LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 11/15 pp. 13-18
  • Ftakar fil-Ħallieq Grandjuż Tiegħek!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ftakar fil-Ħallieq Grandjuż Tiegħek!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Eżempji Eċċellenti mill-​Passat
  • Ftakar f’Jehovah Issa!
  • Effetti taʼ l-​Età Avanzata
  • Liema Futur għal Dawk li Jiftakru?
  • Uża Ħajtek bl-Aħjar Mod li Tistaʼ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Qiegħed Twettqu l-Obbligu Kollu Tiegħek Lejn Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • “Ftakar fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem żgħożitek”
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2016
  • Aqdi lil Ġeħova qabel jiġu jiem l-għali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 11/15 pp. 13-18

Ftakar fil-​Ħallieq Grandjuż Tiegħek!

“Ftakar f’min ħalqek . . . qabel ma jaslu jiem in-​niket.”—KOĦELET 12:1.

1. Iż-​żgħażagħ li huma dedikati lil Alla kif għandhom ikunu jridu jużaw iż-​żgħożija tagħhom u saħħithom?

JEHOVAH jagħti lill-​qaddejja tiegħu s-​saħħa biex jagħmlu r-​rieda tiegħu. (Isaija 40:28-31) Dan japplika għal kulħadd minkejja l-​età. Imma ż-​żgħażagħ li huma dedikati lil Alla għandhom b’mod speċjali jkunu jridu jużaw iż-​żgħożija tagħhom u saħħithom b’mod għaqli. Għalhekk, huma jdaħħlu f’qalbhom il-​parir taʼ “Koħèlet [“il-​mexxej tal-​ġemgħa,” NW]” f’Iżrael tal-​qedem, is-​Sultan Salamun. Hu ħeġġeġ: “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek qabel ma jaslu jiem in-​niket, u joqorbu s-​snin li tgħid għalihom: ‘Xejn ma jogħġbuni.’”—Koħèlet 1:1; 12:1.

2. Tfal taʼ Kristjani dedikati x’għandhom jagħmlu?

2 It-​twiddiba taʼ Salamun dwar li jiftakru fil-​Ħallieq Grandjuż fiż-​żgħożija kienet indirizzata l-​ewwel lill-​irġiel u n-​nisa żgħażagħ taʼ Iżrael. Huma twieldu f’ġens dedikat lil Jehovah. Xi ngħidu għat-​tfal taʼ Kristjani dedikati fi żmienna? Ċertament, huma għandhom iżommuh f’moħħhom lill-​Ħallieq Grandjuż tagħhom. Jekk jagħmlu dan, huma se jonorawh u dan se jkun taʼ benefiċċju għalihom.—Isaija 48: 17, 18.

Eżempji Eċċellenti mill-​Passat

3.X’eżempji ħallew Ġużeppi, Samwel, u David?

3 Ħafna żgħażagħ li jissemmew fil-​Bibbja kienu t’eżempju mill-​aqwa bħala wħud li ftakru fil-​Ħallieq Grandjuż tagħhom. Minn mindu kien ċkejken, Ġużeppi, bin Ġakobb ftakar fil-​Ħallieq tiegħu. Meta mart Putifar ittantat lil Ġużeppi biex jieħu sehem magħha fl-​immoralità sesswali, hu rrifjuta assolutament u qal: “Kif nistaʼ nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla.” (Ġenesi 39:9) Il-​Levita Samwel ftakar fil-​Ħallieq tiegħu mhux biss meta kien tifel imma tul ħajtu kollha. (1 Samwel 1:22-28; 2:18; 3:1-5) Iż-​żagħżugħ David minn Betlehem ċertament li żamm lill-​Ħallieq tiegħu f’moħħu. Il-​fiduċja tiegħu f’Alla kienet evidenti meta ffaċċja lill-​ġgant Filisti Gulija u ddikjara: “Inti ġejt lejja bix-​xabla, bil-​lanza u bil-​vleġġa; iżda jien ġejt għalik b’isem il-​Mulej taʼ l-​eżerċti, Alla taʼ l-​armata taʼ Iżrael, li int sfidajt. Illum stess il-​Mulej jagħtik f’idejja, u jien nidorbok, naqtagħlek rasek minn fuqek . . . U kulħadd isir jaf li hemm Alla f’Iżrael. U din il-​kotra tagħraf illi l-​Mulej ma jsalvax bix-​xabla jew bil-​lanza; għax il-​gwerra f’idejn il-​Mulej, u llum se jitlaqkom f’idejna.” Wara ftit Gulija kien mejjet, u l-​Filistin ħarbu.—1 Samwel 17:45-51.

4. (a) X’juri li tifla Iżraelita fil-​jasar fis-​Sirja u s-​Sultan żagħżugħ Ġosija ftakru fil-​Ħallieq Grandjuż tagħna? (b) Meta Ġesù kellu 12-il sena kif wera li hu ftakar fil-​Ħallieq tiegħu?

4 Żagħżugħa oħra li ftakret fil-​Ħallieq Grandjuż kienet tifla Iżraelita fil-​jasar. Hi tant tat xiehda mill-​aħjar lill-​mara taʼ Nagħman, il-​kap taʼ l-​armata Sirjana, li dan mar għand il-​profeta t’Alla, tfejjaq mill-​ġdiem, u sar adoratur taʼ Jehovah. (2 Slaten 5:1-19) Is-​Sultan żagħżugħ Ġosija ppromwova b’kuraġġ il-​qima pura taʼ Jehovah. (2 Slaten 22:1–23:25) Iżda l-​aqwa eżempju taʼ wieħed li ftakar fil-​Ħallieq Grandjuż tiegħu waqt li kien għadu taʼ età tenera kien Ġesù taʼ Nazaret. Ikkunsidra x’ġara meta hu kellu 12-il sena. Il-​ġenituri tiegħu ħaduh Ġerusalemm għall-​festa tal-​Qbiż. Huma u sejrin lura, indunaw li Ġesù ma kienx magħhom, u għalhekk daru lura biex ifittxuh. Fit-​tielet jum, sabuh jiddiskuti mistoqsijiet Skritturali maʼ xi għalliema fit-​tempju. Bi tweġiba għall-​ansjetà murija minn ommu, Ġesù staqsa: “Għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu taʼ Missieri?” (Luqa 2:49) Kien taʼ benefiċċju għal Ġesù li jikseb informazzjoni taʼ valur spiritwali mit-​tempju, ‘dar Missieru.’ Illum, is-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah hija post eċċellenti fejn jinkiseb għarfien eżatt dwar il-​Ħallieq Grandjuż tagħna.

Ftakar f’Jehovah Issa!

5. Fi kliemek stess, kif tesprimi dak li qal il-​mexxej tal-​ġemgħa kif insibu f’Koħèlet 12:1?

5 Dak li jadura lil Jehovah b’qalbu kollha jixtieq li jidħol fis-​servizz Tiegħu malajr kemm jistaʼ jkun u li jaqdi lil Alla għall-​bqija taʼ ħajtu. Madankollu, x’inhuma l-​prospetti taʼ persuna li taħli żgħożitha għax ma tiftakarx fil-​Ħallieq? Taħt ispirazzjoni divina l-​mexxej tal-​ġemgħa jgħid: “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek qabel ma jaslu jiem in-​niket, u joqorbu s-​snin li tgħid għalihom: ‘Xejn ma jogħġbuni.’”—Koħèlet 12:1.

6. X’evidenza hemm li x-​xwejjaħ Xmun u x-​xwejħa Anna ftakru fil-​Ħallieq Grandjuż tagħhom?

6 Ħadd ma jitgħaxxaq b’“jiem in-​niket” tax-​xjuħija. Imma n-​nies anzjani li jżommu lil Alla f’moħħhom huma henjin. Per eżempju, ix-​xwejjaħ Xmun ħa f’dirgħajh lil Ġesù tarbija fit-​tempju u bil-​ferħ iddikjara: “Issa, o Sid, tistaʼ tħalli l-​qaddej tiegħek imur fis-​sliem, skond kelmtek, għaliex għajnejja raw is-​salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-​popli kollha, dawl biex idawwal il-​ġnus, u glorja tal-​poplu tiegħek Iżrael.” (Luqa 2:25-32) Anna li kellha 84 sena wkoll ftakret fil-​Ħallieq tagħha. Kienet dejjem fit-​tempju u kienet preżenti meta ġabu hemmhekk lil Ġesù tarbija. “Dak il-​ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-​tarbija maʼ dawk kollha li kienu jistennew il-​fidwa taʼ Ġerusalemm.”—Luqa 2:36-38.

7. X’inhi s-​sitwazzjoni taʼ dawk li xjaħu fis-​servizz t’Alla?

7 Xhieda taʼ Jehovah fi żmienna li xjaħu fis-​servizz t’Alla għandhom mnejn ibatu l-​uġigħ u l-​limitazzjonijiet taʼ l-​età avanzata. Madankollu, kemm huma hienja, u aħna kemm napprezzawh is-​servizz leali tagħhom! Huma għandhom “il-​ferħ tal-​Mulej” għax huma jafu li hu ħa f’idejh il-​qawwa invinċibbli tiegħu għal fuq din l-​art u ħatar lil Ġesù Kristu bħala Sultan potenti fis-​sema. (Neħemija 8:10) Issa hu l-​waqt biex iż-​żgħażagħ u x-​xjuħ jagħtu kas taʼ din it-​twiddiba: “Iż-​żgħażagħ u x-​xbejbiet ukoll, ix-​xjuħ flimkien mat-​tfal: ħa jfaħħru isem il-​Mulej, għax ismu waħdu l-​għoli, sebħu ’l fuq mill-​art u s-​sema!”—Salm 148:12, 13.

8, 9. (a) “Jiem in-​niket” lil min ma jroddux sodisfazzjon, u dan għala hu hekk? (b) Kif tispjega Koħèlet 12:2?

8 “Jiem in-​niket” tax-​xjuħija ma jroddux sodisfazzjon—forsi huma wkoll taʼ diqa kbira—għal dawk li ma jaħsbu xejn fil-​Ħallieq Grandjuż tagħhom u li m’għandhom ebda għarfien dwar l-​iskopijiet glorjużi tiegħu. M’għandhomx fehma spiritwali li tistaʼ tpatti għall-​provi tax-​xjuħija u l-​gwajijiet li waqgħu fuq il-​bnedmin minn mindu Satana ġie mkeċċi ’l barra mis-​sema. (Apokalissi 12:7-12) Għaldaqstant, il-​mexxej tal-​ġemgħa jħeġġiġna biex niftakru fil-​Ħallieq tagħna “qabel ma jiddallmu x-​xemx u d-​dawl, u l-​qamar u l-​kwiekeb, u s-​sħab jerġaʼ jidher wara x-​xita.” (Koħèlet 12:2) X’jissinjifika dan il-​kliem?

9 Salamun ixebbah żmien iż-​żgħożija mas-​sajf fil-​Palestina meta x-​xemx, il-​qamar, u l-​kwiekeb jitfgħu d-​dawl tagħhom minn sema bla sħab. Matul dak iż-​żmien kollox jidher sabiħ ħafna. Madankollu, fix-​xjuħija, jiem il-​bniedem ikunu qishom l-​istaġun kiesaħ u bix-​xita tax-​xitwa, b’ħalba wara l-​oħra taʼ inkwiet. (Ġob 14:1) Kemm tkun ħaġa taʼ niket li tkun taf dwar il-​Ħallieq imma tonqos li taqdih fis-​sajf tal-​ħajja! Fix-​xjuħija, ix-​xitwa tal-​ħajja, l-​affarijiet jiddallmu, speċjalment għal dawk li jkunu tilfu l-​opportunità li jaqdu lil Jehovah f’żgħożithom minħabba li jkunu ġrew wara affarijiet fiergħa. Madankollu, minkejja l-​età tagħna, ejja ‘nibqgħu fidili lejn Jehovah,’ bħalma għamel fedelment Kaleb, imsieħeb leali tal-​profeta Mosè.—Ġożwè 14:6-9.

Effetti taʼ l-​Età Avanzata

10. X’inhu rappreżentat minn (a) “dawk li jgħassu d-​dar”? (b) il-​“qalbenin”?

10 Salamun imbagħad jindika d-​diffikultajiet “meta dawk li jgħassu d-​dar jibdew jitriegħdu, meta l-​qalbenin jitgħawwġu, u jieqfu dawk li jitħnu, għax jonqsu fl-​għadd, u jiddallmu dawk li jħarsu ’l barra mit-​tieqa.” (Koħèlet 12:3) Id-​“dar” tissinjifika l-​ġisem uman. (Mattew 12:43-45; 2 Korintin 5:1-8) “Dawk li jgħassu d-​dar” huma d-​dirgħajn u l-​idejn, li jipproteġu l-​ġisem u jissupplixxu l-​bżonnijiet tiegħu. Fix-​xjuħija taʼ spiss dawn jitriegħdu minħabba d-​dgħjufija, in-​nervożiżmu, jew xi puplesija. Il-​“qalbenin”—ir-​riġlejn—m’għadhomx kolonni b’saħħithom imma ddgħajfu u tgħawġu, u b’hekk sempliċement jitħarrku mkaxkrin. Madankollu, ma tifraħx int meta fil-​laqgħat Kristjani tara kredenti sħabek imdaħħlin fiż-​żmien?

11. F’sens figurattiv, min huma “dawk li jitħnu” u “dawk li jħarsu ’l barra mit-​tieqa”?

11 “Jieqfu dawk li jitħnu, għax jonqsu fl-​għadd”—imma kif? Is-​snien forsi tħassru jew inqalgħu, u jekk baqaʼ huma ftit li xejn. It-​tħin taʼ ikel solidu jsir diffiċli jew jieqaf għalkollox. “Dawk li jħarsu ’l barra mit-​tieqa”—l-​għajnejn flimkien mal-​fakultajiet mentali li bihom naraw—jitbaxxielhom id-​dawl, jekk ma jiddallmux għalkollox.

12. (a) Kif inhu li “l-​bibien jingħalqu fuq it-​triq”? (b) X’taħseb dwar proklamaturi tas-​Saltna mdaħħlin fiż-​żmien?

12 Il-​mexxej tal-​ġemgħa jissokta: “Meta l-​bibien jingħalqu fuq it-​triq, u l-​ħoss tal-​mitħna jonqos, u l-​għana taʼ l-​għasfur jintefa, u kull għana jieqaf.” (Koħèlet 12:4) Iż-​żewġ bibien tal-​ħalq—ix-​xofftejn—ma jibqgħux jinfetħu wisq, jew xejn affattu, biex jesprimu x’hemm fid-​“dar,” jew fil-​ġisem, taʼ dawk taʼ età avanzata li ma jaqdux lil Alla. Xejn ma jintbagħat ’il barra fit-​“triq” tal-​ħajja pubblika. Iżda, xi ngħidu dwar proklamaturi tas-​Saltna żelużi li huma mdaħħlin fiż-​żmien? (Ġob 41:6 [Ġob 41:14, NW]) Għandhom mnejn jimxu bil-​mod minn dar għal dar u xi wħud forsi jitkellmu b’diffikultà, imma ċertament li huma jfaħħruh lil Jah!—Salm 113:1.

13. Il-​mexxej tal-​ġemgħa kif jiddeskrivi xi problemi oħrajn taʼ nies imdaħħlin fiż-​żmien, iżda x’nistgħu ngħidu dwar Kristjani kbar fl-​età?

13 Il-​ħoss tal-​mitħna jonqos hekk kif l-​ikel jispiċċa bejn ħniek bla snien. Raġel xiħ ma jorqodx fil-​fond fuq soddtu. Saħansitra t-​tpespis t’għasfur idejqu. Ftit hu l-​kant li jkanta, u kwalunkwe melodija li jgħanni hi dgħajfa. “Kull għana”—in-​noti melodjużi—“jieqaf.” Is-​smigħ taʼ mużika u kant minn oħrajn hu batut għal min hu xiħ. Madankollu, uħud midlukin imdaħħlin fiż-​żmien u sħabhom, li xi wħud minnhom ukoll m’għadhomx daqstant żgħar, għadhom jgħollu leħinhom f’kant taʼ tifħir lil Alla fil-​laqgħat Kristjani. Kemm aħna ferħanin bihom maġenbna, ifaħħru bil-​kbir lil Jehovah fil-​kongregazzjoni!—Salm 149:1.

14. Liema biżaʼ jaħkem lix-​xjuħ?

14 Kemm jaħbtilhom ħażin lix-​xjuħ, speċjalment dawk li jkunu injoraw lill-​Ħallieq! Jgħid il-​mexxej tal-​ġemgħa: “Meta kull telgħa tbażża’, u t-​triq issir tkexkix, meta s-​siġra tal-​lewż tarmi ż-​żahar, u l-​ġrad jitqal fil-​mixi; u l-​kappara titlef gostha, għax il-​bniedem imur id-​dar tiegħu taʼ dejjem, u l-​bekkejja jiġġerrew mat-​toroq.” (Koħèlet 12:5) Fil-​quċċata taʼ taraġ għoli, ħafna huma x-​xjuħ li jibżgħu li jaqgħu. Saħansitra jekk iħarsu lejn xi ħaġa fl-​għoli jistgħu jħossuhom jistordu. Meta jkollhom joħorġu f’toroq miżgħudin bin-​nies, jitwerwru bil-​ħsieb li jistgħu jweġġgħu jew li jaħbtu għalihom xi ħallelin.

15. Kif inhu li “s-​siġra tal-​lewż tarmi ż-​żahar,” u l-​ġurad kif “jitqal fil-​mixi”?

15 Fil-​każ taʼ raġel xiħ, is-​“siġra tal-​lewż tarmi ż-​żahar,” li milli jidher jindika li xagħru jibda jibjad, imbagħad isir abjad qotna. Ix-​xagħar bajdani jaqaʼ bħaż-​żahar abjad tas-​siġra tal-​lewż. Hekk kif saqajh jitqalu biex jimxi, forsi milwi ’l quddiem b’dirgħajh imdendlin jew b’idejh fuq ġenbejh u minkbejh mgħawġin ’il fuq, hu jixbah lil ġurad. Iżda, jekk xi ħadd minna għandu xi ftit jew wisq dak l-​aspett, ħa jkunu jafu l-​oħrajn li aħna ninsabu fl-​armata taʼ ġradijiet enerġetiċi u ħfief li għandu Jehovah!—Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Mejju, 1998, paġni 8-13. 

16. (a) X’jissuġġerixxi l-​fatt li “l-​kappara titlef gostha”? (b) X’inhi ‘d-​dar taʼ dejjem’ tal-​bniedem, u liema sinjali li jindikaw li l-​mewt tkun riesqa jsiru evidenti?

16 Wieħed avanzat fl-​età ma jibqax wisq f’aptitu, saħansitra jekk l-​ikel li jitpoġġa quddiemu jkun appetituż daqs il-​kappara. Il-​kappar ilu jintuża biex jiftaħ l-​aptit. Li “l-​kappara titlef gostha” jissuġġerixxi li meta raġel xiħ jonqoslu l-​aptit, lanqas din il-​ħaxixa ma jirnexxilha tqanqallu x-​xewqa għall-​ikel. Dawn l-​affarijiet jindikaw li jkun qed joqrob lejn “id-​dar tiegħu taʼ dejjem,” il-​qabar. Dan se jkun daru għal dejjem jekk ikun naqas li jżomm lill-​Ħallieq tiegħu f’moħħu u jkun segwa korsa tant ħażina li Alla ma jiftakrux fl-​irxoxt. Sinjali li jindikaw li l-​mewt tkun riesqa huma evidenti mill-​espressjonijiet taʼ niket u l-​ilmenti li joħorġu mill-​bibien taʼ ħalq ix-​xwejjaħ.

17. Kif tinqataʼ “l-​ħajta tal-​fidda,” u x’jistaʼ jirrappreżenta “l-​musbieħ tad-​deheb”?

17 Niġu mħeġġin niftakru fil-​Ħallieq tagħna “qabel ma l-​ħajta tal-​fidda tinqataʼ, u l-​musbieħ tad-​deheb jitfarrak; qabel ma l-​ġarra fuq l-​għajn tinkiser, u t-​tarjola fuq il-​bir tinqasam.” (Koħèlet 12:6) Il-​“ħajta tal-​fidda” għandha mnejn li hi n-​nerv tas-​sinsla tad-​dahar. Il-​mewt hija ċerta meta dan il-​passaġġ minfejn jgħaddu l-​impulsi għal moħħna jiġrilu ħsara serja. Il-​“musbieħ tad-​deheb” jistaʼ jkun qed jirreferi għall-​moħħ, imħares fl-​iskutella tar-​ras, u li miegħu huwa marbut in-​nerv tas-​sinsla. Il-​moħħ, li hu prezzjuż daqs id-​deheb, jekk jieqaf jaħdem, jikkaġuna l-​mewt.

18. X’inhi “l-​ġarra fuq l-​għajn” figurattiva, u x’jiġri meta din tinkiser?

18 Il-​“ġarra fuq l-​għajn” hija l-​qalb, li tirċievi n-​nixxiegħa tad-​demm u terġaʼ tibgħatha ’l barra biex tiċċirkola mal-​ġisem. Meta mmutu, il-​qalb issir bħal ġarra miksura, imfarrka fuq l-​għajn għaliex ma tistax tirċievi, iżżomm, u tippompja iktar id-​demm vitali għan-​nutriment u l-​iffriskar tal-​ġisem. ‘It-​tarjola maqsuma taʼ fuq il-​bir’ ma tibqax taħdem, u b’hekk ittemm iċ-​ċirkulazzjoni tad-​demm li jsostni l-​ħajja. B’hekk, Jehovah rrivela ċ-​ċirkulazzjoni tad-​demm lil Salamun ħafna qabel ma William Harvey, il-​fiżiku tas-​seklu 17, wera li dan jiċċirkola.

19. Il-​kliem taʼ Koħèlet 12:7 kif japplika meta mmutu?

19 Il-​mexxej tal-​ġemgħa żied: “U t-​trab jerġaʼ jmur fl-​art mnejn ġie, u n-​nifs tal-​ħajja jitlaq lejn Alla, minn fejn ġie.” (Koħèlet 12:7) Bit-​“tarjola” maqsuma, il-​ġisem uman, magħmul oriġinalment mit-​trab taʼ l-​art, jerġaʼ lura lejn it-​trab. (Ġenesi 2:7; 3:19) Ir-​ruħ tmut għaliex l-​ispirtu, jew il-​forza tal-​ħajja, mogħti minn Alla jirritorna u jgħammar għand il-​Ħallieq tagħna.—Eżekjel 18:4, 20, KŻ; Ġakbu 2:26.

Liema Futur għal Dawk li Jiftakru?

20. Mosè xi xtaq meta talab dak li nsibu f’Salm 90:12?

20 Salamun wera b’mod effettiv ħafna kemm hu importanti li niftakru fil-​Ħallieq Grandjuż tagħna. Ċertament, ħajja komparattivament qasira u mimlija inkwiet m’hijiex l-​unika ħaġa li hemm għal dawk li jżommu lil Jehovah f’moħħhom u jagħmlu r-​rieda tiegħu b’qalbhom kollha. Kemm jekk huma żgħażagħ u kemm jekk xjuħ, huma għandhom l-​istess attitudni bħal dik taʼ Mosè, li talab: “Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-​għaqal.” Il-​profeta umli t’Alla xtaq bil-​ħeġġa kollha li Jehovah juri, jew jgħallem, lilu u lill-​poplu taʼ Iżrael kif jeżerċitaw l-​għerf biex jiżnu ‘jiem ħajjithom’ u jużawhom b’mod approvat minn Alla.—Salm 90:10, 12.

21. Jekk irridu ngħoddu l-​jiem tagħna għall-​glorja taʼ Jehovah, x’għandna nagħmlu?

21 Iż-​żgħażagħ Kristjani għandhom b’mod speċjali jkunu determinati li jagħtu kas il-​parir tal-​mexxej tal-​ġemgħa li jżommu lill-​Ħallieq f’moħħhom. X’opportunità eċċellenti għandhom dawn biex jagħtu servizz sagru lil Alla! Madankollu, minkejja l-​età tagħna, jekk nitgħallmu ngħoddu jiem ħajjitna għall-​glorja taʼ Jehovah f’dan iż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” għandu mnejn inkunu nistgħu nibqgħu ngħodduhom għal dejjem. (Danjel 12:4; Ġwann 17:3) Biex nagħmlu dan, m’għandniex xi ngħidu, irridu niftakru fil-​Ħallieq Grandjuż tagħna. Irridu nwettqu wkoll l-​obbligu kollu tagħna lejn Alla.

Kif Twieġeb Int?

◻ Iż-​żgħażagħ għala huma mħeġġin biex jiftakru fil-​Ħallieq tagħhom?

◻ Liema huma xi eżempji Skritturali taʼ nies li ftakru fil-​Ħallieq Grandjuż tagħhom?

◻ Liema huma xi effetti tax-​xjuħija deskritti minn Salamun?

◻ Liema futur hemm għal dawk li jżommu lil Jehovah f’moħħhom?

[Stampi f’paġna 15]

David, it-​tifla Iżraelita fil-​jasar, Anna, u Xmun ftakru f’Jehovah

[Stampi f’paġna 16]

Xhieda taʼ Jehovah mdaħħlin fiż-​żmien jagħtu servizz sagru bil-​ferħ lill-​Ħallieq Grandjuż tagħna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja