LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 9/15 pp. 21-25
  • “Il-Liġi tal-Wieħed Għaref”—Sors tal-Ħajja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Il-Liġi tal-Wieħed Għaref”—Sors tal-Ħajja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kun Lest li Titgħallem
  • Għasses Ilsienek!
  • Kun Bieżel
  • Is-​Sewwa u l-​Ġustizzja ​—Protezzjoni
  • Tagħmilhiex taʼ Xi Ħaġa li M’Intix
  • Żomm Xewqat Sempliċi
  • Ifirħu fid-​“Dawl”
  • Tittamax fix-​Xejn
  • Il-​Liġi t’Alla​ —Sors tal-​Ħajja
  • “Bil-Għaqal Hu Min Jaf Jilqaʼ t-Twiddib”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ikseb l-Għerf u Aċċetta d-Dixxiplina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Imxi ‘fit-Triq ir-Retta’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Il-Biżaʼ minn Alla—“Dixxiplina li Twassal għall-Għerf”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 9/15 pp. 21-25

“Il-​Liġi tal-​Wieħed Għaref”​—Sors tal-​Ħajja

“KEMM huma kbar l-​għana, l-​għerf u l-​għaqal taʼ Alla! Kemm tassew ħadd ma jistaʼ jgħarbel il-​ġudizzju tiegħu u jifhem it-​triqat tiegħu!” (Rumani 11:33) U l-​patrijarka leali Ġob qal: “Alla għaref f’qalbu.” (Ġob 9:​4, KŻ) Iva, il-​Ħallieq tas-​sema u l-​art ma jistaʼ jitqabbel maʼ ħadd fl-​għerf. X’jistaʼ jingħad dwar il-​liġi, jew il-​Kelma miktuba, taʼ Ħallieq bħal dan?

Is-salmista kanta: “Il-​liġi tal-​Mulej perfetta, u tagħti l-​ħajja; ix-​xhieda tal-​Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx. Il-​preċetti tal-​Mulej dritti, u jferrħu l-​qalb; il-​kmandament tal-​Mulej safi, u jdawwal l-​għajnejn.” (Salm 19:​8, 9 [19:​7, 8, NW]) Min jaf kemm is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem apprezza l-​verità taʼ dan il-​kliem! Hu qal: “Il-​liġi tal-​wieħed għaref hija sors tal-​ħajja, biex iddawwar lil wieħed lil hinn min-​nases tal-​mewt.” (Proverbji 13:​14, NW) Fit-​13-il vers taʼ qabel fi Proverbji kapitlu 13, Salamun wera kemm il-​parir li jinsab fil-​Kelma t’Alla jistaʼ jgħinna ntejbu l-​kwalità tal-​ħajja tagħna u nevitaw li npoġġuha fil-​periklu.

Kun Lest li Titgħallem

“Iben bil-​għaqal jismaʼ tagħlim missieru, imma [“dak li jwaqqaʼ għaċ-​ċajt,” “NW”] ma joqgħodx għaċ-​ċanfir,” jistqarr Proverbji 13:1. Id-​dixxiplina mingħand missier tistaʼ tingħata bil-​ħlewwa jew inkella bl-​aħrax. Għall-​ewwel, tistaʼ tibda bħala taħriġ, imbagħad, jekk din ma tiġix aċċettata, tieħu forma taʼ kastig. L-​iben juri l-​għaqal meta jaċċetta d-​dixxiplina taʼ missieru.

“Il-​Mulej iwiddeb lil min iħobb,” tgħid il-​Bibbja, u “jolqot lil kull min jilqaʼ b’ibnu.” (Lhud 12:6) Mod wieħed kif Missierna tas-​sema jiddixxiplinana huwa permezz tal-​Kelma miktuba tiegħu, il-​Bibbja. Meta naqraw il-​Bibbja bir-​rispett u napplikaw dak li nitgħallmu minnha, il-​Kelma tiegħu fil-​fatt tkun qed tiddixxiplinana. Dan huwa taʼ vantaġġ għalina għax dak kollu li jgħid Jehovah huwa għall-​ġid tagħna.​—Isaija 48:17.

Id-dixxiplina tistaʼ tasal għandna wkoll bħala korrezzjoni mingħand xi ħadd minn ħutna fit-​twemmin li hu interessat fil-​ġid spiritwali tagħna. Kull parir t’għajnuna li huwa fi qbil mal-​Kelma t’Alla ma jridx jitqies bħala li ġej minn dak l-​individwu stess, imma mis-​Sors kbir tal-​verità. Inkunu għaqlin jekk naċċettawh bħala li ġej mingħand Jehovah. Meta nagħmlu hekk u nħallu dan il-​parir isawrilna l-​ħsibijiet tagħna biex intejbu l-​fehma tagħna taʼ l-​Iskrittura, u biex nirranġaw triqatna, aħna se nkunu qed nibbenefikaw mid-​dixxiplina. L-​istess jgħodd għall-​parir li nirċievu fil-​laqgħat Kristjani u mill-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja. Il-​fatt li nwieġbu għal dak li nitgħallmu minn kliem miktub jew mitkellem bħal dan huwa mod meraviljuż taʼ kif niddixxiplinaw lilna nfusna.

Min-​naħa l-​oħra, dak li jwaqqaʼ għaċ-​ċajt ma jweġibx għad-​dixxiplina. “Peress li hu jaħseb li jaf x’inhu l-​aħjar,” jgħid xogħol taʼ referenza wieħed, hu “m’huwiex lest li jitgħallem.” Hu lanqas biss iwieġeb saħansitra għaċ-​ċanfir​—forma iktar b’saħħitha taʼ dixxiplina. Imma qatt jistaʼ dan jagħti prova li d-​dixxiplina tal-​Missier m’hijiex korretta? Jehovah qatt ma żbalja, u lanqas qatt m’hu sejjer jiżbalja. Billi jirrifjuta d-​dixxiplina, dak li jwaqqaʼ għaċ-​ċajt ikun biss qed jidħaq bih innifsu. Bi ftit kliem mirqum tajjeb, Salamun verament juri l-​valur taʼ meta nkunu lesti li nitgħallmu.

Għasses Ilsienek!

Biex juri l-​importanza taʼ li nkunu gwidati mill-​Kelma t’Alla fi kliemna, is-​sultan taʼ Iżrael iqabbel il-​fomm maʼ siġra li tagħmel il-​frott. Hu jgħid: “Mill-​frott taʼ fommu jgawdi l-​bniedem il-​ġid, imma xewqet il-​ħżiena dnewwa.” (Qwiel 13:​2, Saydon) Il-​kliem li jingħad huwa l-​frott tal-​fomm. U bniedem jaħsad dak li jiżraʼ bi kliemu stess. “Jekk kliemu jkun intenzjonat u dirett biex ikun hemm relazzjoni tajba man-​nies taʼ madwaru,” jgħid wieħed studjuż, “hu se jgawdi l-​ġid, u jkollu ħajja ferħana u fil-​paċi.” Is-​sitwazzjoni hija differenti għal min jagħmel il-​ħażin. Hu jrid ikun vjolenti u jweġġaʼ lil ħaddieħor. Hu jippjana l-​vjolenza, u jaħsad il-​frott taʼ dan. In-​nases tal-​mewt qegħdin wara l-​bieb tiegħu.

“Min jgħasses kliemu jħares ħajtu,” ikompli jgħid Salamun. “Min jgħid wisq jiġi fl-​għali.” (Proverbji 13:3) Reputazzjoni mħassra, sentimenti mweġġgħin, relazzjonijiet mimlijin tensjoni, u anki dannu fiżiku huma kollha riżultati li jistgħu jiġu minn kliem fieragħ li ma jinħasibx minn qabel. Min jgħid wisq jistaʼ wkoll ikollu d-​diżapprovazzjoni divina, għaliex kulħadd irid jagħti kont taʼ kliemu lil Alla. (Mattew 12:​36, 37) Tabilħaqq, jekk inżommu kontroll sħiħ fuq fommna se nevitaw ħafna għali. Kif, mela, nistgħu nitgħallmu ngħassu kliemna?

Mod sempliċi wieħed huwa billi nitgħallmu ma ngħidux ħafna. “Il-​kliem żejjed m’hux nieqes mill-​ħtija,” tgħid il-​Bibbja. (Proverbji 10:19) Xi ħaġa oħra hija li taħseb qabel titkellem. Il-​kittieb ispirat jistqarr: “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf, imma lsien l-​għorrief idewwi.” (Proverbji 12:18) Meta xi ħadd ma jaħsibx qabel jitkellem, kemm min jitkellem kif ukoll min jismaʼ jistaʼ jweġġaʼ. Għalhekk, il-​Bibbja tagħtina dan il-​parir prattiku: “Moħħ il-​ġust jaħsibha qabel iwieġeb.”​—Korsiv tagħna; Proverbji 15:28.

Kun Bieżel

“Ix-​xewqa taʼ l-​għażżien tibqaʼ bla temma,” jgħid Salamun, “imma l-​beżlin ikollhom bix-​xabaʼ.” (Proverbji 13:4) “Il-​punt [taʼ dan il-​proverbju] huwa li sempliċi xewqa m’hijiex biżżejjed,” jistqarr xogħol wieħed taʼ referenza, “il-​ħidma hi li tgħodd. In-​nies għażżenin huma vittmi tax-​xewqat . . . li jikluhom, u b’dawn biss ma jagħmlu xejn għalihom infushom.” Madankollu, ix-​xewqa taʼ min hu bieżel tiġi maqtugħa​—bix-​xabaʼ.

Xi ngħidu għal dawk li jżommu lura milli jiddedikaw lilhom infushom lil Jehovah sabiex jevitaw ir-​responsabbiltà? Forsi huma jkunu jixtiequ li jgħixu fid-​dinja l-​ġdida t’Alla, imma qegħdin huma jagħmlu xi ħaġa dwar dan? Ħtieġa waħda, għal dawk li jgħaddu mit-​tribulazzjoni l-​kbira, hija li huma jkunu eżerċitaw fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, iddedikaw lilhom infushom lil Jehovah, u ssimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħhom bil-​magħmudija fl-​ilma.​—Apokalissi 7:​14, 15.

Ikkunsidra wkoll x’hemm involut f’li tistinka biex tilħaq kariga taʼ indokrar fil-​kongregazzjoni. Ix-​xewqa biex tħabrek għal dan ix-​xogħol mill-​aħjar hija verament taʼ min ifaħħarha u hija inkuraġġita fl-​Iskrittura. (1 Timotju 3:1) Madankollu, li jkollok ix-​xewqa biss m’huwiex biżżejjed. Biex tikkwalifika għal pożizzjoni trid tikkultiva l-​kwalitajiet u l-​abbiltajiet meħtieġa. Dan jitlob minnek sforz persunali.

Is-​Sewwa u l-​Ġustizzja ​—Protezzjoni

Persuna ġusta tikkultiva kwalitajiet divini u titkellem il-​verità. Persuna bħal din taf li l-​gideb huwa kontra l-​liġi taʼ Jehovah. (Proverbji 6:​16-​19; Kolossin 3:9) Dwar dan, Salamun jistqarr: “Min hu ġust jobgħod il-​gideb, il-​ħażin jiżraʼ l-​għajb u l-​mistħija.” (Proverbji 13:5) Min hu ġust mhux biss jevita l-​gideb, imma fil-​fatt jobogħdu. Hu jaf li minkejja kemm jistaʼ jidher li hu innoċenti, il-​gideb ikisser relazzjonijiet tajbin bejn in-​nies. Iktar minn hekk, il-​fiduċja f’dak il-​wieħed li jispiċċa jigdeb, tintilef. Il-​wieħed ħażin jiżraʼ l-​mistħija jew billi jigdeb jew b’xi mod ieħor, u b’hekk iġib għajb għalih innifsu.

Sabiex juri li jekk tagħmel dak li huwa sewwa f’għajnejn Alla jiswielek taʼ ġid, is-​sultan għaref jgħid: “Min jimxi bis-​sewwa jitħares mis-​sewwa, imma l-​ħażin bi ħżunitu jiġġarraf.” (Proverbji 13:6) Bħal fortizza, li tkun ġust jipproteġi lil dak li jkun, filwaqt li l-​ħażen ikissru.

Tagħmilhiex taʼ Xi Ħaġa li M’Intix

Waqt li fehem in-​natura tal-​bniedem, is-​sultan taʼ Iżrael osserva: “Hawn min jagħmilha taʼ għani u m’għandu xejn; u hawn min jagħmilha taʼ fqir u għandu ħafna.” (Proverbji 13:7) Persuna għandha mnejn ma tkunx dak li tagħti l-​impressjoni li hi. Xi nies fqar jistgħu jagħmluha taʼ sinjuri​—forsi biex jipprovaw jidhru, biex jagħtu impressjoni li huma taʼ suċċess, jew biex iżommu ċertu isem. Bniedem sinjur għandu mnejn jagħmilha taʼ xi ħadd fqir, sempliċement biex jaħbi ġidu.

La wiri falz u lanqas il-​ħabi m’huwa tajjeb. Jekk ir-​riżorsi materjali tagħna huma ftit, li nonfqu l-​flus fuq il-​lussu sempliċement biex nidhru tat-​tajjeb jistaʼ jkun qed jisraq lilna u lill-​familji tagħna mill-​bżonnijiet tal-​ħajja. Ukoll, xi ħadd li jagħmilha taʼ fqir minkejja li għandu l-​ġid jistaʼ jsir xħiħ, u b’hekk jiċċaħħad mid-​dinjità li tixraqlu u mill-​ferħ li jiġi meta tkun ġeneruż. (Atti 20:35) Jekk tgħix bl-​onestà jkollok ħajja aħjar.

Żomm Xewqat Sempliċi

“L-​għani b’ġidu jifdi lilu nnifsu,” jgħid Salamun, “imma l-​fqir m’għandux biex jinfeda.” (Proverbji 13:8) X’lezzjoni hemm fil-​kliem taʼ dan il-​qawl għaqli?

Hemm vantaġġi meta tkun għani, imma l-​għana materjali mhux dejjem jiggarantixxi l-​ferħ. Fiż-​żminijiet mimlijin inkwiet li qed ngħixu fihom, dawk li jkunu għonja ġieli jsibu lilhom infushom u l-​familji tagħhom fil-​periklu li jinħatfu minn xi ħadd u tintalab somma flus biex dawn jinħelsu. Xi drabi, wieħed li jkun sinjur ikun jiflaħ iħallas il-​prezz li jintalab biex jixtri lura ħajtu jew dik taʼ xi membru tal-​familja tiegħu. Imma ħafna drabi dak li jinħataf jinqatel. Theddida bħal din dejjem qiegħda mdendla fuq ras min hu sinjur.

Il-bniedem li jgħaddi bi ftit m’għandux inkwiet bħal dan. Filwaqt li forsi ma jkollux ħafna kumditajiet u affarijiet materjali li jgawdi bniedem għani, hu għandu inqas ċans li jispiċċa mira biex jinħataf minn xi ħadd. Dan huwa benefiċċju wieħed taʼ meta nżommu x-​xewqat tagħna sempliċi u ma nqattgħux il-​ħin u l-​enerġija tagħna fil-​ġiri wara r-​rikkezzi.​—2 Timotju 2:4.

Ifirħu fid-​“Dawl”

Salamun ikompli juri li meta tagħmel l-​affarijiet bil-​mod kif irid Jehovah se jiswielna taʼ ġid. “Dawl il-​ġust jiddi bil-​qawwa,” jgħid hu, “imma jintefa musbieħ il-​ħżiena.”​—Proverbji 13:9.

Il-musbieħ huwa simbolu taʼ dak li niddependu minnu biex idawlilna l-​mogħdija tagħna fil-​ħajja. ‘Il-​kelma t’Alla hija fanal għal riġel [il-ġust], u dawl fil-​mogħdija tiegħu.’ (Salm 119:105) Din fiha għarfien u għerf li ma jintemmu qatt dwar il-​Ħallieq. Iktar kemm intejbu l-​fehma tagħna taʼ dak li jrid Alla u l-​iskop tiegħu, iktar se jiddi d-​dawl spiritwali li jiggwidana. X’sors taʼ ferħ huwa dak! Għalfejn għandna naljenaw irwieħna mill-​għerf dinji jew mill-​“għerf falz”?​—1 Timotju 6:​20; 1 Korintin 1:​20; Kolossin 2:8.

Dwar il-​wieħed ħażin naraw li minkejja kemm il-​fanal tiegħu jidher li qed jiddi u kemm jidher li miexi fir-​riżq, dan se jintefa. Hu se jispiċċa fid-​dlam, fejn siequ se tieħu gambetta. Iktar minn hekk ‘m’hemmx tama għalih.’​—Proverbji 24:20.

X’għandna nagħmlu, mela, meta ma nkunux ċerti xi rridu nagħmlu f’xi sitwazzjoni partikulari? Xi ngħidu jekk lanqas inkunu ċerti jekk fuq kollox għandniex awtorità biex nieħdu azzjoni? Qwiel 13:10 (Saydon) iwissina: “Ġlied biss iġġib il-​[“prużunzjoni,” “NW”].” Jekk naġixxu mingħajr għarfien jew mingħajr ma nkunu awtorizzati, inkunu prużuntużi u se noħolqu problemi maʼ nies oħrajn. Ma jkunx aħjar li tikkonsulta m’oħrajn li għandhom l-​għarfien u d-​dixxerniment? “Imma dawk li jieħdu l-​parir, l-​għerf magħhom,” jgħid is-​sultan għaref.

Tittamax fix-​Xejn

Il-​flus jistgħu jservu għal għan tajjeb. Aħjar ikollok biżżejjed finanzi milli tgħix ħajja iebsa jew fil-​faqar. (Koħèlet 7:​11, 12) Madankollu, nistgħu nitqarrqu jekk naħsbu li nistgħu ngawdu minn għana materjali li jinkiseb bil-​qerq. Salamun iwissi: “Il-​ġid miksub taʼ malajr, malajr jinħela, imma min jiġmaʼ ftit ftit, ikattar ġidu.”​—Proverbji 13:11.

Per eżempju, ikkunsidra l-​ħajra għal-​logħob tal-​flus. Wieħed li jilgħab il-​flus jistaʼ jonfoq dak li jkun bata biex jaqlaʼ bit-​tama li jirbaħ somma flus kbira. Imma kemm-il darba dan isir bi spejjeż għall-​familja tiegħu! U x’jiġri jekk jirnexxilu jirbaħ? Ladarba l-​flus ikunu ġew malajr, għandu mnejn ma tantx japprezza l-​valur tagħhom. Barra minn hekk, abbli ma jkollux l-​abbiltà li jimmaniġġa l-​premju li jkun għadu kemm qalaʼ. M’huwiex probabbli li dawn ir-​rikkezzi jgħibu malajr daqs kemm ġew? Min-​naħa l-​oħra, il-​ġid li jiġġemmaʼ​—ftit ftit b’xogħol kif imiss​—jiżdied bil-​mod u jistaʼ jintuża għall-​benefiċċju taʼ dak li jkun.

“It-​tama mtawwla tmarrad il-​qalb,” jgħid Salamun, “imma xewqa maqtugħa hi bħal siġra tal-​ħajja.” (Proverbji 13:12) Stennijiet li ma jintlaħqux iwasslu għal diżappunti u jmarrdu l-​qalb. Dan jiġri fil-​ħajja taʼ kuljum. Madankollu, dan m’huwiex il-​każ fi stennijiet li huma bbażati fis-​sod fuq il-​Kelma t’Alla. Jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li dawn se jintlaħqu. Anki dak li nistgħu naħsbuh dewmien jistaʼ ma jkunx daqshekk taʼ diżappunt.

Per eżempju, aħna nafu li d-​dinja ġdida t’Alla hija imminenti. (2 Pietru 3:​13) Bil-​ħerqa kollha, qed nistennew bil-​ferħ it-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla. X’jiġri hekk kif nużaw il-​ħin taʼ stennija biex nibqgħu beżlin fil-​“ħidma tal-​Mulej,” biex ninkuraġġixxu lil sħabna fit-​twemmin, u biex nibnu relazzjoni iktar mill-​qrib maʼ Jehovah? Minflok ma ‘nimirdu fil-​qalb,’ aħna nimtlew bil-​ferħ. (1 Korintin 15:58; Lhud 10:​24, 25; Ġakbu 4:8) Meta jasal it-​twettiq taʼ xi ħaġa li nkunu ilna nistennew, dan ikun siġra tal-​ħajja​—verament jagħti l-​ħajja u jirrifreska.

Il-​Liġi t’Alla​ —Sors tal-​Ħajja

Biex jagħti stampa tal-​bżonn li nobdu lil Alla, Proverbji 13:13 jgħid: “Min iwarrab kelma tajba jgħarraq lilu nnifsu, min iweġġaħ il-​kmand ikollu ħlas tajjeb.” Jekk wieħed li jkollu d-​dejn iwarrab il-​kelma li jkun ta billi ma jħallasx lura l-​flus li jkun issellef, hu jitlef dak li jkun ħallas bħala kapparra. Bl-​istess mod, aħna se nġarrbu telfa jekk ma nobdux il-​kmandamenti t’Alla. X’tip taʼ telfa?

“Il-​liġi tal-​wieħed għaref hija sors tal-​ħajja, biex iddawwar lil wieħed lil hinn min-​nases tal-​mewt.” (Proverbji 13:​14, NW) Ħajja mingħajr il-​liġi t’Alla Jehovah, li hu mimli bl-​għerf, tkun tfisser li tkun imċaħħad mill-​gwida li tistaʼ tgħinna ngħixu ħajja aħjar u itwal. X’telfa kbira tkun dik! Il-​mogħdija għaqlija għalina, mela, hija li nagħtu attenzjoni kemm nistgħu lill-​Kelma t’Alla u nħalluha tinfluwenza l-​ħsibijiet, il-​kliem, u l-​azzjonijiet tagħna.​—2 Korintin 10:5; Kolossin 1:​10.

[Stampi f’paġna 23]

Forma taʼ dixxiplina fuqna nfusna hi li nwieġbu għall-​pariri mill-​Iskrittura

[Stampi f’paġna 24]

“Moħħ il-​ġust jaħsibha qabel iwieġeb”

[Stampi f’paġna 24]

Jekk inkunu beżlin “fil-​ħidma tal-​Mulej” nimtlew bil-​ferħ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja