LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 5/15 pp. 24-28
  • L-Integrità Tmexxi lin-Nies Retti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Integrità Tmexxi lin-Nies Retti
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Integrità Twassal għall-​Onestà fin-​Negozju
  • “L-​Umli Jkollhom l-​Għerf”
  • ‘It-​Triq tat-​Tajbin Hija Mħarsa’
  • ‘Belt Tifraħ’
  • “Belt Hija Eżaltata”
  • Żomm l-integrità tiegħek!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Aħna Se Nimxu bl-Integrità Tagħna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Ġob Onora l-Isem taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Għala Żżomm l-Integrità Tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 5/15 pp. 24-28

L-​Integrità Tmexxi lin-​Nies Retti

“IL-​BNIEDEM imwieled minn mara għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed,” tgħid il-​Bibbja. (Ġob 14:1) Jidher li l-​eżistenza tal-​bniedem in ġenerali hija mimlija wġigħ u tbatija. Mhux anki l-​ħajja taʼ kuljum tistaʼ tkun mimlija ansjetajiet u taqlib! Liema ħaġa tistaʼ tiggwidana biex inkunu nistgħu ngħaddu minn ċirkustanzi diffiċli b’wiċċ il-​ġid u tgħinna nżommu waqfa ġusta quddiem Alla?

Ikkunsidra l-​eżempju taʼ raġel għani jismu Ġob, li għex madwar 3,500 sena ilu f’dik li llum hija magħrufa bħala l-​Għarabja. Xi gwaj ġablu Satana lil dan ir-​raġel li kellu l-​biżaʼ t’Alla! Tilef l-​annimali kollha li kellu u, barra minn hekk, sofra telfa akbar meta mitulu l-​maħbubin uliedu. Ftit wara, Satana mela lil Ġob bi nfafet qalila minn rasu sa saqajh. (Ġob, kapitli 1, 2) Ġob ma kienx jaf għala kienu qed jiġrulu dawn l-​affarijiet ħżiena kollha. Madankollu, “Ġob ma dinibx b’xufftejh.” (Ġob 2:10) “Insostni sa ma mmut [“l-​integrità,” KŻ] tiegħi,” hu qal. (Ġob 27:5) Iva, l-​integrità taʼ Ġob iggwidatu matul il-​provi li kellu.

L-integrità tiġi definita bħala sodizza jew kompletezza morali u tinvolvi li wieħed ikun bla ħtija u bla difett f’għajnejn Alla. Madankollu, ma tfissirx perfezzjoni fid-​diskors u fl-​azzjoni min-​naħa taʼ bnedmin imperfetti, li ma jistgħu qatt jilħqu kompletament il-​livelli t’Alla. Minflok, l-​integrità tal-​bniedem tindika devozzjoni mill-​qalb li hi sħiħa u kompleta lejn Jehovah u lejn ir-​rieda u l-​iskop tiegħu. Din id-​devozzjoni lejn Alla tiggwida, jew tmexxi, lil dawk li huma retti fi kwalunkwe kundizzjoni u f’kull waqt. L-​ewwel parti taʼ kapitlu 11 tal-​ktieb Bibliku taʼ Proverbji turi kif l-​integrità tagħna tistaʼ tiggwidana f’diversi oqsma tal-​ħajja u tassigurana mill-​barkiet li se jiġu fuqna. Mela, ejja b’interess kbir naraw x’hemm miktub hemmhekk.

L-​Integrità Twassal għall-​Onestà fin-​Negozju

Minflok ma juża xi termini legali, is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem juża kliem poetiku biex jenfasizza l-​prinċipju taʼ l-​onestà meta jgħid: “Miżien falz jobogħdu l-​Mulej imma jogħġbu l-​użin tajjeb.” (Proverbji 11:1) Din hija l-​ewwel darba mill-​erbaʼ darbiet fil-​ktieb tal-​Proverbji fejn il-​kliem miżien u użin jidher li hu użat biex jindika li Jehovah jixtieq li l-​adoraturi tiegħu jkunu onesti fin-​negozju tagħhom.—Proverbji 16:11; 20:​10, 23.

Forsi r-​riżq taʼ dawk li jużaw miżien falz—jew iqarrqu—għandu mnejn iħajjarna. Imma rridu aħna verament nabbandunaw il-​livelli t’Alla dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin billi nieħdu sehem fi drawwiet diżonesti tan-​negozju? Mhux jekk inkunu gwidati mill-​integrità. Aħna nistmerru l-​qerq għaliex kull użin komplet, użin ġust li jfisser onestà, Jehovah jitgħaxxaq bih.

“L-​Umli Jkollhom l-​Għerf”

Is-​Sultan Salamun ikompli: “Fejn tidħol il-​kburija [“prużunzjoni,” “NW”], jidħol l-​għajb; imma l-​umli jkollhom l-​għerf.” (Proverbji 11:2) Il-​prużunzjoni—kemm jekk tidher bħala kburija, diżubbidjenza, jew għira—iġġib l-​għajb. Mill-​banda l-​oħra, huwa għaqli li bl-​umiltà kollha nirrikonoxxu l-​limitazzjonijiet tagħna. Kemm tidher ċara l-​verità taʼ dan il-​proverbju fl-​eżempji Skritturali!

Koraħ, Levita għajjur, mexxa klikka taʼ nies ribellużi biex jiħduha kontra l-​awtorità taʼ Mosè u Aron, il-​qaddejja maħturin taʼ Jehovah. X’kien ir-​riżultat taʼ dan l-​għemil prużuntuż? ‘Infetħet l-​art u belgħet’ lil xi wħud mir-​ribelli, waqt li lill-​oħrajn, inkluż Koraħ, kielhom in-​nar. (Numri 16:​1-3, 16-35; 26:10; Dewteronomju 11:6) X’diżunur! Ikkunsidra wkoll lil Għużża li, taʼ prużuntuż li kien, ħareġ idu u qabad l-​arka tal-​patt biex ma jħallihiex taqaʼ. Hu ġie maqtul fil-​pront. (2 Samwel 6:​3-8) Kemm hu vitali li qatt ma nkunu prużuntużi!

Persuna umli u modesta ma tiġix umiljata lanqas meta tagħmel xi żball. Ġob, għalkemm kien eżemplari f’ħafna modi, kien imperfett. Il-​provi li għadda minnhom kixfu difett serju f’xi ftit mill-​ħsibijiet tiegħu. Biex jiddefendi lilu nnifsu kontra dawk li akkużawh, Ġob tilef kemxejn il-​bilanċ. Hu saħansitra ta x’jifhem li kien iktar twajjeb minn Alla. (Ġob 35:​2, 3) Jehovah kif għen lil Ġob jinduna li kien żbaljat?

Waqt li ġibed l-​attenzjoni lejn l-​art, il-​baħar, is-​smewwiet mimlijin kwiekeb, xi wħud mill-​annimali, u xi meravilji oħra tal-​ħolqien, Jehovah tah tagħlima lil Ġob dwar iċ-​ċokon tal-​bniedem meta jitqabbel mal-​kobor t’Alla. (Ġob, kapitli 38-41) Fid-​diskors tiegħu, Jehovah imkien ma qal għala Ġob kien qiegħed ibati. Ma kellux għalfejn. Ġob kien modest. Hu rrikonoxxa bl-​umiltà kollha d-​differenza kbira li kien hemm bejnu u bejn Alla, bejn l-​imperfezzjoni u d-​dgħjufijiet tiegħu stess u s-​sewwa u l-​qawwa taʼ Jehovah. Hu qal: “Inċedi u nindem fit-​trab u r-​rmied.” (Ġob 42:6) L-​integrità taʼ Ġob wasslitu biex jaċċetta t-​twiddiba mill-​ewwel. Xi ngħidu għalina? Filwaqt li niġu mmexxijin mill-​integrità, se nkunu aħna lesti li naċċettaw mill-​ewwel xi twiddiba jew korrezzjoni meta dawn ikunu meħtieġa?

Mosè wkoll kien modest u umli. Peress li kien qed jitħabat iżżejjed biex jieħu ħsieb il-​problemi t’oħrajn, missier il-​mara tiegħu, Ġetru, offrielu soluzzjoni prattika: Aqsam ir-​responsabbiltà li għandek maʼ rġiel kwalifikati oħra. Mosè rrikonoxxa l-​limitazzjonijiet tiegħu u kien għaqli biżżejjed biex jaċċetta dan is-​suġġeriment. (Eżodu 18:​17-26; Numri 12:3) Bniedem modest ma jdumx jaħsibha biex jgħaddi awtorità lil oħrajn, lanqas ma jibżaʼ li se jitlef il-​kontroll li jkollu billi jaqsam responsabbiltajiet xierqa maʼ rġiel kwalifikati oħrajn. (Numri 11:​16, 17, 26-29) Minflok, ikun ħerqan biex jgħinhom jimxu ’l quddiem spiritwalment. (1 Timotju 4:15) M’għandniex aħna nkunu hekk ukoll?

‘It-​Triq tat-​Tajbin Hija Mħarsa’

Waqt li Salamun irrikonoxxa li l-​integrità mhux dejjem kienet tipproteġi lin-​nies retti mill-​periklu jew mill-​gwaj, hu stqarr: “L-​[“integrità,” “KŻ”] tmexxi n-​nies sewwa, imma l-​brikkuni jinqerdu bit-​tagħwiġ tagħhom.” (Proverbji 11:3) L-​integrità tabilħaqq li tiggwida lin-​nies retti biex jagħmlu dak li hu sewwa f’għajnejn Alla, saħansitra f’ċirkustanzi diffiċli, u maż-​żmien din iġġib benefiċċji kbar. Ġob irrifjuta li jċedi l-​integrità, u Jehovah “bierek il-​ħajja l-​ġdida taʼ Ġob aktar minn dik taʼ qabel.” (Ġob 42:12) Il-​brikkuni forsi jħossu li qed itejbu l-​qagħda tagħhom għas-​spejjeż taʼ ħaddieħor u jistgħu saħansitra jidhru li qed jirnexxu għal xi żmien. Imma llum jew għada, il-​qerq tagħhom stess se jeqridhom.

“Għal xejn ma jiswa l-​ġid f’jum l-​għadab, imma l-​ġustizzja teħles mill-​mewt.” (Proverbji 11:4) Kemm inkunu boloh jekk naħdmu qisna skjavi biex niksbu l-​affarijiet materjali u mbagħad nittraskuraw l-​istudju persunali, it-​talb, il-​laqgħat, u l-​ministeru taʼ l-​għalqa—dawk l-​istess attivitajiet li jgħinuna nkabbru l-​imħabba tagħna lejn Alla u jsaħħulna d-​devozzjoni tagħna lejh! Ir-​rikkezzi kollha tad-​dinja m’humiex se jeħilsuna fit-​tribulazzjoni l-​kbira li dalwaqt tasal fuqna. (Mattew 24:21) Hija biss is-​sewwa tagħhom li se teħlishom lin-​nies retti. (Apokalissi 7:​9, 14) Għalhekk, inkunu għaqlin jekk nagħtu kas it-​talba taʼ Sofonija: “Qabel ma jum il-​korla tal-​Mulej jasal għal fuqkom. Fittxu l-​Mulej ilkoll, intom, l-​umli taʼ l-​art, li tagħmlu ordnijietu; fittxu l-​ġustizzja, fittxu l-​umiltà.” (Sofonija 2:​2, 3) Sadattant, ejja nagħmluha l-​mira tagħna biex ‘inweġġħu lill-​Mulej b’ġidna.’—Proverbji 3:9.

Biex ikompli jenfasizza l-​valur taʼ li wieħed jibqaʼ jikkultiva s-​sewwa u l-​ġustizzja, Salamun jagħmel kuntrast bejn dak li jiġri lil dawk li jkunu bla ħtija u dak li jiġri lill-​ħżiena. Hu jgħid: “Il-​ġustizzja lit-​tajbin tħarsilhom triqthom, imma l-​ħażin bi ħżunitu jaqaʼ. Il-​ġustizzja tan-​nies sewwa teħlishom, imma l-​brikkuni f’xewqathom jinqabdu. Malli jmut il-​ħażin, ma jibqagħlux tama, u xewqat il-​ħżiena jintemmu fix-​xejn. Il-​bniedem ġust jinħeles mill-​għawġ, u minfloku l-​ħażin jintefaʼ fih.” (Proverbji 11:​5-8) Il-​wieħed bla ħtija la se jitfixkel fi triqtu stess u lanqas ma se jinqabad f’xi xibka fil-​mod kif jaġixxi. Triqtu hija dritta. Fl-​aħħarnett, in-​nies retti jinħelsu mill-​għawġ. Il-​ħżiena jistgħu jidhru li huma setgħana, imma l-​ebda ħelsien m’hemm jistenniehom.

‘Belt Tifraħ’

Kemm l-​integrità tan-​nies retti kif ukoll il-​ħażen tan-​nies ħżiena jeffettwaw lil nies oħrajn. “Bi kliemu l-​ħażin jagħmel ħsara ’l għajru,” jgħid is-​sultan taʼ Iżrael, “imma l-​ġusti bl-​għaqal [“għarfien,” “NW”] jinħelsu.” (Proverbji 11:9) Min jistaʼ jiċħad li l-​malafama, it-​tqassis li jweġġaʼ, il-​kliem vulgari, u l-​paroli vojt jagħmlu tant ħsara lil oħrajn? Mill-​banda l-​oħra, id-​diskors taʼ xi ħadd twajjeb huwa safi, meqjus, u mimli mogħdrija. L-​għarfien jeħilsu għaliex l-​integrità tiegħu tfornih bl-​evidenza li jkollu bżonn biex juri li dawk li jakkużawh huma giddibin.

“B’ġid il-​ġusti tifraħ il-​belt,” ikompli s-​sultan, “u tgħajjat bil-​ferħ għall-​qerda tal-​ħżiena [“uħud mill-​agħar,” “NW”].” (Proverbji 11:10) It-​twajbin ġeneralment kulħadd ikun iħobbhom, u huma jġagħlu lil oħrajn iħossuhom ferħanin—kuntenti u hienja. Ħadd ma jieħu gost b’“uħud mill-​agħar.” Meta jmut xi ħadd mill-​agħar, il-​biċċa l-​kbira min-​nies ma tantx jikkuppaw. Żgur li ħadd ma se jiddispjaċih meta Jehovah ‘iqaċċat lill-​ħżiena mill-​art u l-​qarrieqa jaqlagħhom minnha.’ (Proverbji 2:​21, 22) Minflok, se jkun hemm il-​ferħ għaliex ikunu tneħħew min-​nofs. Imma xi ngħidu għalina? Nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw jekk il-​mod kif naġixxu m’oħrajn iġibilhomx ferħ.

“Belt Hija Eżaltata”

Waqt li jkompli jagħmel kuntrast bejn l-​effett li jkollhom dawk retti u dawk mill-​agħar fuq il-​komunità, Salamun jistqarr: “Bil-​barka tat-​tajbin [“hija eżaltata,” “NW”] l-​belt, imma tiġġarraf b’fomm il-​ħżiena.”—Proverbji 11:11.

In-nies tal-​belt li jimxu b’mod rett iġibu l-​paċi lil oħrajn fil-​komunità u dawn iħossuhom komdi u msaħħin. B’hekk, belt tkun eżaltata—timxi ’l quddiem. Dawk li b’ilsienhom jimmalafamaw, iweġġgħu, u jgħidu affarijiet ħżiena jikkaġunaw it-​tilwim, id-​dwejjaq, il-​firda, u l-​inkwiet. Dan jiġri partikolarment jekk dawn l-​individwi jkunu nies prominenti. F’belt bħal din ikun hemm id-​diżordni, il-​korruzzjoni, u t-​taħsir morali u forsi anki ekonomiku.

Il-prinċipju li jinsab fi Proverbji 11:11 japplika bl-​istess mod għan-​nies taʼ Jehovah hekk kif dawn jassoċjaw flimkien fil-​kongregazzjonijiet tagħhom li huma bħal bliet. Kongregazzjoni li tkun influwenzata minn nies spiritwali—nies retti mmexxijin mill-​integrità tagħhom—hija assemblea taʼ nies henjin, attivi, u li jħobbu jgħinu. B’hekk, dawn iġibu unur lil Alla. Jehovah ibierek lill-​kongregazzjoni, u din timxi ’l quddiem spiritwalment. Kultant żmien, ikun hemm xi wħud li forsi ma jkunux kuntenti u sodisfatti, li jħobbu jsibu d-​difetti u jikkritikaw il-​mod kif ikunu qed isiru l-​affarijiet. Dawn huma bħal “għerq taʼ mrar” li jistaʼ jinfirex u jivvelena lil oħrajn li għall-​ewwel ma jkunux ġew effettwati. (Lhud 12:15) Dawn in-​nies taʼ spiss ikunu jridu li jkollhom iktar awtorità u prominenza. Jaqilgħu xnigħat li fil-​kongregazzjoni hemm inġustizzji, preġudizzju etniku, u affarijiet bħal dawn, u forsi wkoll jakkużaw lill-​anzjani bihom. Fommhom verament kapaċi joħloq firda fil-​kongregazzjoni. M’għandniex aħna nirrifjutaw li nisimgħu l-​paroli tagħhom u nistinkaw biex inkunu nies spiritwali li jikkontribwixxu għall-​paċi u l-​unità fil-​kongregazzjoni?

Salamun ikompli jgħid: “Min hu bla moħħ imaqdar ’l għajru, min hu bil-​għaqal joqgħod kwiet. Min ilablab [“iqassas,” “Saydon”] jikxef ħwejjeġ moħbija, imma min hu taʼ min jafdah iżomm sigriet.”—Proverbji 11:​12, 13.

Kemm jagħmel ħsara min ma jkollux dehen, jew hu “bla moħħ”! Jibqaʼ jlablab fil-​vojt sakemm jasal biex jimmalafama jew jgħajjar lil xi ħadd. L-​anzjani maħturin iridu jwaqqfu mill-​iktar fis possibbli din l-​influwenza li xejn ma tibni. Kuntrarju għal dak li hu “bla moħħ,” bniedem taʼ dehen kbir jagħraf meta għandu joqgħod kwiet. Minflok ma jikxef xi sigriet, hu jżomm kollox mistur. Bniedem għaqli jaf kemm jagħmel ħsara t-​tlablib fil-​vojt, u għalhekk jistinka biex ikun “taʼ min jafdah.” Hu leali lejn sħabu l-​Kristjani u ma joqgħodx jikxef sigrieti li jistgħu jkunu taʼ periklu għalihom. X’barka għall-​kongregazzjoni huma dawn l-​uħud li jżommu l-​integrità!

Sabiex jgħinna nimxu fil-​mogħdija taʼ dawk li huma bla ħtija, Jehovah jipprovdilna abbundanza taʼ ikel spiritwali mħejji taħt id-​direzzjoni taʼ l-​“ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:​45, NW) Aħna nirċievu wkoll ħafna għajnuna persunali permezz taʼ l-​anzjani Kristjani fil-​kongregazzjonijiet tagħna li huma bħal bliet. (Efesin 4:​11-13) Aħna nħossuna tassew grati għal dawn, għax “fejn m’hemmx min imexxi sewwa jaqaʼ l-​poplu; fejn hemm ħafna mexxejja tajba, hemm il-​kwiet.” (Proverbji 11:14) Jiġri x’jiġri, ejja nkunu determinati bis-​sħiħ biex ‘nimxu fl-​integrità tagħna.’—Salm 26:​1, KŻ.

[Kumment f’paġna 26]

Kemm inkunu boloh jekk naħdmu qisna skjavi biex niksbu l-​affarijiet materjali u mbagħad nittraskuraw l-​attivitajiet teokratiċi!

[Stampi f’paġna 24]

Ġob ħalla l-​integrità tiegħu tiggwidah, u Jehovah bierku

[Stampa f’paġna 25]

Għużża miet minħabba l-​prużunzjoni tiegħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja