LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 1/15 pp. 6-11
  • Għasses Kontra t-Tqasqis taʼ Ħsara!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għasses Kontra t-Tqasqis taʼ Ħsara!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Inhuma Differenti
  • Kif it-​Tqasqis Isir Ikkalunjar
  • Meta Jqumu Diffikultajiet
  • Għala Noqogħdu Għassa
  • Huwa Ikkalunjar?
  • Kif Jistaʼ Jiġi Mfarrak it-Tqasqis taʼ Ħsara
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Xi Ngħidu Jekk Oħrajn Qed Jitkellmu Dwari?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 1/15 pp. 6-11

Għasses Kontra t-​Tqasqis taʼ Ħsara!

“Fl-​abbundanza tal-​kliem ma jonqosx li jkun hemm nuqqas, iżda dak li qed irażżan xofftejh qed jaġixxi bil-​għaqal.”—PROVERBJl 10:19.

1. Kemm hu taʼ ħsara t-​tqasqis malizzjuż, jew l-​ikkalunjar?

XEJN ma jistaʼ jbiddel velenu qattiel f’xarba taʼ saħħa. Tqasqis malizzjuż, jew ikkalunjar, ġie mxebbaħ sewwa maʼ velenu, li jistaʼ wkoll jisraq l-​isem tajjeb minn persuna dritta. Il-​poeta Ruman Juvenal sejjaħ l-​ikkalunjar “l-​agħar fost il-​veleni kollha.” U d-​dramatista Ngliż William Shakespeare poġġa dan il-​kliem f’ħalq wieħed mill-​karattri tiegħu: “Dak li jattakkali l-​isem tajjeb tiegħi jisraqli xi ħaġa li ma tagħmilx sinjur lilu u li tabilħaqq tfaqqar lili.”

2. X’mistoqsijiet jixirqilhom li jiġu kkunsidrati?

2 Iżda eżatt x’inhu t-​tqasqis? Kif jistaʼ jkun differenti mill-​ikkalunjar? Għala tgħasses kontra t-​tqasqis taʼ ħsara? U dan kif jistaʼ jsir?

Kif Inhuma Differenti

3. X’inhi d-​differenza bejn tqasqis u kkalunjar?

3 It-​tqasqis hu “kliem fil-​vojt, mhux dejjem veru, dwar nies oħra u l-​affari tagħhom.” Huwa “kliem jew kitba familjari, ħfief.” Peress li lkoll kemm aħna interessati fin-​nies, xi drabi ngħidu affarijiet li jibnu u tajbin dwar oħrajn. L-​ikkalunjar hu differenti. Huwa “rapport falz biex jagħmel ħsara lill-​isem tajjeb jew reputazzjoni taʼ xi ħadd ieħor.” Kliem bħal dan hu ġeneralment malizzjuż u mhux Kristjan.

4. Skond wieħed kittieb, l-​ikkalunjar kif jistaʼ jibda, u minn xiex jinbet?

4 Tqasqis innoċenti jistaʼ jinbidel f’ikkalunjar vizzjuż. Il-​kittieb Arthur Mee qal: “Iktar iva milli le l-​ikkalunjar li jagħmel ħsara lil xi bniedem, u jistaʼ jġib ir-​rovina tiegħu, jibda bit-​tqasqis, it-​tqasqis li jiġi, forsi, minn xejn għajr għall-​ewwel minn min m’għandux x’jagħmel. Huwa wieħed mill-​akbar dnubiet fid-​dinja, iżda jinbet, ġeneralment, mill-​injoranza. Insibuh prinċipalment fost dawk li ftit li xejn għandhom x’jagħmlu, u m’għandhom l-​ebda oġġettiv partikulari fil-​ħajja.”

5. X’inhu s-​sugu tal-​parir taʼ Pawlu fl-​1 Timotew 5:11-15?

5 Peress li kliem fil-​vojt jistaʼ jwassal għall-​ikkalunjar, l-​appostlu Pawlu tkellem kontra ċerti qasqasa. Wara li semmaʼ romol li jikkwalifikaw biex jirċievu għajnuna mill-​kongregazzjoni, hu kiteb: “Warrab lir-​romol żgħażagħ, għax meta t-​tqanqiliet sesswali tagħhom ġew bejnhom u bejn Kristu, u . . . fl-​istess ħin huma jitgħallmu wkoll ikunu bla xogħol, jiġru ’l hawn u ’l hemm lejn id-​djar; iva, mhux biss bla xogħol, iżda wkoll seksieka u jindaħlu fi ħwejjeġ ħaddieħor, jitkellmu dwar affarijiet li ma misshomx. Għalhekk jien nixtieq li r-​romol żgħażagħ jiżżewġu, li jġibu t-​tfal, li jmexxu tajjeb fuq dar, biex ma jagħtu ebda tqanqil lil dak li jopponi biex iżeblaħ. Diġà, fil-​fatt, xi wħud daru fil-​ġenb biex isegwu lil Satana.”−1 Timotew 5:11-15.

6. X’għandu jsir biex tegħleb djufija persunali għax-​xorta taʼ tqasqis li jistaʼ jwassal għal ikkalunjar?

6 Peress li Pawlu kiteb taħt ispirazzjoni divina, hu ma kienx qed jagħmel rimarki inġusti dwar dawk in-​nisa. Dak li qal jixraqlu li nikkunsidrawh bis-​serjetà kollha. L-​ebda mara taʼ tjieba ma trid ‘iddur fil-​ġenb u ssegwi lil Satana.’ Madankollu, xi ngħidu jekk mara Kristjana ssib li hi għandha djufija għall-​għamla taʼ kliem li jistaʼ jagħmilha ħatja taʼ kalunjar? Mela hi għandha bl-​umiltà tagħti kas tal-​parir taʼ Pawlu: “In-​nisa għandhom . . . ikunu serji, mhux li jimmalafamaw.” Hu qal ukoll: “Halli n-​nisa xjuħ ikunu taʼ reverenza fl-​imġieba, mhux li jimmalafamaw.” (1 Timotew 3:11; Titus 2:3) L-​aħwa rġiel ukoll għandhom japplikaw dak il-​parir għaqli.

7. B’mod skritturali, għala tgħid li lkoll kemm aħna għandna nikkontrollaw dak li ngħidu?

7 Xi drabi, naturalment, ilkoll kemm aħna nitkellmu dwar nies oħra, dwar l-​esperjenzi tagħhom fil-​ministeru, u affarijiet oħra. Ħalli qatt, madankollu, ma ‘npoġġu u nitkellmu kontra ħuna.’ (Salm 50:19, 20) Tabilħaqq, huwa għaqli li ma nitkellmux ħafna għaliex “fl-​abbundanza tal-​kliem ma jonqosx li jkun hemm nuqqas, iżda dak li qed irażżan xofftejh qed jaġixxi bil-​għaqal.” (Proverbji lO:19) Għalhekk għandna ngħassu kontra t-​tqasqis, għalkemm ma jkunx jidher taʼ ħsara. M’għandniex bżonn nitkellmu fuq in-​nies il-​ħin kollu, ladarba għandna għażla kbira taʼ suġġetti jekk nikkunsidraw affarijiet taʼ tjieba, puri, taʼ mħabba, taʼ virtù, u taʼ tifħir.—Filippin 4:8.

Kif it-​Tqasqis Isir Ikkalunjar

8. Għala mhux dejjem ħażin li titkellem dwar Kristjani sħabna?

8 M’hemmx ħsara f’li nitkellmu dwar il-​ministeru tal-​għalqa u attivitajiet taʼ tjieba oħra taʼ sħabna fit-​twemmin jekk li ngħidu jkun eżatt u l-​ebda ħsara ma tirriżulta minn dak li ngħidu. Fil-​fatt, rimarki pożittivi taʼ din ix-​xorta jistgħu jinkuraġġixxu lill-​oħrajn. (Qabbel Atti 15:30-33.) Xi Kristjani tkellmu dwar ir-​raġel anzjan lejali Gajjus, li lilu l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Maħbub, qiegħed tagħmel xogħol fidil hu x’inhu dak li qed tagħmel għall-​aħwa, u stranġieri wara kollox, li taw xiehda tal-​imħabba tiegħek quddiem il-​kongregazzjoni.” (3 Ġwann 5, 6) Għalhekk mhux dejjem ħażin li titkellem dwar Kristjani sħabna.

9. (a) Kliem fil-​vojt kif jistaʼ jinbidel f’ikkalunjar taʼ min hu dritt? (b) X’mistoqsijiet nistgħu b’mod xieraq nistaqsu lilna nfusna?

9 Madankollu, kliem fil-​vojt jistaʼ jinbidel f’ikkalunjar taʼ min hu dritt jekk aħna nindaħlu fl-​affarijiet privati tagħhom, niddubitaw il-​mottivi tagħhom, jew inqajmu suspett dwar il-​kondotta tagħhom. Nistgħu neħduha drawwa li nistaqsu lilna nfusna mistoqsijiet bħal: Kliemi se jħassar ir-​reputazzjoni taʼ xi persuna oħra? Dak li ngħid veru? (Rivelazzjoni 21:8) Lest li ngħid l-​istess ħaġa fil-​preżenza tiegħu? Iġib kliemi nuqqas taʼ qbil fil-​kongregazzjoni? Jistaʼ dak li ngħid iġagħlu jitlef xi privileġġi taʼ servizz? Tistaʼ l-​għira tkun ġo qalbi? (Galatin 5:25, 26; Titus 3:3) Il-​frott tar-​rimarki tiegħi se jkun tajjeb jew ħażin? (Mattew 7: 17-20) Kont ingħid l-​istess affarijiet dwar l-​appostli? (2 Korintin 10:10-12; 3 Ġwann 9, 10) Kliem bħal dan jixraq lil dawk li għandhom reverenza għal Jehovah?

10, 11. Skond Salm 15:1, 3, x’nagħmlu jekk nixtiequ li nkunu l-​mistednin t’Alla?

10 Waqt li jalludi għal dawk li għandhom reverenza għal Alla, Salm 15:1 jistaqsi: “O Jehovah min se jkun mistieden fit-​tinda tiegħek? Min se jgħammar fil-​muntanja qaddisa tiegħek?” Rigward persuna bħal din, is-​salmista David iwieġeb: “Hu ma mmalafamax b’ilsienu. Lil sieħbu m’għamillu xejn ħażin, u l-​ebda disprezz ma ġieb kontra dak li lilu jaf mill-​qrib.” (Salm 15:3) Hawn il-​kelma ‘immalafamaʼ ġejja minn verb Ebrajk li jfisser “tpassiha” u b’hekk “tmur iddur.” L-​Iżraeliti ġew ikkmandati: “Tmurx iddur ixxerred malafama kontra niesek.” (Levitiku 19:16, New International Version) Kulmin ‘imur idur ixerred il-​malafamaʼ mhux il-​mistieden u l-​ħabib t’Alla.

11 Ħbieb t’Alla ma jagħmlu xejn ħażin lil sħabhom u ma jaċċettaw, jew ma jirċievu bħala verità, l-​ebda ħrejjef taʼ disprezz dwar nies dritti li jafuhom. Minflok ma nxerrdu stejjer foloz dwar adoraturi sħabna u b’hekk inżidu mad-​disprezz mill-​agħar taʼ nies taʼ mingħajr Alla li diġà jridu jġorru, aħna għandna nitkellmu tajjeb dwarhom. Ċertament li ma rridux inżidu mat-​toqol taʼ ħutna rġiel u nisa lejali billi ngħidu affarijiet taʼ disprezz dwarhom.

Meta Jqumu Diffikultajiet

12. Atti 10:36-41 kif jistaʼ jgħinna jekk niġu ttantati li nqasqsu dwar xi ħadd li kellna xi nuqqas taʼ qbil miegħu?

12 Billi aħna mperfetti, nistgħu niġu ttantati li nitkellmu kontra persuna li magħha kellna xi nuqqas taʼ qbil serju. Iżda kkunsidra x’ġara meta l-​appostlu Pawlu kien wasal biex jitlaq għat-​tieni vjaġġ missjunarju tiegħu. Għalkemm Barnabas kien determinat li jieħu magħhom lil Marku, Pawlu ma qabilx maʼ dan, “billi ra li [Marku] kien telaqhom minn Pamfilja u ma kienx mar magħhom għax-​xogħol.” Dwar dan qamet “tfaqqiegħa qawwija taʼ rabja,” u huma sseparaw. Barnabas ħa lil Marku miegħu lejn Ċipru, fil-​waqt li Pawlu ġagħal lil Silas imur miegħu għal ġos-​Sirja u ċ-​Ċiliċja. (Atti 15:36-41) Iktar tard, it-​tilwima bejn Pawlu, Barnabas, u Marku b’mod evidenti fieqet għax Marku kien maʼ l-​appostlu f’Ruma, u Pawlu tkellem tajjeb dwaru. (Kolossin 4:10) Għalkemm kien hemm nuqqas taʼ qbil, m’hemmx evidenza li dawk il-​Kristjani marru jduru u jqasqsu fuq xulxin fost adoraturi sħabhom.

13. Taħt liema ċirkustanzi li jinvolvu lil Pietru, Pawlu rreżista tentazzjoni possibbli li jqasqas dwar Kristjan sieħbu?

13 Pawlu wkoll irreżista tentazzjoni possibbli biex jagħtiha għat-​tqasqis taʼ ħsara meta hu ċanfar lil Kefa (Pietru), li kien staħa jiekol maʼ adoraturi Ġentili u jassoċja magħhom minħabba l-​preżenza taʼ ċerti Kristjani Lhud minn Ġerusalemm. Minflok ma tkellem dwar Pietru wara dahru, Pawlu ‘irreżistieh wiċċ imb’wiċċ,’ billi tkellem “quddiemhom ilkoll.” (Galatin 2:11-14) Pietru ma qasqasx dwar min ċanfru lanqas. Fil-​fatt, hu iktar tard irrefera għalih bħala “l-​għażiż ħuna Pawlu.” (2 Pietru 3:15) Għalhekk anki jekk adoratur seħibna għandu bżonn jiġi kkoreġut, dan ma jipprovdi l-​ebda skuża għal tqasqis dwaru. Hemm raġunijiet tajbin ħafna biex ngħassu kontra kliem bħal dan u nirreżistu t-​tentazzjoni li nxerrdu tqasqis taʼ ħsara.

Għala Noqogħdu Għassa

14. X’inhi r-​raġuni prinċipali għala m’għandniex noqogħdu nisimgħu jew inxerrdu tqasqis taʼ ħsara?

14 Ir-​raġuni prinċipali għala m’għandniex noqogħdu nisimgħu tqasqis taʼ ħsara jew nieħdu sehem f’li nxerrduh hi għax aħna rridu nogħġbu lil Jehovah, li jikkundanna l-​ikkalunjar. Kif ġie nnotat, il-​mod kif Alla jħares lejn kliem bħal dan ġie magħmul ċar meta l-​Iżraeliti ġew ikkmandati: “Ma tridx tmur iddur fost il-​poplu tiegħek bil-​għan li timmalafama. Ma tridx tqum bil-​wieqfa kontra d-​demm taʼ sieħbek. Jiena Jehovah.” (Levitiku 19:16) Jekk irridu ngawdu favur divin, mela, ma għandna nimmalafamaw lil ħadd li nsemmu fil-​konverżazzjonijiet tagħna.

