‘Bl-Għerf Jitkattrulna Jiem Ħajjitna’
MIN jistaʼ jiċħad li l-għerf huwa neċessarju u ma nistgħux ngħaddu mingħajru meta niġu biex niffaċċjaw il-problemi tal-ħajja? L-għerf veru huwa l-abbiltà li nużaw l-għarfien u l-fehma b’mod xieraq. Huwa kompletament l-oppost tal-bluha, l-istupidaġni, u l-ġenn. Għalhekk, l-Iskrittura tħeġġiġna biex niksbu l-għerf. (Proverbji 4:7) Fil-fatt, il-ktieb Bibliku tal-Proverbji kien miktub bl-għan ewlieni li jagħti l-għerf u d-dixxiplina. Dan jiftaħ bil-kliem: “Il-proverbji taʼ Salamun bin David sultan taʼ Iżrael: biex jagħrfu l-bnedmin l-għerf u t-tagħlim [“dixxiplina,” NW].”—Proverbji 1:1, 2.
Ikkunsidra daqsxejn it-tagħlim taʼ min joqgħod fuqu li nsibu fl-ewwel ftit kapitli tal-Proverbji. Bħalma missier kollu mħabba jħeġġeġ lil ibnu, Salamun jitlob bil-ħrara lill-qarrejja tiegħu biex jaċċettaw id-dixxiplina u jagħtu widen għall-għerf. (Kapitli 1 u 2) Hu jurina kif nistgħu nsiru midħla taʼ Jehovah u kif inħarsu lil qalbna. (Kapitli 3 u 4) Aħna mwissijin biex nibqgħu moralment nodfa. (Kapitli 5 u 6) Iva, li nkunu nafu t-tattiċi taʼ kif taħdem persuna immorali huwa imprezzabbli għalina. (Kapitlu 7) U kemm tolqotna lkoll l-istedina taʼ l-għerf personifikat! (Kapitlu 8) Qabel ma jgħaddi għall-proverbji individwali u konċiżi li nsibu fil-kapitli taʼ wara, is-Sultan Salamun jagħtina sommarju eċċitanti taʼ dak li ddiskuta s’issa.—Kapitlu 9.
“Ejjew, Kulu l-Ħobż Tiegħi u Ixorbu l-Inbid”
L-ewwel parti tal-Proverbji tiġi fi tmiemha b’ġabra qasira. Din mhix xi ripetizzjoni li ddejqek tal-pariri li għadna kif semmejna. Minflok, f’forma taʼ tixbieha sabiħa u eċċitanti tqanqal lill-qarrej biex jikseb l-għerf.
Id-disaʼ kapitlu tal-ktieb Bibliku tal-Proverbji jiftaħ bil-kliem: “L-għerf bena d-dar tiegħu, waqqaf is-sebaʼ kolonni tagħha.” (Proverbji 9:1) Skond wieħed studjuż, it-terminu ‘sebaʼ kolonni jindika dar kbira mibnija madwar bitħa. L-istruttura hija miżmuma f’postha bi tliet kolonni fuq kull naħa u b’kolonna fin-nofs tan-naħa li kienet tiġi faċċata taʼ l-entratura.’ Kienet kif kienet, l-għerf veru bena dar b’saħħitha biex jilqaʼ ħafna mistidnin.
Kollox huwa lest biex issir festa. Hemm il-laħam, u hemm ukoll l-inbid. L-għerf ta attenzjoni persunali kemm għall-mod li bih jiġi preparat l-ikel kif ukoll għall-mod li bih tiġi mħejjija l-mejda. “Qatel il-bhejjem imsemmna, ħejja l-inbid u l-mejda tiegħu.” (Proverbji 9:2) Jidher ċar li fuq din il-mejda figurattiva hemm ikel spiritwali bnin li jixraqlu l-attenzjoni kollha tagħna.—Isaija 55:1, 2.
Min hu mistieden għall-festa li pprepara l-għerf veru? “Bagħat il-qaddejja jxandru l-istedina minn fuq l-imkejjen għolja tal-belt: ‘Min hu ċkejken [“bla esperjenza,” “NW”] ħa jiġi għandi!’ U lil min hu bla moħħ jgħidlu: ‘Ejjew, kulu l-ħobż tiegħi u ixorbu l-inbid li ħejjejt għalikom. Warrbu l-bluhat tagħkom, u tgħixu, u timxu ’l quddiem fl-għaqal.’”—Proverbji 9:3-6.
L-għerf bagħat lill-qaddejja tiegħu biex jistiednu lin-nies. Huma marru f’postijiet pubbliċi minfejn setgħu jsejħu l-akbar għadd taʼ nies. Kulħadd hu mistieden—dawk “bla moħħ,” jew li huma neqsin mill-fehma, kif ukoll dawk li m’għandhomx esperjenza. (Proverbji 9:4) Huma jiġu offruti wegħda taʼ ħajja. Bla dubju, l-għerf li nsibu fil-Kelma t’Alla, inkluż dak li hemm fil-ktieb tal-Proverbji, hu disponibbli kważi għal kulħadd. Illum, bħala l-messaġġiera taʼ l-għerf veru, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma okkupati jistiednu lin-nies, kulfejn jiltaqgħu magħhom, biex jistudjaw il-Bibbja. Dan l-għarfien jistaʼ jwassalhom biex ikollhom ħajja taʼ dejjem tabilħaqq.—Ġwann 17:3.
Il-Kristjani għandhom jaċċettaw umilment id-dixxiplina li jagħti l-għerf. Dan japplika speċjalment għaż-żgħażagħ u għal dawk li għadhom kemm bdew jitgħallmu dwar Jehovah. Minħabba li ma tantx ikollhom esperjenza fil-mogħdijiet t’Alla, dawn jistgħu jkunu “bla moħħ.” Dan ma jfissirx li l-motivi tagħhom huma kollha ħżiena, imma jeħtieġ iż-żmien u l-isforz biex il-qalb tinġieb f’kundizzjoni li tkun togħġob tassew lil Alla Jehovah. Biex jagħmlu dan hemm bżonn li l-ħsibijiet, ix-xewqat, l-affezzjonijiet, u l-miri tagħhom jinġiebu fi qbil maʼ dak li japprova Alla. Kemm huwa vitali li ‘jixxennqu għall-ħalib safi tal-kelma.’—1 Pietru 2:2, KŻ.
Fil-fatt, mhux ilkoll kemm aħna għandna nkunu ħallejna “l-ewwel elementi tat-tagħlim”? Ċertament, aħna rridu nikkultivaw interess fl-“affarijiet profondi t’Alla” u nieklu mill-ikel solidu li jappartjeni lin-nies maturi. (Lhud 5:12–6:1; 1 Korintin 2:10, NW) “L-ilsir leali u diskret,” li qiegħed taħt il-gwida diretta taʼ Ġesù Kristu, iħabrek biex jipprovdi ikel spiritwali f’waqtu għal kulħadd. (Mattew 24:45-47, NW) Jalla ngawdu mill-mejda mħejjija mill-għerf billi nistudjaw bir-reqqa l-Kelma t’Alla u l-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja li tipprovdi l-klassi taʼ l-ilsir.
“Twiddibx lill-Insolenti”
It-tagħlim taʼ l-għerf jinkludi wkoll il-korrezzjoni u t-twiddib. Mhux kulħadd jilqagħha tajjeb din il-karatteristika taʼ l-għerf. Għaldaqstant, il-kapitlu li qed jagħlaq l-ewwel sessjoni tal-ktieb tal-Proverbji għandu twissija: “Min iwissi lill-insolenti, jaħbatlu ħażin, min iwiddeb il-ħażin, jaqlaʼ t-tagħjir. Twiddibx lill-insolenti, għax jobogħdok.”—Proverbji 9:7, 8a.
L-insolenti, jew il-wieħed li jwaqqaʼ kollox għaċ-ċajt, jimtela stmerrija u mibegħda lejn min qed jipprova jgħinu jirranġa l-mogħdijiet tiegħu. Wieħed mill-agħar ma japprezzax il-valur tat-twiddib. Kemm m’huwiex għaqli li tipprova tgħallem il-verità mill-isbaħ tal-Kelma t’Alla lil xi ħadd li jobgħod il-verità jew li moħħu biss biex iwaqqagħha għaċ-ċajt! Meta l-appostlu Pawlu kien qed jippriedka f’Antjokja, iltaqaʼ maʼ ġemgħa Lhud li ma kellhomx imħabba għall-verità. Huma pprovaw idaħħluh f’argument billi qagħdu jmeruh u jidgħulu. Min-naħa tiegħu Pawlu sempliċement qal: “Billi intom qegħdin twarrbuha [il-kelma t’Alla], u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja taʼ dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani.”—Atti 13:45, 46.
Fl-isforzi tagħna biex nilħqu wħud taʼ qalb onesta bl-aħbar tajba tas-Saltna, jalla noqogħdu attenti li ma nidħlux f’dibattiti jew argumenti maʼ wħud li jwaqqgħu kollox għaċ-ċajt. Kristu Ġesù istruwixxa lid-dixxipli tiegħu: “Meta tidħlu f’dar, sellmu lin-nies tagħha, u jekk tkun dar li jixirqilha, ħa jiġi fuqha s-sliem tagħkom. Imma jekk tkun dar li ma jixirqilhiex, ħa jerġaʼ lura għandkom is-sliem tagħkom. Jekk imbagħad xi ħadd ma jilqagħkomx u ma jismax minn kliemkom, oħorġu ’l barra minn dik id-dar jew belt u farfru t-trab taʼ saqajkom.”—Mattew 10:12-14.
Ir-reazzjoni taʼ l-għaref meta jiġi mwiddeb hija kuntrarja għal dik taʼ wieħed li jwaqqaʼ kollox għaċ-ċajt. Salamun jistqarr: “Widdeb l-għaref, u jħobbok. Għallem lill-għaref, u jsir iżjed għaref.” (Proverbji 9:8b, 9a) L-għaref jaf li “bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott taʼ ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja.” (Lhud 12:11) Għalkemm il-parir jistaʼ jkun jidher li hu iebes, għala għandna ngħawġuh jew nipprovaw niskansawh jekk dan se jagħmilna iktar għorrief ladarba naċċettawh?
“Għarraf lill-ġust, u iżjed jitgħallem,” ikompli s-sultan għaref. (Proverbji 9:9b) Ħadd m’huwa għaref iżżejjed jew kbir iżżejjed biex ikompli jitgħallem. Xi pjaċir meta tara saħansitra wħud imdaħħlin fiż-żmien jaċċettaw il-verità u jiddedikaw lilhom infushom lil Jehovah! Jalla aħna wkoll nagħmlu ħilitna biex inkomplu nitgħallmu u nżommu moħħna attiv.
“Jiżdidulek Snin Għomrok”
Sabiex jenfasizza l-punt prinċipali tas-suġġett li qed jiddiskuti, Salamun jgħid liema kundizzjoni hija essenzjali għall-għerf. Hu jikteb: “Il-biżaʼ tal-Mulej hu l-bidu taʼ l-għerf, u li tagħraf lill-Qaddis hu d-dehen.” (Proverbji 9:10) Ma jistax ikollna għerf divin jekk ma jkollniex rispett profond lejn dak Alla veru. Wieħed jistaʼ jkollu moħħu arkivju, imma jekk ma jkollux il-biżaʼ taʼ Jehovah, mhux se jirnexxilu juża l-għarfien tiegħu b’tali mod li jonora lill-Ħallieq. Hu jistaʼ saħansitra jasal għal konklużjoni żbaljata billi jibbaża biss fuq dak li jaf, u b’hekk jaqaʼ għaċ-ċajt. Iktar minn hekk, l-għarfien dwar Jehovah, l-Iktar Qaddis, huwa essenzjali biex ikollna l-fehma, karatteristika importanti taʼ l-għerf.
Xi frott jipproduċi l-għerf? (Proverbji 8:12-21, 35) Is-sultan taʼ Iżrael jgħid: “Bija jitkattrulek jiem ħajtek, u jiżdidulek snin għomrok.” (Proverbji 9:11) Ir-riżultat taʼ li jkollok l-għerf huwa għomor twil. Iva, “l-għerf . . . iħarreġ għall-ħajja lil min għandu lilu.”—Koħèlet 7:12.
Hija r-responsabbiltà taʼ kull wieħed u waħda minna li nagħmlu sforz biex niksbu l-għerf. Salamun jenfasizza dan il-punt billi jgħid: “Jekk int għaref, lilek jiswa, jekk int insolenti, int biss tbati.” (Proverbji 9:12) L-għaref huwa għaref għall-ġid tiegħu stess, u ħadd m’hu ħati għas-sofferenza taʼ l-insolenti ħlief hu nnifsu. Tabilħaqq, naħsdu dak li niżirgħu. Għalhekk, mela, ‘agħti widen għall-għerf.’—Proverbji 2:2.
“Il-Bluha Hi Mara Mferfxa”
Imbagħad Salamun jagħmel kuntrast u jgħid: “Il-bluha hi mara mferfxa, moħħ ir-riħ u ma taħsibhiex. Tintefaʼ f’bieb darha, bilqiegħda fl-għoli fil-belt, issejjaħ lil min ikun għaddej, hu u sejjer dritt għal triqtu: ‘Min hu belhieni [“bla esperjenza,” “NW”], jidħol hawn.’”—Proverbji 9:13-16a.
Il-bluha hi deskritta bħala mara frattarjuża, li m’għandhiex kontroll fuqha nfisha, u hi injoranta. Hi wkoll bniet dar. U ħadet l-inkarigu li tgħajjat personalment lil kulmin hu bla esperjenza. Għalhekk, dawk li huma għaddejjin għandhom għażla. Liema stedina se jaċċettaw, dik taʼ l-għerf jew tal-bluha?
“Ħelu Hu l-Ilma Misruq”
Kemm l-għerf u kemm il-bluha jistiednu lil min jismagħhom biex ‘jidħlu hawn.’ Madankollu, l-istedina tagħhom hija differenti. L-għerf jistieden lin-nies għal festa taʼ nbid, laħam, u ħobż. Dak li qed toffri l-bluha jfakkarna fil-modi taʼ mara immorali. Salamun jgħid: “Tgħid lil min hu bla moħħ: ‘Ħelu hu l-ilma misruq, u tajjeb il-ħobż meħud bil-moħbi.’”—Proverbji 9:16b, 17.
Minflok inbid, il-“mara belha” toffri ilma misruq. (Proverbji 9:13, KŻ) Fl-Iskrittura, il-pjaċir sesswali li raġel miżżewweġ jieħu mal-maħbuba martu huwa mqabbel maʼ li tixrob ilma rifreskanti. (Proverbji 5:15-17) Allura, l-ilma misruq jirrappreżenta r-relazzjonijiet sesswali immorali li jsiru bil-moħbi. Ilma bħal dan jintgħamel jidher ħelu, aħjar mill-inbid, għaliex hu misruq u jagħti l-idea li tistaʼ tgħaddiha lixxa. Il-ħobż meħud bil-moħbi jintgħamel jidher li hu iktar tajjeb mill-ħobż u l-laħam taʼ l-għerf eżattament minħabba l-fatt li jinkiseb b’mod diżonest. Meta tqis xi ħaġa projbita u sigrieta bħala li hi attraenti jkun sinjal taʼ bluha.
Filwaqt li l-istedina taʼ l-għerf tinkludi l-wegħda tal-ħajja, il-mara belha ma tagħmel l-ebda referenza dwar il-konsegwenzi taʼ li wieħed jimxi fil-mogħdijiet tagħha. Imma Salamun iwissi: “Dak ma jindunax li hemm [“jgħammru,” “Saydon”] il-mejtin, li l-mistednin tagħha huma f’qiegħ l-art.” (Proverbji 9:18) “Id-dar tal-Mara Belha m’hijiex dar imma qabar kbir,” jikteb wieħed studjuż. “Jekk tidħol fih ma toħroġx ħaj.” Li ssus wara stil taʼ ħajja immorali m’huwiex għaqli imma jwassal għall-mewt.
Ġesù Kristu qal: “Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesaʼ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!” (Mattew 7:13, 14) Jalla nieklu dejjem mill-mejda taʼ l-għerf u nkunu fost dawk li qegħdin fit-triq li tieħu għall-ħajja.
[Stampa f’paġna 31]
L-għaref jilqaʼ l-korrezzjoni
[Stampa f’paġna 31]
Hija r-responsabbiltà taʼ kull wieħed u waħda minna li niksbu l-għerf