LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 11/15 pp. 26-29
  • “L-Għamara tat-tajbin Tiġi ’l Quddiem”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “L-Għamara tat-tajbin Tiġi ’l Quddiem”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meta l-​Għerf Jibni d-​Dar
  • Meta x-​Xofftejn Ikunu Gwidati mill-​Għerf
  • Meta l-​Għerf Jiggwida l-​Isforzi Umani
  • Meta Xhud Ikun Għaref
  • Meta ‘t-​Tagħlim Hu Ħafif’
  • Meta l-​Għerf Jiggwida r-​Relazzjonijiet
  • “Ġid u Għana Jkunu f’Daru”
  • ‘Bl-Għerf Jitkattrulna Jiem Ħajjitna’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ikseb l-Għerf u Aċċetta d-Dixxiplina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • “Fih Kenn l-Għerf”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • “Xofftejn is-Sewwa Jżommu Sħiħ għal Dejjem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 11/15 pp. 26-29

“L-​Għamara tat-​tajbin Tiġi ’l Quddiem”

META tfaqqaʼ t-​tempesta taʼ Ħar–Magedon u ttemm is-​sistema mill-​agħar taʼ Satana, “dar il-​ħżiena tiġġarraf.” Xi ngħidu għall-​“għamara tat-​tajbin”? Fid-​dinja l-​ġdida li se jagħmel Alla, din se “tiġi ’l quddiem.”—Proverbji 14:11.

Madankollu, sakemm ‘il-​ħżiena jitqaċċtu mill-​art, u l-​qarrieqa jinqalgħu minnha,’ in-​nies sewwa jridu jgħixu magħhom. (Proverbji 2:21, 22) Jistgħu l-​ġusti jiġu ’l quddiem, jew jirnexxu, f’dawn iċ-​ċirkustanzi? L-​ewwel 11-il vers taʼ kapitlu 14 fil-​ktieb Bibliku tal-​Proverbji juru li jekk inħallu l-​għerf jiggwidalna kliemna u l-​azzjonijiet tagħna, nistgħu ngawdu daqsxejn taʼ prosperità u stabbilità saħansitra issa stess.

Meta l-​Għerf Jibni d-​Dar

Waqt li jikkummenta fuq l-​influwenza li għandha l-​mara fuq il-​benesseri tal-​familja, is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem jgħid: “Għerf il-​mara jibnilha darha u bluhitha b’idejha ġġarrafha.” (Proverbji 14:1) Il-​mara li għandha l-​għerf kif tibni darha? Mara għarfa tirrispetta l-​arranġament t’Alla taʼ l-​istat taʼ kap. (1 Korintin 11:3) M’hijiex influwenzata mill-​ispirtu taʼ indipendenza li hu tant komuni fid-​dinja taʼ Satana. (Efesin 2:2) Hi sottomessa lejn żewġha u titkellem tajjeb dwaru, u b’hekk iżżid ir-​rispett li l-​oħrajn jistaʼ jkollhom lejh. Mara għarfa tieħu sehem b’mod attiv fl-​edukazzjoni spiritwali u prattika t’uliedha. Hi taħdem iebes għall-​ġid tal-​familja tagħha u tagħmel id-​dar post pjaċevoli u komdu għall-​familja kollha. Timmaniġġa l-​affarijiet b’mod prudenti u ekonomiku. Mara li tkun tassew għarfa tgħin biex iżżomm il-​prosperità u l-​istabbilità f’darha.

Mara belha m’għandhiex rispett lejn l-​arranġament t’Alla taʼ l-​istat taʼ kap. Hi ma taħsibhiex darbtejn biex titkellem kontra żewġha. Hi mara ħalja, u tberbaq il-​flus li l-​familja tant tkun ħadmet iebes biex taqlagħhom. Iżjed minn hekk, hi titlef il-​ħin. Bħala riżultat, id-​dar ma tkunx miżmuma tajjeb, u t-​tfal ibatu kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment. Iva, il-​mara belha ġġarraf darha.

Iżda, x’jiddetermina jekk wieħed ikunx għaref jew iblah? Proverbji 14:2 jgħid: “Min jimxi bis-​sewwa għandu l-​biżaʼ tal-​Mulej, min jimxi bl-​imgħawweġ jistmerru.” Bniedem rett jibżaʼ mill-​Alla l-​veru, u ‘l-​biżaʼ tal-​Mulej hu l-​bidu taʼ l-​għerf.’ (Salm 111:10) Min hu għaref tassew jaf li huwa d-​dmir tiegħu li ‘jibżaʼ minn Alla u jħares il-​kmandamenti tiegħu.’ (Ekkleżjażti 12:13, KŻ) Mill-​banda l-​oħra, l-​iblah jaqbad triq li m’hijiex fi qbil mal-​livelli taʼ ġustizzja t’Alla. Triqatu huma mgħawġin. Individwu bħal dan jiddisprezza lil Alla, u jgħid f’qalbu: “M’hemmx Alla!”—Salm 14:1.

Meta x-​Xofftejn Ikunu Gwidati mill-​Għerf

X’jistaʼ jingħad dwar il-​kliem taʼ wieħed li jibżaʼ minn Ġeħova u l-​kliem taʼ wieħed li jiddisprezza lil Alla? “[“Fuq fomm l-​iblah hemm iżżarġan il-​kburija,” “Saydon”],” jgħid is-​sultan, “imma xufftejn l-​għorrief il-​ħarsien tagħhom.” (Proverbji 14:3) Peress li m’għandux l-​għerf li ġej minn fuq, l-​iblah la hu persuna li ġġib il-​paċi u lanqas raġunevoli. L-​għerf li jiggwidalu l-​passi tiegħu hu taʼ l-​art, taʼ l-​annimali, u tad-​demonji. Kliemu hu ġelliedi u arroganti. Il-​kburija fuq fommu ġġib ħafna inkwiet kemm għalih u kemm għal ħaddieħor.—Ġakbu 3:13-18.

Xofftejn l-​għaref iħarsuh, jew jipproteġuh, u dan iġagħlu jħossu iktar kuntent u ferħan. Kif? L-​Iskrittura tgħid: “Min iqassas b’ilsienu jinfed bħal sejf, imma lsien l-​għorrief idewwi.” (Proverbji 12:18) Min hu għaref ma jitkellimx bla ma jaħsibha jew b’mod li jweġġaʼ. Qalbu timmedita fuq dak li jkun se jgħid. (Proverbji 15:28) Peress li jagħżel kliemu bl-​attenzjoni, id-​diskors tiegħu jdewwi—jinkuraġġixxi lid-​dipressi u jagħti s-​serħan lill-​magħkusin. Minflok ma jdejqu lil ħaddieħor, xofftejh iġibu l-​paċi u l-​kalma.

Meta l-​Għerf Jiggwida l-​Isforzi Umani

Imbagħad Salamun jagħti proverbju interessanti li donnu jitkellem dwar l-​importanza taʼ li wieħed iqis il-​vantaġġi u l-​iżvantaġġi meta jkun se jagħmel ċertu tip taʼ xogħol. Hu jgħid: “Fejn m’hemmx il-​baqar, m’hemmx il-​qamħ [jew, “il-​maxtura vojta,” “Saydon”]; b’saħħet il-​gendus jinkisbu l-​uċuħ tajba.”—Proverbji 14:4.

Meta jikkummenta fuq it-​tifsira taʼ dan il-​proverbju, ċertu xogħol taʼ referenza jgħid: “Maxtura vojta tindika li m’hemmx gniedes [baqar] x’jiġu mitmugħin, u għaldaqstant wieħed m’għandux għalfejn joqgħod inaddaf u jieħu ħsieb l-​annimali, u l-​ispejjeż se jkunu inqas. Imma dan il-​‘vantaġġ’ jinġieb fix-​xejn f’v[ers] 4b: mingħajr gniedes biex jaħdmu jkun ifisser li l-​ħsad mhux se jkun kbir.” Il-​bidwi jrid jagħżel b’mod għaqli.

Ma japplikax il-​prinċipju taʼ dan il-​proverbju wkoll meta nkunu qed nikkunsidraw jekk inbiddlux l-​impjieg tagħna, qed nagħżlu t-​tip taʼ dar fejn se noqogħdu, se nixtru xi karozza, naħsbuha nġibux xi annimal id-​dar, u affarijiet oħra bħal dawn? Min hu għaref se jara x’inhuma l-​vantaġġi u l-​iżvantaġġi, u jiżen tajjeb jekk huwiex vallapena li jagħmel l-​isforz jew jidħol għall-​ispiża.

Meta Xhud Ikun Għaref

“Xhud tajjeb ma jgħidx il-​falz,” ikompli Salamun, “imma xhud qarrieq gideb jgħid.” (Proverbji 14:5) Il-​gideb taʼ xhud falz żgur li jistaʼ jagħmel ħafna ħsara. Nabot il-​Ġeżragħeli ġie mħaġġar għall-​mewt minħabba li żewġt irġiel taʼ qattagħni xehdu falz kontrih. (1 Slaten 21:7-13) U ma kienx minħabba xiehda falza li Ġesù ngħata l-​mewt? (Mattew 26:59-61) Ukoll, xhieda foloz xehdu kontra Stiefnu—l-​ewwel dixxiplu taʼ Ġesù li kien maqtul minħabba l-​fidi tiegħu.—Atti 6:10, 11.

Forsi bħalissa jidher li bniedem qarrieq jibqaʼ għaddej qisu mhux hu, imma aħseb ftit dwar il-​futur tiegħu. Ġeħova jobgħod “fomm li jixhed bil-​qerq il-​gideb,” tgħid il-​Bibbja. (Proverbji 6:16-19) Bniedem bħal dan se jsib sehmu fl-​għadira taqbad bin-​nar u l-​kubrit—it-​tieni mewt—flimkien maʼ nies ħżiena oħrajn bħal qattiela, żienja, u idolatri.—Rivelazzjoni 21:8.

Xhud tajjeb, jew li juri fedeltà, ma jiħux ġurament falz. Ix-​xiehda tiegħu ma tkunx imtebbgħa bil-​gideb. Madankollu, dan ma jfissirx li hu obbligat li jagħti informazzjoni sħiħa lil dawk li b’xi mod ikunu jridu jagħmlu l-​ħsara lill-​poplu taʼ Ġeħova. Il-​patrijarki Abraham u Iżakk ħbew il-​fatti minn xi wħud li ma kinux iqimu lil Ġeħova. (Ġenesi 12:10-19; 20:1-18; 26:1-10) Raħab taʼ Ġeriko bagħtet in-​nies tas-​sultan triq b’oħra. (Ġożwè 2:1-7) Ġesù Kristu nnifsu żamm lura milli jagħti informazzjoni sħiħa f’każi meta dan kien ifisser li setaʼ jinqalaʼ inkwiet bla bżonn. (Ġwanni 7:1-10) Hu qal: “Tagħtux lill-​klieb dak li hu qaddis.” Għala le? Sabiex qatt ma “jduru għalikom u jqattgħukom.”—Mattew 7:6.

Meta ‘t-​Tagħlim Hu Ħafif’

Huwa l-​għerf xi ħaġa li għandu kulħadd? Proverbji 14:6 jgħid: “Għalxejn l-​insolenti jfittex l-​għerf, imma ħafif it-​tagħlim għal min hu bil-​għaqal [“jifhem,” “NW”].” Bniedem insolenti, jew li jwaqqaʼ għaċ-​ċajt, jistaʼ jfittex l-​għerf, iżda ma jirnexxilux jikseb l-​għerf veru. Ladarba l-​insolenti b’mod arroganti jwaqqaʼ għaċ-​ċajt l-​affarijiet t’Alla, hu jonqos li jakkwista l-​ħtieġa bażika u ewlenija għall-​għerf—l-​għarfien eżatt dwar l-​Alla l-​veru. Il-​kburija u l-​arroganza tiegħu jżommuh milli jitgħallem dwar Alla u jikseb l-​għerf. (Proverbji 11:2) Għalfejn saħansitra joqgħod iħabbel rasu biex ifittex l-​għerf? Il-​proverbju ma jgħidilniex, imma forsi l-​insolenti jagħmel dan sabiex l-​oħrajn jaħsbuh li hu għaref.

‘It-​tagħlim hu ħafif’ għal min jifhem. Il-​fehma hija definita bħala ‘li taqbad is-​sens taʼ xi ħaġa; komprensjoni,’ “il-​kapaċità li tagħraf x’inhi r-​relazzjoni taʼ dettalji speċifiċi mal-​kwistjoni kollha kemm hi.” Hija l-​abbiltà li torbot id-​diversi aspetti taʼ suġġett u tara l-​kwistjoni bħala xi ħaġa sħiħa, mhux maqsuma f’partijiet iżolati. Dan il-​proverbju qed jgħid li għal persuna li għandha din l-​abbiltà huwa faċli li titgħallem.

Dwar dan, ħu l-​esperjenza tiegħek stess taʼ meta bdejt titgħallem il-​verità Skritturali. X’aktarx li meta bdejt tistudja l-​Bibbja, fost l-​ewwel veritajiet li tgħallimt kien hemm it-​tagħlim bażiku dwar Alla, il-​wegħdi tiegħu, u dwar Ibnu. Għal xi żmien, dawn kienu biss dettalji separati. Imma hekk kif komplejt bl-​istudju, kollox beda jingħaqad flimkien u stajt tara ċar kif id-​diversi dettalji kienu marbutin maʼ l-​iskop sħiħ taʼ Ġeħova għall-​bnedmin u għall-​art. Il-​verità mill-​Bibbja saret xi ħaġa loġika u magħquda. Imbagħad sar iżjed faċli li titgħallem u tiftakar dettalji ġodda għax kont taf kif jorbtu maʼ l-​istampa sħiħa.

Is-​sultan għaref iwissi dwar għand min ma nistgħux insibu l-​għerf. Hu jgħid: “Tagħmilhiex maʼ min hu iblah, għax ma titgħallimx l-​għerf minn fommu.” (Proverbji 14:7) L-​iblah m’għandux l-​għarfien veru. Minn xofftejh ma joħroġx għarfien. Il-​parir hu li ninqatgħu minn bniedem bħal dan u jkun għaqli li nżommu ’l bogħod minnu. Kull “min imur mal-​boloh, jaqaʼ fl-​hemm.”—Proverbji 13:20.

“B’għerfu l-​għaqli jsib it-​triq it-​tajba,” ikompli Salamun, “imma bluhiet il-​boloh ħażin tmexxihom.” (Proverbji 14:8) Min hu għaref jaħseb sew qabel ma jaġixxi. Hu jikkunsidra l-​għażliet differenti li jkollu quddiemu u jaħseb sew dwar x’jistaʼ jkun ir-​riżultat taʼ kull għażla. Hu jagħżel triqtu bil-​għaqal. Xi ngħidu għall-​iblah? Hu jagħżel il-​bluha, mingħalih li jaf x’inhu jagħmel u li qed jieħu l-​aħjar deċiżjoni. Bluhitu tqarraq bih.

Meta l-​Għerf Jiggwida r-​Relazzjonijiet

Persuna gwidata mill-​għerf ikollha relazzjonijiet paċifiċi m’oħrajn. “Il-​boloh jibqgħu fil-​ħtija [“jiddieħku bid-​dnub,” “KŻ”],” jinnota s-​sultan taʼ Iżrael, “imma t-​tajbin ikollhom l-​għaxqa taʼ Alla.” (Proverbji 14:9) Is-​sens taʼ ħtija, jew rimors, hu xi ħaġa tad-​daħq għall-​iblah. Hu kisser ir-​relazzjonijiet li kellu d-​dar u kullimkien għax hu “wisq arroganti biex jirranġa” u jfittex il-​paċi. (The New English Bible) Bniedem rett hu iktar lest li jaċċetta n-​nuqqasijiet taʼ ħaddieħor. Hu lest li jitlob skuża u jirranġa meta hu nnifsu jonqos lil oħrajn. Peress li jfittex il-​paċi, hu jgawdi relazzjonijiet ferħanin u stabbli m’oħrajn.—Lhud 12:14.

Imbagħad, Salamun jiġbed l-​attenzjoni lejn fattur restrittiv fir-​relazzjonijiet bejn il-​bnedmin. Hu jgħid: “Qalb il-​bniedem tagħraf limrar tagħha, u ħadd barra minnha ma jissieħeb fil-​ferħ tagħha.” (Proverbji 14:10) Nistgħu aħna nesprimu dejjem l-​emozzjonijiet ġewwinin tagħna—sew taʼ dwejjaq u sew taʼ ferħ—maʼ ħaddieħor u naqsmu magħhom dak li nkunu qed nesperjenzaw eżatt? U jistaʼ wieħed dejjem jgħid li jifhem bis-​sħiħ kif iħossu ħaddieħor? It-​tweġiba għaż-​żewġ mistoqsijiet hija le.

Ħu bħala eżempju s-​sentimenti taʼ xi ħadd li jkun irid jagħmel suwiċidju. Taʼ spiss, min ikollu dawn is-​sentimenti ma jkunx jistaʼ jesprimihom ċar maʼ xi membru tal-​familja jew ħabib. U l-​oħrajn mhux dejjem jirrikonoxxu s-​sinjali taʼ dawn is-​sentimenti fi ħbiebhom. M’għandniex għalfejn inħossuna ħatja meta ma narawx dawn is-​sinjali u nonqsu li nagħtu l-​għajnuna. Dan il-​proverbju jgħallimna wkoll li għalkemm hu taʼ faraġ li mmorru għand ħabib li jifhimna għall-​appoġġ emozzjonali, il-​faraġ li jistgħu joffru l-​bnedmin huwa limitat. Għandna mnejn li meta niġu biex nissaportu xi diffikultajiet ikollna nistrieħu biss fuq Ġeħova.

“Ġid u Għana Jkunu f’Daru”

“Dar il-​ħżiena tiġġarraf,” jgħid is-​sultan taʼ Iżrael, “imma l-​għamara tat-​tajbin tiġi ’l quddiem.” (Proverbji 14:11) Individwu mill-​agħar jistaʼ jirnexxi f’din is-​sistema dinjija u forsi joqgħod f’dar mill-​isbaħ, imma x’se jiswielu dan meta hu nnifsu ma jibqax jeżisti iktar? (Salm 37:10) Mill-​banda l-​oħra, dar il-​ġust għandha mnejn tkun sempliċi mhux ħażin. Imma “ġid u għana jkunu f’daru,” jgħid Salm 112:3. X’inhuma dawn?

Meta l-​kliem u l-​azzjonijiet tagħna jkunu gwidati mill-​għerf, ikollna “l-​għana u l-​ġieħ” li jeżistu maʼ l-​għerf. (Proverbji 8:18) Dawn jinkludu relazzjoni paċifika m’Alla u sħabna l-​bnedmin, saħħa tajba u ferħ, u ċertu ammont taʼ stabbilità. Iva, “l-​għamara tat-​tajbin” tistaʼ tiġi ’l quddiem saħansitra issa stess.

[Stampa f’paġna 27]

Mara għarfa tibni darha

[Stampa f’paġna 28]

“Ilsien l-​għorrief idewwi”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja