LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 1/15 pp. 23-26
  • Stinka Biex Issir Midħla taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Stinka Biex Issir Midħla taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Uri Qalb Tajba bl-​Imħabba u Fedeltà
  • Ikkultiva Fiduċja Assoluta f’Jehovah
  • Agħti lil Jehovah l-​Aħjar Tiegħek
  • Ilqaʼ d-​Dixxiplina taʼ Jehovah
  • Żomm Sod maʼ l-​Għerf u d-​Dixxerniment
  • Agħmel Dak li Hu Tajjeb
  • Nikkultivaw il-Biżaʼ t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Afda f’Jehovah!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb tal-Proverbji
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • ‘Jehovah Jagħti l-Għerf’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 1/15 pp. 23-26

Stinka Biex Issir Midħla taʼ Jehovah

“ERSQU lejn Alla, u hu jersaq lejkom,” kiteb id-​dixxiplu Ġakbu. (Ġakbu 4:8) U s-​salmista David kanta: “Midħla l-​Mulej taʼ dawk li jibżgħu minnu.” (Salm 25:14) Jidher ċar li Alla Jehovah jrid li jkollna relazzjoni intima miegħu. Madankollu, mhux bilfors li kulmin iqim lil Alla u jobdi l-​liġijiet tiegħu jħossu qrib tiegħu.

Xi ngħidu dwarek? Għandek int relazzjoni persunali mill-​qrib m’Alla? Bla dubju, int tixtieq li jkollok relazzjoni eqreb miegħu. Kif nistgħu nsiru midħla t’Alla? Dan x’ikun ifisser għalina? It-​tielet kapitlu tal-​ktieb Bibliku taʼ Proverbji jagħtina t-​tweġibiet.

Uri Qalb Tajba bl-​Imħabba u Fedeltà

Is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem jibda t-​tielet kapitlu taʼ Proverbji bil-​kliem: “Ibni, tinsiex it-​tagħlim tiegħi, iżda żomm f’qalbek il-​kmandamenti tiegħi; għax għomor twil u ħafna snin, u riżq tajjeb iġibulek.” (Proverbji 3:​1, 2) Ladarba Salamun kiteb taħt ispirazzjoni divina, dan il-​parir bħal taʼ missier ġej fil-​fatt mingħand Alla Jehovah u huwa indirizzat lilna. Hawnhekk ningħataw il-​parir biex nimxu skond it-​tfakkiriet t’Alla—il-​liġi, jew it-​tagħlim, u l-​kmandamenti tiegħu—kif imniżżlin fil-​Bibbja. Jekk nagħmlu dan, “għomor twil u ħafna snin, u riżq tajjeb” se jiżdidulna. Iva, saħansitra issa nistgħu ngawdu ħajja mimlija riżq u nistgħu nevitaw li niġru wara affarijiet li jpoġġuna fil-​periklu taʼ mewta qabel il-​waqt kif taʼ sikwit jiġri lil min jagħmel il-​ħażen. Iktar minn hekk, nistgħu nifirħu bit-​tama taʼ ħajja eterna f’dinja ġdida taʼ paċi.—Proverbji 1:​24-31; 2:​21, 22.

Salamun ikompli billi jgħid: “[“Il-​qalb tajba bl-​imħabba,” “NW”] u l-​fedeltà tħallihomx iħalluk; maʼ għonqok orbothom; iktibhom f’qalbek. Hekk issib xorti u isem tajjeb quddiem Alla u l-​bnedmin.”—Proverbji 3:​3, 4.

Il-kelma għal “qalb tajba bl-​imħabba” fil-​lingwa oriġinali tistaʼ tiġi tradotta wkoll “imħabba leali” u tinvolvi fedeltà, solidarjetà, u lealtà. Determinati aħna li nibqgħu marbutin maʼ Jehovah jiġri x’jiġri? Nuru aħna qalb tajba bl-​imħabba fir-​relazzjonijiet tagħna maʼ sħabna taʼ l-​istess twemmin? Nistinkaw aħna biex inżommu relazzjoni mill-​qrib magħhom? Fl-​affarijiet taʼ kuljum li nagħmlu magħhom, inżommu aħna ‘l-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba fuq ilsienna’ anki meta nkunu taħt l-​iktar ċirkustanzi taʼ prova?—Proverbji 31:​26, NW.

Billi huwa abbundanti fil-​qalb tajba bl-​imħabba, Jehovah hu ‘lest biex jaħfer.’ (Salm 86:​5, KŻ) Jekk indimna minn dnubietna tal-​passat u qed niddrittaw il-​mogħdijiet tagħna, nistgħu nibqgħu ċerti li se jiġu “żminijiet taʼ mistrieħ” mingħand Jehovah. (Atti 3:20 [3:​19, NW]) Għandna aħna nimitaw lil Alla tagħna billi naħfru n-​nuqqasijiet taʼ oħrajn?—Mattew 6:​14, 15.

Jehovah hu “Alla tas-​sewwa,” u hu jrid “fedeltà” minn dawk li qed ifittxu li jkunu midħla tiegħu. (Salm 31:6 [31:​5, NW]) Nistgħu aħna nistennew tassew li Jehovah jkun il-​Ħabib tagħna jekk ngħixu ħajja doppja—naġixxu mod meta nkunu maʼ Kristjani sħabna u mod ieħor meta ma jarawniex—bħal “nies giddieba” li jaħbu t-​tip taʼ persuna li huma? (Salm 26:4) Xi bluha tkun kieku nagħmlu hekk, ladarba “kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla”!—Lhud 4:13.

Il-qalb tajba bl-​imħabba u l-​fedeltà għandhom jiġu stmati bħallikieku kullana imprezzabbli ‘marbuta maʼ għonqna,’ għaliex dawn jgħinuna nsibu ‘xorti quddiem Alla u l-​bnedmin.’ Dawn il-​kwalitajiet ma rridux nuruhom minn barra biss imma rridu wkoll innaqqxuhom ‘f’qalbna,’ billi nagħmluhom parti minsuġa fil-​personalità tagħna.

Ikkultiva Fiduċja Assoluta f’Jehovah

Is-​sultan għaref ikompli: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”—Proverbji 3:​5, 6.

Jehovah żgur li jixraqlu l-​fiduċja sħiħa tagħna. Bħala l-​Ħallieq, hu “vigoruż fil-​qawwa” u hu s-​Sors taʼ l-​“enerġija dinamika.” (Isaija 40:​26, 29, NW) Hu kapaċi jwettaq l-​iskopijiet kollha tiegħu. Fil-​fatt, ismu stess ifisser letteralment “Hu Jikkaġuna li Jsir,” u dan jgħinna nibnu l-​fiduċja tagħna fl-​abbiltà tiegħu li jwettaq dak li wiegħed! Il-​fatt li “Alla ma jigdibx” jagħmlu l-​iktar mudell ideali taʼ verità. (Lhud 6:18) L-​iktar kwalità dominanti tiegħu hija l-​imħabba. (1 Ġwann 4:8) Hu “ġust . . . fl-​imġiba tiegħu kollha, twajjeb [“leali,” NW] f’dak kollu li għamel.” (Salm 145:17) Jekk ma nistgħux nafdaw lil Alla, lil min nistgħu nafdaw? M’għandniex xi ngħidu, biex nikkultivaw fiduċja fih, għandna bżonn li ‘nipprovaw u naraw kemm hu tajjeb il-​Mulej’ billi napplikaw dak li nitgħallmu mill-​Bibbja fil-​ħajja persunali tagħna u billi nirriflettu fuq it-​tajjeb li joħroġ minn dan.—Salm 34:9 [34:​8, NW].

Kif nistgħu ‘naħsbu fih f’kull ma nagħmlu’? Is-​salmista ispirat jgħid: “Naħseb f’kull ma int għamilt; nixtarr l-​għemejjel kbar tiegħek.” (Salm 77:13 [77:​12, NW]) Ladarba Alla hu inviżibbli, huwa vitali li nimmeditaw fuq ix-​xogħlijiet taʼ l-​għaġeb tiegħu u kif hu aġixxa mal-​poplu tiegħu jekk irridu nsiru midħla tiegħu.

It-talb huwa mod importanti ieħor kif naħsbu f’Jehovah. Is-​Sultan David baqaʼ jsejjaħ lil Jehovah l-​“ħin kollu.” (Salm 86:3) David taʼ spiss talab matul il-​lejl, bħal meta kien maħrub fid-​deżert. (Salm 63:​6, 7) “Itolbu dejjem fl-​Ispirtu,” ħeġġeġ l-​appostlu Pawlu. (Efesin 6:18) Kemm-il darba nitolbu? Nieħdu pjaċir aħna b’komunikazzjoni persunali m’Alla li tkun ġejja mill-​qalb? Meta nħabbtu wiċċna maʼ sitwazzjonijiet taʼ prova, nissupplikaw aħna għall-​għajnuna tiegħu? Infittxuha l-​gwida tiegħu permezz tat-​talb qabel ma nieħdu xi deċiżjonijiet importanti? It-​talb sinċier tagħna se jagħmilna għeżież għal Jehovah. U għandna l-​assiguranza li hu se jismaʼ t-​talb tagħna u ‘jwittilna triqatna.’

Xi bluha tkun jekk ‘nafdaw fl-​għaqal tagħna’ jew f’dak taʼ persuni prominenti fid-​dinja meta nistgħu npoġġu l-​fiduċja kollha tagħna f’Jehovah! “Toqgħodx taħseb kemm inti għaref,” jgħid Salamun. Għall-​kuntrarju, hu jwissi: “Imma ibżaʼ mill-​Mulej u warrab mill-​ħażen. Ħa jkun dan is-​saħħa taʼ ġismek, u d-​duwa għal għadmek.” (Proverbji 3:​7, 8) L-​azzjonijiet, il-​ħsibijiet, u l-​emozzjonijiet kollha tagħna għandhom ikunu kontrollati minn biżaʼ bnin li noffendu lil Alla. Biżaʼ riverenzjali bħal dan jiskansana milli nagħmlu dak li hu ħażin kif ukoll ifejjaqna u jserraħna spiritwalment.

Agħti lil Jehovah l-​Aħjar Tiegħek

Liema ħaġa oħra tistaʼ tgħinna jkollna relazzjoni mill-​qrib m’Alla? “Weġġaħ lill-​Mulej b’ġidek, u bl-​ewwel dħul tal-​qligħ tiegħek,” jgħallem is-​sultan. (Proverbji 3:9) Li nonoraw lil Jehovah jfisser li jkollna rispett kbir lejh u li neżaltawh pubblikament billi nieħdu sehem fil-​proklamazzjoni pubblika taʼ ismu u nappoġġawha. Illum, l-​affarijiet prezzjużi, jew ġid, li bihom nistgħu nonoraw lil Jehovah huma l-​ħin tagħna, it-​talenti tagħna, is-​saħħa tagħna, u l-​ġid materjali tagħna. Dawn għandhom ikunu l-​ewwel dħul—l-​aħjarnett tagħna. M’għandux il-​mod kif aħna nużaw ir-​riżorsi persunali tagħna jirrifletti r-​riżoluzzjoni tagħna biex nibqgħu ‘nfittxu l-​ewwel is-​Saltna u . . . [“t-​tjieba,” NW] taʼ Alla’?—Mattew 6:33.

Il-fatt li nonoraw lil Jehovah bl-​affarijiet prezzjużi tagħna mhux se jibqaʼ għaddej mingħajr ma jiġi premjat. “U jimtlew bil-​qamħ l-​imħażen tiegħek,” jassigurana Salamun, “u l-​imgħasar bl-​inbid ifuru.” (Proverbji 3:10) Għalkemm il-​prosperità spiritwali minnha nfisha ma twassalx għal prosperità materjali, li nużaw ir-​riżorsi tagħna b’mod ġeneruż biex nonoraw lil Jehovah jġibilna barkiet kbar. Għal Ġesù, li jagħmel ir-​rieda taʼ missieru kien “ikel” li jsostnih. (Ġwann 4:34) Bl-​istess mod, li nieħdu sehem fix-​xogħol li jigglorifika lil Alla—l-​ippridkar u li nagħmlu dixxipli—isostnina. Jekk nippersistu f’dan ix-​xogħol, l-​imħażen spiritwali tagħna se jkunu mimlijin sax-​xifer. Il-​ferħ tagħna—simbolizzat bl-​inbid ġdid—se jfur.

Mhux lejn Jehovah nduru u mhux lilu nitolbu biex ikollna wkoll biżżejjed ikel materjali kull ġurnata? (Mattew 6:11) Kull m’għandna, fil-​fatt, ġej mingħand Missierna tas-​sema li hu mimli mħabba. Jehovah se jferraʼ iktar barkiet fuqna dment li aħna nużaw il-​ġid tagħna biex infaħħruh.—1 Korintin 4:7.

Ilqaʼ d-​Dixxiplina taʼ Jehovah

Billi jinnota l-​importanza tad-​dixxiplina f’li nsiru midħla taʼ Jehovah, is-​sultan taʼ Iżrael jagħtina l-​parir: “Ibni, tistmerrx it-​tagħlim tal-​Mulej, u tiddejjaqx bit-​twiddib tiegħu, għax il-​Mulej iwiddeb lil min iħobb, u jgħakkes ’l ibnu l-​maħbub.”—Proverbji 3:​11, 12. 

Madankollu, m’huwiex dejjem faċli għalina li naċċettaw id-​dixxiplina. “Tassew li bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna,” kiteb l-​appostlu Pawlu, “iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-​frott taʼ ħajja mimlija bis-​sliem u l-​ġustizzja.” (Lhud 12:11) It-​twiddib u d-​dixxiplina huma parti neċessarja mit-​taħriġ li jqarrabna iżjed lejn Alla. Il-​korrezzjoni mingħand Jehovah—sew jekk nirċivuha mingħand il-​ġenituri, permezz tal-​kongregazzjoni Kristjana, jew billi nimmeditaw fuq l-​Iskrittura waqt l-​istudju persunali tagħna—hija espressjoni taʼ l-​imħabba t’Alla għalina. Inkunu għaqlin jekk nilqgħuha.

Żomm Sod maʼ l-​Għerf u d-​Dixxerniment

Imbagħad, Salamun jenfasizza l-​importanza taʼ l-​għerf u d-​dixxerniment biex nikkultivaw relazzjoni mill-​qrib m’Alla. Hu jiddikjara: “Hieni min isib l-​għerf, u l-​bniedem li jikseb id-​dehen, għax qligħ l-​għerf jiswa aktar mill-​fidda, u l-​ġid li jġibu hu, aħjar mid-​deheb. . . . Hu siġra tal-​ħajja għal min iħaddnu; hieni hu min iżomm sħiħ miegħu.”—Proverbji 3:​13-18.

Biex ifakkarna fl-​għerf u fid-​dixxerniment li naraw fil-​ħolqien meraviljuż taʼ Jehovah, is-​sultan jgħid: “Bl-​għerf il-​Mulej waqqaf l-​art; bid-​dehen saħħaħ is-​smewwiet . . . Ibni, żomm l-​għaqal u l-​qjies, twarrabhomx minn quddiem għajnejk; huma jkunu l-​ħajja taʼ ruħek, u t-​tiżjin taʼ għonqok.”—Proverbji 3:​19-22.

L-għerf u d-​dixxerniment huma kwalitajiet li ġejjin minn Alla. Aħna mhux biss irridu nikkultivawhom imma rridu nżommu sod magħhom billi qatt ma nittraskuraw l-​istudju diliġenti tagħna taʼ l-​Iskrittura u l-​applikar taʼ dak li nitgħallmu. “Mbagħad timxi bla biżaʼ fi triqtek,” ikompli Salamun, “u ma jogħtrux riġlejk.” Hu jkompli: “Jekk tmur torqod, ma jkollokx għax tibżaʼ; xħin timtedd, jiġik ħelu l-​irqad.”—Proverbji 3:​23, 24. 

Iva, aħna nistgħu nimxu bla biżaʼ u norqdu b’moħħna mistrieħ waqt li nistennew dak il-​jum, li qiegħed joqrob bħal ħalliel, meta tiġi “għal għarrieda l-​qerda” fuq id-​dinja mill-​agħar taʼ Satana. (1 Tessalonikin 5:​2, 3; 1 Ġwann 5:19) Saħansitra matul it-​tribulazzjoni l-​kbira li qegħda fuq l-​għatba, jistaʼ jkollna din l-​assiguranza: “La tibżax minn qtajja għal għarrieda, u lanqas mill-​ħsara tal-​ħżiena, meta tasal. Għax ikun maʼ ġenbek il-​Mulej, u riġlek iħarislek li ma jinqabadx.”—Proverbji 3:​25, 26, KŻ; Mattew 24:21.

Agħmel Dak li Hu Tajjeb

“Min ħaqqu l-​ġid tiċħadhulux,” iwissi Salamun, “meta dan tistaʼ tagħmlu.” (Proverbji 3:27) Li nagħmlu t-​tajjeb lil oħrajn jinvolvi li nużaw ir-​riżorsi tagħna biex ngħinuhom, u dan jistaʼ jsir b’diversi modi. Imma x’nistgħu nagħmlu aħjar biex ngħinu lil oħrajn jekk mhux li ngħinuhom jiksbu relazzjoni mill-​qrib mal-​veru Alla f’dan iż-​“żmien taʼ l-​aħħar”? (Danjel 12:4) Dan, mela, huwa ż-​żmien biex nuru żelu fl-​ippridkar tas-​Saltna u fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli.—Mattew 28:​19, 20.

Is-sultan għaref jagħmel ukoll lista taʼ xi prattiċi li rridu nevitaw, billi jgħid: “Tgħidx lil għajrek: ‘Mur, u erġaʼ ejja; nagħtik għada,’ meta għandek mnejn tagħtih. Tfassalx il-​ħsara kontra għajrek, hu u jserraħ bit-​tama fik. Titlewwimx maʼ ħaddieħor għal xejn b’xejn, jekk ma għamillek l-​ebda deni. Tgħirx għall-​bniedem vjolenti, u titħajjarx timxi fuq xi mġiba tiegħu.”—Proverbji 3:​28-31.

Billi jiġbor fil-​qosor ir-​raġuni għall-​parir tiegħu, Salamun jgħid: “Għax min jimxi bl-​imgħawweġ jistkerrhu l-​Mulej, imma f’idejh huma dawk li jimxu bis-​sewwa. Is-​saħta tal-​Mulej f’dar il-​ħżiena, imma hu jbierek djar it-​tajbin. Min iżeblaħ lill-​oħrajn jistmellu l-​Mulej, imma lit-​twajbin jagħtihom il-​grazzja. L-​għorrief jirtu l-​ġieħ, imma l-​boloh jiksbu l-​għajb.”—Proverbji 3:​32-35.

Jekk irridu nsiru midħla taʼ Jehovah, ma rridux infasslu pjanijiet diżonesti jew li jagħmlu l-​ħsara. (Proverbji 6:​16-19) Biss jekk nagħmlu dak li hu sewwa f’għajnejn Alla se jkollna l-​favur u l-​barka tiegħu. Nistgħu nirċievu wkoll unur mhux mitlub meta oħrajn josservaw li aħna naġixxu fi qbil maʼ l-​għerf divin. Għalhekk, ejja niċħdu l-​modi diżonesti taʼ din id-​dinja mill-​agħar u vjolenti. Tabilħaqq, ejja nfittxu li nkunu retti u li nsiru midħla taʼ Jehovah!

[Stampi f’paġna 25]

“Weġġaħ lill-​Mulej b’ġidek”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja