LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 5/15 pp. 28-31
  • ‘Bl-Għerf Jitkattrulna Jiem Ħajjitna’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Bl-Għerf Jitkattrulna Jiem Ħajjitna’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ejjew, Kulu l-​Ħobż Tiegħi u Ixorbu l-​Inbid”
  • “Twiddibx lill-​Insolenti”
  • “Jiżdidulek Snin Għomrok”
  • “Il-​Bluha Hi Mara Mferfxa”
  • “Ħelu Hu l-​Ilma Misruq”
  • Ikseb l-Għerf u Aċċetta d-Dixxiplina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • “Hieni Min Isib l-Għerf”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • L-Għerf Veru Jkompli Jgħajjat
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tal-Proverbji
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 5/15 pp. 28-31

‘Bl-​Għerf Jitkattrulna Jiem Ħajjitna’

MIN jistaʼ jiċħad li l-​għerf huwa neċessarju u ma nistgħux ngħaddu mingħajru meta niġu biex niffaċċjaw il-​problemi tal-​ħajja? L-​għerf veru huwa l-​abbiltà li nużaw l-​għarfien u l-​fehma b’mod xieraq. Huwa kompletament l-​oppost tal-​bluha, l-​istupidaġni, u l-​ġenn. Għalhekk, l-​Iskrittura tħeġġiġna biex niksbu l-​għerf. (Proverbji 4:7) Fil-​fatt, il-​ktieb Bibliku tal-​Proverbji kien miktub bl-​għan ewlieni li jagħti l-​għerf u d-​dixxiplina. Dan jiftaħ bil-​kliem: “Il-​proverbji taʼ Salamun bin David sultan taʼ Iżrael: biex jagħrfu l-​bnedmin l-​għerf u t-​tagħlim [“dixxiplina,” NW].”—Proverbji 1:​1, 2.

Ikkunsidra daqsxejn it-​tagħlim taʼ min joqgħod fuqu li nsibu fl-​ewwel ftit kapitli tal-​Proverbji. Bħalma missier kollu mħabba jħeġġeġ lil ibnu, Salamun jitlob bil-​ħrara lill-​qarrejja tiegħu biex jaċċettaw id-​dixxiplina u jagħtu widen għall-​għerf. (Kapitli 1 u 2) Hu jurina kif nistgħu nsiru midħla taʼ Jehovah u kif inħarsu lil qalbna. (Kapitli 3 u 4) Aħna mwissijin biex nibqgħu moralment nodfa. (Kapitli 5 u 6) Iva, li nkunu nafu t-​tattiċi taʼ kif taħdem persuna immorali huwa imprezzabbli għalina. (Kapitlu 7) U kemm tolqotna lkoll l-​istedina taʼ l-​għerf personifikat! (Kapitlu 8) Qabel ma jgħaddi għall-​proverbji individwali u konċiżi li nsibu fil-​kapitli taʼ wara, is-​Sultan Salamun jagħtina sommarju eċċitanti taʼ dak li ddiskuta s’issa.—Kapitlu 9.

“Ejjew, Kulu l-​Ħobż Tiegħi u Ixorbu l-​Inbid”

L-​ewwel parti tal-​Proverbji tiġi fi tmiemha b’ġabra qasira. Din mhix xi ripetizzjoni li ddejqek tal-​pariri li għadna kif semmejna. Minflok, f’forma taʼ tixbieha sabiħa u eċċitanti tqanqal lill-​qarrej biex jikseb l-​għerf.

Id-​disaʼ kapitlu tal-​ktieb Bibliku tal-​Proverbji jiftaħ bil-​kliem: “L-​għerf bena d-​dar tiegħu, waqqaf is-​sebaʼ kolonni tagħha.” (Proverbji 9:1) Skond wieħed studjuż, it-​terminu ‘sebaʼ kolonni jindika dar kbira mibnija madwar bitħa. L-​istruttura hija miżmuma f’postha bi tliet kolonni fuq kull naħa u b’kolonna fin-​nofs tan-​naħa li kienet tiġi faċċata taʼ l-​entratura.’ Kienet kif kienet, l-​għerf veru bena dar b’saħħitha biex jilqaʼ ħafna mistidnin.

Kollox huwa lest biex issir festa. Hemm il-​laħam, u hemm ukoll l-​inbid. L-​għerf ta attenzjoni persunali kemm għall-​mod li bih jiġi preparat l-​ikel kif ukoll għall-​mod li bih tiġi mħejjija l-​mejda. “Qatel il-​bhejjem imsemmna, ħejja l-​inbid u l-​mejda tiegħu.” (Proverbji 9:2) Jidher ċar li fuq din il-​mejda figurattiva hemm ikel spiritwali bnin li jixraqlu l-​attenzjoni kollha tagħna.—Isaija 55:​1, 2.

Min hu mistieden għall-​festa li pprepara l-​għerf veru? “Bagħat il-​qaddejja jxandru l-​istedina minn fuq l-​imkejjen għolja tal-​belt: ‘Min hu ċkejken [“bla esperjenza,” “NW”] ħa jiġi għandi!’ U lil min hu bla moħħ jgħidlu: ‘Ejjew, kulu l-​ħobż tiegħi u ixorbu l-​inbid li ħejjejt għalikom. Warrbu l-​bluhat tagħkom, u tgħixu, u timxu ’l quddiem fl-​għaqal.’”​—Proverbji 9:​3-6.

L-​għerf bagħat lill-​qaddejja tiegħu biex jistiednu lin-​nies. Huma marru f’postijiet pubbliċi minfejn setgħu jsejħu l-​akbar għadd taʼ nies. Kulħadd hu mistieden—dawk “bla moħħ,” jew li huma neqsin mill-​fehma, kif ukoll dawk li m’għandhomx esperjenza. (Proverbji 9:4) Huma jiġu offruti wegħda taʼ ħajja. Bla dubju, l-​għerf li nsibu fil-​Kelma t’Alla, inkluż dak li hemm fil-​ktieb tal-​Proverbji, hu disponibbli kważi għal kulħadd. Illum, bħala l-​messaġġiera taʼ l-​għerf veru, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma okkupati jistiednu lin-​nies, kulfejn jiltaqgħu magħhom, biex jistudjaw il-​Bibbja. Dan l-​għarfien jistaʼ jwassalhom biex ikollhom ħajja taʼ dejjem tabilħaqq.—Ġwann 17:3.

Il-​Kristjani għandhom jaċċettaw umilment id-​dixxiplina li jagħti l-​għerf. Dan japplika speċjalment għaż-​żgħażagħ u għal dawk li għadhom kemm bdew jitgħallmu dwar Jehovah. Minħabba li ma tantx ikollhom esperjenza fil-​mogħdijiet t’Alla, dawn jistgħu jkunu “bla moħħ.” Dan ma jfissirx li l-​motivi tagħhom huma kollha ħżiena, imma jeħtieġ iż-​żmien u l-​isforz biex il-​qalb tinġieb f’kundizzjoni li tkun togħġob tassew lil Alla Jehovah. Biex jagħmlu dan hemm bżonn li l-​ħsibijiet, ix-​xewqat, l-​affezzjonijiet, u l-​miri tagħhom jinġiebu fi qbil maʼ dak li japprova Alla. Kemm huwa vitali li ‘jixxennqu għall-​ħalib safi tal-​kelma.’—1 Pietru 2:​2, KŻ.

Fil-fatt, mhux ilkoll kemm aħna għandna nkunu ħallejna “l-​ewwel elementi tat-​tagħlim”? Ċertament, aħna rridu nikkultivaw interess fl-​“affarijiet profondi t’Alla” u nieklu mill-​ikel solidu li jappartjeni lin-​nies maturi. (Lhud 5:12–6:1; 1 Korintin 2:​10, NW) “L-​ilsir leali u diskret,” li qiegħed taħt il-​gwida diretta taʼ Ġesù Kristu, iħabrek biex jipprovdi ikel spiritwali f’waqtu għal kulħadd. (Mattew 24:​45-​47, NW) Jalla ngawdu mill-​mejda mħejjija mill-​għerf billi nistudjaw bir-​reqqa l-​Kelma t’Alla u l-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja li tipprovdi l-​klassi taʼ l-​ilsir.

“Twiddibx lill-​Insolenti”

It-​tagħlim taʼ l-​għerf jinkludi wkoll il-​korrezzjoni u t-​twiddib. Mhux kulħadd jilqagħha tajjeb din il-​karatteristika taʼ l-​għerf. Għaldaqstant, il-​kapitlu li qed jagħlaq l-​ewwel sessjoni tal-​ktieb tal-​Proverbji għandu twissija: “Min iwissi lill-​insolenti, jaħbatlu ħażin, min iwiddeb il-​ħażin, jaqlaʼ t-​tagħjir. Twiddibx lill-​insolenti, għax jobogħdok.”​—Proverbji 9:​7, 8a.

L-insolenti, jew il-​wieħed li jwaqqaʼ kollox għaċ-​ċajt, jimtela stmerrija u mibegħda lejn min qed jipprova jgħinu jirranġa l-​mogħdijiet tiegħu. Wieħed mill-​agħar ma japprezzax il-​valur tat-​twiddib. Kemm m’huwiex għaqli li tipprova tgħallem il-​verità mill-​isbaħ tal-​Kelma t’Alla lil xi ħadd li jobgħod il-​verità jew li moħħu biss biex iwaqqagħha għaċ-​ċajt! Meta l-​appostlu Pawlu kien qed jippriedka f’Antjokja, iltaqaʼ maʼ ġemgħa Lhud li ma kellhomx imħabba għall-​verità. Huma pprovaw idaħħluh f’argument billi qagħdu jmeruh u jidgħulu. Min-​naħa tiegħu Pawlu sempliċement qal: “Billi intom qegħdin twarrbuha [il-kelma t’Alla], u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-​ħajja taʼ dejjem, aħna se nduru fuq il-​pagani.”—Atti 13:​45, 46.

Fl-isforzi tagħna biex nilħqu wħud taʼ qalb onesta bl-​aħbar tajba tas-​Saltna, jalla noqogħdu attenti li ma nidħlux f’dibattiti jew argumenti maʼ wħud li jwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt. Kristu Ġesù istruwixxa lid-​dixxipli tiegħu: “Meta tidħlu f’dar, sellmu lin-​nies tagħha, u jekk tkun dar li jixirqilha, ħa jiġi fuqha s-​sliem tagħkom. Imma jekk tkun dar li ma jixirqilhiex, ħa jerġaʼ lura għandkom is-​sliem tagħkom. Jekk imbagħad xi ħadd ma jilqagħkomx u ma jismax minn kliemkom, oħorġu ’l barra minn dik id-​dar jew belt u farfru t-​trab taʼ saqajkom.”—Mattew 10:​12-14.

Ir-reazzjoni taʼ l-​għaref meta jiġi mwiddeb hija kuntrarja għal dik taʼ wieħed li jwaqqaʼ kollox għaċ-​ċajt. Salamun jistqarr: “Widdeb l-​għaref, u jħobbok. Għallem lill-​għaref, u jsir iżjed għaref.” (Proverbji 9:8b, 9a) L-​għaref jaf li “bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-​frott taʼ ħajja mimlija bis-​sliem u l-​ġustizzja.” (Lhud 12:11) Għalkemm il-​parir jistaʼ jkun jidher li hu iebes, għala għandna ngħawġuh jew nipprovaw niskansawh jekk dan se jagħmilna iktar għorrief ladarba naċċettawh?

“Għarraf lill-​ġust, u iżjed jitgħallem,” ikompli s-​sultan għaref. (Proverbji 9:9b) Ħadd m’huwa għaref iżżejjed jew kbir iżżejjed biex ikompli jitgħallem. Xi pjaċir meta tara saħansitra wħud imdaħħlin fiż-​żmien jaċċettaw il-​verità u jiddedikaw lilhom infushom lil Jehovah! Jalla aħna wkoll nagħmlu ħilitna biex inkomplu nitgħallmu u nżommu moħħna attiv.

“Jiżdidulek Snin Għomrok”

Sabiex jenfasizza l-​punt prinċipali tas-​suġġett li qed jiddiskuti, Salamun jgħid liema kundizzjoni hija essenzjali għall-​għerf. Hu jikteb: “Il-​biżaʼ tal-​Mulej hu l-​bidu taʼ l-​għerf, u li tagħraf lill-​Qaddis hu d-​dehen.” (Proverbji 9:10) Ma jistax ikollna għerf divin jekk ma jkollniex rispett profond lejn dak Alla veru. Wieħed jistaʼ jkollu moħħu arkivju, imma jekk ma jkollux il-​biżaʼ taʼ Jehovah, mhux se jirnexxilu juża l-​għarfien tiegħu b’tali mod li jonora lill-​Ħallieq. Hu jistaʼ saħansitra jasal għal konklużjoni żbaljata billi jibbaża biss fuq dak li jaf, u b’hekk jaqaʼ għaċ-​ċajt. Iktar minn hekk, l-​għarfien dwar Jehovah, l-​Iktar Qaddis, huwa essenzjali biex ikollna l-​fehma, karatteristika importanti taʼ l-​għerf.

Xi frott jipproduċi l-​għerf? (Proverbji 8:​12-21, 35) Is-​sultan taʼ Iżrael jgħid: “Bija jitkattrulek jiem ħajtek, u jiżdidulek snin għomrok.” (Proverbji 9:11) Ir-​riżultat taʼ li jkollok l-​għerf huwa għomor twil. Iva, “l-​għerf . . . iħarreġ għall-​ħajja lil min għandu lilu.”—Koħèlet 7:12.

Hija r-​responsabbiltà taʼ kull wieħed u waħda minna li nagħmlu sforz biex niksbu l-​għerf. Salamun jenfasizza dan il-​punt billi jgħid: “Jekk int għaref, lilek jiswa, jekk int insolenti, int biss tbati.” (Proverbji 9:12) L-​għaref huwa għaref għall-​ġid tiegħu stess, u ħadd m’hu ħati għas-​sofferenza taʼ l-​insolenti ħlief hu nnifsu. Tabilħaqq, naħsdu dak li niżirgħu. Għalhekk, mela, ‘agħti widen għall-​għerf.’—Proverbji 2:2.

“Il-​Bluha Hi Mara Mferfxa”

Imbagħad Salamun jagħmel kuntrast u jgħid: “Il-​bluha hi mara mferfxa, moħħ ir-​riħ u ma taħsibhiex. Tintefaʼ f’bieb darha, bilqiegħda fl-​għoli fil-​belt, issejjaħ lil min ikun għaddej, hu u sejjer dritt għal triqtu: ‘Min hu belhieni [“bla esperjenza,” “NW”], jidħol hawn.’”​—Proverbji 9:​13-​16a.

Il-bluha hi deskritta bħala mara frattarjuża, li m’għandhiex kontroll fuqha nfisha, u hi injoranta. Hi wkoll bniet dar. U ħadet l-​inkarigu li tgħajjat personalment lil kulmin hu bla esperjenza. Għalhekk, dawk li huma għaddejjin għandhom għażla. Liema stedina se jaċċettaw, dik taʼ l-​għerf jew tal-​bluha?

“Ħelu Hu l-​Ilma Misruq”

Kemm l-​għerf u kemm il-​bluha jistiednu lil min jismagħhom biex ‘jidħlu hawn.’ Madankollu, l-​istedina tagħhom hija differenti. L-​għerf jistieden lin-​nies għal festa taʼ nbid, laħam, u ħobż. Dak li qed toffri l-​bluha jfakkarna fil-​modi taʼ mara immorali. Salamun jgħid: “Tgħid lil min hu bla moħħ: ‘Ħelu hu l-​ilma misruq, u tajjeb il-​ħobż meħud bil-​moħbi.’”​—Proverbji 9:​16b, 17.

Minflok inbid, il-​“mara belha” toffri ilma misruq. (Proverbji 9:​13, KŻ) Fl-​Iskrittura, il-​pjaċir sesswali li raġel miżżewweġ jieħu mal-​maħbuba martu huwa mqabbel maʼ li tixrob ilma rifreskanti. (Proverbji 5:​15-17) Allura, l-​ilma misruq jirrappreżenta r-​relazzjonijiet sesswali immorali li jsiru bil-​moħbi. Ilma bħal dan jintgħamel jidher ħelu, aħjar mill-​inbid, għaliex hu misruq u jagħti l-​idea li tistaʼ tgħaddiha lixxa. Il-​ħobż meħud bil-​moħbi jintgħamel jidher li hu iktar tajjeb mill-​ħobż u l-​laħam taʼ l-​għerf eżattament minħabba l-​fatt li jinkiseb b’mod diżonest. Meta tqis xi ħaġa projbita u sigrieta bħala li hi attraenti jkun sinjal taʼ bluha.

Filwaqt li l-​istedina taʼ l-​għerf tinkludi l-​wegħda tal-​ħajja, il-​mara belha ma tagħmel l-​ebda referenza dwar il-​konsegwenzi taʼ li wieħed jimxi fil-​mogħdijiet tagħha. Imma Salamun iwissi: “Dak ma jindunax li hemm [“jgħammru,” “Saydon”] il-​mejtin, li l-​mistednin tagħha huma f’qiegħ l-​art.” (Proverbji 9:18) “Id-​dar tal-​Mara Belha m’hijiex dar imma qabar kbir,” jikteb wieħed studjuż. “Jekk tidħol fih ma toħroġx ħaj.” Li ssus wara stil taʼ ħajja immorali m’huwiex għaqli imma jwassal għall-​mewt.

Ġesù Kristu qal: “Għaddu mill-​bieb id-​dejjaq. Għax wiesaʼ l-​bieb u spazjuża t-​triq li tieħu għat-​telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-​bieb u dejqa t-​triq li tieħu għall-​ħajja, u ftit huma li jsibuha!” (Mattew 7:​13, 14) Jalla nieklu dejjem mill-​mejda taʼ l-​għerf u nkunu fost dawk li qegħdin fit-​triq li tieħu għall-​ħajja.

[Stampa f’paġna 31]

L-​għaref jilqaʼ l-​korrezzjoni

[Stampa f’paġna 31]

Hija r-​responsabbiltà taʼ kull wieħed u waħda minna li niksbu l-​għerf

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja