LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 2/1 pp. 6-11
  • L-Indafa Morali Hija s-Sbuħija taż-Żgħożija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Indafa Morali Hija s-Sbuħija taż-Żgħożija
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Isfida Li Tiffaċċja
  • Għajnuna Biex Tintlaqaʼ l-​Isfida
  • Żomm Lilek Innifsek Nadif
  • Il-Qaddejja t’Alla Jridu Jkunu Nodfa
    Alla X’Jirrikjedi Minna?
  • Imnaddfin Bħala Poplu Għal Opri Tajba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Alla Jħobb Nies Nodfa
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Int Tistaʼ Tibqaʼ Nadif Moralment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 2/1 pp. 6-11

L-​Indafa Morali Hija s-​Sbuħija taż-​Żgħożija

“Ifraħ, raġel żagħżugħ, f’żgħożitek, . . . u imxi fil-​mogħdijiet taʼ qalbek u fl-​affarijiet li jidhru b’għajnejk. Iżda kun af li minħabba f’dawn l-​affarijiet kollha l-​veru Alla se jġibek f’ġudizzju.”−EKKLEŻJASTI 11:9.

1, 2. (a) Jehovah x’irid għaż-​żgħażagħ? (b) Għala jkun taʼ bluha li ssegwi dak kollu li jappella għal qalbek u għal għajnejk?

“IŻ-​ŻGĦOŻIJA, l-​entużjażmu, u t-​tenerezza huma bħall-​jiem tar-​rebbiegħa. Minflok ma tilmenta . . . dwar kemm jgħaddu malajr, ipprova gawdihom.” Hekk kiteb poeta Ġermaniż tas-​seklu 19. Dak il-​kliem taʼ parir għalikom li għadkom żgħażagħ jidwu dak li nkiteb eluf taʼ snin qabel fil-​ktieb Bibliku taʼ Ekkleżasti: “Ifraħ, raġel żagħżugħ, f’żgħożitek, u ħalli qalbek tagħmillek il-​ġid f’jiem il-​bidu taʼ rġulitek [jew xbubitek], u imxi fil-​mogħdijiet taʼ qalbek u fl-​affarijiet li jidhru f’għajnejk.” (Ekkleżasti 11:9a) Għalhekk Alla Jehovah ma jiħux neċessarjament ħarsa negattiva taʼ dak li jappella għax-​xewqat taż-​żgħażagħ. Hu jridkom tgawdu bis-​sħiħ is-​saħħa u l-​vitalità taż-​żgħożija tagħkom.—Proverbji 20:29.

2 Ifisser dan, iżda, li tistaʼ ssegwi dak kollu li jappella għal qalbek u għajnejk? ’ll bogħod minn hekk! (Numri 15:39; 1 Ġwann 2:16) L-​Iskrittura tissokta tgħid: “Iżda kun af li minħabba f’dawn l-​affarijiet kollha [li tiġri warajhom biex tissodisfa x-​xewqat tiegħek] il-​veru Alla se jġibek f’ġudizzju.” (Ekkleżjasti 11:9b) Iva, ma tistax taħrab il-​konsegwenzi tal-​azzjonijiet tiegħek; żgħażagħ, bħal uħud akbar, huma suġġetti għall-​ġudizzju taʼ Jehovah.—Rumani 14:12.

3, 4. (a) Għala għandu jinżamm livell għoli taʼ ndafa morali? (b) Xi pressjoni hemm fuqkom biex titilfu l-​waqfa nadifa tagħkom maʼ Alla, u x’mistoqsijiet jiġu mqajmin?

3 Li tirċievi ġudizzju favorevoli mingħand Jehovah iwassal mhux biss għal ħajja eterna iżda għal relazzjoni intima maʼ Alla issa. Trid, madankollu, iżżomm livell għoli taʼ ndafa morali. Salm 24, versi 3 sa 5, ipoġġiha dan il-​mod: “Min jistaʼ jqum fil-​post qaddis tiegħu? Kulmin hu b’idejh innoċenti u nadif fil-​qalb, li ma ġarrx lil Ruħi lejn il-​frugħa, lanqas ma ħalef bil-​qerq. Hu se jġorr il-​barka mingħand Jehovah u t-​tjieba mingħand Alla tiegħu tas-​salvazzjoni.” Iva, int sabiħ f’għajnejn Jehovah meta żżomm indafa morali.

4 Madankollu, hemm pressjoni kontinwa fuqek biex titlef il-​waqfa nadifa tiegħek maʼ Alla. Hekk kif dawn l-​aħħar jiem jersqu ’l quddiem lejn it-​tmiem tagħhom, hemm epidemija taʼ mġieba immorali u nfluwenzi maħmuġin. (2 Timotew 3:1-5) L-​isfida biex iżommu ndafa morali qatt ma kienet akbar daqs kemm hi llum għaż-​żgħażagħ. Qiegħed int tilqaʼ l-​isfida b’suċċess? Se tkompli tagħmel dan?

L-​Isfida Li Tiffaċċja

5. Liema influwenzi maħmuġin jagħmluha diffiċli biex tinżamm waqfa nadifa quddiem Alla?

5 Il-​mezzi tad-​divertiment jattakkaw liż-​żgħażagħ b’affarijiet li jitfgħu fil-​ġenb dak li hu diċenti u jigglorifikaw dak li hu immorali b’mod sfaċċat. Per eżempju, meta ħareġ wieħed minn serje taʼ films tal-​biżaʼ u vjolenti, wieħed kritiku tal-​films kiteb: “Il-​varjetà bejn ħasdiet sesswali, ħasdiet taʼ qtil, u ħasdiet taʼ oxxenitajiet f’dożi qawwija hija r-​rutina taʼ dan il-​film. Jekk iwaqqaf rekord taʼ attendenza, se jibqaʼ bħala memorja taʼ niżla kbira oħra fid-​degradazzjoni taʼ gosti fil-​films.” Flimkien maʼ dawn il-​films hemm kanzunetti li fihom kliem diretti fuq is-​sess u programmi fuq it-​T.V. li jigglorifikaw sess illeċitu. Tistaʼ tesponi lilek innifsek għal ‘inżul fil-​baxx’ tant preżentat b’mod ċar u żżomm il-​waqfa nadifa tiegħek quddiem Alla? (1 Pietru 4:4) Kif igħid il-​proverbju: “Jistaʼ raġel ikebbes flimkien in-​nar ġewwa żaqqu u madankollu ħwejġu stess ma jaqbdux?”−Proverbji 6:27.

6. Xi pressjoni jiffaċċjaw iż-​żgħażagħ minn dawk taʼ mparhom?

6 Pressjoni fuqek biex titlef il-​waqfa nadifa tiegħek maʼ Alla tiġi wkoll minn sors ieħor—dawk taʼ mparek. Tfajla tad-​dinja taʼ 17-il sena lmentat: “Jien għamilt is-​sess għall-​ewwel darba għal raġunijiet ħżiena kollha: għaliex il-​“boyfriend” insista u għaliex ħsibt li kulħadd kien qed jagħmel hekk.” Ħadd ma jrid li jiġi mwaqqaʼ għaċ-​ċajt. Huwa naturali li trid tingħoġob minn oħrajn. Iżda meta tieħu waqfa għall-​moralità tal-​Bibbja, żgħażagħ oħra jistgħu jirredikolawk. Ix-​xewqa li tkun bħall-​oħrajn, li tiġi aċċettat minn dawk taʼ mparek, tistaʼ tpoġġik taħt pressjoni biex tagħmel xi ħaġa li inti taf li hi ħażina.—Proverbji 13:20.

7. Li tiġġieled influwenzi maħmuġin għala hu b’mod partikulari diffiċli għaż-​żgħażagħ, iżda eluf taʼ żgħażagħ fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah x’urew li huma?

7 Li tiġġieled lil dawn l-​influwenzi hu b’mod partikulari diffiċli matul “il-​fjur taż-​żgħożija,” meta l-​ġidbiet sesswali huma qawwija. (1 Korintin 7:36) Mhux taʼ b’xejn li organizzazzjoni taʼ riċerka kkonkludiet: “Huwa ż-​żagħżugħ eċċezzjonali li ma għamilx is-​sess qabel iż-​żwieġ sal-​età taʼ 19-il sena.” Madankollu, eluf minnkom żgħażagħ fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah urejtu li intom eċċezzjonali. Intom qed tiffaċċjaw l-​isfida bis-​serjetà kollha u żżommu l-​indafa morali.

8. Xi żgħażagħ Kristjani għala ħallew l-​attitudnijiet immorali tad-​dinja jinfluwenzawhom, u b’liema riżultat?

8 B’dispjaċir ingħidu, iżda, li għadd taʼ żgħażagħ Kristjani ħallew l-​attitudnijiet immorali tad-​dinja jinfluwenzawhom. Fil-​waqt li jistgħu jgħidu bil-​kliem li jħobbu dak li hu tajjeb, huma ma jobogħdux dak li hu ħażin; għall-​anqas, ma jobogħduhx biżżejjed. (Salm 97:10) F’xi każi, huma saħansitra jidhru li jħobbuh. Kif ipoġġi l-​kliem Salm 52:3: “Int ħabbejt dak li hu ħażin aktar minn dak li hu tajjeb, il-​qerq aktar minn li titkellem it-​tjieba.” Xi wħud imorru sal-​punt li jirrifjutaw id-​direzzjoni mill-​organizzazzjoni taʼ Jehovah dwar affarijiet bħal namur, divertiment, u moralità. Bħala riżultat, huma taʼ spiss iġibu mistħija fuqhom infushom u fuq il-​ġenituri tagħhom. Huma wkoll jitilfu l-​ġmiel tagħhom f’għajnejn Alla.—2 Pietru 2:21, 22.

Għajnuna Biex Tintlaqaʼ l-​Isfida

9. X’inhu meħtieġ biex tilqaʼ I-isfida li tibqaʼ nadif moralment?

9 Kif tistaʼ tilqaʼ l-​isfida biex tibqaʼ nadif moralment? Is-​salmista staqsa l-​istess mistoqsija: “Raġel żagħżugħ kif se jnaddaf it-​trejqa tiegħu?” Hu mbagħad ta t-​tweġiba: “Billi joqgħod għassa skond kelmtek.” (Salm 119:9) Iva, int tinħtieġ gwida mill-​Kelma t’Alla. U Missierna tas-​sema taʼ mħabba ħa ħsieb li l-​organizzazzjoni tiegħu tipprovdi din il-​gwida biex tgħinek tirreżisti l-​pressjonijiet maħmuġin taʼ din id-​dinja.

10, 11. (a) Liema pubblikazzjonijiet ġew imħejjijin biex igħinu liż-​żgħażagħ jibqgħu ndaf moralment? (b) Xi żgħażagħ kif ġew mgħejjunin bis-​serje “Young People Ask . . .”? (ċ) Int personalment kif ibbenefikajt mis-​serje “Young People Ask . . .”?

10 Matul is-​snin għadd taʼ pubblikazzjonijiet ġew ippreparati b’mod partikulari għaż-​żgħażagħ, bħall-​ktieb Your Youth—Getting the Best out of It. Mill-​1982 ’il hawn, is-​serje “Young People Ask . . .” fir-​rivista Awake! tat ħafna pariri taʼ għajnuna fuq affarijiet bħalma huma pornografija, novelli romantiċi, u kondotta xierqa matul l-​egħrusija. Kienet verament taʼ għajnuna għaż-​żgħażagħ din l-​informazzjoni? Ikkunsidra eżempju wieħed. Għadd taʼ artikli fis-​serje ddiskutew il-​prattika tal-​masturbazzjoni, billi wrew li d-​drawwa tqanqal “aptit sesswali,” u tistaʼ faċilment iġġiegħel lil dak li jkun jaqaʼ f’immoralita sesswali.a (Kolossin 3:5) Suġġerimenti prattiċi ġew offruti fuq kif tiġġieled kontra d-​drawwa u x’tagħmel jekk terġaʼ taqaʼ. Bi tweġiba għall-​artikli, xi żgħażagħ kitbu: “Ili bil-​problema tal-​masturbazzjoni minn mindu kelli 12-il sena. Issa għandi 18, u qed nirbaħha bil-​mod il-​mod, grazzi għall-​artikli tagħkom.” “Issa li ħadt il-​pariri li tawni l-​artikli, insib li għandi stat mentali ħafna aħjar. Inħossni ħafna iktar nadif minn qabel.”

11 Jieħu l-​ħin biex taqra u tistudja din l-​informazzjoni, iżda billi tagħmel hekk jistaʼ jgħinek tibqaʼ nadif moralment. Qiegħed tieħu vantaġġ sħiħ minn dan il-​materjal ippubblikat? Bi tweġiba għall-​artiklu “Young People Ask . . .” “Sex Before Marriage—Why Not?”b tfajla, li f’dak iż-​żmien kienet qed tistudja l-​Bibbja, kitbet: “Jien naf kemm tħoss sentimenti ħżiena, taʼ ħtija u għira wara s-​sess li jsir qabel iż-​żwieġ, u jiddispjaċini ħafna li għamiltu. Kuljum nirringrazzja lil Jehovah talli aċċettani u ħafirli. L-​artiklu tagħkom, nittama, li se jgħin lil oħrajn qabel jagħmlu kif għamilt jien. Verament iweġġgħak. Issa nifhem għala Alla Jehovah irid li aħna ‘nastjenu miż-​żina.’”—1 Tessalonkin 4:3.

12. X’se jqanqalna biex inkunu rridu nogħġbu lil Jehovah?

12 Dan iġibna għal xi ħaġa oħra li se tgħinek tilqaʼ l-​isfida b’suċċess: Int trid tapprezza li Jehovah hu s-​Sovran Universali u għandu jiġi obdut. (Rivelazzjoni 4:11) Fl-​istess ħin, iżda, huwa Missier tas-​sema taʼ mħabba, u għandu l-​aqwa interessi tagħna f’qalbu. (Proverbji 2:20-22; Isaija 48:17) Il-​liġijiet tiegħu huma mfassla biex jipproteġuna, mhux biex jillimitawna bla bżonn. Li nobduhom hi b’hekk il-​korsa taʼ għerf. (Dewteronomju 4:5, 6) Li tifhem b’mod ċar il-​għala Jehovah jinsisti fuq indafa morali se jgħinek biex tara l-​ġmiel veru tagħha u se jqanqlek biex tkun trid togħġbu.—Salm 112:1.

13. Kif tistaʼ tispjega li l-​liġi taʼ Jehovah li tipprojbixxi ż-​żina hi l-​aħjar għalina?

13 Ikkunsidra l-​fatt li Alla jillimita s-​sess għaż-​żwieġ u jipprojbixxi b’mod strett iż-​żina. (Ebrej 13:4) Se jċaħħdek minn xi ħaġa tajba jekk tobdi din il-​liġi? Missier tas-​sema taʼ mħabba se jagħmel xi liġi biex tisraqlek it-​tgawdija mill-​ħajja? Dażgur li le! Ħares x’qed jiġri fil-​ħajjiet taʼ dawk taʼ mparek li jinjoraw il-​liġi morali t’Alla. Tqala mhix mixtieqa taʼ spiss twassalhom għal aborti jew, forsi, żwieġ primatur. F’ħafna każi jkun ifisser li jkollok trabbi tarbija mingħajr raġel. Iktar minn hekk, żgħażagħ li jipprattikaw iż-​żina qed ‘jidinbu kontra ġisimhom stess’ u qed jesponu lilhom infushom għal mard trażmess sesswalment. (1 Korintin 6:18) U meta żagħżugħ li hu ddedikat lil Jehovah jikkommetti ż-​żina, t-​taqlib emozzjonali li jirriżulta jistaʼ jkun verament qerriedi. Li tipprova tikkumbatti kontra t-​tingiż taʼ kuxjenza ħatja jistaʼ jikkaġuna għejja u ljieli bla rqad. (Salm 32:3, 4; 51:3) Mhux ovvju, mela, li l-​liġi taʼ Jehovah li tipprojbixxi ż-​żina hija mfassla biex tipproteġik? Hemm benefiċċju veru f’li żżomm indafa morali!

14. Dwar dawk li jgħidu li ż-​żwieġ għal dawk taħt il-​għoxrin hu taʼ protezzjoni, spjega kif għandna nħarsu lejn il-​kliem taʼ Pawlu fl-​1 Korintin 7:9 u 7:36.

14 Aħna nammettu li mhux faċli li timxi mal-​liġijiet stretti t’Alla dwar il-​moralità. Minħabba f’dan, xi żgħażagħ ikkonkludew li l-​aħjar protezzjoni hi li jiżżewġu waqt li għadhom taħt il-​għoxrin. ‘Wara kollox,’ jirraġunaw huma, ‘1 Korintin 7:9 ma jgħidx: “Jekk ma għandhomx rażna, ħallihom jiżżewġu għaliex aħjar tiżżewweġ milli tkun mikdud bil-​passjoni”?’ Ħarsa bħal din, iżda, hija fil-​qasir. Il-​kliem taʼ Pawlu mhux indirizzat lil dawk taʼ taħt il-​għoxrin iżda lil dawk li ‘għaddew il-​fjur taż-​żgħożija.’ (1 Korintin 7:36) Fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi dawk li għadhom fil-​fjur taż-​żgħożija jkunu għadhom ma żviluppawx biżżejjed emozzjonalment u spiritwalment biex ikunu jistgħu jerfgħu l-​pressjonijiet u r-​responsabbiltajiet li jiġu maż-​żwieġ. Il-​Journal of Marriage and the Family jirrapporta: “Nies li jiżżewġu żgħar iġarrbu inqas sodisfazzjon fiż-​żwieġ għaliex ikunu nieqsa mill-​preparazzjoni għal dak li jitlob minnhom iż-​żwieġ. In-​nuqqas taʼ effiċjenza tnaqqas is-​sodisfazzjon, li mill-​banda l-​oħra jwassal għal instabbilità fiż-​żwieġ.” Għalhekk it-​tweġiba mhix li tiżżewweġ żgħir, iżda li żżomm is-​safa dment li għadek waħdek sakemm tkun żviluppajt il-​kwalitajiet kollha meħtieġa biex tagħmel suċċess miż-​żwieġ.

Żomm Lilek Innifsek Nadif

15. X’miżuri qawwija huma meħtieġa jekk trid tibqaʼ nadif moralment?

15 L-​appostlu Pawlu kiteb: “Mewtu, għalhekk, lill-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art rigward iż-​żina, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali.” (Kolossin 3:5) Iva, miżuri qawwija huma meħtieġa; trid tkun determinat li tibqaʼ moralment nadif. Meta jikkummenta fuq il-​verb tradott “mewtu,” The Expositor’s Bible Commentary igħid: “Jissuġġerixxi li m’aħniex sempliċement se nikkumbattu jew nikkontrollaw atti u attitudnijiet ħżiena. Għandna nqaċċtuhom ’il barra, kompletament nispiċċaw il-​mod qadim taʼ ħajja. ‘Toqtol għalkollox’ jistaʼ jesprimu l-​qawwa tiegħu.... Kemm it-​tifsir tal-​verb u l-​qawwa tat-​tens jissuġġerixxu att vigoruż u taʼ wġigħ taʼ determinazzjoni persunali.”−Qabbel Mattew 5:27-30.

16. Biex tibqaʼ nadif moralment, għala trid taħdem iebes biex iżżomm nadif mentalment, u kif tistaʼ tirnexxi f’li tagħmel dan?

16 Kif, iżda, tistaʼ int “toqtol għalkollox” jew ‘tqaċċat ’il barra’ atti u attitudnijiet maħmugin moralment? Ġesù mar fil-​għerq tal-​problema meta qal: “Minn ġewwa, mill-​qalb tal-​bnedmin, raġunar inġurjuż joħrog: żina, . . . adulterji, xenqiet.” (Mark 7:21, 22) Il-​qalb figurattiva tinkludi l-​fakultajiet tal-​ħsieb, u b’hekk hija assoċjata mar-​“raġunar.” Biex tibqaʼ nadif moralment, mela, trid tħabrek biex iżżomm nadif mentalment. Kif? Ladarba l-​moħħ huwa sostnut mis-​sensi, int trid tgħasses kontra dak li tħares lejh b’għajnejk, billi tevita kotba, programmi televiżivi, jew films li jippreżentaw jew jaċċettaw l-​immoralità sesswali. Ukoll, trid toqgħod attent dwar dak li tismaʼ b’widnejk, billi taħrab minn kanzunetti li fihom kliem diretti fuq is-​sess. Jitlob kuraġġ li tieħu din il-​waqfa speċjalment quddiem dawk taʼ mparek, iżda billi tagħmel hekk se jgħinek biex tibqaʼ nadif moralment u żżomm ir-​rispett tiegħek innifsek.

17. Il-​ħmieġ morali għala lanqas biss m’għandu jissemma fostkom?

17 L-​appostlu Pawlu wissa wkoll: “Ħalli ż-​żina u n-​nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta jew ir-​regħba lanqas biss jissemmew fostkom, sewwa sew bħalma jixraq lil nies qaddisa.” (Efesin 5:3; ara wkoll vers 12.) Għalhekk ħmieġ morali lanqas biss m’għandu jissemma, jiġifieri, jiġi diskuss jew jiġi wżat bħala suġġett għal ċajta. Għala le? Bħalma poġġieha l-​istudjuż tal-​Bibbja William Barclay: “Li titkellem dwar ħaġa, li tiċċajta dwarha, li tagħmilha taʼ spiss is-​suġġett tal-​konverżazzjoni tkun qed tintroduċiha ġol-​moħħ u qed tressaq iktar viċin il-​għemil tagħha.” (Ġakbu 1:14, 16) Jitlob determinazzjoni vera li ‘tagħmel ilġiem bħala għassa għal fommok,’ b’mod speċjali meta żgħażagħ oħra qed igħidu ċajt maħmuġ jew qed jużaw kliem oġġezzjonabbli biex jiddeskrivu attivitajiet sesswali. (Salm 39:1) Iżda billi tibqaʼ dritt u nadif, int se tferraħ qalb Jehovah.—Salm 11:7; Proverbji 27:11.

18. (a) Biex tirbaħ il-​ġlieda kontra l-​ħmieġ morali, għala mhux biżżejjed li tirrifjuta ħsibijiet u diskors maħmuġ? (b) Kif tistaʼ tibbenefika mill-​parir taʼ Pawlu lil Filippin?

18 Biex tirbaħ il-​ġlieda kontra l-​ħmieġ morali, mhux biżżejjed li tirrifjuta ħsibijiet u diskors maħmuġ. Proverbju Ċiniż igħid: “Moħħ mhux okkupat hu miftuħ għal kull suġġeriment.” (Qabbel Mattew 12:43-45.) Pawlu għaraf il-​bżonn li nimlew il-​moħħ bi ħsibijiet nodfa u bnini. Għaldaqstant, hu ħeġġeġ lill-​Filippin: “L-​affarijiet kollha li huma veri, l-​affarijiet kollha li huma taʼ tħassib serju, l-​affarijiet kollha li huma taʼ tjieba, l-​affarijiet kollha li huma nodfa, l-​affarijiet kollha li huma taʼ min iħobbhom, l-​affarijiet kollha li jitkellmu tajjeb dwarhom, kull virtù li hemm u kull ħaġa taʼ min ifaħħarha li hemm, ibqgħu kkunsidraw dawn l-​affarijiet [‘agħmluhom is-​suġġett taʼ riflessjoni bir-​reqqa’c].”−Filippin 4:8.

19. Għala tagħmel studju ħabrieki tal-​Kelma t’Alla, u b’liema mod dan se jgħinek biex tibqaʼ nadif moralment?

19 Dan ifisser li tagħmel studju ħabrieki tal-​Kelma t’Alla. (Ġożwè 1:8; Salm 1:2) Se jsaħħaħlek lil moħħok u lil qalbek u se jgħinek tiżviluppa relazzjoni persunali mill-​qrib maʼ Jehovah. Int b’hekk se tkun f’pożizzjoni bil-​wisq aħjar li tirreżisti t-​tentazzjonijiet li tieħu sehem f’kondotta maħmuġa moralment. Int sempliċement ma tirriskjax li ġġib diżunur fuq l-​isem taʼ Jehovah u mistħija fuq il-​familja tiegħek u fuq il-​kongregazzjoni. Minflok, int se tuża s-​saħħa u l-​vitalità taʼ zgħożitek b’tali mod li ma jiddispjaċikx iktar tard. Iva, int se ssegwi l-​korsa taʼ ndafa morali, verament il-​ġmiel taʼ żgħażagħ li jinsabu jaqdu lil Jehovah!—Proverbji 3:l-4.

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​ħarġiet tal-​Awake! tat-​8 taʼ Settembru, 1987 paġni 19-21; 8 taʼ Novembru, 1987, paġni 18-20; u 8 taʼ Marzu, 1988, paġni 20-3.

b Awake! tat-​8 taʼ Diċembru, 1985, paġni lO-12.

c The Expositor’s Greek Testament.

Żgħażagħ—Kif se Twieġbu?

◻ Għala għandkom iżżommu livell għoli taʼ ndafa morali?

◻ Liema pressjonijiet jagħmluha taʼ sfida li żżommu waqfa nadifa maʼ Alla?

◻ X’jistaʼ jgħinkom biex tilqgħu l-​isfida li tibqgu ndaf moralment?

◻ X’miżuri qawwija huma meħtieġa jekk tridu żżommu lilkom infuskom indaf?

[Stampa f’paġna 9

Il-​biċċa l-​kbira li għadhom fil-​fjur taż-​żgħożija huma żgħar wisq biex jieħdu ħsieb tar-​responsabbiltajiet taʼ ġenituri

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja