LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 8/1 pp. 16-20
  • Il-Biżaʼ minn Alla—“Dixxiplina li Twassal għall-Għerf”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Biżaʼ minn Alla—“Dixxiplina li Twassal għall-Għerf”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meta l-​Ftit Ikun Aħjar
  • Meta ‘Mogħdija Hi Triq Imwittija’
  • Meta ‘Missier Jifraħ’
  • Meta Jkun Hemm ‘Twettiq’
  • Meta Jkun Hemm Ferħ fi “Tweġiba Tajba”
  • “Triq l-​Għaref Tieħdu ’l Fuq Lejn il-​Ħajja”
  • Dak li “Jferraħ il-​Qalb”
  • “Qabel il-​Glorja Hemm l-​Umiltà”
  • “Bil-Għaqal Hu Min Jaf Jilqaʼ t-Twiddib”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ikseb l-Għerf u Aċċetta d-Dixxiplina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • “Ħares lil Qalbek”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Imxi ‘fit-Triq ir-Retta’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 8/1 pp. 16-20

Il-​Biżaʼ minn Alla—“Dixxiplina li Twassal għall-​Għerf”

L-​GĦERF veru organizza festa kbira. “Bagħat il-​qaddejja jxandru l-​istedina minn fuq l-​imkejjen għolja tal-​belt: ‘Min hu ċkejken ħa jiġi għandi!’ U lil min hu bla moħħ jgħidlu: ‘Ejjew, kulu l-​ħobż tiegħi u ixorbu l-​inbid li ħejjejt għalikom. Warrbu l-​bluhat tagħkom, u tgħixu, u timxu ’l quddiem fl-​għaqal.’”​—Proverbji 9:​1-6.

Ikla mill-​mejda taʼ l-​għerf qatt ma twassal għal xi ħaġa ħażina jew taʼ wġigħ. Meta nisimgħu mill-​għerf divin li nsibu fil-​proverbji ispirati u naċċettaw id-​dixxiplina li jagħti, dan isarraf biss f’ġid. Dan jistaʼ jingħad ukoll għall-​proverbji kollhom għerf imniżżlin fi Proverbji 15:​16-​33.a Jekk nagħtu kashom, il-​pariri taʼ dawn il-​proverbji qosra jistgħu jgħinuna biex inkunu kuntenti b’dak li għandna, nagħmlu progress, u nesperjenzaw il-​ferħ fil-​ħajja. Jekk nagħmlu hekk, nistgħu wkoll niġu megħjunin biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin u nkunu nistgħu nibqgħu fit-​triq li twassal għall-​ħajja.

Meta l-​Ftit Ikun Aħjar

“Aħjar ikollok il-​ftit bil-​biżaʼ tal-​Mulej, milli jkollok teżor kbir bl-​inkwiet tiegħu,” jgħid is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem. (Proverbji 15:16) Huwa bluha li tinjora lill-​Ħallieq u tpoġġi l-​ġiri wara affarijiet materjali bħala l-​mira ewlenija fil-​ħajja. Ħajja bħal din hi mimlija stinkar li jgħejjik u ħafna ansjetà. X’ħasra tkun jekk fi xjuħitek tinduna li ħajtek kollha kienet vojta u bla skop! Żgur li ma jkunx għaqli li takkwista ħafna affarijiet materjali u jkollok ħafna “inkwiet.” Kemm hu ferm aħjar li titgħallem is-​sigriet tal-​kuntentizza u tgħix fi qbil miegħu! Il-​kuntentizza vera tinsab fil-​biżaʼ minn Ġeħova​—fir-​relazzjoni tagħna miegħu​—mhux fl-​affarijiet materjali li għandna.​—1 Timotju 6:​6-8.

Sabiex jenfasizza li relazzjoni tajba m’oħrajn hija iktar taʼ valur minn bosta affarijiet materjali, Salamun jgħid: “Aħjar platt ħaxix mogħti bl-​imħabba, minn gendus smin bil-​mibegħda miegħu.” (Proverbji 15:17) Iva, atmosfera taʼ mħabba ġo dar hija iktar mixtieqa minn abbundanza taʼ ikel rikk. F’dar b’ġenitur wieħed, ir-​riżorsi jistgħu jkunu limitati ħafna. F’xi pajjiżi, x’aktarx dak kollu li jkun jistaʼ jiġi provdut huwa ikel sempliċi. Madankollu, huwa meta jkun hemm l-​imħabba u l-​affezzjoni li l-​familja tmur l-​aħjar.

Anki f’familji fejn l-​atmosfera ġeneralment hi waħda taʼ mħabba jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet diffiċli. Membru wieħed tal-​familja jistaʼ jgħid jew jagħmel xi ħaġa li toffendi lil membru ieħor. Il-​wieħed li jkun ġie offiż kif għandu jwieġeb? Proverbji 15:18 jgħid: “Min jagħdab ħafna jġib l-​inkwiet, min jimxi bis-​sabar isikket il-​ġlied.” Tweġiba ħelwa, mhux waħda taʼ rabja, tħeġġeġ il-​kwiet u l-​paċi. Il-​parir taʼ dan il-​proverbju japplika bl-​istess mod f’oqsma oħra tal-​ħajja, inkluż fl-​attivitajiet tal-​kongregazzjoni u l-​ministeru pubbliku.

Meta ‘Mogħdija Hi Triq Imwittija’

Il-​proverbju li jmiss jenfasizza l-​kuntrast bejn xi ħadd li ma tax kas taʼ l-​għerf u dawk li taw kas. “Triq il-​għażżien qisha ħajt tax-​xewk,” jgħid is-​sultan għaref, “iżda l-​mogħdija tan-​nies retti watja.”​—Proverbji 15:​19, Karm Żammit.

Ħajt taʼ l-​għollieq huwa ostaklu kollu xewk li jniggeż. Individwu għażżien jimmaġina kull ostaklu possibbli u jużah bħala skuża biex jiġġustifika l-​fatt li ma rnexxilux jibda xi biċċa xogħol. Mill-​banda l-​oħra, l-​uħud retti ma jinkwetawx dwar ostakli li jistgħu jfixkluhom. Huma beżlin f’xogħolhom u jagħtu attenzjoni għall-​biċċa xogħol li jkunu qed jagħmlu. Għalhekk, huma jiskansaw ħafna problemi li jiġu mxebbhin max-​xewk u li jistgħu jiltaqgħu magħhom jekk ikunu traskurati. Il-​mogħdija tagħhom tkun “watja,” jiġifieri, progressiva. Huma jimxu ’l quddiem f’xogħolhom u jifirħu bil-​progress tiegħu.

Ħu, per eżempju, il-​fatt li tikseb l-​għarfien tal-​Kelma t’Alla u tagħmel progress lejn il-​maturità. Dan jirrikjedi sforz. Persuna tistaʼ faċilment iġġib skuża li għandha edukazzjoni limitata, nuqqas t’abbiltà li taqra tajjeb, jew memorja batuta biex ma tħabrikx għall-​istudju persunali tal-​Bibbja. Kemm ikun ħafna aħjar li ma nikkunsidrawx dawn l-​affarijiet bħala ostakli li jfixkluna milli niksbu l-​għarfien! Anki jekk aħna limitati fl-​abbiltajiet tagħna, nistgħu nagħmlu sforz biex intejbu l-​qari tagħna u nifhmu dak li naqraw, forsi billi nużaw dizzjunarju meta jkun hemm bżonn. Attitudni pożittiva tgħinna niksbu l-​għarfien u nagħmlu progress spiritwali.

Meta ‘Missier Jifraħ’

“Iben bil-​għaqal iferraħ ’il missieru,” jgħid is-​sultan taʼ Iżrael, “imma l-​iblah ikasbar ’l ommu.” (Proverbji 15:20) Ma jifirħux il-​ġenituri meta wliedhom jaġixxu bil-​għaqal? M’għandniex xi ngħidu, jirrikjedi taħriġ mill-​ġenituri u dixxiplina biex jinkisbu riżultati tajbin bħal dawn. (Proverbji 22:6) Iżda x’sors taʼ ferħ hu iben għaqli għall-​ġenituri tiegħu! Madankollu, il-​wieħed iblah jikkaġunalhom għali bla tmiem.

Is-sultan għaref imbagħad jgħid: “Min hu bla moħħ jifraħ bil-​bluha; min hu bil-​għaqal jimxi sewwa.” (Proverbji 15:21) Dawk bla moħħ jifirħu b’daħq fieragħ u xalar li ma jagħtux sodisfazzjon jew hena veru. Madankollu, il-​bniedem li juża d-​dixxerniment jara l-​bluha f’li wieħed isir ‘iħobb il-​pjaċiri minflok ma jħobb lil Alla.’ (2 Timotju 3:​1, 4) Qabda soda mal-​prinċipji t’Alla tgħinu jibqaʼ rett u miexi tajjeb.

Meta Jkun Hemm ‘Twettiq’

Ħajja fi qbil mal-​prinċipji divini ġġibilna benefiċċji f’aspetti oħra taʼ ħajjitna. Proverbji 15:22 (NW) jgħid: “Il-​pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali, imma jitwettqu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-​pariri.”

Diskors kunfidenzjali jfisser komunikazzjoni privata iżda bil-​miftuħ bejn l-​individwi. F’Salm 89:7 (NW), il-​kelma Ebrajka tradotta “diskors kunfidenzjali” hija mniżżla bħala “ġemgħa intima.” Dan jindika li hemm intimità fil-​komunikazzjoni. Iktar milli sempliċi konversazzjoni superfiċjali, diskors kunfidenzjali jfisser li taqsam ħsibijiet u sentimenti ġenwini. Meta l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin, kif ukoll il-​ġenituri u t-​tfal, jikkomunikaw maʼ xulxin bil-​miftuħ b’dan il-​mod, fosthom ikun hemm il-​paċi u l-​għaqda. Iżda nuqqas taʼ diskors kunfidenzjali jwassal għal frustrazzjonijiet u problemi fil-​familja.

Meta nieħdu deċiżjonijiet importanti, huwa għaqli li nimxu fuq il-​parir li “meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-​pariri,” l-​affarijiet jitwettqu. Per eżempju, meta niġu biex nagħżlu kura medika, ma jkunx għaqli li nikkonsultaw maʼ iżjed minn espert mediku wieħed, b’mod partikulari jekk hemm kwistjonijiet serji involuti?

Huwa taʼ siwi kbir li jkollna ħafna wħud li jagħtu l-​pariri meta niġu biex nieħdu ħsieb kwistjonijiet spiritwali. Meta l-​anzjani jikkonsultaw maʼ xulxin u jużaw l-​għerf tagħhom ilkoll, ikun hemm ‘twettiq.’ Iktar minn hekk, indokraturi li jkunu għadhom kemm ġew maħturin m’għandhomx jaħsbuha darbtejn biex jistaqsu għal xi parir minn xi anzjani li għandhom iżjed żmien u esperjenza, speċjalment jekk il-​kwistjoni li tkun qed tiġi trattata hija waħda diffiċli.

Meta Jkun Hemm Ferħ fi “Tweġiba Tajba”

X’ġid jistaʼ jirriżulta minn diskors imlissen bid-​dehen? “Jifraħ min jaf jagħti tweġiba tajba; kelma f’waqtha, kemm hi sabiħa!” (Proverbji 15:23) Ma nifirħux aħna meta t-​tweġiba jew il-​parir tagħna jiġi obdut u jinkisbu riżultati tajbin? Madankollu, sabiex il-​parir tagħna jkun effettiv, għandu jilħaq żewġ ħtiġijiet.

L-ewwelnett, il-​parir għandu jkun ibbażat fis-​sod fuq il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. (Salm 119:105; 2 Timotju 3:​16, 17) Imbagħad, dan għandu jingħad f’ħinu u f’waqtu. Anki kliem sinċier li jingħad fil-​ħin żbaljat jistaʼ jkun taʼ ħsara. Per eżempju, ma jkunx għaqli u lanqas t’għajnuna li toffri parir lil xi ħadd qabel ma tismaʼ dak kollu li għandu x’jgħid. Kemm hu vitali li aħna nkunu ‘ħfief biex nisimgħu, tqal biex nitkellmu’!​—Ġakbu 1:​19.

“Triq l-​Għaref Tieħdu ’l Fuq Lejn il-​Ħajja”

Proverbji 15:24 jgħid: “Triq l-​għaref tieħdu ’l fuq lejn il-​ħajja, u tbiegħdu mill-​mewt taʼ taħt l-​art.” Individwu li jaġixxi bid-​dehen qiegħed fit-​triq li twassal ’il bogħod minn Xeol, il-​qabar komuni taʼ l-​umanità. Hu joqgħod ’il bogħod minn prattiki li huma taʼ ħsara bħas-​sess maʼ nies differenti, l-​abbuż tad-​drogi, u s-​sokor​—u b’hekk jevita l-​mewt qabel il-​waqt. It-​triq tiegħu twassal għall-​ħajja.

B’kuntrast, innota t-​triq taʼ dawk li m’għandhomx dehen: “Il-​Mulej iġarraf dar il-​kburin, imma jżomm sħaħ ħitan l-​armla. Il-​Mulej jistkerrah ħsibijiet il-​ħżiena, imma jitgħaxxaq bi kliem it-​tajbin. Ir-​rgħib għall-​qligħ inkwiet f’daru jġib, imma min jobgħod it-​tixħim jgħix aħjar.”​—Proverbji 15:​25-​27.

Biex jurina kif nevitaw nassa komuni, is-​sultan taʼ Iżrael jgħid: “Moħħ il-​ġust jaħsibha qabel iwieġeb, imma lsien il-​ħżiena jinfexx fil-​ħażen.” (Proverbji 15:28) Kemm hu taʼ valur il-​parir taʼ dan il-​proverbju! Tweġibiet bla għaqal u mingħajr ħsieb, rari jwasslu għal xi ħaġa taʼ ġid. Meta nikkunsidraw diversi fatturi li jistgħu jkunu rilevanti għal xi kwistjoni, inkluż iċ-​ċirkustanzi u s-​sentimenti t’oħrajn, hemm inqas ċans li ngħidu xi ħaġa li wara jiddispjaċina li nkunu għednieha.

Allura x’inhu l-​benefiċċju taʼ li jkollok il-​biżaʼ minn Alla u taċċetta d-​dixxiplina tiegħu? Ir-​raġel għaqli jwieġeb: “Il-​Mulej jitbiegħed mill-​ħżiena, imma jismaʼ talb il-​ġusti.” (Proverbji 15:29) L-​Alla l-​veru m’huwiex qrib taʼ nies mill-​agħar. Il-​Bibbja tgħid: “Min isodd widnejh biex ma jismax il-​Liġi, Alla wkoll jistmell it-​talb tiegħu.” (Proverbji 28:9) Dawk li għandhom il-​biżaʼ minn Alla u jistinkaw biex jagħmlu dak li hu tajjeb f’għajnejh, jistgħu jersqu qrib tiegħu bil-​libertà, fiduċjużi għall-​aħħar li hu se jismagħhom.

Dak li “Jferraħ il-​Qalb”

Billi jagħmel paragun li jqanqal il-​ħsieb, Salamun jgħid: “Wiċċ imdawwal iferraħ il-​qalb, u aħbar tajba ssaħħaħ l-​għadam.” (Proverbji 15:30) L-​għadam ikun ‘imsaħħaħ’ meta jkun fih il-​mudullun. Dan jagħti s-​saħħa lill-​ġisem kollu u jferraħ il-​qalb. U l-​ferħ tal-​qalb jintwera fid-​dija taʼ l-​għajnejn. Dan huwa l-​effett t’aħbar tajba!

M’humiex ir-​rapporti taʼ żjieda fil-​qima taʼ Ġeħova madwar id-​dinja sors taʼ inkuraġġiment veru għalina? Meta nitgħallmu dwar dak kollu li qed jitwettaq fl-​ippridkar tas-​Saltna u x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli, tabilħaqq nissaħħu biex nieħdu sehem akbar fil-​ministeru. (Mattew 24:14; 28:​19, 20) L-​esperjenzi taʼ dawk li jagħmlu lil Ġeħova l-​Alla tagħhom u jibdew jipprattikaw il-​qima vera jimlewlna qlubna bil-​ferħ. La “aħbar tajba minn art imbiegħda” għandha effett daqshekk qawwi, kemm hu importanti li nkunu preċiżi u kuxjenzjużi meta nirrapportaw dak li nagħmlu fil-​ministeru!​—Proverbji 25:25.

“Qabel il-​Glorja Hemm l-​Umiltà”

Biex jenfasizza l-​valur taʼ li naċċettaw id-​dixxiplina taħt id-​diversi forom tagħha, is-​sultan għaref jgħid: “Min jilqaʼ t-​twiddib għall-​ġid, jagħmilha maʼ l-​għorrief. Min iwarrab it-​tagħlim imur kontra tiegħu nnifsu, imma min jismaʼ t-​twiddib jikseb id-​dehen.” (Proverbji 15:​31, 32) Twiddiba, jew dixxiplina, tilħaq il-​qalb taʼ individwu u taġġustaha billi tagħtih l-​għaqal. Mhux taʼ b’xejn li “bis-​saħħa tat-​twiddib” taqlaʼ ’l barra “l-​bluha b’għeruqha fil-​qalb taʼ kull tifel”! (Proverbji 22:15) Il-​wieħed li joqgħod għad-​dixxiplina jikseb l-​għaqal. Mill-​banda l-​oħra, jekk twarrab id-​dixxiplina tkun qed twarrab il-​ħajja.

Tabilħaqq, huwa taʼ benefiċċju li nilqgħu d-​dixxiplina taʼ l-​għerf u naċċettawha bl-​umiltà. Dan iwassal mhux biss għall-​kuntentizza, l-​avanz, il-​ferħ, u s-​suċċess imma anki għall-​glorja u l-​ħajja. Proverbji 15:33 (NW) jikkonkludi: “Il-​biżaʼ taʼ Ġeħova hu dixxiplina li twassal għall-​għerf, u qabel il-​glorja hemm l-​umiltà.”

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni fid-​dettall taʼ Proverbji 15:​1-​15, ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Lulju, 2006, paġni 13-​16.

[Stampa f’paġna 17]

Atmosfera taʼ mħabba f’dar hi iżjed mixtieqa minn abbundanza taʼ ikel rikk

[Stampa f’paġna 18]

Anki jekk għandna xi limitazzjonijiet, attitudni pożittiva tgħinna niksbu l-​għarfien

[Stampa f’paġna 19]

Diskors kunfidenzjali jfisser li taqsam ħsibijiet u sentimenti sinċieri

[Stampa f’paġna 20]

Taf kif “aħbar tajba ssaħħaħ l-​għadam”?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja