Iżraʼ l-Ġustizzja Aħsad it-Tjieba u l-Imħabba t’Alla
“MIN jagħmel tajjeb għal ħaddieħor hu jbati; min jobgħod jirhan [‘jieħu b’id xi ħadd,’ “NW”] ikun fiż-żgur.” (Proverbji 11:15) Kemm jikkonvinċina u jinkuraġġina biex nieħdu azzjoni responsabbli l-ftit kliem taʼ dan il-proverbju! Agħmel tajjeb għal xi ħadd li jħobb jiddejjen u tkun qed tistieden l-inkwiet. Jekk ma tridx tinqabad f’xi nasba li tiswiek xi kemxa flus, evita li tieħu b’id xi ħadd—ġest li kien iservi minflok firma meta kien isir xi ftehim f’Iżrael tal-qedem.
Hawn jidher ċar li japplika l-prinċipju: “Dak li l-bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.” (Galatin 6:7) “Iżirgħu għalikom il-ġustizzja,” stqarr il-profeta Hosegħa, “u taħsdu l-frott tat-tjieba.” (Hosegħa 10:12) Iva, iżraʼ l-ġustizzja billi tagħmel l-affarijiet bil-mod kif iridhom Alla, u aħsad it-tjieba u l-imħabba tiegħu. Is-Sultan Salamun taʼ Iżrael juża dan il-prinċipju kemm-il darba biex jinkuraġġina b’mod konvinċenti għal għemil tajjeb, diskors xieraq, u mġiba mill-aħjar. Jekk neżaminaw bir-reqqa l-kliem tiegħu mimli għerf, se niġu tabilħaqq inkuraġġiti biex aħna stess niżirgħu l-ġustizzja.—Proverbji 11:15-31.
Iżraʼ ‘l-Ħlewwa,’ Aħsad “il-Glorja”
“Mara ħelwa hi dik li tikseb il-glorja,” jgħid is-sultan għaref, “imma t-tiranni, min-naħa tagħhom, jiksbu r-rikkezzi.” (Proverbji 11:16, NW) Dan il-vers jagħmel kuntrast bejn ir-rikkezzi temporanji li jakkwista tirann u l-glorja jew il-ġieħ dejjiemi li tistaʼ tikseb mara li turi l-ħlewwa, mara li taf tmur man-nies.
Kif jistaʼ xi ħadd jikseb il-ħlewwa li ġġib il-ġieħ? “Żomm l-għaqal u l-qjies,” ta l-parir Salamun, u “huma jkunu . . . t-tiżjin taʼ għonqok.” (Proverbji 3:21, 22) Is-salmista tkellem ukoll dwar ‘it-tiswib tal-ħlewwa fuq xofftejn sultan.’ (Salm 45:2, 3 [45:1, 2, NW]) Iva, jekk persuna tkun bil-għaqal, meqjusa, u tuża lsienha kif jixraq, dan se jagħmilha tidher iżjed imprezzabbli u ħelwa. Hekk għandha tkun mara għaqlija. Eżempju taʼ dan insibuh f’Abigajl mart Nabal, bniedem li aġixxa mingħajr għaqal. Din kienet “taʼ għaqal kbir u sabiħa fl-għajn,” u s-Sultan David faħħarha għall-“għaqal” tagħha.—1 Samwel 25:3, 33.
Mara devota li turi l-ħlewwa fil-veru sens tal-kelma żgur li se jkollha l-ġieħ. Kulħadd ifaħħarha. Jekk tkun miżżewġa hi tikseb il-ġieħ f’għajnejn żewġha. Fil-fatt hi se ġġib ġieħ fuq il-familja kollha. Dan ma jkunx sempliċement ġieħ tal-mument. “Aħjar isem tajjeb minn ħafna ġid, aħjar fama tajba mill-fidda u d-deheb.” (Proverbji 22:1) L-isem tajjeb li hi tagħmel m’Alla għandu valur dejjiemi.
Is-sitwazzjoni hija l-oppost fil-każ taʼ tirann, bniedem kiefer. (Proverbji 11:16, NW) Tirann tassoċjah maʼ nies mill-agħar u maʼ l-għedewwa taʼ dawk li jqimu lil Jehovah. (Ġob 6:23; 27:13) Bniedem bħal dan ‘ma jżommx ’l Alla quddiem għajnejh.’ (Salm 54:5 [54:3, NW]) Meta jgħakkes lill-innoċenti u b’egoiżmu jieħu vantaġġ minnhom, għandu mnejn jirnexxilu ‘jaħżen il-fidda bħat-trab.’ (Ġob 27:16) Madankollu, xi darba jew oħra, hu forsi jimtedd u ma jqumx, u kwalunkwe ġurnata li fiha fil-fatt jiftaħ għajnejh, għandha mnejn tkun dik l-aħħar darba li jagħmel hekk. (Ġob 27:19) Imbagħad il-ġid kollu u s-suċċessi li jkun kiseb jispiċċaw fix-xejn.—Luqa 12:16-21.
X’lezzjoni importanti nitgħallmu minn Proverbji 11:16! Is-sultan taʼ Iżrael jurina fil-qosor x’nistgħu naħsdu mill-ħlewwa u t-tirannija, u dan jagħmlu biex iħeġġiġna niżirgħu l-ġustizzja.
Il-Ħlas tat-Tjieba u l-Imħabba
Salamun jgħallem lezzjoni oħra dwar kif għandna nittrattaw maʼ xulxin billi jgħid: “Min hu ħanin ġid lilu nnifsu jagħmel, imma ħsara jġib fuqu nnifsu l-kiefer.” (Proverbji 11:17) “Il-punt li joħroġ dan il-proverbju,” jgħid wieħed studjuż, “hu li l-imġiba lejn l-oħrajn, sew jekk tajba u sew jekk ħażina, ikollha fuqna konsegwenzi mhux intenzjonati jew mistennijin.” Ikkunsidra dan l-eżempju taʼ mara żagħżugħa jisimha Lisa.a Għalkemm mhux b’intenzjoni ħażina, hi dejjem tasal tard għall-appuntamenti tagħha. Mhux l-ewwel darba li ħalliet lil proklamaturi tas-Saltna sħabha jistennewha xi 30 minuta meta tkun miftiehma magħhom biex imorru jagħmlu x-xogħol tax-xandir. Lisa qed tagħmel ħsara lilha nfisha. Tistaʼ tagħtihom tort lill-oħrajn jekk jiddejqu jaħlu l-ħin prezzjuż tagħhom u ma jagħmlux appuntamenti iktar magħha?
Perfezzjonista—xi ħadd li jistenna wisq minnu nnifsu jew minn oħrajn—ikun ukoll kattiv miegħu nnifsu. Minħabba li jistinka bla waqfien biex jilħaq miri li ma jistgħux jintlaħqu, hu qed jistieden li jispiċċa eżawrit u diżappuntat. Mill-banda l-oħra, inkunu qed nagħmlu l-ġid lilna nfusna meta nagħmlu miri realistiċi u raġunevoli. Forsi aħna ndumu naqra iżjed minn oħrajn biex nifhmu xi ħaġa. Jew forsi l-mard u x-xjuħija qed iġagħluna nnaqqsu r-ritmu. Jalla qatt ma nħossuna ddisprati għax m’aħniex nagħmlu l-progress spiritwali li nixtiequ, imma dejjem inkomplu nkunu raġunevoli u naċċettaw il-limitazzjonijiet tagħna. Se nkunu ferħanin jekk aħna ‘nagħmlu l-aħjar’ tagħna skond il-kapaċitajiet li jkollna.—2 Timotju 2:15; Filippin 4:5, NW.
Is-sultan għaref jidħol iktar fid-dettall dwar kif bniedem tajjeb jagħmel ġid lilu nnifsu filwaqt li bniedem kiefer jagħmel ħsara lilu nnifsu. Hu jistqarr: “Il-ħażin ħlasu jkun fieragħ, imma min jiżraʼ s-sewwa qligħ tajjeb ikollu. Min iżomm mas-sewwa jkollu l-ħajja, imma min jimxi bil-ħażen jimxi lejn il-mewt. Nies taʼ qlub mgħawwġa jistmellhom il-Mulej, imma jitgħaxxaq b’dawk li triqthom dritta. Oqgħod żgur: il-ħażin ma jeħlishiex; imma wlied il-ġust meħlusa jkunu.”—Proverbji 11:18-21.
Dawn il-versi juru b’diversi modi dan il-punt bażiku: Iżraʼ s-sewwa u aħsad il-ħlas. Il-ħażin għandu mnejn jagħtiha għall-qerq jew għal-logħob tal-flus sabiex jakkwista xi ħaġa bla ma jaħdem għaliha. Ladarba dan il-ħlas huwa fieragħ, hu għandu mnejn joħroġ diżappuntat. Min jagħti l-ġurnata tiegħu tax-xogħol idaħħal qligħ tajjeb fis-sens li jkollu s-sigurtà. Billi jkollu l-approvazzjoni t’Alla, dan il-wieħed bla ħtija se jkollu t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem. Imma kif se jispiċċa bniedem ħażin? Għalkemm jikkonfoffa m’oħrajn bil-qerq, il-ħażin mhux se jeħles mill-kastig. (Proverbji 2:21, 22) Kemm jinkuraġġina dan biex niżirgħu s-sewwa!
Sbuħija Vera għal Min Hu bil-Għaqal
“Bħal ħolqa tad-deheb fi mnieħer ħanżir, hi mara sabiħa imma bla għaqal,” ikompli jgħid Salamun. (Proverbji 11:22) Ħolqa fl-imnieħer kienet xi ħaġa li tintuża bħala tiżjin, u kienet popolari ħafna fi żminijiet Bibliċi. Ħolqa tad-deheb maʼ naħa waħda taʼ l-imnieħer jew ġol-qarquċa taʼ bejn l-imnifsejn kienet tkun tidher faċilment fuq mara. Kemm ma tkunx xierqa din il-ħolqa tad-deheb maʼ mnifsejn ħanżir! L-istess jistaʼ jingħad għal persuna li hi sabiħa fid-dehra imma ma tkunx bil-“għaqal.” Xi ħadd bħal dan ma jkunx jixraqlu dan it-tiżjin, sew jekk ikun raġel u sew jekk mara. Ma jkunx floku—xejn ma jiġbdek.
Veru, hija ħaġa naturali li nieħdu ħsieb id-dehra tagħna. Imma għalfejn noqogħdu ninkwetaw iżżejjed jew qatt ma nkunu sodisfatti dwar id-dehra taʼ wiċċna jew tal-figura tagħna. Ħafna mill-aspetti tal-fattizzi tagħna ma nistgħux nibdluhom. U d-dehra fiżika tagħna m’hijiex kollox. M’huwiex minnu li l-biċċa l-kbira minn dawk li għandna grazzja magħhom u nammirawhom m’għandhomx xi ġmiel speċjali? Is-sbuħija fiżika m’hijiex il-qofol taʼ l-hena. Dak li verament jiswa hu l-ġmiel ġewwieni, li jiġi minn kwalitajiet dejjiema li jirriflettu l-personalità t’Alla. Mela, jalla nuru l-għaqal u nikkultivaw dawn il-kwalitajiet sbieħ.
“Min Jagħti bil-Qalb Ikollu l-Barka”
“Ix-xewqa tat-tajbin hi l-ġid biss,” jistqarr is-Sultan Salamun, “imma l-ħżiena jistennew il-għadab.” (Qwiel 11:23, Saydon) Biex jagħti eżempju kif dan hu hekk, hu jżid: “Hawn min iqassam minn ġidu u aktar jistagħna; u hawn min irekken u jgħix taʼ fqir.”—Proverbji 11:24.
Jekk aħna nkunu ġenerużi f’li nxerrdu jew naqsmu m’oħrajn l-għarfien tal-Kelma t’Alla, żgur li se nkunu nistgħu nifhmu aħjar “il-wisaʼ u t-tul, l-għoli u l-fond” tagħha. (Efesin 3:18) Mill-banda l-oħra, min għandu l-għarfien u ma jħaddmux qiegħed fil-periklu li jitlef dak li għandu. Iva, “min jiżraʼ ftit, jaħsad ftit; u min jiżraʼ ħafna, jaħsad ħafna.”—2 Korintin 9:6.
“Min jagħti bil-qalb ikollu l-barka,” ikompli jgħid is-sultan, “u min ixabbaʼ l-oħrajn ikollu bix-xabaʼ.” (Proverbji 11:25) Meta nkunu ġenerużi u minn qalbna nużaw il-ħin u r-riżorsi tagħna biex navanzaw il-qima vera, inkunu qed inferrħu qalb Jehovah. (Lhud 13:15, 16) Hu se ‘jiftaħ it-twieqi tas-sema u jsawwab fuqna barka bl-abbundanza.’ (Malakija 3:10) Ħares ftit x’barka spiritwali għandhom il-qaddejja tiegħu llum!
Salamun jagħti saħansitra eżempju ieħor dwar il-kuntrast li hemm bejn ix-xewqat tan-nies sewwa u dawk tal-ħżiena. Hu jgħid: “Min jaħbi l-qamħ jisħtuh in-nies, imma ’l dak li jbigħu jberkuh.” (Proverbji 11:26) Meta wieħed jixtri prodotti essenzjali bi rħis biex jaħżinhom sakemm jiskarsaw ħalli jkun jistaʼ jbigħhom bi prezz għoli, jistaʼ jkollu qligħ akbar. Għalkemm forsi joħroġ xi ġid minn dan għax ma jkunx hemm ħala u l-oġġetti ma jiskarsawx għalkollox, xorta waħda n-nies jombrawh bniedem bħal dan minħabba l-egoiżmu tiegħu. Mill-banda l-oħra, min ma jkunx moħħu biex jagħmel qligħ kbir meta tinqalaʼ xi emerġenza, in-nies jippreferu jmorru għandu.
Biex jinkuraġġina ħalli nkomplu nixtiequ l-ġid, jew is-sewwa, is-sultan taʼ Iżrael jgħid: “Min iħabrek għall-ġid ikun milqugħ tajjeb, imma min ifittex id-deni, deni jsib. Min iserraħ fuq ġidu jispiċċa biex jaqaʼ, imma l-ġusti bħal werqa jħaddru.”—Proverbji 11:27, 28.
Il-Ġust Jirbaħ l-Erwieħ
Biex juri kif il-bluha ġġib konsegwenzi ħżiena, Salamun jistqarr: “Min iħarbat daru jiret ir-riħ.” (Proverbji 11:29a) Il-ħażen t’Għakan swielu deni, għax kemm hu u kemm il-membri tal-familja tiegħu ġew imħaġġrin għall-mewt. (Ġożwè kapitlu 7) Illum, il-kap taʼ familja Kristjana u oħrajn fil-familja tiegħu forsi jiġu involuti f’xi ħażen li minħabba fih jiġu maqtugħin mis-sħubija tal-kongregazzjoni Kristjana. Meta l-kap tal-familja jonqos li jżomm il-kmandamenti t’Alla u jittollera xi dnub serju fil-familja tiegħu, hu jkun qed iħarbat lil daru stess. Hu u forsi anki oħrajn fil-familja tiegħu jiġu maqtugħin mis-sħubija Kristjana bħala midinbin li ma jridux jindmu. (1 Korintin 5:11-13) U x’se jikseb? Sempliċement ir-riħ—xi ħaġa bla sugu jew valur taʼ veru.
“L-iblah isir qaddej l-għaqli,” ikompli l-vers. (Proverbji 11:29b) Ladarba l-iblah ma jkunx bil-għaqal, hu ma jistax jiġi fdat b’xi responsabbiltà kbira. Iktar minn hekk, il-fatt li hu ma jkunx jaf imexxi sew l-affarijiet persunali tiegħu, jistaʼ jġagħlu b’xi mod jew ieħor ikun obbligat lejn xi ħadd. Bniedem bħal dan li m’hux bil-għaqal jistaʼ faċilment isir ‘il-qaddej taʼ l-għaqli.’ Mela, nistgħu naraw kemm huwa importanti li naħsbuha sew u nużaw l-għaqal f’kulma nagħmlu.
“Il-frott tal-ġust siġra tal-ħajja,” jassigurana s-sultan għaref, “u min hu għaref jirbaħ l-erwieħ.” (Proverbji 11:30, KŻ) Dan kif jiġri? Bi kliemu u bil-kondotta tiegħu, bniedem ġust ikun qed isaħħaħ lil oħrajn spiritwalment. Huma jkunu inkuraġġiti biex jaqdu lil Jehovah, u b’hekk fil-futur ikunu jistgħu jirċievu l-ħajja li Alla jagħmel possibbli għalihom.
‘Kemm Iktar Se Jitħallas il-Midneb’
Kemm iwissuna b’mod konvinċenti dawn il-proverbji li rajna sabiex niżirgħu l-ġustizzja u s-sewwa! Waqt li japplika saħansitra b’mod ieħor il-prinċipju “dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad,” Salamun jistqarr: “Jekk il-ġust jitħallas fuq din l-art, kemm aktar il-midneb u l-ħażin!”—Proverbji 11:31.
Għalkemm bniedem ġust jagħmel ħiltu kollha biex jagħmel is-sewwa, xi kultant jiżbalja. (Koħèlet 7:20) U għall-iżbalji li jagħmel ikollu “jitħallas” billi jingħata d-dixxiplina. Iżda, xi ngħidu dwar il-ħażin li minn jeddu jagħżel li jaqbad triq ħażina u ma jagħmel ebda sforz biex jerġaʼ lura lejn it-triq it-tajba? Ma jkunx hu jistħoqqlu ‘ħlas’ akbar—kastig aħrax? “U jekk ‘il-ġust bil-kemm isalva,’” kiteb l-appostlu Pietru, “x’se jsir mill-ħażin u mill-midneb?” (1 Pietru 4:18) Għalhekk, ejja nkunu determinati li dejjem nagħmlu l-ġid lilna nfusna billi niżirgħu l-ġustizzja u s-sewwa.
[Nota taʼ taħt]
a Isem differenti ntuża hawnhekk.
[Stampa f’paġna 28]
Il-“ħlewwa” ġabitilha “ġieħ” lil Abigajl
[Stampi f’paġna 30]
‘Il-ħażin ħlasu jkun fieragħ, il-bniedem sewwa qligħ tajjeb ikollu’
[Stampa f’paġna 31]
‘Iżraʼ ħafna, aħsad ħafna’