Afda f’Jehovah!
“Afda f’Jehovah b’Qalbek Kollha.”—PROVERBJI 3:5.
1. Proverbji 3:5 kif impressjona lil wieħed żagħżugħ, u b’liema riżultat dejjiemi?
MISSJUNARJU li ilu jaqdi għal ħafna snin jikteb: “‘AFDA FIL-MULEJ BIL-QALB MINN TIEGĦEK KOLLHA; U LA TISTRIEĦX FUQ IL-FEHMA MINN TIEGĦEK STESS.’ Dawk il-kelmiet mill-Bibbja, ġo inkwatru u mdendlin maʼ ħajt f’dar li kont qed inżur, ġibduli l-attenzjoni. Għall-kumplament taʼ dik il-ġurnata jien qgħadt naħseb dwarhom. Nistaʼ jien, staqsejt lili nnifsi, nafda f’Alla b’qalbi kollha?” Dan l-individwu dak iż-żmien kellu 21 sena. Billi għandu 90 sena u għadu jaqdi fedelment bħala anzjan f’Perth, fl-Awstralja, hu jistaʼ jħares lura lejn ħajja mogħnija bil-frott taʼ fiduċja b’qalb sħiħa f’Jehovah, inklużi 26 sena rigorużi taʼ xogħol taʼ pijunier f’oqsma ġodda missjunarji fis-Ceylon (issa Sri Lanka), fil-Burma (issa Myanmar), fil-Malaya, fit-Tajlandja, fl-Indja, u fil-Pakistan.a
2. Proverbji 3:5 liema fiduċja għandu jibni fina?
2 “Afda f’Jehovah b’qalbek kollha”—dawk il-kelmiet taʼ Proverbji 3:5, kif jinqraw fin-New World Translation, għandhom iqanqluna lkoll biex inkomlu niddedikaw il-ħajjiet tagħna b’qalb sħiħa lil Jehovah, fiduċjużi li hu jistaʼ jsaħħaħ il-fidi tagħna, saħansitra sal-punt li negħlbu ostakli bħal muntanji. (Mattew 17:20) Ejjew issa neżaminaw Proverbji 3:5 fil-kuntest tiegħu.
Struzzjoni Taʼ Missier
3. (a) Liema inkuraġġiment jistaʼ jinstab fl-ewwel disaʼ kapitli taʼ Proverbji? (b) Għala għandna nagħtu attenzjoni mill-qrib lejn Proverbji 3:1, 2?
3 L-ewwel disaʼ kapitli tal-ktieb Bibliku taʼ Proverbji jiddu bi struzzjoni taʼ missier, pariri għaqlin mingħand Jehovah għal dawk kollha li jħarsu ’l quddiem lejn li jgawdu stat taʼ iben fis-smewwiet jew “[i]l-libertà glorjuża tat-tfal t’Alla” f’ġenna taʼ l-art. (Rumani 8:18-21, 23) Hawn insibu pariri għaqlin li jistgħu jintużaw minn ġenituri fit-trobbija taʼ wlied subien u bniet. Notevoli huma l-pariri taʼ Proverbji kapitlu 3, li jibdew bit-twissija: “Ibni, il-liġi tiegħi tinsihiex, u l-kmandamenti tiegħi jalla qalbek tosserva.” Hekk kif l-aħħar jiem tad-dinja mill-agħar taʼ Satana jimxu ’l quddiem lejn il-final tagħhom, jalla nagħtu iżjed attenzjoni mill-qrib lejn it-tfakkiriet taʼ Jehovah. Il-mogħdija setgħet dehret twila, imma l-wegħda lil dawk kollha li jissaportu hi li “tul taʼ jiem u snin taʼ ħajja u paċi se jiżdidulek”—ħajja eterna fis-sistema ġdida taʼ Jehovah.—Proverbji 3:1, 2.
4, 5. (a) Liema relazzjoni hienja hi deskritta fi Ġwann 5:19, 20? (b) Il-pariri f’Dewteronomju 11:18-21 kif għadhom japplikaw sa żmienna?
4 Relazzjoni hienja bejn missier u iben tistaʼ tkun l-iktar prezzjuża. Il-Ħallieq tagħna, Alla Jehovah, ħa ħsieb biex tkun hekk. Kristu Ġesù qal dwar ir-relazzjoni intima tiegħu stess maʼ Jehovah: “L-Iben ma jistaʼ jagħmel lanqas ħaġa waħda minn rajh, imma dak biss li hu jilmaħ lill-Missier jagħmel. Għax huma x’inhuma l-affarijiet li jagħmel Dak, dawn l-affarijiet l-Iben ukoll jagħmel bl-istess manjiera. Għax il-Missier għandu affezzjoni lejn l-Iben u jurih l-affarijiet kollha li hu nnifsu jagħmel.” (Ġwann 5:19, 20) Jehovah kellu l-iskop li intimità simili kellha teżisti bejnu u l-familja kollha tiegħu fuq l-art, kif ukoll bejn missirijiet umani u t-tfal tagħhom.
5 Relazzjoni taʼ fiduċja fil-familja kienet inkuraġġita f’Iżrael tal-qedem. Jehovah ta parir lil missirijiet hemmhekk: “Tridu tapplikaw dawn il-kelmiet tiegħi għal qalbkom u ruħkom u torbtuhom bħala sinjal fuq idkom, u jridu jservu bħala qafla bejn għajnejkom. Tridu wkoll tgħallmuhom lil uliedkom, sabiex titkellem dwarhom meta toqgħod bil-qiegħda f’darek u meta timxi fit-triq u meta timtedd u meta tqum. U trid tiktibhom fuq il-koxox tal-bieb taʼ darek u fuq ix-xtiebi tiegħek, sabiex jiemkom u jiem uliedkom jistgħu jkunu ħafna fuq il-ħamrija li Jehovah ħalef lil missirijietkom tal-qedem li jagħti lilhom, bħall-jiem tas-smewwiet għal fuq l-art.” (Dewteronomju 11:18-21) Il-Kelma mnebbħa taʼ l-Għalliem Grandjuż tagħna, Alla Jehovah, tistaʼ tabilħaqq isservi biex tgħaqqad lilu b’mod intimu maʼ ġenituri u wliedhom, kif ukoll maʼ l-oħrajn kollha li qegħdin jaqduh fil-kongregazzjoni Kristjana.—Isaija 30:20, 21.
6. Kif nistgħu nsibu favur m’Alla u mal-bniedem?
6 Pariri għaqlin taʼ missier għall-poplu t’Alla, kbar u żgħar, jissoktaw fil-versi 3 u 4 taʼ Proverbji kapitlu 3: “Jalla l-qalb tajba bl-imħabba u dak li hu veru nfushom ma jitilqukx. Orbothom madwar gerżumtek. Iktibhom fuq it-tavla taʼ qalbek, u għalhekk sib favur u dehen tajjeb f’għajnejn Alla u l-bniedem taʼ l-art.” Alla Jehovah innifsu jispikka f’li juri qalb tajba bl-imħabba u dak li hu veru. Kif jistqarr Salm 25:10, “il-passaġġi kollha taʼ Jehovah huma qalb tajba bl-imħabba u l-ħaġa vera.” Biex nimitaw lil Jehovah, aħna għandna ngħożżu dawn il-kwalitajiet u l-qawwa protettiva tagħhom, billi nistmawhom daqs li kieku kienu kullana imprezzabbli u nnaqqxuhom b’mod li ma jitħassarx fuq qlubna. B’mod ferventi, allura, nistgħu nitolbu: “O Jehovah, . . . ħalli l-qalb tajba bl-imħabba tiegħek u l-ħaġa vera tiegħek infushom jissalvagwardjawni l-ħin kollu.”—Salm 40:11.
Fiduċja Dejjiema
7. Jehovah b’liema modi wera li hu taʼ min joqgħod fuqu?
7 Il-fiduċja hija definita mill-Webster’s Ninth New Collegiate Dictionary bħala “dipendenza assigurata fuq il-karattru, l-abbiltà, is-saħħa, jew il-verità taʼ xi ħadd jew xi ħaġa.” Il-karattru taʼ Jehovah hu ankrat fis-sod fil-qalb tajba bl-imħabba tiegħu. U jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa fl-abbiltà tiegħu li jagħmel dak li wiegħed, għax ismu stess, Jehovah, jidentifikah bħala l-Oriġinatur il-kbir taʼ skop. (Eżodu 3:14; 6:2-8) Bħala l-Ħallieq, hu l-Għajn taʼ saħħa u enerġija dinamika. (Isaija 40:26, 29) Hu l-personifikazzjoni tal-verità, għax “huwa impossibbli għal Alla li jigdeb.” (Ebrej 6:18) Għaldaqstant, niġu inkuraġġiti biex inpoġġu fiduċja sħiħa f’Jehovah, Alla tagħna, is-Sors il-kbir taʼ kull verità, li għandu l-qawwa li tistaʼ kollox biex jipproteġi lil dawk li jafdaw fih u biex iġib l-iskopijiet grandjużi kollha tiegħu għal suċċess glorjuż.—Salm 91:1, 2; Isaija 55:8-11.
8, 9. Il-fiduċja għala hi nieqsa b’mod tal-biki fid-dinja, u n-nies taʼ Jehovah kif jipprovdu kuntrast?
8 Fid-dinja degradanti taʼ madwarna, il-fiduċja sfortunatament hi nieqsa. Minflok, insibu regħba u korruzzjoni kullimkien. Il-qoxra taʼ quddiem tal-ħarġa taʼ Mejju taʼ l-1993 tar-rivista World Press Review kienet tixgħel bil-messaġġ: “THE CORRUPTION BOOM—Flus bil-Qerq fl-Ordni Ġdida tad-Dinja. L-industrija tal-korruzzjoni testendi mill-Brażil sal-Ġermanja, mill-Istati Uniti sa l-Arġentina, minn Spanja sal-Peru, mill-Italja sal-Messiku, mill-Vatikan sar-Russja.” Ibbażata kif inhi fuq il-mibgħeda, ir-regħba, u n-nuqqas taʼ fiduċja, l-hekk imsejħa ordni ġdida tad-dinja tal-bniedem mhix taħsad għajr miżerji li dejjem jiżdiedu għall-umanità.
9 F’kuntrast maʼ ġnus politiċi, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma henjin li jkunu “l-ġens li Alla tiegħu hu Jehovah.” Huma biss jistgħu bl-onestà kollha jgħidu, “F’Alla aħna nafdaw.” Kull wieħed minnhom jistaʼ jgħajjat bil-ferħ: “F’unjoni m’Alla jien se nfaħħar lill-kelma tiegħu. . . . F’Alla jien poġġejt il-fiduċja tiegħi. M’inix se nibżaʼ.”—Salm 33:12; 56:4, 11.
10. X’saħħaħ lil ħafna żgħażagħ Kristjani biex iżommu l-integrità?
10 F’art Asjatika fejn eluf taʼ Xhieda żgħażagħ sofrew swat aħrax u tfigħ fil-ħabs, fiduċja f’Jehovah għenet lill-maġġoranza l-kbira biex jissaportu. Lejl wieħed fil-ħabs, Xhud żagħżugħ li kien ġarrab torturi orribbli ħassu li ma setax jissaporti iżjed. Iżda żagħżugħ ieħor ġie ħdejh inkiss inkiss fid-dlam. Hu qal minn taħt l-ilsien: “Iċċedix; jien għamilt kompromess u ma nistax ikolli paċi tal-moħħ minn dak in-nhar ’il hawn.” L-ewwel żagħżugħ ġedded id-determinazzjoni tiegħu biex iżomm sod. Nistgħu jkollna fiduċja sħiħa f’Jehovah li hu se jgħinna negħlbu kwalunkwe u kull sforz minn Satana biex iherri l-integrità tagħna.—Ġeremija 7:3-7; 17:1-8; 38:6-13, 15-17.
11. Kif aħna stimulati biex nafdaw f’Jehovah?
11 L-ewwel kmandament jaqra f’parti: “Trid tħobb lil Jehovah Alla tiegħek b’qalbek kollha.” (Mark 12:30) Hekk kif nimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla, il-veritajiet grandjużi li qegħdin nitgħallmu jinżlu ’l isfel fil-fond f’qalbna sabiex niġu mqanqlin biex niddedikaw kulma għandna fis-servizz t’Alla tagħna taʼ l-għaġeb, il-Mulej Sovran Jehovah. Huwa b’qalb imfawra b’apprezzament lejh—għal dak kollu li għallimna, li għamel magħna, u li għad irid jagħmel għalina—li aħna niġu stimulati biex nafdaw b’mod sħiħ fis-salvazzjoni tiegħu.—Isaija 12:2.
12. Matul is-snin, ħafna Kristjani kif urew il-fiduċja tagħhom f’Jehovah?
12 Din il-fiduċja tistaʼ tiġi kkultivata matul is-snin. Xhud umli taʼ Jehovah li qeda fedelment għal iktar minn 50 sena fil-kwartieri ġenerali tal-Watch Tower Society fi Brooklyn, minn April taʼ l-1927, kiteb: “Meta spiċċa dak ix-xahar jien irċevejt għotja taʼ 5 dollari ġewwa invilops b’kartolina sabiħa li kellha fuqha t-test Bibliku fi Proverbji 3:5, 6 . . . Kien hemm kull raġuni biex nafda f’Jehovah, għax fil-kwartieri ġenerali jien malajr bdejt napprezza li Jehovah kellu ‘rsir fidil u diskret’ li fedelment kien qed jieħu ħsieb taʼ l-interessi kollha tas-Saltna hawn fuq l-art.—Mattew 24:45-47.”b Qalb dan il-Kristjan kienet mitfugħa, mhux fuq l-imħabba tal-flus, imma fuq li jikseb “teżor li qatt ma jfalli fis-smewwiet.” B’mod simili llum, l-eluf li jaqdu fid-djar taʼ Betel tal-Watch Tower Society maʼ l-art kollha jagħmlu hekk taħt speċi taʼ wegħda legali taʼ faqar. Huma jafdaw f’Jehovah biex jipprovdilhom il-bżonnijiet tagħhom taʼ kuljum.—Luqa 12:29-31, 33, 34.
Strieħ Fuq Jehovah
13, 14. (a) Fejn biss jistgħu jinstabu pariri maturi? (b) X’irid jiġi evitat sabiex nibqgħu weqfin fil-persekuzzjoni?
13 Missierna tas-sema jammonina: “Tistrieħx fuq il-fehma tiegħek stess.” (Proverbji 3:5) Uħud li jagħtu l-pariri u psikoloġi tad-dinja qatt ma jistgħu jittamaw li javviċinaw l-għerf u l-fehma li juri Jehovah. “Il-fehma tiegħu hi lil hinn mill-irrakkontar.” (Salm 147:5) Minflok ma nistrieħu fuq l-għerf taʼ rġiel prominenti tad-dinja jew fuq l-emozzjonijiet m’humiex informati tajjeb tagħna stess, ejjew inħarsu lejn Jehovah, il-Kelma tiegħu, u l-anzjani fil-kongregazzjoni Kristjana għal pariri maturi.—Salm 55:22; 1 Korintin 2:5.
14 L-għerf uman jew il-pożizzjoni prominenti m’huma se jwassluna mkien fil-jum li qed joqrob bil-għaġla taʼ prova ħarxa. (Isaija 29:14; 1 Korintin 2:14) Fil-Ġappun matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ragħaj kapaċi iżda kburi tal-poplu t’Alla għażel li jistrieħ fuq il-fehma tiegħu stess. Taħt pressjoni hu sar apostata, u l-biċċa l-kbira tal-merħla wkoll ċediet taħt il-persekuzzjoni. Oħt Ġappuniża leali, li bil-kuraġġ baqgħet ħajja wara trattament terribbli f’ċelel tal-ħabs mimlijin ħmieġ, ikkummentat: “Dawk li baqgħu leali ma kellhom ebda abbiltajiet speċjali u ma kinux jagħtu fil-għajn. Ċertament ilkoll kemm aħna rridu dejjem nafdaw f’Jehovah b’qalbna kollha.”c
15. Liema kwalità qaddisa hi essenzjali jekk irridu nogħġbu lil Jehovah?
15 Li nafdaw f’Jehovah, minflok fil-fehma tagħna stess, jinvolvi umiltà. Kemm hi importanti din il-kwalità għal dawk kollha li jridu jogħġbu lil Jehovah! Iva, saħansitra Alla tagħna, għalkemm Mulej Sovran taʼ l-univers kollu, juri umiltà fl-aġir tiegħu mal-ħolqien intelliġenti tiegħu. Għandna għalfejn inkunu grati taʼ dak. “Hu qiegħed jiddenja ruħu biex iħares lejn is-sema u l-art, jerfaʼ lill-wieħed baxx mill-istess trab.” (Salm 113:6, 7) Mill-ħniena kbira tiegħu, hu jaħfrilna d-djufijiet tagħna fuq il-bażi taʼ l-akbar għotja tiegħu lill-bnedmin, is-sagrifiċċju prezzjuż taʼ rahan taʼ Ibnu l-maħbub, Kristu Ġesù. Kemm għandna għalfejn inkunu grati taʼ din il-qalb tajba mhix mistħoqqa!
16. Aħwa rġiel kif jistgħu jistinkaw għal privileġġi fil-kongregazzjoni?
16 Ġesù nnifsu jfakkarna: “Kulmin jeżalta lilu nnifsu se jkun umiljat, u kulmin jumilja lilu nnifsu se jkun eżaltat.” (Mattew 23:12) B’umiltà, aħwa rġiel imgħammdin għandhom jistinkaw għal responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni Kristjana. Madankollu, indokraturi għandhom iqisu l-ħatra tagħhom, mhux bħala xi kariga taʼ unur, imma bħala l-opportunità biex iwettqu xogħol, b’umiltà, b’apprezzament, b’ħeġġa, kif għamel Ġesù, li qal: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa, u jien nibqaʼ naħdem.”—Ġwann 5:17; 1 Pietru 5:2, 3.
17. X’għandna lkoll napprezzaw, billi jwassalna għal liema attività?
17 Jalla dejjem b’umiltà u bit-talb napprezzaw li aħna m’aħniex għajr trab f’għajnejn Jehovah. Kemm għandna għalfejn inkunu ferħanin, allura, li “l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah hija minn żmien indefinit saħansitra sa żmien indefinit lejn dawk li qegħdin jibżgħu minnu, u t-tjieba tiegħu lil ulied l-ulied”! (Salm 103:14, 17) Ilkoll kemm aħna għalhekk għandna nkunu studenti akkaniti tal-Kelma t’Alla. Il-ħin li nqattgħu fi studju persunali u tal-familja, u fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, għandu jkun fost l-iktar sigħat prezzjużi tagħna kull ġimgħa. B’dan il-mod aħna nibnu “l-għarfien tal-Wieħed l-Iktar Qaddis.” Dak hu “dak li l-fehma hi.”—Proverbji 9:10.
“Fil-Mogħdijiet Kollha Tiegħek . . . ”
18, 19. Kif nistgħu napplikaw Proverbji 3:6 fil-ħajjiet tagħna, u b’liema riżultat?
18 Billi jidderiġina lejn Jehovah, is-Sors divin tal-fehma, Proverbji 3:6 imbagħad jistqarr: “Fil-mogħdijiet kollha tiegħek agħti kas tiegħu, u hu nnifsu se jiddritta l-passaġġi tiegħek.” Li nagħtu kas taʼ Jehovah jinvolvi li nżommu qrib tiegħu bit-talb. Inkunu fejn inkunu u fi kwalunkwe sitwazzjoni li tistaʼ tqum, aħna għandna aċċess immedjat għalih bit-talb. Hekk kif nagħmlu xogħolna taʼ kuljum, hekk kif nippreparaw għas-servizz taʼ l-għalqa, hekk kif immorru minn dar għal dar nipproklamaw is-Saltna tiegħu, it-talba kostanti tagħna tistaʼ tkun li hu jbierek l-attività tagħna. B’hekk, jistaʼ jkollna l-privileġġ inestimabbli u l-ferħ taʼ li ‘nimxu m’Alla,’ fiduċjużi li hu se ‘jiddritta l-passaġġi tagħna,’ kif hu għamel għal Enok, Noè, u għal Iżraeliti leali, bħal Ġożwè u Danjel, li lkoll kellhom il-biżaʼ t’Alla.—Ġenesi 5:22; 6:9; Dewteronomju 8:6; Ġożwè 22:5; Danjel 6:23; ara wkoll Ġakbu 4:8, 10.
19 Meta nagħmlu l-petizzjonijiet tagħna magħrufin lil Jehovah, nistgħu nkunu fiduċjużi li ‘l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb se tgħasses lil qlubna u l-qawwiet mentali tagħna permezz taʼ Kristu Ġesù.’ (Filippin 4:7) Din il-paċi t’Alla, riflessa fuq wiċċ ferrieħi, tistaʼ tirrikkmanda l-messaġġ tagħna lill-inkwilini li niltaqgħu magħhom fix-xogħol tagħna taʼ ppridkar. (Kolossin 4:5, 6) Tistaʼ wkoll tinkuraġġixxi lil dawk li forsi huma maħqurin mill-pressjonijiet jew l-inġustizzji tant komuni fid-dinja tal-lum, kif juri r-rakkont li ġej.d
20, 21. (a) Matul it-terrur Nażista, l-integrità tax-Xhieda taʼ Jehovah kif inkuraġġiet lil oħrajn? (b) Il-leħen taʼ Jehovah liema determinazzjoni għandu jqajjem fina?
20 Max Liebster, Lhudi naturali li donnu b’miraklu baqaʼ ħaj wara l-Olokawst, iddeskriva l-vjaġġ tiegħu lejn kamp tal-qerda Nażista f’dawn il-kelmiet: “Konna msakkrin ġo vaguni tal-ferrovija li ġew mibdulin f’ċelel żgħar għal żewġ persuni. Mitfugħ b’daqqa taʼ sieq f’wieħed minnhom, jien ġejt wiċċ imb’wiċċ maʼ priġunier li għajnejh kienu jirriflettu serenità. Hu kien hemm minħabba r-rispett tiegħu lejn il-liġi t’Alla, billi għażel il-ħabs u possibilment il-mewt biex ma jxerridx id-demm taʼ nies oħrajn. Hu kien wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. It-tfal tiegħu kienu ttiħdulu, u martu kienet ġiet mogħtija l-mewt. Hu kien qed jistenna l-istess ħaġa. Il-vjaġġ taʼ 14-il ġurnata ġabli tweġiba għat-talb tiegħi, għax kien matul dan l-istess vjaġġ lejn il-mewt li jien sibt it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem.”
21 Wara li nħeles mill-“għar taʼ l-iljuni” taʼ Auschwitz, kif kien laqqmu, u wara l-magħmudija tiegħu, dan il-ħu żżewweġ lil waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah li hi nfisha kienet ġiet mitfugħa l-ħabs u li missierha kien sofra fil-kamp taʼ konċentrament taʼ Dachau. Waqt li missierha kien hemm, hu samaʼ li martu u bintu ċ-ċkejkna kienu ġew arrestati. Hu ddeskriva r-reazzjoni tiegħu: “Bdejt ninkwieta ħafna. Imbagħad darba minnhom waqt li kont fil-kju biex nidħol ninħasel, smajt leħen jikkwota Proverbji 3:5, 6 . . . Beda jidwi bħal leħen nieżel mis-sema. Kien eżatt dak li kelli bżonn biex nerġaʼ nikseb il-bilanċ tiegħi.” Attwalment, il-leħen kien taʼ priġunier ieħor li kien qed jikkwota dan it-test, imma l-ġrajja tenfasizza x’qawwa tistaʼ teżerċtia fuqna l-Kelma t’Alla. (Ebrej 4:12) Jalla l-leħen taʼ Jehovah jkellimna b’mod qawwi llum permezz tal-kelmiet tat-test tagħna tas-sena 1994: “Afda f’Jehovah b’qalbek kollha”! [w93 12/15]
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Jehovah Does Not Forsake His Servants,” kif irrakkontat minn Matsue Ishii, The Watchtower, taʼ l-1 taʼ Mejju, 1988, paġni 21-5.
b Ara wkoll l-artiklu “Deliverance! Proving Ourselves Grateful,” kif irrakkontat minn Max Liebster, The Watchtower, taʼ l-1 t’Ottubru, 1978, paġni 20-4.
c Ara l-artiklu “Trusting Jehovah With All My Heart,” kif irrakkontat minn Claude S. Goodman, The Watchtower, tal-15 taʼ Diċembru, 1973, paġni 760-5.
d Ara l-artiklu “Determined to Praise Jehovah,” kif irrakkontat minn Harry Peterson, The Watchtower, tal-15 taʼ Lulju, 1968, paġni 437-40.
Fil-Qosor
◻ Liema xorta taʼ pariri huma ppreżentati fi Proverbji?
◻ Fiduċja f’Jehovah kif se tibbenefikana?
◻ X’inhu involut f’li nistrieħu fuq Jehovah?
◻ Għala għandna nagħtu kas taʼ Jehovah fil-mogħdijiet tagħna kollha?
◻ Jehovah kif jagħmel dritti l-passaġġi tagħna?
[Stampi f’paġna 14]
Il-messaġġ ferrieħi tas-Saltna jappella għal nies taʼ qalb onesta