Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Il-Vidjos tad-Diski—Kif NistaʼNagħżilhom?
“Meta nara l-isem taʼ xi grupp jew diska li jkolli dubju minnhom, dak il-ħin inbiddel l-istazzjon.”—Casey.
IL-VIDJOS TAD-DISKI—ħafna żgħażagħ tant jieħdu pjaċir jarawhom. Imma bħalma wera l-artiklu taʼ qabel f’din is-serje, ħafna vidjos tad-diski fihom xeni taʼ immoralità sesswali u vjolenza li jixxokkjawk.a Ovvjament, meta kwalunkwe forma taʼ divertiment tħeġġeġ dak li Alla jikkundanna, Kristjan m’għandux jaraha. Madankollu, mhux il-vidjos tad-diski kollha huma immorali b’mod sfaċċat. Xi wħud minnhom jistgħu jkunu tajbin sa ċertu punt. Oħrajn jistgħu jidhru li m’humiex ħżiena sa barra. Xorta waħda, vidjos bħal dawn jistgħu fil-fatt jibagħtu messaġġi sottili li jiġu f’konflitt mal-Kelma t’Alla.
Jekk il-ġenituri tiegħek jaqblu li tistaʼ tara l-vidjos tad-diski, se jkollok bżonn tagħmel għażla u tuża ‘s-sens tiegħek biex tagħżel it-tajjeb mill-ħażin’ li tkun ħarriġtu mill-Bibbja ħalli tkun tistaʼ tagħraf bejn dak li huwa xieraq biex tarah u dak li m’huwiex. (Lhud 5:14, Saydon) Liema prinċipji mill-Bibbja jistgħu jgħinuk f’din il-ħaġa? Dawn li ġejjin huma xi versi mill-Bibbja u kummenti li jistgħu jkunu t’għajnuna.
Proverbji 4:23: “Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha, għax minnha ġejja l-ħajja.” Inti għandek xi apparat taʼ l-isports jew xi strument tal-mużika li huwa prezzjuż għalik? Min jaf kemm toqgħod attent li żżommu f’kundizzjoni tajba u f’post tajjeb. Żgur mhux se titilqu barra fit-triq waħdu, lanqas għal mument wieħed, bil-biżaʼ li tistaʼ tiġrilu l-ħsara jew anki jinsteraq. Iva, tħarsu. Bl-istess mod tistaʼ tagħmel deċiżjoni biex tħares lil qalbek, u qatt ma tpoġġiha fil-periklu u tesponiha għal divertiment perikoluż, lanqas għal mument wieħed.
Efesin 2:1, 2: “Intom li kontu mejtin bi dnubietkom u ħtijietkom, li fihom darba mxejtu skond ix-xejra taʼ din id-dinja, skond il-kap tas-saltna taʼ l-ajru, taʼ l-Ispirtu li bħalissa qiegħed jaħdem fost dawk li ma jisimgħux.” L-ajru huwa l-ispirtu tad-dinja, il-mod taʼ ħsieb u l-attitudnijiet li joħolqu mġiba midinba. Ħafna mill-vidjos tad-diski jirriflettu dan l-ispirtu u dan huwa kompletament kuntrarju għall-ispirtu t’Alla, li mill-banda l-oħra jipproduċi kwalitajiet bħalma huma l-hena, is-sliem, u r-rażan.—Galatin 5:22, 23.
2 Timotju 2:22: “Aħrab il-ġibdiet taż-żgħożija.” Jekk tara xeni sesswali—anki meta jkunu qosra—kulma se tagħmel hu li tkebbes ix-xrar tal-ġibdiet. Ħafna żgħażagħ jammettu li jsibuha diffiċli biex jinsew xeni bħal dawn; saħansitra jistaʼ jkollhom it-tendenza li jimmaġinawhom f’moħħhom darba wara l-oħra. Raġel żagħżugħ jismu Dave, li ra vidjo li jħajjar sesswalment, jammetti: “Wara, kull darba li kont nismaʼ dik id-diska kont niftakar fil-vidjo.” Meta naraw vidjos bħal dawn, dan jistaʼ jnibbet fina xenqa għal relazzjonijiet sesswali immorali.—1 Korintin 6:18; Kolossin 3:5.
Proverbji 13:20: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.” Staqsi lilek innifsek, ‘Kieku jien se nistieden nies li jipprattikaw il-vjolenza, l-ispiritiżmu, sakranazzi, u li huma immorali fid-dar tiegħi?’ Li tagħmilha maʼ nies bħal dawn permezz tat-televixin huwa l-istess daqslikieku qed tistidinhom ġo darek. Jistaʼ dan ‘iwaqqgħek fl-hemm’? Kimberly tosserva: “Rajt sitwazzjonijiet li fihom xi tfajliet, meta jiltaqgħu flimkien, jibdew jimitaw l-ilbies jew movimenti taż-żfin li jqanqlu sesswalment illi jkunu għadhom kemm raw fil-vidjo.” Forsi int stajt rajt xi ħaġa simili. Billi jimitaw lil dawk li m’għandhom l-ebda rispett lejn il-livelli t’Alla, dawn iż-żgħażagħ juru li huma diġà bdew ‘jaqgħu fl-hemm.’ Għalhekk, b’kemm għandek saħħa evita kwalunkwe forma taʼ “ħbiberija ħażina.”—1 Korintin 15:33.
Salm 11:5: “Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin; hu jobgħod ’il min iħobb id-dnewwa [“vjolenza,” KŻ].” Jekk naraw vidjos li jirreklamaw vjolenza baxxa u bla sens, ma nistgħux nagħtu l-impressjoni li aħna ‘nħobbu l-vjolenza’?
L-Isfida għal Meta Niġu biex Nagħżlu
Peress li “d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin,” qed isir dejjem iktar diffiċli biex jinstab divertiment li m’huwiex imċappas bil-ħsibijiet u l-attitudnijiet tad-dinja. (1 Ġwann 5:19) Xi wħud mill-istazzjonijiet li juru l-vidjos tad-diski jistgħu juru ammont mhux ħażin taʼ materjal mhux xieraq. Anki jekk dak li jkun qed isir ma jkunx vjolenti jew immorali b’mod sfaċċat, ħafna drabi xorta jkun qed imexxi ’l quddiem l-ispirtu taʼ din id-dinja. Mużiċist professjonali osserva li ċertu stazzjon popolari li juri l-vidjos tad-diski “minn stazzjon tal-mużika sar ‘stazzjon li jippromwovi ċerti stili taʼ ħajja.’”
Is-soluzzjoni tistaʼ tkun sempliċi: Jekk vidjo jkun ħażin, aqleb l-istazzjon. Il-problema hi li għandu mnejn ikollok toqgħod attent anki meta tkun qed tara stazzjonijiet oħrajn tat-TV. Ħafna juru programmi li jkunu vjolenti jew oxxeni b’mod dettaljat jew li jġibu lil nies f’sitwazzjonijiet moralment dubjużi. Irridu nammettu li jistaʼ jkun skomdu—jew anki taʼ dwejjaq—li tkun qed tipprova tieħu pjaċir b’xi ħaġa u fl-istess ħin trid toqgħod għassa l-ħin kollu biex taqleb l-istazzjon. U kultant, sakemm taqleb l-istazzjon, tkun diġà saret il-ħsara. Xeni immorali jkunu diġà ġew stampati fil-moħħ. Minkejja dan, tistaʼ tibqaʼ ċert li Alla Jehovah se jbierek kull sforz sinċier li se tagħmel biex tħares lil qalbek.—2 Samwel 22:21.
Hemm passi prattiċi oħrajn li jistgħu jkunu utli. Casey, li ssemma qabel, spjega xi jsib t’għajnuna: “L-isem tal-grupp jew it-titlu tad-diska normalment jidhru fil-bidu tal-vidjo. Il-gruppi għandhom ir-reputazzjonijiet tagħhom, u allura kważi dejjem tkun tistaʼ tkun taf liema grupp jew diska probabbilment se jkunu ħżiena. Għalhekk, meta nara l-isem taʼ xi grupp jew diska li jkolli dubju minnhom, dak il-ħin inbiddel l-istazzjon. Mill-bidunett.”
‘Għid is-Sewwa f’Qalbek’
Anki jekk tkun armat b’għarfien taʼ prinċipji mill-Bibbja, hemm il-possibbiltà li tibda tittollera dak li huwa offensiv. Kif? Billi toqgħod tiskuża lilek innifsek. (Ġakbu 1:22) Il-Bibbja tgħidilna li l-ħabib taʼ Jehovah huwa dak il-wieħed li “jgħid is-sewwa f’qalbu.” (Salm 15:2) Għalhekk kun onest miegħek innifsek. Tqarraqx bik innifsek. Jekk issib ruħek qed tiskuża lilek innifsek talli tkun rajt xi ħaġa dubjuża, staqsi lilek innifsek, ‘Kieku Jehovah jkun tassew iridni narah dan?’ Ftakar li ħafna drabi l-isfida m’hijiex li tkun taf x’inhu tajjeb jew ħażin imma li tiddeċiedi li int se tagħmel dak li hu tajjeb! Int trid tqis ir-relazzjoni tiegħek maʼ Jehovah bħala xi ħaġa iktar prezzjuża minn xi tip taʼ divertiment.—2 Korintin 6:17, 18.
Normalment, ma jkunx biżżejjed li tagħmel xi riżoluzzjoni ġenerali b’nofs qalb biex tibda tagħżel iktar dak li tara. Ir-riżoluzzjoni tiegħek tistaʼ tisfaxxa jekk din ma tkunx soda. Il-Bibbja tgħidilna kif il-bniedem t’Alla li jismu Ġob kien determinat li jibqaʼ leali lejn martu. Hu qal: “Għamilt patt maʼ għajnejja li fuq xebba ma nixħethomx.” (Ġob 31:1) Immaġina ftit! Ġob għamel patt, jew kuntratt solenni, miegħu nnifsu biex jillimita dak li setgħu jaraw għajnejh. Fil-fatt, int tistaʼ tagħmel l-istess ħaġa. Agħmel l-istess riżoluzzjoni—wegħda solenni miegħek innifsek—li ma tħarisx lejn affarijiet ħżiena. Poġġi limiti speċifiċi. Itlob dwar dan. Imbagħad, żomm mal-wegħda tiegħek. Tistaʼ anki tiktibha jekk issibek aħjar. Jekk ikollok bżonn taʼ xi ftit iktar għajnuna, għalfejn ma titkellimx maʼ xi ħadd akbar li tafdah—il-ġenituri tiegħek, per eżempju?
Meta raw il-perikli serji li hemm, xi żgħażagħ Kristjani ddeċidew li sempliċement ma jarawhomx il-vidjos tad-diski. Tkun xi tkun id-deċiżjoni tiegħek f’din il-ħaġa, uża s-sens tiegħek biex tagħżel it-tajjeb mill-ħażin. Żomm kuxjenza nadifa. Billi tieħu pjaċir biss b’divertiment li jibni u jirrifreska, int tistaʼ tevita li tweġġaʼ lilek innifsek u wkoll iżżomm il-ħbiberija tiegħek maʼ Jehovah.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għandi Nara Vidjos tad-Diski?” li deher fil-ħarġa tagħna tat-8 taʼ Marzu, 2003.
[Stampa f’paġna 12]
Xi vidjos li ma jkunux immorali b’mod sfaċċat xorta jmexxu ’l quddiem ideat taʼ ħsara
[Stampa f’paġna 13]
Kun determinat li ma tarax affarijiet li Alla ma japprovax