LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 9/1 pp. 19-24
  • Agħmel Suċċess Minn Ħajtek!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħmel Suċċess Minn Ħajtek!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Għandna Bżonn il-​Liġijiet t’Alla
  • “Ngħoddu Jiem Ħajjitna”
  • Evita li Tgħir għal Min Jagħmel il-​Ħażin
  • Oqgħod Attent maʼ Min Tagħmilha!
  • Il-​Benefiċċji tal-​Qari tal-​Bibbja
  • Li Ssegwi l-​Mod t’Alla Jwassal għas-​Suċċess
  • Żgħażagħ li Jferrħu Qalb Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Kif Jistaʼ Jkollok Suċċess
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Żgħażagħ, Qegħdin Tippreparaw għall-Futur Tagħkom?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Żgħażagħ Ferħanin fis-Servizz taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 9/1 pp. 19-24

Agħmel Suċċess Minn Ħajtek!

“Hieni l-​bniedem li ma jimxix fuq il-​parir tal-​ħżiena . . . Hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.”—SALM 1:1, 3.

1. (a) Ħafna żgħażagħ fid-​dinja kif iqisuh is-​suċċess? (b) Il-​Bibbja kif tiddeskrivih il-​bniedem li jkollu suċċess?

SUĊĊESS—xi tfisser din il-​kelma għalik? “L-​iktar mira importanti tiegħi hi li jkolli suċċess fin-​negozju,” qal wieħed żagħżugħ. Waħda żagħżugħa qalet: “L-​akbar ħolma tiegħi hi li jkolli familja ferħana.” Imma żagħżugħa oħra tgħid: “Il-​ħolma tiegħi hi li jkolli dar sabiħa u karozza sabiħa . . . Irrid nagħmel dak li jogħġobni.” Il-​problema hi li la l-​flus, la l-​familja u lanqas saħansitra xi karriera li trendi ma jfissru suċċess veru. F’Salm 1:1-3, naqraw: “Hieni l-​bniedem li ma jimxix fuq il-​parir tal-​ħżiena, . . . fil-​liġi tal-​Mulej hi l-​għaxqa tiegħu . . . Hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.”

2. Fejn jinsab is-​suċċess veru, u liema hu l-​uniku mod kif tistaʼ tiksbu?

2 Hawnhekk il-​Bibbja twiegħed xi ħaġa li l-​ebda bniedem ma jistaʼ joffri​—suċċess ġenwin! Imma m’hijiex qed titkellem dwar xi qligħ finanzjarju. Il-​Bibbja nfisha twissina: “Ir-​regħba għall-​flus hi l-​għerq taʼ kull ħażen.” (1 Timotju 6:10) Is-​suċċess veru jinsab f’li nogħġbu lil Alla​—li jinkludi li nimxu skond il-​liġi taʼ Jehovah. Dan biss jistaʼ jġib sodisfazzjon veru u ferħ ġenwin! Forsi l-​idea li nkunu taħt il-​liġi taʼ Jehovah u li jintqalilna x’għandna nagħmlu u ma nagħmlux ma tantx iddoqqilna għal widnejna. Madankollu, Ġesù qal: “Henjin huma dawk konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3, NW) Kemm jekk tirrealizza dan jew le, int ġejt maħluq bi bżonnijiet spiritwali​—inkluż bżonn fil-​fond taʼ qalbek biex issir taf lil Alla u tifhem l-​iskopijiet tiegħu. Għalhekk, tistaʼ tesperjenza l-​hena veru biss jekk tissodisfa dawk il-​bżonnijiet u ssegwi l-​“liġi tal-​Mulej.”

Għala Għandna Bżonn il-​Liġijiet t’Alla

3. Għala għandna nkunu ferħanin li nħallu lil Jehovah ‘jidderieġi l-​passi tagħna’?

3 Il-​profeta Ġeremija kiteb: “Jien naf, Mulej, triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Dan japplika għall-​bnedmin kollha, żgħar u kbar. Mhux talli m’għandniex biżżejjed għerf, esperjenza, u għarfien biex nidderieġu l-​passi tagħna stess; aħna lanqas biss għandna d-​dritt li nagħmluh dan. F’​Apokalissi 4:11, il-​Bibbja tgħidilna: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqaʼ l-​glorja u l-​ġieħ u s-​setgħa, għax int ħlaqt il-​ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-​rieda tiegħek.” Bħala l-​Ħallieq tagħna, Jehovah hu “l-​għajn tal-​ħajja.” (Salm 36:10 [Salm 36:9, NW]) Minħabba f’hekk, hu jaf iktar minn kulħadd kif għandna nużaw ħajjitna. Għalhekk għamlilna liġijiet, mhux għax ma jridniex ingawdu, imma għall-​ġid tagħna stess. (Isaija 48:17) Injora l-​liġi t’Alla, u tikkundanna lilek innifsek għall-​falliment.

4. Għala tant żgħażagħ jirrovinaw ħajjithom?

4 Per eżempju, qatt ħsibt għala tant żgħażagħ jirrovinaw ħajjithom permezz tad-​drogi, taħlit sesswali, u vizzji oħra? Salm 36:2, 3 [Salm 36:1, 2, NW] jispjega: “Il-​ħażen ifesfes lill-​ħażin f’qiegħ qalbu; m’hemmx biżaʼ taʼ Alla quddiem għajnejh. Għax hu jiddandan bil-​fehma tiegħu, li Alla ma jsibx fih ħtija x’jistmell.” Minħabba li ħafna żgħażagħ m’għandhomx “biżaʼ taʼ Alla” bnin, huma jidħqu bihom infushom u jaħsbu li mġiba riskjuża ma se jkollha ebda konsegwenzi. Iżda, eventwalment ikollhom jiffaċċjaw dan il-​prinċipju li qatt ma jinbidel: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad. Min jiżraʼ f’ġismu jaħsad mill-​ġisem it-​taħsir; min jiżraʼ fl-​ispirtu, jaħsad mill-​ispirtu l-​ħajja taʼ dejjem.”—Galatin 6:7, 8.

“Ngħoddu Jiem Ħajjitna”

5, 6. (a) Iż-​żgħażagħ għala għandhom ‘jgħoddu jiem ħajjithom,’ u dan x’ifisser? (b) X’ifisser li ‘tiftakar f’min ħalqek’?

5 Kif tistaʼ tagħmel suċċess minn ħajtek u ‘taħsad il-​ħajja taʼ dejjem’? Mosè kiteb: “Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena; l-​iżjed tmenin, jekk inkunu f’saħħitna . . . malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom.” (Salm 90:10) Int għandek mnejn li rari, jew forsi qatt, ma taħseb dwar il-​mewt. Fil-​fatt, ħafna żgħażagħ jaħsbu li l-​mewt ma kinitx tistaʼ għalihom. Imma Mosè jġibna wiċċ imbwiċċ mar-​realtà iebsa li l-​ħajja hija qasira. Lanqas biss hemm garanzija li se ngħixu sa 70 jew 80 sena. “Iż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi [‘mhux mistennija,’ NW]” jistgħu saħansitra jtemmu l-​ħajja taʼ dawk li għadhom żgħażagħ u f’saħħithom. (Koħèlet 9:11) Allura kif se tużaha l-​ħajja prezzjuża li qed tgawdi issa? Mosè talab: “Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-​għaqal.”—Salm 90:12.

6 X’ifisser li tgħodd jiem ħajtek? Ma jfissirx li għandek issir ossessjonat fuq kemm se tgħix. Mosè kien qed jitlob biex Jehovah jgħallem lill-​poplu Tiegħu kif juża l-​jiem li kien għad fadallu b’mod li jġib unur lil Jehovah. Qiegħed int tgħodd jiem ħajtek​—billi tqis kull ġurnata bħala mezz prezzjuż li għandu jiġi wżat biex iġib tifħir lil Alla? Il-​Bibbja tagħti dan l-​inkuraġġiment liż-​żgħażagħ: “Ħarrab ukoll minn moħħok it-​tħassib, u żomm il-​ħsara ’l bogħod minn ġismek; għax it-​tfulija u ż-​żgħożija buffura riħ. Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek.” (Koħèlet 11:10–12:1) Hemm iktar involut f’li niftakru fil-​Ħallieq tagħna milli sempliċement ma ninsewx li hu jeżisti. Meta l-​kriminal talab bil-​ħniena lil Ġesù, “Ftakar fija meta tidħol fis-​Saltna tiegħek,” hu ma riedx biss li Ġesù jiftakar ismu. Ried li Ġesù jieħu azzjoni, li jirxoxtah! (Luqa 23:42; qabbel Ġenesi 40:14, 23; Ġob 14:13.) B’mod simili, li niftakru f’Jehovah jinvolvi azzjoni, li nagħmlu dak li jogħġob lilu. Jistaʼ jingħad li int qed tiftakar f’Jehovah?

Evita li Tgħir għal Min Jagħmel il-​Ħażin

7. Ħafna żgħażagħ għala jagħżlu li jinsew lill-​Ħallieq tagħhom? Agħti eżempju.

7 Ħafna żgħażagħ jagħżlu li jinsew lil Jehovah għaliex iħossu li biex tkun Xhud jinvolvi ħafna restrizzjonijiet. Wieħed ħu fi Spanja jiftakar kif ħassu meta kien għadu adolexxent: “Id-​dinja kont qed insibha attraenti għaliex il-​verità kienet tidher diffiċli u riġida. Kien ifisser li ridt noqgħod bil-​qegħda, nistudja, nattendi l-​laqgħat, nilbes l-​ingravata, u dawn kienu affarijiet li ma kontx nieħu gost nagħmilhom.” Tħossok int xi kultant li qed titlef xi ħaġa għaliex qed taqdi lil Alla? Forsi se tissorprendi ruħek li ssir taf li wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja ħassu hekk ukoll. Jekk jogħġbok iftaħ il-​Bibbja u aqra Salm 73.

8. Asaf għala ġietu “l-​għira għall-​kburin”?

8 Ejja neżaminaw dan is-​salm fid-​dettall. Versi 2 u 3 jgħidu: “Jien għal ftit ma għotrux riġlejja, għal ftit ma żlaqtx fil-​mixi tiegħi. Għax ġietni l-​għira għall-​kburin, xħin rajt il-​ħżiena jimxu ’l quddiem.” Skond is-​sopraskrizzjoni, dan is-​salm kien miktub minn Asaf. Hu kien mużiċist Levita u kontemporanju tas-​Sultan David. (1 Kronaki 25:1, 2; 2 Kronaki 29:30) Għalkemm kellu l-​privileġġ sabiħ li jaqdi fit-​tempju t’Alla, ‘ġietu l-​għira’ għall-​irġiel li bdew jiftaħru dwar il-​ħażen tagħhom. Kollox kien jidher li sejjer tajjeb għalihom; kienu jidhru li qed igawdu paċi u sigurtà. Fil-​fatt, l-​hekk imsejħa suċċessi tagħhom ‘fawru lil qalbhom bi ħsibijiet fiergħa.’ (Versi 5, 7) Kienu jitkellmu dwar il-​bravuri tagħhom “kollhom imkabbra,” jiġifieri, b’mod arroganti. (Vers 8) “Sa kontra s-​sema jqassu; lsienhom maʼ l-​art kollha jlaħħaq,” billi ma wrew rispett lejn ħadd​—la fis-​sema u lanqas fl-​art.​—Vers 9.

9. Xi żgħażagħ Kristjani kif jistgħu jibdew iħossuhom bħalma ħassu Asaf?

9 Forsi l-​istess jistaʼ jingħad dwar dawk taʼ mparek fl-​iskola. Forsi tismagħhom jiftaħru bla mistħija taʼ xejn dwar kemm kellhom skappaturi sesswali, parties bla rażan, u dwar l-​abbuż bl-​alkoħol u d-​drogi. Meta tqabbel ħajjithom mimlijin bl-​hekk imsejjaħ pjaċir mal-​mod ristrett li trid timxi int bħala Kristjan, għandek mnejn li xi kultant tħoss “għira għall-​kburin.” (Mattew 7:13, 14) Asaf innifsu wasal sal-​punt li jesklama: “Mela għal xejn żammejt qalbi safja, u ħsilt idejja b’sinjal taʼ ndafa. Xorta waħda kuljum ġejt imsawwat.” (Versi 13, 14) Iva, hu beda jiddubita jekk kienx vallapena li jaqdi lil Alla u jgħix ħajja tajba.

10, 11. (a) X’ġiegħel lil Asaf ibiddel l-​attitudni tiegħu? (b) Min jagħmel il-​ħażin kif ikun fuq “art tiżloq”? Agħti eżempju.

10 Fortunatament, Asaf ma baqax f’dan l-​istat taʼ disprament għal ħafna żmien. Malajr irrealizza li dik it-​taparsi paċi tal-​ħżiena ma kienet xejn ħlief illużjoni​—u fuq kollox waħda temporanja! Hu esklama: “Tassew li int fuq art tiżloq tqegħedhom, u fit-​tiġrif twaqqagħhom. Ara, kif tħarbtu f’daqqa waħda; kif għebu u ntemmu bil-​biżaʼ!” (Versi 18, 19) Ħafna minn dawk taʼ mparek qegħdin fuq “art tiżloq.” Illum jew għada l-​imġiba ħażina tagħhom għad tilħaqhom, billi forsi tirriżulta fi tqala mhix mixtieqa, mard trasmess sesswalment, u saħansitra ħabs jew mewt! Agħar minn hekk, huma jitbegħdu minn Alla.—Ġakbu 4:4.

11 Xhud żagħżugħa fi Spanja din il-​verità għaddiet minnha hi stess. Meta kienet żagħżugħa, hi għexet ħajja doppja, billi kienet involuta sew maʼ grupp taʼ żgħażagħ li ma kienx jimpurtahom minn Alla. F’qasir żmien, saret tħobb lil wieħed minnhom​—wieħed drogat. Għalkemm hi qatt ma ħadet drogi, kienet tmur tixtrihomlu. “Saħansitra għentu jdaħħal il-​labra,” tammetti hi. Fortunatament, din l-​oħt reġgħet ġiet f’sensiha u reġgħet irkuprat spiritwalment. Imma kemm baqgħet ixxokkjata meta iktar tard saret taf li l-​ġuvni drogat li kienet tħobb kien miet bl-​AIDS. Iva, preċiżament bħalma qal is-​salmista, nies li ma jimpurtahomx minn Alla qegħdin fuq “art tiżloq.” Xi wħud jistgħu jmutu għal għarrieda bħala riżultat taʼ l-​istil laxk taʼ ħajja tagħhom. Inkwantu għall-​bqija, jekk dawn ma jbiddlux il-​modi tagħhom, fil-​futur qarib se jiffaċċjaw il-​jum meta “l-​Mulej Ġesù jfeġġ mis-​smewwiet imdawwar bl-​anġli tal-​qawwa tiegħu b’nar iħeġġeġ, biex iħallas lil dawk li ma jagħrfux lil Alla, u ’l dawk li ma jobdux l-​Evanġelju taʼ Sidna Ġesù.”—2 Tessalonikin 1:7, 8.

12. Żagħżugħ fil-​Ġappun kif beda jinduna bil-​bluha taʼ li wieħed jgħir għal min jagħmel il-​ħażin?

12 Mela xi bluha tkun li wieħed jgħir għal “dawk li ma jagħrfux lil Alla”! Tabilħaqq, huma dawk li jafu lil Jehovah u li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem li huma taʼ min jgħir għalihom. Wieħed ħu żagħżugħ fil-​Ġappun dan beda jirrealizzah. Bħala żagħżugħ, hu wkoll “ried iktar libertà.” Hu jispjega: “Ħsibt li kont qed nitlef xi ħaġa. Imbagħad irrealizzajt kif kienet se tkun ħajti mingħajr il-​verità. Immaġinajt lili nnifsi ngħix xi 70 jew 80 sena u mbagħad immut. Imma Jehovah joffri t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem! Il-​fatt li rrealizzajt dan għeni napprezza x’kelli verament.” Xorta waħda, li tibqaʼ leali meta tkun imdawwar b’nies li ma jobdux il-​liġijiet t’Alla m’huwiex daqshekk faċli. X’inhuma xi affarijiet li tistaʼ tagħmel biex tirreżisti dawk il-​pressjonijiet?

Oqgħod Attent maʼ Min Tagħmilha!

13, 14. Għala huwa importanti li nkunu selettivi dwar maʼ min nagħmluha?

13 Ejja nerġgħu nagħtu ħarsa lejn id-​deskrizzjoni taʼ bniedem taʼ suċċess, kif imniżżla f’Salm 1:1-3: “Hieni l-​bniedem li ma jimxix fuq il-​parir tal-​ħżiena, li ma jiqafx fi triq il-​ħatjin, li ma joqgħodx fil-​laqgħat taż-​żeblieħa; imma fil-​liġi tal-​Mulej hi l-​għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb [“jaqra minn taħt l-​ilsien,” NW] fil-​liġi tiegħu. Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-​ilma li tagħmel il-​frott fi żmienha, u l-​weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.”

14 Innota qabel xejn li jgħodd ħafna maʼ min tagħmilha. Proverbji 13:20 jgħid: “Min jagħmilha maʼ l-​għaref, isir għaref, min imur mal-​boloh, jaqaʼ fl-​hemm.” Dan ma jfissirx li żgħażagħ li m’humiex Xhieda taʼ Jehovah trid tinjorahom, tkun supperv, jew bla manjieri magħhom. Il-​Bibbja tħeġġiġna biex inħobbu lill-​proxxmu tagħna u ‘ngħixu fil-​paċi maʼ kulħadd.’ (Rumani 12:18; Mattew 22:39) Madankollu, tistaʼ ssib ruħek ‘miexi fuq il-​parir’ taʼ dawk li ma jsegwux il-​livelli tal-​Bibbja jekk int tagħmilha ħafna magħhom.

Il-​Benefiċċji tal-​Qari tal-​Bibbja

15. Iż-​żgħażagħ kif jistgħu jikkultivaw xenqa għall-​qari tal-​Bibbja?

15 Is-​salmista osserva wkoll li għal bniedem li jkollu suċċess l-​għaxqa tiegħu hi li jaqra l-​liġi t’Alla “lejl u nhar [“minn taħt l-​ilsien,” NW].” (Salm 1:1, 2) Huwa minnu li l-​Bibbja m’hijiex xi ktieb ħafif, u li fiha “ħwejjeġ tqal biex wieħed jifhimhom.” (2 Pietru 3:16) Imma l-​qari tal-​Bibbja m’għandux għalfejn ikun tedjanti. Huwa possibbli li tifforma ‘xenqa għall-​ħalib safi’ tal-​Kelma t’Alla. (1 Pietru 2:2) Ipprova aqra ftit kuljum. Jekk hemm xi punti li ma tifhimhomx, agħmel naqra riċerka. Wara aħseb dwar dak li tkun qrajt. (Salm 77:11, 12) Jekk issibha diffiċli li tikkonċentra, ipprova aqra b’leħen li jinstemaʼ “minn taħt l-​ilsien.” Iktar ma jgħaddi ż-​żmien, iktar tieħu gost tagħmel il-​qari tal-​Bibbja. Waħda oħt żagħżugħa fil-​Brażil tiftakar: “Jehovah dejjem kont inħossu ’l bogħod. Imma minn xi xhur ’l hawn bdejt intejjeb l-​istudju persunali u l-​qari tal-​Bibbja. Issa nħoss li r-​relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah hija iktar soda. Hu sar iktar reali għalija.”

16. Kif nistgħu nibbenefikaw iktar mil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni?

16 Li tattendi għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni huwa vitali wkoll għat-​tkabbir spiritwali tiegħek. Jekk ‘toqgħod attent kif tismaʼ’ tkun tistaʼ tirċievi ħafna inkuraġġiment. (Luqa 8:18) Tħoss int li xi kultant il-​laqgħat ma tantx ikunu interessanti? Tajjeb, staqsi lilek innifsek, ‘X’qed nagħmel jien biex nagħmel il-​laqgħat interessanti? Noqgħod attent? Nipprepara għalihom? Nikkummenta? Wara kollox, il-​Bibbja tgħidilna biex “naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb . . . agħmlu l-​qalb lil xulxin.” (Lhud 10:24, 25) Biex dan nagħmluh irridu nipparteċipaw! M’għandniex xi ngħidu, biex tipparteċipa trid tistudja bil-​quddiem. Waħda oħt żagħżugħa tammetti: “Veru hu iktar faċli li tipparteċipa fil-​laqgħat meta tkun preparajt.”

Li Ssegwi l-​Mod t’Alla Jwassal għas-​Suċċess

17. Wieħed li jħobb jaqra l-​Bibbja kif inhu bħal “siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-​ilma”?

17 Is-​salmista kompla jiddeskrivi lill-​bniedem li jkollu suċċess bħala li jkun “siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-​ilma.” In-​nixxigħat taʼ l-​ilma setgħu kienu qed jirreferu għall-​gandotti għat-​tisqija li kienu jintużaw biex isaqqu s-​siġar fl-​imsaġar. (Isaija 44:4) Il-​qari taʼ kuljum tal-​Bibbja hu bħallikieku int qed tiġi konnettjat maʼ sors li jsostnik u jirrifreskak. (Ġeremija 17:8) Kuljum int se tirċievi s-​saħħa li jkollok bżonn biex tiflaħ il-​provi u d-​diffikultajiet. Ladarba tkun tgħallimt il-​mod kif jaħsibha Jehovah, se jkollok l-​għerf li teħtieġ biex tagħmel deċiżjonijiet għaqlin.

18. X’jistaʼ jassigura s-​suċċess taʼ xi ħadd żagħżugħ f’li jaqdi lil Jehovah?

18 Xi drabi, li taqdi lil Jehovah jistaʼ jidher diffiċli. Imma qatt tħoss li dan hu tqil iżżejjed. (Dewteronomju 30:11) Il-​Bibbja twegħdek li fl-​aħħar mill-​aħħar se ‘tirnexxi f’kull ma tagħmel,’ basta li l-​objettiv prinċipali tiegħek ikun li togħġob lil Jehovah u li tferraħlu qalbu! (Proverbji 27:11) U ftakar, m’intix waħdek. Għandek l-​appoġġ taʼ Jehovah u taʼ Ġesù Kristu. (Mattew 28:20; Lhud 13:5) Huma jafu xi pressjonijiet tiffaċċja, u qatt ma se jabbandunawk. (Salm 55:23 [Salm 55:22, NW]) Int għandek ukoll l-​appoġġ tas-​sħubija kollha taʼ l-​“aħwa” u tal-​ġenituri tiegħek jekk huma għandhom il-​biżaʼ t’Alla. (1 Pietru 2:17) B’appoġġ bħal dan flimkien mad-​determinazzjoni u l-​isforz tiegħek, int tistaʼ tgawdi ħajja taʼ suċċess mhux biss issa imma għall-​eternità!

Mistoqsijiet għal Reviżjoni

◻ X’inhu s-​suċċess veru?

◻ Għala għandna bżonn lil Jehovah biex jidderieġi l-​passi tagħna?

◻ Iż-​żgħażagħ kif jistgħu ‘jgħoddu jiem ħajjithom’?

◻ Għala hija bluha li tgħir għal min jagħmel il-​ħażin?

◻ Il-​qari taʼ kuljum tal-​Bibbja u l-​attendenza regulari għal-​laqgħat kif jistgħu jgħinu liż-​żgħażagħ igawdu ħajja taʼ suċċess?

[Stampa f’paġna 20]

Minħabba li m’għandhomx “biżaʼ taʼ Alla” bnin, ħafna żgħażagħ jieħdu sehem f’imġiba distruttiva

[Stampa f’paġna 22]

Iż-​żgħażagħ taʼ spiss jinsew li l-​azzjonijiet tagħhom ikollhom il-​konsegwenzi

[Stampa f’paġna 23]

Ikkultiva mħabba għall-​qari tal-​Bibbja

[Stampa f’paġna 23]

Int se tieħu gost iktar fil-​laqgħat jekk tipparteċipa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja