LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 4/1 pp. 12-17
  • Inklina Qalbek Lejn id-Dixxerniment

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Inklina Qalbek Lejn id-Dixxerniment
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Id-​Dixxerniment u Kliemna
  • Id-​Dixxerniment u L-​Kondotta Tagħna
  • Id-​Dixxerniment u L-​Ispirtu Tagħna
  • Id-​Dixxerniment u L-​Familja Tagħna
  • Id-​Dixxerniment u L-​Korsa Taʼ Ħajjitna
  • Dejjem Ħares Lejn Jehovah Għad-​Dixxerniment
  • Oktor Fid-​Dixxerniment Spiritwali
  • Tistaʼ Int Tikkultiva Iktar Dixxerniment?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Ħalli d-Dixxerniment Jissalvagwardjak
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • ‘Jehovah Jagħti l-Għerf’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Imitaw il-kuraġġ u d-dixxerniment ta’ Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 4/1 pp. 12-17

Inklina Qalbek Lejn id-​Dixxerniment

“Għax il-​Mulej jagħti l-​għerf, minn fommu ġej it-​tagħrif u d-​dehen.”—PROVERBJI 2:6.

1. Kif nistgħu ninklinaw qalbna lejn id-​dixxerniment?

JEHOVAH hu l-​Għalliem Grandjuż tagħna. (Isaija 30:20, 21) Imma x’irridu nagħmlu biex nibbenefikaw mit-​“tagħrif taʼ Alla” rrivelat fil-​Kelma tiegħu? Minn banda, irridu ‘ninklinaw qalbna lejn id-​dixxerniment’​—ikollna xewqa mill-​qalb li niksbu din il-​kwalità u nuruha. Għal dan, irridu nħarsu lejn Alla, għax l-​għaref qal: “Il-​Mulej jagħti l-​għerf, minn fommu ġej it-​tagħrif u d-​dehen [“dixxerniment,” NW].” (Proverbji 2:1-6) X’inhuma t-​tagħrif, l-​għerf, u d-​dixxerniment?

2. (a) X’inhu t-​tagħrif? (b) Kif tiddefinixxih l-​għerf? (ċ) X’inhu d-​dixxerniment?

2 It-​tagħrif huwa li tkun familjari mal-​fatti miksubin b’esperjenza, osservazzjoni, jew studju. L-​għerf huwa l-​abbiltà li tpoġġi t-​tagħrif fil-​prattika. (Mattew 11:19) Is-sultan Salamun wera l-​għerf meta żewġ nisa riedu l-​istess tarbija u uża t-​tagħrif li kellu dwar id-​devozzjoni t’omm lejn uliedha biex jissetilja t-​tilwima. (1 Slaten 3:16-28) Id-​dixxerniment huwa “preċiżjoni taʼ ġudizzju.” Huwa “l-​qawwa jew il-​fakultà tal-moħħ li biha dan jiddistingwi ħaġa minn oħra.” (Webster’s Universal Dictionary) Jekk ninklinaw qalbna lejn id-​dixxerniment, Jehovah se jagħtihulna permezz taʼ Ibnu. (2 Timotju 2:1, 7) Imma kif jistaʼ d-​dixxerniment jeffettwa diversi aspetti tal-​ħajja?

Id-​Dixxerniment u Kliemna

3. Kif tispjega Proverbji 11:12, 13 u x’ifisser li tkun “bla moħħ”?

3 Id-​dixxerniment jgħinna nirrealizzaw li hemm “żmien li tiskot, u żmien li titkellem.” (Koħèlet 3:7) Din il-​kwalità tagħmilna wkoll attenti dwar dak li ngħidu. Proverbji 11:12, 13 jistqarr: “Min hu bla moħħ imaqdar ’l għajru, min hu bil-​għaqal joqgħod kwiet. Min ilablab jikxef ħwejjeġ moħbija, imma min hu taʼ min jafdah iżomm sigriet.” Iva, mara jew raġel li jistmerr lil persuna oħra hu “bla moħħ.” Skond il-​lessikografu Wilhelm Gesenius, individwu bħal dan hu “nieqes mill-​fehma.” Dan nieqes minn ġudizzju tajjeb, u l-​użu tat-​terminu “moħħ” juri li kwalitajiet pożittivi fil-​persuna ġewwinija huma defiċjenti. Jekk wieħed li jistqarr li hu Kristjan iwassal il-​paroli tiegħu sal-​punt taʼ kalunnjar jew tgħajjir, anzjani maħturin ikollhom jaġixxu biex itemmu din is-​sitwazzjoni xejn edifikanti fil-​kongregazzjoni.—Levitiku 19:16; Salm 101:5; 1 Korintin 5:11.

4. Kristjani għaqlin u leali x’jagħmlu dwar informazzjoni kunfidenzjali?

4 Kuntrarju għal dawk “bla moħħ,” individwi “bil-​għaqal” jibqgħu siekta meta jkun xieraq li jagħmlu hekk. Ma jikxfux xi ħaġa kunfidenzjali. (Proverbji 20:19) Billi jafu li kliem mhux mgħasses jistaʼ jikkaġuna ħsara, uħud bil-​għaqal huma ‘taʼ min jafdahom.’ Huma leali lejn sħabhom fit-​twemmin u ma jikxfux affarijiet kunfidenzjali li jistgħu jipperikolawhom. Jekk Kristjani għaqlin jirċievu kwalunkwe tip taʼ informazzjoni kunfidenzjali li għandha x’taqsam mal-​kongregazzjoni, dawn iżommuha għalihom sakemm l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah tiddeċiedi li hu xieraq li tagħmilha magħrufa permezz tal-​mezzi taʼ pubblikazzjoni tagħha stess.

Id-​Dixxerniment u L-​Kondotta Tagħna

5. Il-​‘boloh’ kif iħarsu lejn kondotta laxka, u għala?

5 Il-​proverbji tal-​Bibbja jgħinuna nużaw dixxerniment u nevitaw kondotta mhix xierqa. Per eżempju, Proverbji 10:23 jgħid: “Il-​gost tiegħu l-​iblah jagħmel il-​ħażen, imma l-​hena taʼ l-​għaref li jimxi bl-​għaqal.” Dawk li għalihom il-​kondotta laxka hi ‘l-​gost tagħhom’ huma għomja rigward kemm hija ħażina l-​korsa tagħhom u ma jqisux lil Alla bħala dak li lilu kulħadd irid jagħtih kont. (Rumani 14:12) Uħud ‘boloh’ bħal dawn isiru perverti fir-​raġunar tagħhom sal-​punt li jassumu li Alla ma jarax il-​ħażen tagħhom. Bl-​azzjonijiet tagħhom, ikunu fil-​fatt jgħidu: “M’hemmx Alla!” (Salm 14:1-3; Isaija 29:15, 16) Billi m’humiex iggwidati minn prinċipji divini, jonqoshom id-​dixxerniment u ma jistgħux jiġġudikaw l-​affarijiet b’mod korrett.—Proverbji 28:5.

6. Il-​kondotta laxka għala hija bluha, u kif se nħarsu lejha jekk għandna d-​dixxerniment?

6 “L-​għaref” jirrealizza li kondotta laxka m’hijiex xi “gost,” xi logħba. Jaf li din ma togħġobx ’l Alla u tistaʼ teqred ir-​relazzjoni tagħna miegħu. Kondotta bħal din hija bluha għaliex lin-​nies tisirqilhom ir-​rispett lejhom infushom, tirrovina ż-​żwiġijiet, tagħmel ħsara kemm lill-​moħħ u kemm lill-​ġisem, u twassal għal telfien taʼ spiritwalità. Ejjew għalhekk ninklinaw qalbna lejn id-​dixxerniment u nevitaw kondotta laxka jew immoralità taʼ kull xorta.—Proverbji 5:1-23.

Id-​Dixxerniment u L-​Ispirtu Tagħna

7. Liema huma xi effetti fiżiċi tar-​rabja?

7 Li ninklinaw qalbna lejn id-​dixxerniment jgħinna wkoll biex nikkontrollaw l-​ispirtu tagħna. “Min għandu s-​sabar jimxi b’għaqal kbir,” jgħid Proverbji 14:29, “min jisbel malajr bluhat kbar jagħmel.” Raġuni waħda għala bniedem għaqli jistinka biex jevita rabja mhix ikkontrollata hija għaliex din għandha effett ħażin fuqna fiżikament. Din tistaʼ ttellaʼ l-​pressjoni tad-​demm u tikkaġuna problemi respiratorji. It-​tobba rreferew għar-​rabja u l-​korla bħala emozzjonijiet li jiggravaw jew jikkaġunaw mard bħalma huma l-​ażżma, il-​mard fil-​ġilda, il-​problemi diġestivi, u l-​ulċeri.

