“L-Għamara tat-tajbin Tiġi ’l Quddiem”
META tfaqqaʼ t-tempesta taʼ Ħar–Magedon u ttemm is-sistema mill-agħar taʼ Satana, “dar il-ħżiena tiġġarraf.” Xi ngħidu għall-“għamara tat-tajbin”? Fid-dinja l-ġdida li se jagħmel Alla, din se “tiġi ’l quddiem.”—Proverbji 14:11.
Madankollu, sakemm ‘il-ħżiena jitqaċċtu mill-art, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha,’ in-nies sewwa jridu jgħixu magħhom. (Proverbji 2:21, 22) Jistgħu l-ġusti jiġu ’l quddiem, jew jirnexxu, f’dawn iċ-ċirkustanzi? L-ewwel 11-il vers taʼ kapitlu 14 fil-ktieb Bibliku tal-Proverbji juru li jekk inħallu l-għerf jiggwidalna kliemna u l-azzjonijiet tagħna, nistgħu ngawdu daqsxejn taʼ prosperità u stabbilità saħansitra issa stess.
Meta l-Għerf Jibni d-Dar
Waqt li jikkummenta fuq l-influwenza li għandha l-mara fuq il-benesseri tal-familja, is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem jgħid: “Għerf il-mara jibnilha darha u bluhitha b’idejha ġġarrafha.” (Proverbji 14:1) Il-mara li għandha l-għerf kif tibni darha? Mara għarfa tirrispetta l-arranġament t’Alla taʼ l-istat taʼ kap. (1 Korintin 11:3) M’hijiex influwenzata mill-ispirtu taʼ indipendenza li hu tant komuni fid-dinja taʼ Satana. (Efesin 2:2) Hi sottomessa lejn żewġha u titkellem tajjeb dwaru, u b’hekk iżżid ir-rispett li l-oħrajn jistaʼ jkollhom lejh. Mara għarfa tieħu sehem b’mod attiv fl-edukazzjoni spiritwali u prattika t’uliedha. Hi taħdem iebes għall-ġid tal-familja tagħha u tagħmel id-dar post pjaċevoli u komdu għall-familja kollha. Timmaniġġa l-affarijiet b’mod prudenti u ekonomiku. Mara li tkun tassew għarfa tgħin biex iżżomm il-prosperità u l-istabbilità f’darha.
Mara belha m’għandhiex rispett lejn l-arranġament t’Alla taʼ l-istat taʼ kap. Hi ma taħsibhiex darbtejn biex titkellem kontra żewġha. Hi mara ħalja, u tberbaq il-flus li l-familja tant tkun ħadmet iebes biex taqlagħhom. Iżjed minn hekk, hi titlef il-ħin. Bħala riżultat, id-dar ma tkunx miżmuma tajjeb, u t-tfal ibatu kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment. Iva, il-mara belha ġġarraf darha.
Iżda, x’jiddetermina jekk wieħed ikunx għaref jew iblah? Proverbji 14:2 jgħid: “Min jimxi bis-sewwa għandu l-biżaʼ tal-Mulej, min jimxi bl-imgħawweġ jistmerru.” Bniedem rett jibżaʼ mill-Alla l-veru, u ‘l-biżaʼ tal-Mulej hu l-bidu taʼ l-għerf.’ (Salm 111:10) Min hu għaref tassew jaf li huwa d-dmir tiegħu li ‘jibżaʼ minn Alla u jħares il-kmandamenti tiegħu.’ (Ekkleżjażti 12:13, KŻ) Mill-banda l-oħra, l-iblah jaqbad triq li m’hijiex fi qbil mal-livelli taʼ ġustizzja t’Alla. Triqatu huma mgħawġin. Individwu bħal dan jiddisprezza lil Alla, u jgħid f’qalbu: “M’hemmx Alla!”—Salm 14:1.
Meta x-Xofftejn Ikunu Gwidati mill-Għerf
X’jistaʼ jingħad dwar il-kliem taʼ wieħed li jibżaʼ minn Ġeħova u l-kliem taʼ wieħed li jiddisprezza lil Alla? “[“Fuq fomm l-iblah hemm iżżarġan il-kburija,” “Saydon”],” jgħid is-sultan, “imma xufftejn l-għorrief il-ħarsien tagħhom.” (Proverbji 14:3) Peress li m’għandux l-għerf li ġej minn fuq, l-iblah la hu persuna li ġġib il-paċi u lanqas raġunevoli. L-għerf li jiggwidalu l-passi tiegħu hu taʼ l-art, taʼ l-annimali, u tad-demonji. Kliemu hu ġelliedi u arroganti. Il-kburija fuq fommu ġġib ħafna inkwiet kemm għalih u kemm għal ħaddieħor.—Ġakbu 3:13-18.
Xofftejn l-għaref iħarsuh, jew jipproteġuh, u dan iġagħlu jħossu iktar kuntent u ferħan. Kif? L-Iskrittura tgħid: “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf, imma lsien l-għorrief idewwi.” (Proverbji 12:18) Min hu għaref ma jitkellimx bla ma jaħsibha jew b’mod li jweġġaʼ. Qalbu timmedita fuq dak li jkun se jgħid. (Proverbji 15:28) Peress li jagħżel kliemu bl-attenzjoni, id-diskors tiegħu jdewwi—jinkuraġġixxi lid-dipressi u jagħti s-serħan lill-magħkusin. Minflok ma jdejqu lil ħaddieħor, xofftejh iġibu l-paċi u l-kalma.
Meta l-Għerf Jiggwida l-Isforzi Umani
Imbagħad Salamun jagħti proverbju interessanti li donnu jitkellem dwar l-importanza taʼ li wieħed iqis il-vantaġġi u l-iżvantaġġi meta jkun se jagħmel ċertu tip taʼ xogħol. Hu jgħid: “Fejn m’hemmx il-baqar, m’hemmx il-qamħ [jew, “il-maxtura vojta,” “Saydon”]; b’saħħet il-gendus jinkisbu l-uċuħ tajba.”—Proverbji 14:4.
Meta jikkummenta fuq it-tifsira taʼ dan il-proverbju, ċertu xogħol taʼ referenza jgħid: “Maxtura vojta tindika li m’hemmx gniedes [baqar] x’jiġu mitmugħin, u għaldaqstant wieħed m’għandux għalfejn joqgħod inaddaf u jieħu ħsieb l-annimali, u l-ispejjeż se jkunu inqas. Imma dan il-‘vantaġġ’ jinġieb fix-xejn f’v[ers] 4b: mingħajr gniedes biex jaħdmu jkun ifisser li l-ħsad mhux se jkun kbir.” Il-bidwi jrid jagħżel b’mod għaqli.
Ma japplikax il-prinċipju taʼ dan il-proverbju wkoll meta nkunu qed nikkunsidraw jekk inbiddlux l-impjieg tagħna, qed nagħżlu t-tip taʼ dar fejn se noqogħdu, se nixtru xi karozza, naħsbuha nġibux xi annimal id-dar, u affarijiet oħra bħal dawn? Min hu għaref se jara x’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi, u jiżen tajjeb jekk huwiex vallapena li jagħmel l-isforz jew jidħol għall-ispiża.
Meta Xhud Ikun Għaref
“Xhud tajjeb ma jgħidx il-falz,” ikompli Salamun, “imma xhud qarrieq gideb jgħid.” (Proverbji 14:5) Il-gideb taʼ xhud falz żgur li jistaʼ jagħmel ħafna ħsara. Nabot il-Ġeżragħeli ġie mħaġġar għall-mewt minħabba li żewġt irġiel taʼ qattagħni xehdu falz kontrih. (1 Slaten 21:7-13) U ma kienx minħabba xiehda falza li Ġesù ngħata l-mewt? (Mattew 26:59-61) Ukoll, xhieda foloz xehdu kontra Stiefnu—l-ewwel dixxiplu taʼ Ġesù li kien maqtul minħabba l-fidi tiegħu.—Atti 6:10, 11.
Forsi bħalissa jidher li bniedem qarrieq jibqaʼ għaddej qisu mhux hu, imma aħseb ftit dwar il-futur tiegħu. Ġeħova jobgħod “fomm li jixhed bil-qerq il-gideb,” tgħid il-Bibbja. (Proverbji 6:16-19) Bniedem bħal dan se jsib sehmu fl-għadira taqbad bin-nar u l-kubrit—it-tieni mewt—flimkien maʼ nies ħżiena oħrajn bħal qattiela, żienja, u idolatri.—Rivelazzjoni 21:8.
Xhud tajjeb, jew li juri fedeltà, ma jiħux ġurament falz. Ix-xiehda tiegħu ma tkunx imtebbgħa bil-gideb. Madankollu, dan ma jfissirx li hu obbligat li jagħti informazzjoni sħiħa lil dawk li b’xi mod ikunu jridu jagħmlu l-ħsara lill-poplu taʼ Ġeħova. Il-patrijarki Abraham u Iżakk ħbew il-fatti minn xi wħud li ma kinux iqimu lil Ġeħova. (Ġenesi 12:10-19; 20:1-18; 26:1-10) Raħab taʼ Ġeriko bagħtet in-nies tas-sultan triq b’oħra. (Ġożwè 2:1-7) Ġesù Kristu nnifsu żamm lura milli jagħti informazzjoni sħiħa f’każi meta dan kien ifisser li setaʼ jinqalaʼ inkwiet bla bżonn. (Ġwanni 7:1-10) Hu qal: “Tagħtux lill-klieb dak li hu qaddis.” Għala le? Sabiex qatt ma “jduru għalikom u jqattgħukom.”—Mattew 7:6.
Meta ‘t-Tagħlim Hu Ħafif’
Huwa l-għerf xi ħaġa li għandu kulħadd? Proverbji 14:6 jgħid: “Għalxejn l-insolenti jfittex l-għerf, imma ħafif it-tagħlim għal min hu bil-għaqal [“jifhem,” “NW”].” Bniedem insolenti, jew li jwaqqaʼ għaċ-ċajt, jistaʼ jfittex l-għerf, iżda ma jirnexxilux jikseb l-għerf veru. Ladarba l-insolenti b’mod arroganti jwaqqaʼ għaċ-ċajt l-affarijiet t’Alla, hu jonqos li jakkwista l-ħtieġa bażika u ewlenija għall-għerf—l-għarfien eżatt dwar l-Alla l-veru. Il-kburija u l-arroganza tiegħu jżommuh milli jitgħallem dwar Alla u jikseb l-għerf. (Proverbji 11:2) Għalfejn saħansitra joqgħod iħabbel rasu biex ifittex l-għerf? Il-proverbju ma jgħidilniex, imma forsi l-insolenti jagħmel dan sabiex l-oħrajn jaħsbuh li hu għaref.
‘It-tagħlim hu ħafif’ għal min jifhem. Il-fehma hija definita bħala ‘li taqbad is-sens taʼ xi ħaġa; komprensjoni,’ “il-kapaċità li tagħraf x’inhi r-relazzjoni taʼ dettalji speċifiċi mal-kwistjoni kollha kemm hi.” Hija l-abbiltà li torbot id-diversi aspetti taʼ suġġett u tara l-kwistjoni bħala xi ħaġa sħiħa, mhux maqsuma f’partijiet iżolati. Dan il-proverbju qed jgħid li għal persuna li għandha din l-abbiltà huwa faċli li titgħallem.
Dwar dan, ħu l-esperjenza tiegħek stess taʼ meta bdejt titgħallem il-verità Skritturali. X’aktarx li meta bdejt tistudja l-Bibbja, fost l-ewwel veritajiet li tgħallimt kien hemm it-tagħlim bażiku dwar Alla, il-wegħdi tiegħu, u dwar Ibnu. Għal xi żmien, dawn kienu biss dettalji separati. Imma hekk kif komplejt bl-istudju, kollox beda jingħaqad flimkien u stajt tara ċar kif id-diversi dettalji kienu marbutin maʼ l-iskop sħiħ taʼ Ġeħova għall-bnedmin u għall-art. Il-verità mill-Bibbja saret xi ħaġa loġika u magħquda. Imbagħad sar iżjed faċli li titgħallem u tiftakar dettalji ġodda għax kont taf kif jorbtu maʼ l-istampa sħiħa.
Is-sultan għaref iwissi dwar għand min ma nistgħux insibu l-għerf. Hu jgħid: “Tagħmilhiex maʼ min hu iblah, għax ma titgħallimx l-għerf minn fommu.” (Proverbji 14:7) L-iblah m’għandux l-għarfien veru. Minn xofftejh ma joħroġx għarfien. Il-parir hu li ninqatgħu minn bniedem bħal dan u jkun għaqli li nżommu ’l bogħod minnu. Kull “min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.”—Proverbji 13:20.
“B’għerfu l-għaqli jsib it-triq it-tajba,” ikompli Salamun, “imma bluhiet il-boloh ħażin tmexxihom.” (Proverbji 14:8) Min hu għaref jaħseb sew qabel ma jaġixxi. Hu jikkunsidra l-għażliet differenti li jkollu quddiemu u jaħseb sew dwar x’jistaʼ jkun ir-riżultat taʼ kull għażla. Hu jagħżel triqtu bil-għaqal. Xi ngħidu għall-iblah? Hu jagħżel il-bluha, mingħalih li jaf x’inhu jagħmel u li qed jieħu l-aħjar deċiżjoni. Bluhitu tqarraq bih.
Meta l-Għerf Jiggwida r-Relazzjonijiet
Persuna gwidata mill-għerf ikollha relazzjonijiet paċifiċi m’oħrajn. “Il-boloh jibqgħu fil-ħtija [“jiddieħku bid-dnub,” “KŻ”],” jinnota s-sultan taʼ Iżrael, “imma t-tajbin ikollhom l-għaxqa taʼ Alla.” (Proverbji 14:9) Is-sens taʼ ħtija, jew rimors, hu xi ħaġa tad-daħq għall-iblah. Hu kisser ir-relazzjonijiet li kellu d-dar u kullimkien għax hu “wisq arroganti biex jirranġa” u jfittex il-paċi. (The New English Bible) Bniedem rett hu iktar lest li jaċċetta n-nuqqasijiet taʼ ħaddieħor. Hu lest li jitlob skuża u jirranġa meta hu nnifsu jonqos lil oħrajn. Peress li jfittex il-paċi, hu jgawdi relazzjonijiet ferħanin u stabbli m’oħrajn.—Lhud 12:14.
Imbagħad, Salamun jiġbed l-attenzjoni lejn fattur restrittiv fir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin. Hu jgħid: “Qalb il-bniedem tagħraf limrar tagħha, u ħadd barra minnha ma jissieħeb fil-ferħ tagħha.” (Proverbji 14:10) Nistgħu aħna nesprimu dejjem l-emozzjonijiet ġewwinin tagħna—sew taʼ dwejjaq u sew taʼ ferħ—maʼ ħaddieħor u naqsmu magħhom dak li nkunu qed nesperjenzaw eżatt? U jistaʼ wieħed dejjem jgħid li jifhem bis-sħiħ kif iħossu ħaddieħor? It-tweġiba għaż-żewġ mistoqsijiet hija le.
Ħu bħala eżempju s-sentimenti taʼ xi ħadd li jkun irid jagħmel suwiċidju. Taʼ spiss, min ikollu dawn is-sentimenti ma jkunx jistaʼ jesprimihom ċar maʼ xi membru tal-familja jew ħabib. U l-oħrajn mhux dejjem jirrikonoxxu s-sinjali taʼ dawn is-sentimenti fi ħbiebhom. M’għandniex għalfejn inħossuna ħatja meta ma narawx dawn is-sinjali u nonqsu li nagħtu l-għajnuna. Dan il-proverbju jgħallimna wkoll li għalkemm hu taʼ faraġ li mmorru għand ħabib li jifhimna għall-appoġġ emozzjonali, il-faraġ li jistgħu joffru l-bnedmin huwa limitat. Għandna mnejn li meta niġu biex nissaportu xi diffikultajiet ikollna nistrieħu biss fuq Ġeħova.
“Ġid u Għana Jkunu f’Daru”
“Dar il-ħżiena tiġġarraf,” jgħid is-sultan taʼ Iżrael, “imma l-għamara tat-tajbin tiġi ’l quddiem.” (Proverbji 14:11) Individwu mill-agħar jistaʼ jirnexxi f’din is-sistema dinjija u forsi joqgħod f’dar mill-isbaħ, imma x’se jiswielu dan meta hu nnifsu ma jibqax jeżisti iktar? (Salm 37:10) Mill-banda l-oħra, dar il-ġust għandha mnejn tkun sempliċi mhux ħażin. Imma “ġid u għana jkunu f’daru,” jgħid Salm 112:3. X’inhuma dawn?
Meta l-kliem u l-azzjonijiet tagħna jkunu gwidati mill-għerf, ikollna “l-għana u l-ġieħ” li jeżistu maʼ l-għerf. (Proverbji 8:18) Dawn jinkludu relazzjoni paċifika m’Alla u sħabna l-bnedmin, saħħa tajba u ferħ, u ċertu ammont taʼ stabbilità. Iva, “l-għamara tat-tajbin” tistaʼ tiġi ’l quddiem saħansitra issa stess.
[Stampa f’paġna 27]
Mara għarfa tibni darha
[Stampa f’paġna 28]
“Ilsien l-għorrief idewwi”