“Ħa Niġru Wara l-Affarijiet li Jġibu l-Paċi”
TRIQ li tkun għadha kif ġiet miksija bit-tarmak tidher li hi solida u ma tistax issirilha ħsara. Madankollu, maż-żmien jibdew jidhru x-xquq u l-ħofor. Ikun hemm bżonn it-tiswijiet biex żgur ma jkunx hemm perikli u biex it-triq tiġi preservata.
B’mod simili, ir-relazzjonijiet tagħna m’oħrajn kultant jistgħu jiltaqgħu maʼ diffikultajiet u saħansitra ‘jixxaqqu.’ L-appostlu Pawlu rrikonoxxa li kien hemm opinjonijiet differenti fost il-Kristjani f’Ruma. Hu ta parir lil sħabu l-Kristjani: “Ħa niġru wara l-affarijiet li jġibu l-paċi u l-affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.” (Rum. 14:13, 19) Għala hu neċessarju li “niġru wara l-affarijiet li jġibu l-paċi”? Kif nistgħu niġru wara l-paċi bil-kuraġġ u b’mod effettiv?
Għala Niġru Wara l-Paċi?
Jekk ħadd ma jieħu ħsieb ix-xquq żgħar li jkun hemm fi triq, dawn jistgħu jikbru u jsiru ħofor perikolużi. Bl-istess mod, li ma nsolvux id-differenzi persunali jistaʼ jkun diżastruż. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Jekk xi ħadd jgħid: ‘Inħobb lil Alla,’ iżda jobgħod lil ħuh, hu giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh, li jarah, ma jistax ikun li jħobb lil Alla, li ma jarahx.” (1 Ġw. 4:20) Differenza persunali li ma tiġix solvuta tistaʼ eventwalment iġġiegħel lil Kristjan jobgħod lil ħuh.
Ġesù Kristu wera li l-qima tagħna ma tkunx aċċettabbli għal Ġeħova jekk ma nkunux għamilna paċi m’oħrajn. Ġesù istruwixxa lid-dixxipli tiegħu: “Allura, jekk waqt li tkun qed iġġib l-għotja tiegħek lejn l-artal tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, itlaq l-għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-artal, u mur l-ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-għotja tiegħek.” (Mt. 5:23, 24) Iva, raġuni prinċipali għala għandna niġru wara l-paċi hi li nixtiequ nogħġbu lil Alla Ġeħova.a
Sitwazzjoni li kien hemm fil-kongregazzjoni taʼ Filippi tenfasizza raġuni oħra għala għandna niġru wara l-paċi. Problema mhix speċifikata li kienet teżisti bejn żewġ aħwa nisa Kristjani, Evodja u Sintike, milli jidher heddet il-paċi taʼ kongregazzjoni sħiħa. (Flp. 4:2, 3) Differenzi persunali mhux solvuti jistgħu malajr isiru magħrufin minn kulħadd. Ix-xewqa li nippreservaw l-imħabba u l-unità tal-kongregazzjoni tqanqalna biex inżommu l-paċi maʼ sħabna fit-twemmin.
“Henjin dawk li jġibu l-paċi,” qal Ġesù. (Mt. 5:9) Il-ġiri wara l-paċi jġib sodisfazzjon u ferħ. Barra minn hekk, il-paċi ġġib saħħa tajba, għax “qalb kalma hija l-ħajja tal-ġisem.” (Prov. 14:30) Mill-banda l-oħra, jekk inżommu f’qalbna nkunu qed inżidu r-riskju li nimirdu fiżikament.
Għalkemm il-biċċa l-kbira mill-Kristjani jaqblu li l-ġiri wara l-paċi hu neċessarju, forsi int taħseb dwar kif tistaʼ ssolvi differenza persunali. Ejja neżaminaw xi prinċipji Skritturali li jistgħu jiggwidawna.
Diskussjoni bil-Kalma Terġaʼ Ġġib il-Paċi
Xquq żgħar fit-triq spiss jistgħu jissewwew billi titgħatta l-parti li fiha l-ħsara. Huwa possibbli li naħfru u ngħattu n-nuqqasijiet żgħar taʼ ħutna? X’aktarx li dan jirnexxi għall-biċċa l-kbira mid-differenzi persunali, għax l-appostlu Pietru kiteb li “l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.”—1 Pt. 4:8.
Madankollu, kultant problema tkun tidher tant serja li ma nkunux nistgħu sempliċement ninjorawha. Ikkunsidra xi ġralhom l-Israelin ftit wara li ħadu l-Art Imwiegħda taħt idejhom. Qabel ma “wlied Ruben u wlied Gad u nofs it-tribù taʼ Manasse” marru joqogħdu n-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan, huma bnew “artal li kien jispikka ħafna.” It-tribujiet l-oħrajn taʼ Israel ħasbu li l-artal kien jintuża għall-qima idolatruża u ma setgħux sempliċement jinjoraw il-problema. Huma ħejjew għal azzjoni militari.—Ġoż. 22:9-12.
Xi Israelin forsi ħassew li diġà kien hemm biżżejjed evidenza t’għemil ħażin u li attakk għal għarrieda kien se jirriżulta f’inqas imwiet għalihom. Madankollu, minflok m’aġixxew bl-għaġla, it-tribujiet fil-punent tal-Ġordan bagħtu xi delegati biex jiddiskutu l-problema maʼ ħuthom. Huma staqsew: “X’inhu dan l-att taʼ infedeltà li wettaqtu kontra l-Alla taʼ Israel? Għala dortu lura llum milli timxu wara Ġeħova?” Attwalment, it-tribujiet li kienu bnew l-artal ma kinux qed jaġixxu b’infedeltà. Imma kif kienu se jirreaġixxu għal akkuża bħal din? Kienu se jattakkaw verbalment lill-akkużaturi tagħhom jew jirrifjutaw li jkellmuhom? It-tribujiet akkużati wieġbu bil-ħlewwa, billi qalu b’mod ċar li l-azzjonijiet tagħhom kienu fir-realtà mqanqlin mix-xewqa tagħhom li jaqdu lil Ġeħova. It-tweġiba tagħhom ippreservat ir-relazzjoni tagħhom m’Alla u salvat il-ħajjiet. Id-diskussjoni bil-kalma solviet id-differenza u reġgħet ġabet il-paċi.—Ġoż. 22:13-34.
Qabel ma ħadu azzjoni serja, l-Israelin l-oħrajn b’mod għaqli ddiskutew il-problema tagħhom mat-tribujiet taʼ Ruben u Gad u nofs it-tribù taʼ Manasse. “Tgħaġġilx biex tieħu għalik,” tgħid il-Kelma t’Alla, “għax l-istupidi jieħdu għalihom u jżommu f’qalbhom.” (Ekk. 7:9) Il-mod Skritturali kif nittrattaw differenzi persunali u serji hu permezz taʼ diskussjoni bil-kalma u sinċiera. Nistgħu aħna tassew nistennew il-barka taʼ Ġeħova jekk inżommu f’qalbna u ma navviċinawx lill-individwu li nħossu li offendiena?
Mill-banda l-oħra, xi ngħidu jekk Kristjan seħibna jikkonfrontana dwar xi problema, forsi saħansitra jakkużana b’mod falz? “Tweġiba, meta tkun ħelwa, tkeċċi l-korla,” tgħid il-Bibbja. (Prov. 15:1) It-tribujiet Israelin li għamlu l-offiża spjegaw bil-ħlewwa, imma b’mod ċar, il-pożizzjoni tagħhom, u b’hekk ikkalmaw dik li bla dubju kienet laqgħa maʼ ħuthom li kienet mimlija tensjoni. Kemm jekk nieħdu l-inizjattiva biex navviċinaw lil ħuna u kemm jekk hu jkellimna dwar xi problema, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Liema kliem, ton tal-leħen, u attitudni x’aktarx li se jippreservaw il-paċi?’
Uża l-Ilsien bil-Għaqal
Ġeħova jifhem li aħna għandna bżonn nesprimu t-tħassib tagħna. Madankollu, jekk ma nsolvux differenza persunali, x’aktarx li niġu ttantati biex niftħu qalbna maʼ xi ħadd ieħor. Il-fatt li nżommu f’qalbna jistaʼ faċilment iwassalna biex nikkritikaw. Dwar l-użu mhux xieraq taʼ l-ilsien, Proverbji 11:11 jistqarr: “Minħabba fomm in-nies mill-agħar [belt] tiġġarraf.” Bl-istess mod, diskors mhux meqjus dwar Kristjan seħibna jistaʼ jfixkel il-paċi taʼ kongregazzjoni li hi bħal belt.
Madankollu, li niġru wara l-paċi ma jfissirx li għandna nevitaw id-diskors kollu dwar ħutna rġiel u nisa. L-appostlu Pawlu ta dan il-parir lil sħabu fit-twemmin: “Ħa ma toħroġ minn fommkom ebda kelma mħassra.” Imma hu żied: “Għidu dak li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, sabiex jagħmel il-ġid lil min jisimgħu. . . . Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-qalb.” (Efes. 4:29-32) Kieku ġejt avviċinat minn ħu li ħassu offiż bid-diskors jew bil-kondotta tiegħek, ma jkunx eħfef li titlob skuża u tagħmel paċi miegħu jekk qabel hu qatt ma kien qal kontrik m’oħrajn? Għaldaqstant, jekk inkunu magħrufin li nużaw diskors li jibni meta nitkellmu dwar Kristjani sħabna jkun iktar faċli għalina li nerġgħu nġibu l-paċi meta jkun hemm xi differenzi.—Lq. 6:31.
Aqdu lil Alla “Spalla maʼ Spalla”
It-tendenza midinba tagħna bħala bnedmin hi li nitbiegħdu minn dawk li jkunu offendewna u niżolaw ruħna. Imma triq bħal din mhix għaqlija. (Prov. 18:1) Bħala poplu magħqud li nsejħu isem Ġeħova, aħna determinati li ‘naqduh spalla maʼ spalla.’—Sof. 3:9.
Il-kliem jew il-kondotta mhix xierqa t’oħrajn qatt m’għandha ġġegħelna ndgħajfu ż-żelu tagħna għall-qima pura. Ftit jiem qabel ma s-sagrifiċċju taʼ Ġesù ħa post l-offerti fit-tempju u ftit wara li Ġesù kien ikkundanna ċar u tond lill-iskribi, hu nnota armla fqira titfaʼ “l-mezz t’għajxien kollu li kellha” f’kaxxa tat-teżor fit-tempju. Ipprova Ġesù jwaqqafha? Għall-kuntrarju, hu faħħarha għall-appoġġ leali tagħha lejn il-kongregazzjoni taʼ Ġeħova f’dak iż-żmien. (Lq. 21:1-4) L-atti inġusti t’oħrajn ma ħelsuhiex mill-obbligu tagħha biex tappoġġa l-qima taʼ Ġeħova.
Għalkemm forsi nħossu li ħu jew oħt Kristjana aġixxiet b’mod mhux xieraq, saħansitra b’mod inġust, aħna kif se nirreaġixxu? Se nħalluh dan jeffettwalna s-servizz li nagħtu b’ruħna kollha lil Ġeħova? Jew se naġixxu bil-kuraġġ biex nirranġaw kwalunkwe differenza persunali sabiex nippreservaw il-paċi prezzjuża tal-kongregazzjoni t’Alla llum?
“Jekk inhu possibbli,” tagħtina parir l-Iskrittura, “sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.” (Rum. 12:18) Jalla nkunu determinati li nagħmlu hekk, u b’hekk nibqgħu fis-sigurtà fit-triq li tagħti għall-ħajja.
[Nota taʼ taħt]
a Rigward il-parir taʼ Ġesù dokumentat f’Mattew 18:15-17, ara It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 t’Ottubru, 1999, paġni 17-22.
[Stampa f’paġna 17]
Evodja u Sintike kellhom bżonn jiġru wara l-paċi
[Stampa f’paġna 18]
Liema kliem, ton tal-leħen, u attitudni x’aktarx li se jippromwovu l-paċi?