8. In-​nuqqas taʼ paċenzja għal liema ħaġa jistaʼ jwassal, imma d-​dixxerniment kif jistaʼ jgħinna f’dan ir-​rigward?

8 M’huwiex sempliċement biex nevitaw li nagħmlu ħsara lil saħħitna li għandna nużaw id-​dixxerniment u ‘jkollna s-​sabar.’ In-​nuqqas taʼ paċenzja jistaʼ jwassal għal azzjonijiet boloh li se jiddispjaċina minnhom. Id-​dixxerniment iġagħalna nikkunsidraw x’jistaʼ jirriżulta minn kliem bla kontroll jew kondotta bla ħsieb u b’hekk iżommna milli ‘nagħmlu bluhat kbar’ minħabba li nagħmlu xi ħaġa mhix għaqlija. Id-​dixxerniment jgħinna nirrealizzaw speċjalment li l-​korla tistaʼ tħawdilna l-​proċessi tal-​ħsieb, u b’hekk ma naqtgħux ġudizzju tajjeb. Dan ifixkel l-​abbiltà tagħna li nagħmlu r-​rieda divina u ngħixu fi qbil mal-​prinċipji taʼ tjieba t’Alla. Iva, li nċedu għal rabja bla kontroll huwa taʼ ħsara spiritwalment. Fil-​fatt, il-​“korla” hija kklassifikata fost “l-​għemejjel [mistmerra] tal-​ġisem” li jżommuna milli nirtu s-​Saltna t’Alla. (Galatin 5:19-21) Bħala Kristjani għaqlin, mela, ejjew inkunu ‘ħfief biex nisimgħu, tqal biex nitkellmu, tqal biex ninkorlaw.’—Ġakbu 1:19.

9. Id-​dixxerniment u l-​imħabba taʼ l-​aħwa kif jistgħu jgħinuna biex insewwu xi differenzi?

9 Jekk insiru rrabjati, id-​dixxerniment għandu mnejn jindika li għandna nżommu s-​skiet sabiex nevitaw taqbida. Proverbji 17:27 jgħid: “Min għandu l-​għerf kliemu meqjus, min għandu l-​għaqal moħħu kalm.” Id-​dixxerniment u l-​imħabba taʼ l-​aħwa se jgħinuna biex naraw il-​bżonn li nikkontrollaw ruħna meta jkollna aptit infajru xi kliem li jweġġaʼ. Jekk diġà seħħet tfaqqigħa taʼ rabja, l-​imħabba u l-​umiltà se jqanqluna biex niskużaw ruħna u nagħmlu paċi. Imma nassumu li xi ħadd offendiena. Allura ejjew nitkellmu miegħu ras imb’ras bil-​kwiet u bl-​umiltà u bl-​objettiv ewlieni li nippromwovu l-​paċi.—Mattew 5:23, 24; 18:15-17.

Id-​Dixxerniment u L-​Familja Tagħna

10. L-​għerf u d-​dixxerniment liema rwol għandhom fil-​ħajja tal-​familja?

10 Membri tal-​familja għandhom bżonn juru għerf u dixxerniment, għax dawn il-​kwalitajiet se jibnu l-​familja. Jgħid Proverbji 24:3, 4: “Id-​dar bl-​għerf tinbena u bid-​dehen tissaħħaħ; bl-​għaqal jimtlew il-​kmamar, b’kull ġid għażiż u jogħġob.” L-​għerf u d-​dixxerniment huma bħal knaten tal-​bini mill-​aħjar għal ħajja tal-​familja taʼ suċċess. Id-​dixxerniment jgħin lil ġenituri Kristjani biex joħorġu s-​sentimenti u t-​tħassib tat-​tfal tagħhom. Persuna għaqlija kapaċi tikkomunika, tismaʼ u tikseb dehen fis-​sentimenti u l-​ħsibijiet tas-​sieħeb jew is-​sieħba.—Proverbji 20:5.

11. Mara miżżewġa għaqlija kif tistaʼ ‘tibni darha’?

11 L-​għerf u d-​dixxerniment huma bla dubju vitali għall-​ħajja tal-​familja hienja. Per eżempju, Proverbji 14:1 jgħid: “Għerf il-​mara jibnilha darha u bluhitha b’idejha ġġarrafha.” Mara miżżewġa li hi għarfa, għaqlija u sottomessa kif jixraq lejn żewġha se taħdem iebes għall-​ġid tan-​nies taʼ darha u b’hekk se tgħin biex tibni lill-​familja tagħha. Ħaġa waħda li se ‘tibnilha darha’ hi li dejjem titkellem tajjeb dwar żewġha u b’hekk tkabbar ir-​rispett t’oħrajn lejh. U mara miżżewġa li hi kapaċi, għaqlija, u li għandha biżaʼ reverenzjali minn Jehovah, tirbaħ tifħir għaliha nfisha.—Proverbji 12:4; 31:28, 30.

Id-​Dixxerniment u L-​Korsa Taʼ Ħajjitna

12. Dawk taʼ “bla moħħ” kif iqisu l-​bluha, u għala?

12 Id-​dixxerniment jgħinna nżommu korsa xierqa fl-​attivitajiet tagħna kollha. Dan hu indikat fi Proverbji 15:21, li jgħid: “Min hu bla moħħ jifraħ bil-​bluha; min hu bil-​għaqal jimxi sewwa.” Kif għandna nifhmu dan il-​proverbju? Korsa taʼ bluha, jew taʼ nuqqas t’għaqal, hi kawża taʼ ferħ għal irġiel, nisa, u żgħażagħ bla sens. Huma “bla moħħ,” neqsin minn motiv tajjeb, u tant huma bla għaqal li jifirħu bil-​bluha.

13. Salamun x’għaraf dwar id-​daħk u l-​frivolezza?

13 Salamun is-​sultan għaqli taʼ Israel tgħallem li l-​frivolezza ftit li xejn tiswa. Hu ammetta: “Għedt lili nnifsi: ‘Ejja, mela, ħa nippruvak bl-​hena u ndewwqek il-​pjaċir.’ Iżda hemm hi: frugħa mill-​ġdid. ‘Dan id-​daħk,’ għedt jien, ‘hu ġenn, u l-​pjaċir x’ġid iħalli?’” (Koħèlet 2:1, 2) Bħala raġel taʼ dixxerniment, Salamun sab li l-​briju u d-​daħk waħedhom ma jissodisfawx, għax ma jipproduċux hena veru u dejjiem. Id-​daħk jistaʼ jgħinna ninsew il-​problemi tagħna temporanjament, imma wara dawn għandhom mnejn jitfaċċaw saħansitra akbar minn qabel. Salamun setaʼ jitkellem b’mod xieraq dwar id-​daħk bħala “ġenn.” Għala? Għax daħk bla sens idallam ġudizzju tajjeb. Jistaʼ jġagħalna li ma niħdux bis-​serjetà affarijiet serji ħafna. It-​tip taʼ ferħ assoċjat mal-​kliem u l-​azzjonijiet taʼ buffu tal-​palazz ma jistax jiġi meqjus bħala li jipproduċi xi ħaġa taʼ siwi. Li nuru dixxerniment dwar it-​tifsir taʼ l-​esperiment taʼ Salamun bid-​daħk u l-​briju jgħinna nevitaw li nkunu “i[n]ħobbu aktar il-​pjaċir milli ’l Alla.”—2 Timotju 3:1, 4.

14. Il-​bniedem għaqli kif “jimxi sewwa”?

14 Kif inhu li l-​bniedem għaqli “jimxi sewwa”? Id-​dixxerniment spiritwali u l-​applikar taʼ prinċipji divini jwasslu lin-​nies lejn korsa retta u dritta. It-​traduzzjoni taʼ Byington tgħid bla tlaqliq: “Il-​bluha hi barka għal raġel bla moħħ, imma raġel intelliġenti se jmur dritt.” “Min hu bil-​għaqal” jiddritta l-​mogħdijiet għal saqajh u kapaċi jiddistingwi bejn it-​tajjeb u l-​ħażin għax japplika l-​Kelma t’Alla f’ħajtu.—Lhud 5:14; 12:12, 13.

Dejjem Ħares Lejn Jehovah Għad-​Dixxerniment

15. X’nitgħallmu minn Proverbji 2:​6-9?

15 Biex insegwu korsa retta fil-​ħajja, ilkoll kemm aħna jeħtieġ li nirrikonoxxu l-​imperfezzjoni tagħna u nħarsu lejn Jehovah għal dixxerniment spiritwali. Jgħid Proverbji 2:​6-9: “Il-​Mulej jagħti l-​għerf, minn fommu ġej it-​tagħrif u d-​dehen. Hu jaħżen l-​għajnuna għal min hu sewwa, hu tarka għal min jimxi bla ħtija; hu jħares it-​triqat tal-​ġusti, u jgħasses it-​triq tat-​twajbin tiegħu. Mbagħad int tifhem il-​ħaqq u s-​sewwa, u timxi f’kull triq li hi tajba.”—Qabbel Ġakbu 4:6.

16. Għala m’hemm ebda għerf, dixxerniment, jew parir f’oppożizzjoni lejn Jehovah?

16 Waqt li nirrikonoxxu li aħna niddependu minn Jehovah, ejjew infittxu umilment li nagħrfu r-​rieda tiegħu billi nipprofondixxu fil-​Kelma tiegħu. Hu jippossiedi għerf fis-​sens assolut, u l-​pariri tiegħu huma dejjem taʼ benefiċċju. (Isaija 40:13; Rumani 11:34) Fil-​fatt, kwalunkwe parir li jopponih huwa bla valur. Proverbji 21:30 jistqarr: “La l-​għerf, la d-​dehen u lanqas il-​fehma ma jiswew xi ħaġa quddiem il-​Mulej.” (Qabbel Proverbji 19:21.) Dixxerniment spiritwali biss, żviluppat permezz taʼ studju tal-​Kelma t’Alla bil-​għajnuna taʼ pubblikazzjonijiet ipprovduti permezz taʼ “l-​irsir leali u diskret,” se jgħinna nsegwu korsa xierqa fil-​ħajja. (Mattew 24:45-47, NW) Ejjew mela nidderieġu l-​mod taʼ ħajja tagħna fi qbil mal-​pariri taʼ Jehovah, billi nafu li, jidher kemm jidher attraenti parir kuntrarju, dan ma jreġix kontra l-​Kelma tiegħu.

17. X’jistaʼ jirriżulta jekk jingħata l-​parir żbaljat?

17 Kristjani għaqlin li jagħtu pariri jirrealizzaw li dawn għandhom ikunu bbażati b’mod sod fuq il-​Kelma t’Alla u li hemm bżonn taʼ studju tal-​Bibbja u meditazzjoni qabel ma jwieġbu xi mistoqsija. (Proverbji 15:28) Jekk mistoqsijiet dwar affarijiet serji jitwieġbu b’mod żbaljat, tistaʼ tirriżulta ħsara kbira. Għaldaqstant, anzjani Kristjani jeħtieġu dixxerniment spiritwali u għandhom jitolbu għall-​gwida taʼ Jehovah meta jipprovaw jgħinu spiritwalment lil sħabhom fit-​twemmin.

Oktor Fid-​Dixxerniment Spiritwali

18. Jekk tqum xi problema fil-​kongregazzjoni, id-​dixxerniment kif jistaʼ jgħinna nżommu l-​bilanċ spiritwali tagħna?

18 Biex nogħġbu lil Jehovah, neħtieġu “dehen f’kollox.” (2 Timotju 2:7, Karm Żammit) Studju ħerqan tal-​Bibbja u konformar mad-​direzzjoni taʼ l-​ispirtu u taʼ l-​organizzazzjoni t’Alla se jgħinuna biex nagħrfu x’għandna nagħmlu meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet li jistgħu jwassluna f’korsa żbaljata. Per eżempju, nassumu li xi ħaġa fil-​kongregazzjoni ma tiġix trattata kif naħsbu aħna li għandha tkun. Dixxerniment spiritwali se jgħinna naraw li din m’hijiex raġuni biex ma nibqgħux nassoċjaw mal-​poplu taʼ Jehovah u li nieqfu naqdu lil Alla. Aħseb dwar il-​privileġġ tagħna li naqdu lil Jehovah, dwar il-​ħelsien spiritwali li ngawdu, dwar il-​ferħ li nistgħu niksbu mis-​servizz tagħna bħala proklamaturi tas-​Saltna. Dixxerniment spiritwali jgħinna niksbu l-​perspettiva xierqa u nirrealizzaw li aħna ddedikati lil Alla u għandna ngħożżu r-​relazzjoni tagħna miegħu, minkejja dak li jagħmlu oħrajn. Jekk m’hemm xejn li nistgħu nagħmlu teokratikament biex nittrattaw il-​problema, jeħtieġ li nistennew bil-​paċenzja biex Jehovah jirmedja s-​sitwazzjoni. Minflok ma nitilqu jew niddispraw, ejjew ‘nittamaw f’Alla.’—Salm 42:6, 12 [Salm 42:5, 11, NW].

19. (a) X’kien is-​sugu tat-​talba taʼ Pawlu għall-​Filippin? (b) Id-​dixxerniment kif jistaʼ jgħinna jekk ikun hemm xi ħaġa li ma nifhmuhiex għal kollox?

19 Dixxerniment spiritwali jgħinna nibqgħu leali lejn Alla u lejn il-​poplu tiegħu. Pawlu qal lill-​Kristjani ġewwa Filippi: “Jien dan nitlob: li l-​imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-​għerf u b’kull dehen, biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-​aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-​jum taʼ Kristu.” (Filippin 1:9, 10) Biex nirraġunaw kif jixraq, neħtieġu ‘l-​għerf u d-​dehen.’ Il-​kelma Griega hawn tradotta “dehen” tindika “fehma morali sensittiva u fil-​fond.” Meta nitgħallmu xi ħaġa, irridu nagħrfu r-​relazzjoni tagħha m’Alla u maʼ Kristu u nimmeditaw fuq kif din teżalta l-​personalità u l-​provvedimenti taʼ Jehovah. Dan isebbaħ id-​dixxerniment tagħna u l-​apprezzament tagħna għal dak li Alla Jehovah u Ġesù Kristu għamlu għalina. Jekk hemm xi ħaġa li ma nifhmuhiex għal kollox, id-​dixxerniment se jgħinna nirrealizzaw li m’għandniex nabbandunaw il-​fidi tagħna fl-​affarijiet importanti kollha li tgħallimna dwar Alla, Kristu, u l-​iskop divin.

20. Kif nistgħu noktru fid-​dixxerniment spiritwali?

20 Se noktru fid-​dixxerniment spiritwali jekk il-​ħsibijiet u l-​azzjonijiet tagħna jkunu dejjem f’armonija mal-​Kelma t’Alla. (2 Korintin 13:5) Li nagħmlu dan b’mod kostruttiv jgħinna nkunu umlin, mhux taʼ rasna u ħsiebna biex nikkritikaw lil oħrajn. Id-​dixxerniment se jgħinna nibbenefikaw mill-​korrezzjoni u nagħżlu x’inhu l-​iktar importanti. (Proverbji 3:7) B’xewqa li nogħġbu lil Jehovah, mela, ejjew infittxu li nkunu mimlijin b’għarfien eżatt tal-​Kelma tiegħu. Dan se jgħinna nagħrfu t-​tajjeb mill-​ħażin, niddeterminaw dak li hu verament importanti, u niggranfaw lealment mar-​relazzjoni prezzjuża tagħna maʼ Jehovah. Dan kollu hu possibbli jekk ninklinaw qalbna lejn id-​dixxerniment. Madankollu, xi ħaġ’oħra hija meħtieġa. Irridu nħallu d-​dixxerniment jissalvagwarjana. (w97 3/15)

X’Inhi R-​Risposta Tiegħek?

◻ Għala għandna ninklinaw qalbna lejn id-​dixxerniment?

◻ Id-​dixxerniment kif jistaʼ jeffettwa kliemna u l-​kondotta tagħna?

◻ Id-​dixxerniment x’effett jistaʼ jkollu fuq l-​ispirtu tagħna?

◻ Għala għandna dejjem inħarsu lejn Jehovah għad-​dixxerniment?

[Stampa f’paġna 13]

Id-​dixxerniment jgħinna nikkontrollaw l-​ispirtu tagħna

[Stampa f’paġna 15]

Salamun, is-​sultan taʼ dixxerniment, irrealizza li l-​frivolezza m’hijiex verament sodisfaċenti

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja