Il-Ħarsa tal-Bibbja
Huwa Prattiku li Nkunu Paċifiċi?
FL-IKTAR priedka famuża tiegħu, Ġesù Kristu qal: “Henjin dawk li jġibu l-paċi.” Hu qal ukoll: “Henjin il-ġwejdin, għax għad jirtu l-art.” (Mattew 5:5, 9) Li tkun paċifiku jinvolvi iktar milli tkun fil-paċi jew li tħossok kalm. Individwu paċifiku jieħu l-inizjattiva biex ikun t’għajnuna u jippromwovi l-paċi b’mod attiv.
Huwa l-kliem taʼ Ġesù, kwotat fil-paragrafu taʼ qabel, prattiku għal żmienna? Xi wħud jaħsbu li sabiex dak li jkun jirnexxi f’din id-dinja moderna, hu għandu jġiegħel lil oħrajn iħossuhom inferjuri, ikun aggressiv, u anki vjolenti. Taħseb li huwa iktar għaqli li tirritalja billi tpatti l-aggressjoni bl-aggressjoni? Jew huwa prattiku li tkun paċifiku? Ejja nikkunsidraw għala għandna nirriflettu fuq il-kliem taʼ Ġesù: “Henjin dawk li jġibu l-paċi.”
◼ QALB KALMA “Qalb kalma hija l-ħajja tal-ġisem,” jgħid Proverbji 14:30 (NW). Ħafna rapporti mediċi jindikaw li r-rabja u l-ostilità jistgħu jikkaġunaw puplesiji u attakki tal-qalb. Reċentement, ġurnal mediku, meta kien qed jitkellem rigward nies b’mard tal-qalb, qabbel rabja bla kontroll mal-velenu. Il-ġurnal stqarr ukoll li “jekk tirrabja ħafna jistaʼ jkun li timrad ħafna.” Madankollu, dawk li jfittxu l-paċi jistgħu jiżviluppaw “qalb kalma” u jaħsdu l-benefiċċji.
Eżempju wieħed taʼ dan hu Jim, raġel taʼ 61 sena li issa huwa għalliem tal-Bibbja f’komunità fejn jitkellmu l-Vjetnamiż. Hu jispjega: “Wara sitt snin fil-militar u tliet perijodi nikkumbatti fil-gwerra fil-Vjetnam, sirt naf mill-esperjenza persunali x’inhuma tassew il-vjolenza, ir-rabja, u l-frustrazzjoni. Il-passat tiegħi nikkitni ferm tant li ma bediex iħallini norqod sew. L-istress flimkien maʼ problemi fl-istonku u n-nervi ma damux ma effettwawli saħħti.” Kif kiseb serħan? Hu jwieġeb: “Studju tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova salvali ħajti. Minħabba li tgħallimt l-iskop t’Alla għal dinja ġdida taʼ paċi u kif nistaʼ nilbes ‘il-personalità l-ġdida,’ ksibt qalb kalma. Minħabba f’hekk, is-saħħa tiegħi tjiebet ħafna.” (Efesin 4:22-24; Isaija 65:17; Mikea 4:1-4) Ħafna oħrajn ikkonkludew mill-esperjenza persunali tagħhom li jekk tiżviluppa attitudni paċifika tistaʼ ttejjeb is-saħħa emozzjonali, fiżika, u spiritwali.—Proverbji 15:13.
◼ RELAZZJONIJIET IKTAR FERĦANIN Ir-relazzjonijiet tagħna m’oħrajn se jmorru għall-aħjar meta nuru attitudni paċifika. Il-Bibbja ssemmi li “rabja u korla u twerżiq u tagħjir” għandhom ‘jitwarrbu flimkien maʼ kull ħażen.’ (Efesin 4:31) Dawk li juru mġiba aggressiva spiss jimbottaw lil oħrajn u jsibu lilhom infushom waħedhom, mingħajr ħbieb li jistgħu jistrieħu fuqhom. Proverbji 15:18 jgħid: “Min jagħdab ħafna jġib l-inkwiet, min jimxi bis-sabar isikket il-ġlied.”
Andy, anzjan Kristjan li għandu 42 sena u li joqgħod fil-belt taʼ New York, trabba f’ambjent aggressiv. Hu jispjega: “Fl-età taʼ tmien snin tefgħuni fir-ring tal-boksing u ġejt imħarreġ biex niġġieled. Ma kontx inħares lejn l-opponenti bħala li kienu nies. Minflok, kont naħseb ‘agħti jew aqlaʼ.’ Ma domtx ma involvejt ruħi fi grupp li kien involut fil-ħażen. Konna nidħlu f’ħafna ġlied fit-toroq u fi ġlied bl-għajat. Mhux l-ewwel darba li kelli l-armi tan-nar ippontati lejn rasi u ġejt mhedded bis-skieken. Ħafna mill-ħbiberiji tiegħi kienu mimlijin inkwiet u bbażati fuq il-biżaʼ.”
X’għen lil Andy ifittex il-paċi? Hu jgħid: “Ġurnata minnhom mort laqgħa f’Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, u mill-ewwel stajt inħoss lispirtu kollu mħabba fost in-nies t’hemmhekk. Minn dak iż-żmien ’l hawn, is-sħubija tiegħi maʼ dawn in-nies li jħobbu l-paċi għenitni biex niżviluppa qalb kalma, u maż-żmien għenitni nbiddel il-mod taʼ kif kont naħseb qabel. Għamilt ħafna ħbiberiji dejjiema.”
◼ TAMA GĦALL-FUTUR L-iktar raġuni importanti għala għandna nkunu paċifiċi hija sempliċement din: Dan juri unur u rispett għar-rieda tal-Ħallieq tagħna li rrivelalna hu stess. Il-Kelma t’Alla stess, il-Bibbja, tħeġġiġna: “Fittex is-sliem u imxi warajh.” (Salm 34:15 [34:14, NW]) Il-fatt li nagħrfu l-eżistenza t’Alla Ġeħova u mbagħad nitgħallmu u nobdu t-tagħlim tiegħu li jagħti l-ħajja jiftaħ il-bieb għal ħbiberija persunali miegħu. B’din ir-relazzjoni b’saħħitha, aħna niksbu “l-paċi t’Alla.” Din hija paċi li tisboq kull ħaġa oħra minkejja l-isfidi li nistgħu niffaċċjaw fil-ħajja.—Filippin 4:6, 7.
Iżjed minn hekk, meta nkunu paċifiċi aħna nuru lil Ġeħova liema tip taʼ persuni nixtiequ nkunu. Nistgħu nagħtu prova lil Alla minn issa li se nkunu fi qbil maʼ l-arranġamenti tiegħu għad-dinja l-ġdida taʼ paċi mwiegħda tiegħu. Aħna nistgħu nkunu preżenti biex narawh ineħħi l-ħżiena u, bħalma qal Ġesù, iħalli l-ġwejdin “jirtu l-art.” X’barka tkun din!—Salm 37:10, 11; Proverbji 2:20-22.
Iva, il-valur prattiku tal-kliem taʼ Ġesù, “henjin dawk li jġibu l-paċi,” jidher ċar. Aħna nistgħu nesperjenzaw qalb kalma, relazzjonijiet sinifikanti, u tama soda għall-futur. Dawn il-barkiet jistgħu jkunu tagħna meta nagħmlu l-almu tagħna biex ‘inżommu l-paċi mal-bnedmin kollha.’—Rumani 12:18.
[Stampi f’paġna 30]
“Is-saħħa tiegħi tjiebet ħafna.”—Jim
[Stampi f’paġna 30]
“Għamilt ħafna ħbiberiji dejjiema.”—Andy