15. Min hu l-​kalunjatur ewlieni, u x’effett jistaʼ jkollu fuq ir-​relazzjoni tagħna maʼ Alla jekk nieħdu sehem fi tqasqis taʼ ħsara?

15 Raġuni oħra għala m’għandniex nieħdu sehem fi tqasqis taʼ ħsara hi għaliex dan jistaʼ jwassal biex nimitaw lil Satana, l-​akbar kalunjatur kontra Jehovah. Dan il-​għadu ewlieni t’Alla b’mod xieraq ingħata l-​isem “Xitan” (Grieg di·aʹbo·los), li jfisser “Kalunjatur.” Meta Eva qagħdet tismaʼ l-​kliem taʼ kalunja taʼ Satana kontra Alla u aġġixxiet fuqu, l-​ewwel koppja umana ġew isseparati mill-​aqwa Ħabib tagħhom. (Ġenesi 3:1-24) Ejjew qatt ma nċedu għall-​pjanijiet taʼ Satana u nsiru nvoluti fi kliem taʼ ħsara li jixraqlu diżapprovazzjoni divina u li jistaʼ jisseparana mill-​aqwa Ħabib tagħna Alla Jehovah.

16. Kalunjatur kif ‘jifred lil dawk familjari maʼ xulxin’?

16 M’għandniex nisimgħu minn seksieka malizzjużi, għaliex huma jisseparaw lill-​ħbieb. Taʼ spiss, il-​kalunjaturi jesaġeraw, jirrappreżentaw ħażin, jigdbu, u jiġimgħu muntanji taʼ kliem li jsaħħan. Minflok ma jitkellmu maʼ persuna wiċċ imb’wiċċ, huma jfesfsu wara dahru. Suspetti bla bażi taʼ spiss jiġu mqajmin. B’hekk, “kalunjatur qed jifred lil dawk familjari maʼ xulxin.”—Proverbji 16:28.

17. Għala għandna noqogħdu għassa li ma niġux involuti fil-​fond fi tqasqis fil-​vojt?

17 Għandna ngħassu saħansitra li niġu nvoluti fil-​fond saħansitra fi tqasqis fil-​vojt. Għala? Għaliex rimarka li ssir bla ħsieb li tweġġaʼ lil xi ħadd tistaʼ ssir tweġġaʼ meta tiġi ripetuta. Tistaʼ tiġi mżejna jew imgħawġa sal-​punt li tħassar ir-​reputazzjoni taʼ persuna taʼ tjieba, billi tisraqlu l-​isem tajjeb tiegħu. Li kieku kellu jiġri dak, kif tħossok int li kieku kont int li bdejt l-​istorja jew saħansitra mexxejtha? In-​nies jistgħu jħarsu lejk bħala xi ħadd li jistaʼ jweġġaʼ, u għalhekk jistgħu ma jfittxux iżjed is-​sħubija tiegħek.—Qabbel Proverbji 20:19.

18. It-​tqasqis kif jistaʼ joħroġ il-​persuna taʼ giddieb?

18 Raġuni oħra għala għandek toqgħod għassa hi għax tqasqis taʼ ħsara jistaʼ joħorġok taʼ giddieb. “Il-​kliem taʼ kalunjatur huma bħal affarijiet biex jinbelgħu b’regħba, li jinżlu ġewwa l-​partijiet taʼ ġewwanett taż-​żaqq.” (Proverbji 26:22) X’jiġri jekk tiblaʼ gideb u tirrepetih? Iva, anki jekk int taħseb li l-​gideb huwa veru, xorta qed tigdeb meta qed tferrxu. Meta l-​falzità tiegħu tinkixef, int tistaʼ tiġi meqjus bħala giddieb. Trid li jiġrilek hekk? Alla ma jżommx lill-​għalliema foloz responsabbli għall-​gideb reliġjuż? Iva, u hu jitlob kont ukoll minn kalunjaturi giddieba. Ġesù wissa: “Kull kelma żejda li l-​bnedmin se jitkellmu se jingħata kont tagħha f’jum il-​ġudizzju; għax se tinħelsu minn kliemkom stess u se tiġu kkundannati minn kliemkom stess.” (Mattew 12:36, 37, Byington) Ladarba “kull wieħed minna se jagħti kont għalih innifsu lil Alla,” tridu int li jikkundannak bħala kalunjatur giddieb?—Rumani 14:12.

19. Għala jistaʼ jingħad li t-​tqasqis taʼ ħsara jistaʼ jkun qattiel?

19 Jerġaʼ raġuni oħra biex ma nxerrdux tqasqis taʼ ħsara hi għax jistaʼ jkun qattiel. Iva, jistaʼ jġib il-​mewt, billi jeqred ir-​reputazzjoni tajba taʼ persuna innoċenti. Xi ilsna huma ‘sjuf li jaqtgħu,’ u kliem taʼ mrar hu bħal vleġeġ sparati lejn wieħed bla ħtija minn moħba. David talab: “Jalla int [Jehovah] taħbini mill-​kliem kunfidenzjali taʼ dawk li jagħmlu l-​ħażen, mill-​istorbju taʼ dawk li jipprattikaw dak li jweġġaʼ, li sinnu lsienhom sewwa sew bħal sejf, li mmiraw il-​vleġġa tagħhom, diskors morr, biex jisparaw minn postijiet moħbija lejn xi ħadd bla ħtija.” (Salm 64:2-4) Trid int tkun responsabbli li tgħid affarijiet daqshekk mill-​agħar dwar bniedem bħalek sal-​punt li ġġagħlu jitlob lil Alla għal serħan, bħalma għamel is-​salmista? Trid tkun ħati taʼ dak li jammonta għal qtil?

20. (a) Fejn hija kkonċernata l-​kongregazzjoni t’Alla, x’jistaʼ jiġrilu kalunjatur mingħajr indiema? (b) Liema attenzjoni għandhom jeżerċitaw l-​anzjani f’konnessjoni mat-​tqasqis u l-​ikkalunjar?

20 L-​ikkalunjar jistaʼ jwassal għal tkeċċija mill-​organizzazzjoni t’Alla; kalunjatur jistaʼ jiġi maqtugħ mis-​sħubija, forsi bħala giddieb mingħajr indiema. Madankollu, azzjoni bħal din m’għandhiex tittieħed kontra dawk ħatja taʼ tqasqis fil-​vojt. L-​anzjani għandhom jiżnu l-​affarijiet permezz tat-​talb, billi jagħmlu distinzjoni ċara bejn sempliċi tqasqis u kkalunjar malizzjuz. Biex jiġi maqtugħ mis-​sħubija, min jagħmel il-​ħażen irid ikun kalunjatur malizzjuż mingħajr indiema. L-​anzjani m’humiex awtorizzati biex jaqtgħu mis-​sħubija lil xi ħadd għal tqasqis żejjed li ġej minn interess uman iżda li mhux falz jew malizzjuż. L-​affarijiet m’għandhomx jiġu mkabbra iżjed milli suppost, u jrid ikun hemm xhieda b’evidenza sostanzjali biex jagħtu prova li l-​ikkalunjar huwa bla dubju involut. (1 Timotew 5:19) Kalunjaturi mingħajr indiema jitkeċċew primarjament sabiex tqasqis malizzjuż jiġi mwaqqaf, u l-​kongregazzjoni tiġi meħlusa milli ssir imħemmra bid-​dnub. (1 Korintin 5:6-8, 13) Iżda qatt m’għandhom l-​anzjani jkunu tant imgħaġġlin li jkeċċu lil xi ħadd fuq raġunijiet mhux skritturali. Permezz tat-​talb u tal-​pariri, huma taʼ spiss ikunu jistgħu jgħinu lill-​persuna biex tindem, titlob skuża jew b’xi mod tirranġa l-​affarijiet, u tkompli tagħmel progress f’li timmansa lsienha.

Huwa Ikkalunjar?

21. Minflok ma tqasqas dwar min jagħmel xi ħażen, x’għandek tagħmel?

21 Proverbju għaqli jgħid: “Dak li qed idur bil-​mixi bħala kalunjatur qed jikxef kliem kunfidenzjali, iżda l-​wieħed fidil fl-​ispirtu qed igħatti l-​ħaġa.” (Proverbji 11:13) Ifisser dan li, jekk taf li xi ħadd fis-​sigriet qed jieħu sehem f’xi dnub oħxon, ikun ikkalunjar jekk tgħid xi ħaġa dwaru? Le. Naturalment m’għandekx tqasqas dwar din il-​ħaġa. Għandek titkellem maʼ min qed jagħmel il-​ħażin, billi tħeġġu jfittex il-​għajnuna tal-​anzjani. (Ġakbu 5:13-18) Jekk hu ma jagħmilx hekk f’perijodu taʼ żmien raġonevoli, tħassib għall-​indafa tal-​kongregazzjoni għandu jqanqlek biex turi b’din il-​ħaġa lill-​anzjani.—Levitiku 5:1.

22. Għala nistgħu ngħidu li 1 Korintin 1:11 ma jawtorizzax it-​tqasqis?

22 Dan jistaʼ jirriżulta f’dixxiplina għal min ikun għamel il-​ħażin, u dak ma jkunx jidher taʼ ferħ. Xorta waħda, min jiġi mħarreġ bid-​dixxiplina jaħsad il-​frott tat-​tjieba. (Ebrej 12:11) Egħmil ħażin għandu jintwera lil dawk maħturin biex jieħdu ħsieb affarijiet bħal dawn, mhux lil xi qasqasa li jistgħu jpaċpċu dwaru. Pawlu qal lill-​Kristjani f’Korintu: “Intqalli bi kxif dwarkom, ħuti, minn dawk tad-​dar taʼ Kloe, li jeżistu firdiet fostkom.” (1 Korintin 1:11) Membri taʼ dik id-​dar kienu qed iqasqsu fuq adoraturi sħabhom? Le, iżda ġie rraportat lil anzjan responsabbli li setaʼ jieħu passi biex igħin lil dawk fil-​bżonn tal-​għajnuna biex jerġgħu jpoġġu saqajhom lura fil-​mogħdija tal-​ħajja.

23. X’mistoqsija tibqaʼ biex tiġi kkunsidrata?

23 Jekk ingħinu lil xi ħadd biex igħasses ħa ma jiġix involut fi tqasqis taʼ ħsara, qegħdin nagħmlu xi ħaġa għall-​ġid tiegħu. Proverbju għaqli jgħid: “Dak li qed igħasses lil fommu qed iżomm lil ruħu. Dak li qed jiftaħ xofftejh beraħ—se jkollu rovina.” (Proverbji 13:3) Jidher ċar, mela, li hemm raġunijiet tajbin biex ngħassu kontra tqasqis taʼ ħsara u ikkalunjar mill-​agħar. Madankollu, kif jistaʼ jitkisser tqasqis taʼ ħsara? L-​artiklu li jmiss se jgħidilna.

X’lnhuma t-​Tweġibiet Tiegħek?

◻ X’inhi d-​differenza bejn tqasqis fil-​vojt u kkalunjar?

◻ It-​tqasqis kif jistaʼ jsir ikkalunjar?

◻ Liema huma xi raġunijiet għala għandna ngħassu kontra tqasqis taʼ ħsara?

◻ Għala mhux involut tqasqis meta nirrapportaw l-​egħmil ħażin taʼ xi persuna oħra?

[Stampa paġna 10]

Kun ċert li int qatt ma tkun ħati li sparajt lil xi ħadd f’dahru billi tqasqas dwaru

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja