Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ktieb tal-Proverbji
IS-SULTAN SALAMUN taʼ Iżrael tal-qedem “qabbel tlitt elef proverbju.” (1 Slaten 5:12 [4:32, NW ]) Għandna aħna aċċess għall-proverbji tiegħu kollhom għerf? Iva, għandna. Fil-ktieb Bibliku tal-Proverbji, li tlesta madwar is-sena 717 Q.E.K., hemm imniżżlin ħafna mill-proverbji taʼ Salamun. L-aħħar żewġ kapitli nkitbu minn kittieba oħrajn—Agur, bin Ġaki u Lemwel is-sultan. Madankollu, xi wħud jemmnu li Lemwel kien isem ieħor għal Salamun.
Il-proverbji ispirati miġburin fil-ktieb tal-Proverbji għandhom skop doppju—“biex jagħrfu . . . l-għerf u [“id-dixxiplina,” NW].” (Proverbji 1:2) Dawn il-proverbji jgħinuna niksbu l-għerf, li huwa l-abbiltà li wieħed jara l-affarijiet b’mod ċar u japplika l-għarfien sabiex isolvi l-problemi. Permezz tal-proverbji, aħna nirċievu wkoll id-dixxiplina, jew it-taħriġ morali. Jekk nagħtu attenzjoni għal dawn il-proverbji u nagħtu widen għall-pariri tagħhom, dan jistaʼ jeffettwalna qalbna, iġibilna l-hena, u jwassalna għas-suċċess.—Ebrej 4:12.
‘IKSEB L-GĦERF U AQBAD SEW MAD-DIXXIPLINA’
“L-għerf jgħajjat fit-triqat,” jgħid Salamun. (Proverbji 1:20) Għaliex għandna nisimgħu mil-leħen għoli u ċar tiegħu? Kapitlu 2 jikkwota ħafna benefiċċji li jiġu jekk wieħed jakkwista l-għerf. Kapitlu 3 jiddiskuti kif nistgħu nfittxu li nkunu qrib Ġeħova. Imbagħad Salamun jgħid: “L-aqwa ħaġa, li tikseb l-għerf; ikseb id-dehen akkost taʼ kollox. Żomm mat-tagħlim, u tħallih qatt.”—Proverbji 4:7, 13.
X’se jgħinna nirreżistu l-modi immorali tad-dinja? Il-ħames kapitlu tal-Proverbji jwieġeb: Eżerċita l-abbiltà tal-ħsieb, u agħraf il-modi qarrieqa tad-dinja. Ikkunsidra wkoll il-konsegwenzi li ġġib magħha l-immoralità. Il-kapitlu li jmiss iwissina kontra l-prattiki u l-attitudnijiet li jpoġġu r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova fil-periklu. Is-sebaʼ kapitlu jipprovdi deskrizzjoni reali u imprezzabbli taʼ kif taġixxi persuna immorali. F’kapitlu 8 l-valur u l-effett taʼ l-għerf huwa preżentat b’mod taʼ l-għaġeb. Id-disaʼ kapitlu, li hu konklużjoni li tqanqlek għall-proverbji li kkunsidrajna s’issa, jiġi preżentat bħala tixbiha eċċitanti li timmotivana biex niksbu l-għerf.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:7; 9:10—Il-biżaʼ minn Ġeħova b’liema mod huwa “l-bidu taʼ l-għarfien” (NW) u “l-bidu taʼ l-għerf”? Mingħajr il-biżaʼ minn Ġeħova ma jistax ikun hemm għarfien għaliex hu l-Ħallieq taʼ kollox u l-Awtur taʼ l-Iskrittura. (Rumani 1:20; 2 Timotju 3:16, 17) Hu s-Sors innifsu taʼ l-għarfien veru kollu. Għalhekk, l-għarfien jibda bil-biżaʼ riverenzjali minn Ġeħova. Il-biżaʼ minn Alla huwa wkoll il-bidu taʼ l-għerf minħabba li ma jistax ikun hemm għerf mingħajr għarfien. Iktar minn hekk, persuna li m’għandhiex il-biżaʼ taʼ Ġeħova m’hijiex se tuża kwalunkwe għarfien li għandha biex tonora lill-Ħallieq.
5:3—Prostituta għala tissejjaħ “mara stranġiera” (NW)? Proverbji 2:16, 17 jiddeskrivi “mara stranġiera” bħala persuna li “tinsa l-patt li għamlet maʼ Alla tagħha.” Kulmin kien jaqdi allat foloz jew kien jagħżel li ma jagħtix kas il-Liġi Mosajka, inkluż prostituta, kien jissejjaħ stranġier.—Ġeremija 2:25; 3:13.
7:1, 2—X’hemm inkluż fi “kliemi” u fil-“kmandamenti tiegħi”? Flimkien mat-tagħlim tal-Bibbja, dawn jinkludu r-regoli tal-familja magħmulin mill-ġenituri għall-ġid tal-membri tal-familja. It-tfal iridu jżommu maʼ dawn ir-regoli kif ukoll mat-tagħlim Skritturali li jirċievu mingħand il-ġenituri tagħhom.
8:30—Min hu l-“ħaddiem tas-sengħa” (NW)? L-għerf personifikat isejjaħ lilu nnifsu ħaddiem tas-sengħa. Minbarra li tintuża b’mod letterarju biex tispjega l-karatteristiki taʼ l-għerf, din il-personifikazzjoni, b’mod figurattiv, tirreferi għal Ġesù Kristu, l-ewwel Iben imwieled t’Alla, fl-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem. Ħafna qabel it-twelid tiegħu bħala bniedem fuq l-art, hu kien ‘imnissel bħala l-bidu taʼ l-attività kreattiva t’Alla.’ (Proverbji 8:22, NW ) Bħala “ħaddiem tas-sengħa,” hu ħadem b’mod attiv maʼ Missieru matul il-ħolqien taʼ l-affarijiet kollha.—Kolossin 1:15-17.
9:17—X’inhu “l-ilma misruq,” u għala hu “ħelu”? Peress li l-Bibbja xxebbah il-pjaċir taʼ l-intimità sesswali fiż-żwieġ max-xorb rifreskanti taʼ l-ilma mtellaʼ minn bir, l-ilma misruq jirrappreżenta r-relazzjonijiet sesswali immorali u sigrieti. (Proverbji 5:15-17) L-idea li tgħaddiha lixxa tagħti dehra pjaċevoli lil dan l-ilma.
Lezzjonijiet Għalina:
1:10-14. Għandna noqogħdu attenti li ma ninġibdux lejn il-modi ħżiena taʼ dawk midinbin permezz tal-wegħdi tagħhom taʼ l-għana.
3:3. Għandna ngħożżu ferm il-qalb tajba bl-imħabba u l-verità u nuruhom bil-miftuħ bħalma nuru ġiżirana imprezzabbli. Ukoll, irridu nnaqqxu dawn il-kwalitajiet f’qalbna, billi nagħmluhom parti integrali minna.
4:18. L-għarfien spiritwali qed jiżdied bil-mod il-mod. Biex nibqgħu fid-dawl irridu nkomplu nuru l-umiltà u nkunu ġwejdin.
5:8. Għandna nżommu ’l bogħod minn kull influwenza immorali, sew jekk ġejja mill-mużika, mid-divertiment, mill-Internet, jew mill-kotba u r-rivisti.
5:21. Għandu wieħed li jħobb lil Ġeħova jibdel ir-relazzjoni tajba li għandu maʼ l-Alla l-veru għal ftit mumenti taʼ pjaċir? Dażgur li le! L-iktar motiv qawwi biex inżommu s-safa morali huwa li nkunu konxji li Ġeħova jara l-modi tagħna u jżommna responsabbli.
6:1-5. F’dawn il-versi, x’parir mill-aqwa għandna kontra li ‘nagħmlu tajjeb’ għal ħaddieħor, jew nagħmlu rabtiet finanzjarji mhux għaqlin! Jekk wara li neżaminaw bir-reqqa l-azzjoni li nkunu ħadna nirrealizzaw li din ma tkunx għaqlija, mingħajr dewmien għandna ‘niffittawhom’ b’petizzjonijiet persistenti u nagħmlu li nistgħu biex nirranġaw l-affarijiet.
6:16-19. Hawnhekk naraw is-sebaʼ kategoriji bażiċi li jinvolvu kważi kull tip t’għemil ħażin. Għandna niżviluppaw stmerrija lejhom.
6:20-24. Taħriġ ibbażat fuq il-Bibbja matul it-trobbija jistaʼ jipproteġi lil dak li jkun milli jinqabad fin-nassa taʼ l-immoralità sesswali. Il-ġenituri m’għandhomx jittraskuraw dan it-taħriġ.
7:4. Għandna niżviluppaw ġibda lejn l-għerf u l-mogħdrija.
PROVERBJI INDIVIDWALI BIEX JIGGWIDAWNA
Il-bqija tal-proverbji taʼ Salamun huma proverbji konċiżi u individwali. Preżentati ġeneralment bħala kuntrasti, paralleli, u paraguni, dawn iwasslu lezzjonijiet qawwijin dwar il-kondotta, id-diskors, u l-attitudni.
Kapitli 10 sa 24 jenfasizzaw il-valur tal-biżaʼ riverenzjali minn Ġeħova. Il-proverbji f’kapitli 25 sa 29 kienu kkopjati min-“nies taʼ Ħeżekija, sultan taʼ Ġuda.” (Proverbji 25:1) Dawn il-proverbji jgħallmu l-fiduċja f’Ġeħova u lezzjonijiet vitali oħrajn.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
10:6—Kif jistaʼ “fomm il-ħżiena jaħbi l-vjolenza”? Dan jistaʼ jkun minnu fis-sens li permezz taʼ kliem ħelu, l-uħud mill-agħar jaħbu l-intenzjonijiet malizzjużi tagħhom biex jagħmlu l-ħsara lil ħaddieħor. Jew jistaʼ jkun li peress li l-uħud mill-agħar ikunu mibgħudin, l-ostilità li jirċievu mill-oħrajn issikkithom.
10:10—Il-wieħed li “jegħmeż b’għajnejh” (NW) kif jikkaġuna l-uġigħ? “Bniedem li ma jiswa għal xejn” (Karm Żammit ) jistaʼ mhux biss idur lejn “it-tagħwiġ taʼ kliemu” iżda wkoll jipprova jaħbi l-motivi tiegħu bil-mod taʼ kif iġib ruħu, bħal per eżempju billi “jegħmeż b’għajnejh.” (Proverbji 6:12, 13) Dan it-tip taʼ qerq jistaʼ jsir sors taʼ ħafna niket għall-vittma tiegħu.
10:29—X’inhi “triq il-Mulej” (KŻ)? Din tirreferi għall-mod kif Ġeħova jittratta maʼ l-umanità u mhux għall-mod taʼ ħajja li għandna nsegwu. Il-mod kif Alla jittratta mal-bnedmin ifisser sigurtà għal dawk bla ħtija iżda qerda għal dawk mill-agħar.
11:31—Il-wieħed mill-agħar għala għandu jiġi premjat iktar mill-wieħed ġust? Hawnhekk il-premju jirreferi għad-dixxiplina li kull wieħed jirċievi. Meta l-persuna ġusta tiżbalja, il-ħlas li tirċievi għall-iżbalji tagħha huwa d-dixxiplina. Il-wieħed mill-agħar jidneb apposta u jirrifjuta li jibda jagħmel it-tajjeb. Għalhekk, hu jistħoqqlu u jirċievi kastig aħrax.
12:23—Wieħed kif “jaħbi għerfu”? Meta taħbi l-għerf ma jfissirx li ma turihx. Minflok, dan ifisser li wieħed juri l-għerf b’mod għaqli, u ma jiffanfrax bih billi jiftaħar.
14:17—B’liema mod ‘il-bniedem li juża l-abbiltà li jaħseb hu mibgħud’ (NW)? L-espressjoni bl-Ebrajk tradotta “l-abbiltà li jaħseb” tistaʼ tfisser jew dehen jew inkella ħsibijiet malizzjużi. Ċertament li bniedem li għandu ħsibijiet mill-agħar huwa mibgħud, l-istess bħalma hu mibgħud il-bniedem taʼ dehen li jeżerċita l-abbiltajiet tal-ħsieb tiegħu u jagħżel li ‘ma jkunx parti mid-dinja.’—Ġwanni 15:19.
18:19—B’liema mod “ħuk imweġġaʼ jsir għalik bħal belt qawwija”? Bħal belt assedjata, individwu bħal dan jistaʼ b’mod sod jirrifjuta li jaħfer l-iżball. Il-ġlied bejnu u bejn il-ħati jistaʼ jkun t’ostaklu “daqs bieb taʼ fortizza.”
Lezzjonijiet Għalina:
10:11-14. Sabiex kliemna jkun inkuraġġanti, irid ikollna moħħna mimli b’għarfien eżatt, qalbna tkun motivata mill-imħabba, u l-għerf għandu jiddetermina dak li ngħidu.
10:19; 12:18; 13:3; 15:28; 17:28. Jalla kliemna jkun ftit u jingħad bil-ħsieb.
11:1; 16:11; 20:10, 23. Ġeħova jridna nkunu onesti f’affarijiet taʼ negozju.
11:4. Tkun bluha li nsusu wara l-għana materjali filwaqt li nittraskuraw l-istudju persunali tal-Bibbja, l-attendenza għal-laqgħat, it-talb, u l-ministeru taʼ l-għalqa.
13:4. M’huwiex biżżejjed li jkollna “x-xewqa” għal pożizzjoni taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni jew għall-ħajja fis-sistema l-ġdida. Irridu wkoll inkunu beżlin u nagħmlu sforz ħabrieki biex nilħqu l-ħtiġijiet.
13:24; 29:15; 29:21 (NW). Ġenitur li jħobb ma jfissidx lil ibnu jew jagħlaq għajnejh għan-nuqqasijiet tiegħu. Minflok, missier jew omm tieħu passi biex tikkoreġi u taqlaʼ mill-għeruq dawn in-nuqqasijiet qabel ma jinżlu fil-fond.
14:10. Peress li ma nistgħux nesprimu biċ-ċar is-sentimenti ġewwinin tagħna f’kull ħin u lanqas ikunu dejjem mifhumin minn dawk li jkunu qed jarawna, il-faraġ emozzjonali li oħrajn jistgħu joffru għandu l-limiti tiegħu. Għandu mnejn ikollna nissaportu xi diffikultajiet billi nistrieħu fuq Ġeħova biss.
15:7. M’għandniex ngħidu dak kollu li nafu lil xi persuna f’daqqa, l-istess bħalma bidwi ma jiżrax iż-żrieragħ kollha tiegħu f’post wieħed. Il-wieħed għaqli jxerred l-għarfien tiegħu ftit ftit skond il-bżonn.
15:15; 18:14. Meta nżommu attitudni mentali pożittiva se niġu megħjunin insibu l-ferħ, anki jekk ninsabu f’ċirkustanzi taʼ niket.
17:24. Kuntrarju għall-“iblah,” li għajnejh u moħħu jintilfu minflok ma jiffokaw fuq l-affarijiet importanti, aħna għandna nfittxu li nifhmu sabiex inkunu nistgħu naġixxu bl-għerf.
23:6-8. Għandna noqogħdu għassa kontra li nuru ospitalità ipokrita.
27:21. It-tifħir jistaʼ jirrivela min aħna. L-umiltà tintwera jekk il-foħrija tqanqalna biex nagħrfu li aħna midjunin maʼ Ġeħova u tinkuraġġina biex inkomplu naqduh. Meta t-tifħir jippromwovi sentimenti taʼ superjorità jinkixef nuqqas t’umiltà.
27:23-27. Billi jużaw il-ħajja taʼ ragħaj bħala eżempju, dawn il-proverbji jenfasizzaw il-valur taʼ li wieħed isib il-kuntentizza f’ħajja sempliċi li tirriżulta minn xogħol ħabrieki. B’mod speċjali, għandhom inaqqxu fina l-bżonn li niddependu minn Alla.a
28:5. Jekk ‘infittxu l-Mulej’ permezz tat-talb u l-istudju tal-Kelma tiegħu, nistgħu ‘nifhmu kollox,’ jiġifieri dak kollu li hemm bżonn biex naqduh b’mod aċċettabbli.
‘MESSAĠĠI QAWWIJIN’
Il-ktieb Bibliku tal-Proverbji jikkonkludi b’żewġ ‘messaġġi qawwijin.’ (Proverbji 30:1; 31:1, NW ) Permezz taʼ paraguni li jqanqlu l-ħsieb, il-messaġġ t’Agur juri kemm ir-regħba ma tistax tissodisfaha u juri kemm ma jistgħux jinqabdu l-modi persważivi taʼ raġel biex jisseduċi xebba.b Dan iwissi wkoll kontra l-kburija u d-diskors mimli korla.
Fil-messaġġ qawwi li Lemwel irċieva mingħand ommu nsibu pariri għaqlin dwar l-użu taʼ l-inbid u x-xorb li jsakkar kif ukoll dwar li nagħmlu ġudizzju ġust. Id-deskrizzjoni taʼ mara tajba tispiċċa bl-istqarrija: “Agħtuha mill-frott taʼ xogħol idejha. Ħa jfaħħruha f’bibien il-belt l-għemejjel tagħha.”—Proverbji 31:31.
Ikseb l-għerf, aċċetta d-dixxiplina, ikkultiva il-biża t’Alla, strieħ fuq Ġeħova. X’lezzjonijiet taʼ valur jgħallmu l-proverbji ispirati! Għalhekk, ejja napplikaw il-parir tagħhom u b’hekk nesperjenzaw il-ferħ taʼ “bniedem li jibżaʼ mill-Mulej.”—Salm 112:1.
[Noti taʼ taħt]
a Ara The Watchtower taʼ l-1 t’Awissu, 1991, paġna 31.
b Ara The Watchtower taʼ l-1 taʼ Lulju, 1992, paġna 31.
[Stampi f’paġna 16]
Ġeħova huwa s-Sors taʼ l-għarfien veru kollu
[Stampa f’paġna 18]
Xi jfisser li ‘jinxtered it-tagħlim’?