Alla u l-Kelma tiegħu.
Kif it-Talb Jistaʼ Jgħin
8. It-talb kif jistaʼ jgħinna nkissru tqasqis li jweġġaʼ?
8 It-tentazzjoni li nisimgħu tqasqis li jweġġaʼ u mbagħad inxerrduh tistaʼ tkun qawwija ħafna. Għalhekk jekk int ċedejt għal tentazzjoni bħal din fil-passat, m’għandekx int titlob lil Alla għall-maħfra u l-għajnuna? Ġesù għallimna nitolbu: “U ġġibniex fit-tentazzjoni, iżda eħlisna minn dak il-ħażin.” (Mattew 6:13) Kristjani li bil-ħeġġa jitolbu li Alla ma jabbandunahomx għal kliem li jħajrek iżda li hu ħażin bħal dan ma jċedux għal dan il-pjan makakk taʼ Satana; huma jiġu meħlusin mill-kalunjatur il-kbir.
9. Jekk niġu ttantati li nimmalafamaw lil xi ħadd, kif nistgħu nitolbu?
9 Jekk niġu ttantati biex nimmalafamaw lil xi ħadd, aħna nistgħu nitolbu: “Poġġi gwardja, O Jehovah, għal fommi; poġġi għassa fuq il-bieb taʼ xofftejja.” (Salm 141:3) Aħna nistgħu nirrovinaw il-prospetti tagħna għall-ħajja eterna billi nċedu għat-tentazzjoni u nimitaw lix-Xitan bħala kalunjatur mimli mibgħeda, giddieb u qattiel. (Ġwann 8:44) L-appostlu Ġwanni kiteb: “Kulmin jobgħod lil ħuħ huwa qattiel, u intom tafu li l-ebda qattiel ma għandu l-ħajja taʼ dejjem tibqaʼ fih.”−1 Ġwann 3:15.
L-Imħabba Tkeċċi ’l Barra t-Tqasqis
10. Minflok ma nqasqsu dwar oħrajn, x’dejn għandna lejhom?
10 Ilkoll kemm aħna għandna xi ħaġa dejn maʼ oħrajn, iżda din mhix il-mibgħeda li twassal għal tqasqis li jweġġaʼ. “Tkunu midjunin maʼ ħadd f’ebda ħaġa, ħlief li tħobbu lil xulxin,” kiteb Pawlu. (Rumani 13:8) Aħna għandna nħallsu dak id-dejn kuljum minflok ma nitkellmu kontra oħrajn u nagħmlu l-ħsara lir-reputazzjoni tagħhom. Jekk nistqarru li nħobbu lil Jehovah, ma nistgħux nimmalafamaw lil xi adoratur seħibna, “għax dak li ma jħobbx lil ħuh, li ra, ma jistax iħobb lil Alla, li ma rax.”−1 Ġwann 4:20.
11. It-tixbieha taʼ Ġesù dwar in-ngħaġ u l-mogħoż kif tistaʼ tagħtina x’naħsbu serjament rigward it-tqasqis li jweġġaʼ?
11 Ikkunsidra l-parabbola taʼ Ġesù dwar in-ngħaġ u l-mogħoż. Uħud bħall-mogħoż intqalilhom li dak li għamlu lil ħut Kristu ġie meqjus bħala li sar lilu. Kieku int tqasqas kontra Kristu? Jekk ma titkellimx kontra l-Mulej u s-Sid tiegħek, tistmax int b’dak il-mod lill-aħwa midlukin tiegħu. Tikkommettix żball bħalma għamlu l-mogħoż, li “se jitilqu ġewwa l-qtugħ taʼ dejjem.” Jekk tħobb lil ħut Ġesù, uri dan b’dak li tgħid dwarhom.—Mattew 25:3l-46.
12. X’inhu s-sugu taʼ Proverbji 16:2, u kif għandu jeffettwa l-ħsibijiet, l-azzjonijiet, u l-kliem tagħna?
12 Peress li lkoll kemm aħna midinbin u ninħtieġu s-sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù, jekk xi ħadd irid jagħmel kummenti mhux favorevoli dwarna, hu jistaʼ jsib ħafna xi jgħid. (1 Ġwann 2:1, 2) Naturalment, nistgħu naħsbu li mexjin tajjeb ħafna. “Il-mogħdijiet kollha taʼ bniedem huma puri f’għajnejh stess, iżda Jehovah qed jagħmel stima tal-ispirti.” Il-miżien t’Alla mhux imxaqleb bil-favoritiżmu jew parzjalità. (Proverbji 16:2; Atti 10:34, 35) Hu jiżen l-ispirtu tagħna, billi jinnota d-dispożizzjoni tagħna u t-tendenzi li jqanqluna biex naħsbu, naġixxu u nitkellmu. Ċertament, mela, ma rridux li Alla jsib li aħna b’mod żbaljat inqisu lilna nfusna ndaf u oħrajn imtebbgħin u jixirqilhom rimarki li jweġġgħu. Bħal Jehovah, irridu nkunu imparzjali, nuru ħniena u mħabba.
13. (a) Il-fatt li ‘l-imħabba ddum tissaporti u turi qalb tajba’ kif jistaʼ jgħin f’li jitkisser tqasqis taʼ ħsara? (b) X’se jżommna milli nitkellmu kontra xi ħadd li jirċievi xi privileġġ taʼ servizz li aħna m’għandniex?
13 Billi napplikaw dak li qal Pawlu fl-1 Korintin 13:4-8 jistaʼ jgħinna biex inkissru tqasqis taʼ ħsara. Hu kiteb: “L-imħabba ddum tissaporti u turi qalb tajba.” Oħt li qed issofri persekuzzjoni f’dar mifruda forsi ma tilqagħniex bit-tbissima. Jew xi wħud jistgħu jkunu iktar rotob fiżikament, forsi minħabba nuqqas taʼ saħħa. M’għandhiex l-imħabba tqanqalna biex inkunu paċenzjużi u qalbna tajba maʼ individwi bħal dawn minflok ma nagħmluhom vittmi taʼ tqasqis kritiku? ‘L-imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma tintefaħx.’ B’hekk, jekk Kristjan ieħor jirċievi xi privileġġ taʼ servizz li aħna m’għandniex, l-imħabba se żżommna lura milli nitkellmu kontrih u nissuġġerixxu li mhux tajjeb għax-xogħol li ngħata. L-imħabba se żżommna wkoll milli niftaħru dwar dak li kapaċi nagħmlu, kliem li jistaʼ jnikket lil dawk inqas privileġġati.
14. X’hemm iżjed dwar l-imħabba li jeffettwa dak li ngħidu dwar oħrajn?
14 Pawlu qal ukoll li ‘l-imħabba ma taġixxix b’mod indiċenti, ma tfittixx l-interessi tagħha nfisha, ma ssirx provokata, ma żżommx kont tal-ħsara.’ Minflok ma ngħidu b’mod indiċenti affarijiet mhux Kristjani, għandna nħallu l-imħabba tqanqalna biex nitkellmu tajjeb dwar oħrajn u biex nikkunsidraw l-interessi tagħhom. Iżżommna milli nsiru provokati u nitkellmu kontra n-nies minħabba offiżi reali jew immaġinarji. Peress li ‘l-imħabba ma tifraħx b’dak li mhux sewwa iżda tifraħ bil-verità,’ iżżommna milli nieħdu sehem fi tqasqis taʼ ħsara saħansitra kontra opponenti li jġarrbu xi inġustizzja.
15. (a) Kif għandna niġu effettwati mill-fatt li ‘l-imħabba temmen u tittama l-affarijiet kollha’? (b) Liema aspetti tal-imħabba jistgħu jgħinuna biex nibqgħu lejali lejn l-organizzazzjoni taʼ Jehovah saħansitra jekk oħrajn jitkellmu kontriha?
15 L-imħabba ‘temmen u tittama l-affarijiet kollha’ misjubin fil-Kelma t’Alla u tqanqalna biex napprezzaw l-ikel spiritwali provdut mill-klassi tal-‘irsir fidil,’ minflok ma nisimgħu l-istqarrijiet kalunjużi taʼ apostati giddieba. (Mattew 24:45-47; 1 Ġwann 2:18-21) Ladarba ‘l-imħabba tissaporti kollox u qatt ma tonqos,’ tgħinna wkoll biex nibqgħu lejali lejn l-organizzazzjoni t’Alla saħansitra jekk “aħwa foloz” jew oħrajn jitkellmu kontriha jew kontra l-membri tagħha.—Galatin 2:4.
Ir-Rispett Joħnoq it-Tqasqis
16. Pawlu kif ġie trattat minn aħwa foloz f’Korintu?
16 Rispett għal adoraturi sħabna jgħin ukoll biex ikisser tqasqis li jweġġaʼ. Ladarba huma aċċettabbli għal Alla ċertament li m’għandniex nimmalafamawhom. Ħalli qatt ma nkunu bħall-“aħwa foloz” li ħabbat wiċċu magħhom Pawlu. Bla dubju, huma qalu affarijiet mill-agħar dwaru. (2 Korintin 11:26) L-apostati wkoll żgur li mmalafamawh. (Qabbel Ġuda 3, 4.) F’Korintu xi individwi qalu: “L-ittri tiegħu huma tqal u qawwija, iżda l-preżenza tiegħu fil-persuna hi dgħajfa u diskorsu taʼ stmerrija. (2 Korintin 10:10) In-nies ma jagħmlux rimarki bħal dawn dwar dawk li jħobbu.
17. B’liema xorta taʼ kliem tkellem Diotrefes kontra l-appostlu Ġwanni?
17 Ikkunsidra l-appostlu Ġwanni, li kien jitkellem kontrih Diotrefes. “Jien ktibt xi ħaġa lill-kongregazzjoni,” qal Ġwanni, “iżda Diotrefes, li jħobb ikollu l-ewwel post fosthom, ma jilqaʼ lil ebda wieħed minna bir-rispett. Hu għalhekk li, jekk niġi, se nfakkar xogħlijietu li hu jibqaʼ jagħmel, ilablab dwarna bi kliem mill-agħar.” (3 Ġwann 9, 10) Tlablib bħal dan kien ħaġa serja ħafna, u jekk aħna qed nisimgħu jew inxerrdu kliem simili llum, għandna nieqfu nagħmlu dan immedjatament.
18. Demetrius kif kien differenti minn Diotrefes, u dan il-kuntrast kif jistaʼ jeffettwa l-kondotta tagħna?
18 Billi ħeġġeġ rispett għal min hu dritt, Ġwanni qal lil Gajjus: “Kun imitatur, mhux taʼ dak li hu ħażin, iżda taʼ dak li hu tajjeb. Dak li jagħmel it-tajjeb joriġina maʼ Alla. Dak li jagħmel il-ħażen ma rahx ’l Alla. Demetrius kien kellu xiehda mogħtija lilu minnhom ilkoll u mill-verità nfisha. Fil-fatt aħna wkoll qegħdin nagħtu xiehda, u inti taf li x-xiehda li nagħtu aħna hi vera.” (3 Ġwann 1, 11, 12) Kull wieħed minna jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu: Jien lablabi bħal Diotrefes, jew lejali bħal Demetrius? Jekk nirrispettaw lill-adoraturi sħabna, ma nagħmlux rimarki negattivi dwarhom, waqt li nagħtu raġuni lil oħrajn biex iħarsu lejna bħala lablaba.
19. Aħwa foloz kif fittxew li jimmalafamaw lil C. T. Russell?
19 Aħwa foloz ma eżistewx biss fl-ewwel seklu. Matul is-snin madwar l-1890, individwi bla skruplu assoċjati mal-organizzazzjoni t’Alla pruvaw jieħdu kontroll tal-Watch Tower Society. Huma kkomplottaw kontra Charles Taze Russell, billi pruvaw iġibu t-tmiem tiegħu bħala l-ewwel president tas-Soċjetà. Wara li dam jiffermenta għal madwar sentejn, il-komplott faqqaʼ fl-1894. L-akkużi foloz iċċentraw fil-biċċa l-kbira madwar l-hekk imsejħa diżonestà fin-negozju taʼ Russell. Xi wħud mill-akkużi banali kixfu l-intenzjoni tax-xellejja—l-immalafamar taʼ C. T. Russell. Kristjani mhux parzjali investigaw l-affarijiet u sabu li kien miexi tajjeb. B’hekk, dan il-pjan biex ‘itajru lil Mr. Russell u x-xogħol tiegħu mas-sema’ falla. Għalhekk, bħal Pawlu, Ħuna Russell ġie attakkat minn aħwa foloz, iżda din il-prova nkixfet bħala pjan makakk taʼ Satana. Dawk li ħadu sehem fil-komplott ġew wara dan meqjusin mhux xierqa li jgawdu sħubija Kristjana.
Xogħlijiet Tajbin Jifgaw Tqasqis taʼ Ħsara
20. Pawlu x’difett sab f’xi romol żgħażagħ?
20 Pawlu kien jaf li tqasqis taʼ ħsara kien taʼ spiss marbut mal-għażż, mhux maʼ abbundanza taʼ xogħlijiet tajbin. Ma kienx ferħan li xi romol żgħażagħ kienu tgħallmu “jkunu bla xogħol, jiġru ’l hawn u ’l hemm lejn id-djar; iva, mhux biss bla xogħol, iżda wkoll seksieka u jindaħlu fi ħwejjeġ ħaddieħor, jitkellmu dwar affarijiet li ma misshomx.” X’kien ir-rimedju? Attività bnina. B’hekk, Pawlu kiteb: “Mela jien nippreferi li ż-żgħażagħ jiżżewġu, ikollhom it-tfal, jieħdu ħsieb id-dar, ma jagħtux lill-opponent xi ftuħ lejn kliem t’abbuż.”−1 Timotew 5:11-14, Byington.
21. L-1 Korintin 15:58 xi gwida jagħtina fuq kif nevitaw in-nasbiet taʼ tqasqis taʼ ħsara?
21 Jekk in-nisa jmexxu tajjeb id-dar, iħarrġu lit-tfal skond il-livelli t’Alla, u jieħdu sehem f’attivitajiet taʼ siwi oħra, ftit li xejn jibqgħalhom ħin għal kliem fil-vojt li jistaʼ jwassal għal tqasqis li jweġġaʼ. L-irġiel ukoll se jkollhom inqas ħin għal diskors bħal dan jekk ikunu okkupati f’xogħlijiet tajbin. ‘Billi dejjem ikollna x’nagħmlu fix-xogħol tal-Mulej’ se jgħinna lkoll nevitaw in-nasbiet taʼ tqasqis taʼ ħsara. (1 Korintin 15:58) Speċjalment li nkunu nvoluti b’qalbna kollha fil-ministeru Kristjan, fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, u attivitajiet oħra taʼ tjieba se jżomm lill-imħuħ tagħna fuq affarijiet spiritwali sabiex ma nsirux qasqasa li m’għandniex x’nagħmlu u nindaħlu fl-affarijiet taʼ ħaddieħor.
22. Proverbji 6:16-19 xi jgħid dwar kif Alla jħares lejn il-kalunjaturi?
22 Jekk inżommu attivi f’xogħlijiet taʼ tjieba u nfittxu li nbierku oħrajn spiritwalment, se nkunu ħbieb lejali, mhux inħarrfu kontra xulxin b’nuqqas taʼ lejaltà. (Proverbji 17:17) U jekk nevitaw tqasqis taʼ dannu, se jkollna l-aqwa Ħabib fost kulħadd—Alla Jehovah. Ejjew niftakru li sebaʼ affarijiet mistmerra għalih huma “għajnejn imkabbra, ilsien falz u jdejn li qed ixerrdu demm innoċenti, qalb li qed toħloq konfoffi li jweġġgħu, saqajn li huma mgħaġġlin biex jiġru lejn il-ħażen, xiehda falza li minnha joħroġ il-gideb, u kulmin qed jibgħat ’il quddiem tħaqqiq fost l-aħwa.” (Proverbji 6:16-19) Dawk li jħobbu jqasqsu jesaġeraw u jgħawġu l-affarijiet, u l-kalunjaturi għandhom ilsna foloz. Kliemhom iċaqlaq is-saqajn taʼ dawk ħerqana li jirrakkontaw il-ħrejjef. Kważi bla ma jvarja, it-tilwim huwa r-riżultat. Iżda jekk nobogħdu dak li Alla jobgħod, se naħarbu tqasqis li jweġġaʼ li jistaʼ jkun taʼ dannu għal min hu dritt u jġib ferħ lill-kalunjatur il-kbir, Satana x-Xitan.
23. Rigward id-diskors tagħna, kif nistgħu aħna nferrħu qalb Jehovah?
23 Għalhekk, ejjew inferrħu qalb Jehovah. (Proverbji 27:11) Ejjew nevitaw diskors li hu jobgħod, nirrifjutaw li nisimgħu t-tqasqis, u nagħmlu l-elmu tagħna biex inkissru tqasqis taʼ ħsara. Ċertament, aħna nistgħu nagħmlu dan bil-għajnuna taʼ dak Alla tagħna qaddis, Jehovah.
[Nota taʼ taħt]
a Saħansitra llum mhux għaqli li tismaʼ jew ixxerred stejjer sensazzjonali (taʼ spiss mhux ibbażati fuq fatti) dwar x’jaħsbu li qalu jew għamlu xi membri tal-Ġemgħa li Tiggverna jew ir-rappreżentanti tagħhom.
Kieku Kif Twieġeb?
◻ It-talb kif jistaʼ jgħinna biex nevitaw li nimmalafamaw lil oħrajn?
◻ Li napplikaw 1 Korintin 13:4-8 kif jistaʼ jgħinna nkissru tqasqis taʼ ħsara?
◻ Ir-rispett tagħna nfusna kif jistaʼ jgħinna noħonqu kwalunkwe tentazzjoni biex inqasqsu dwar adoraturi sħabna?
◻ L-1 Korintin 15:58 xi gwida jistaʼ jagħtina biex nevitaw in-nasbiet tat-tqasqis taʼ ħsara?
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 13]
U.S. Forest Service photo