Żgħażagħ Ferħanin fis-Servizz taʼ Jehovah
“Anki tfajjel huwa magħruf mill-azzjonijiet tiegħu, dwar jekk il-kondotta tiegħu hix pura u sewwa.”—PROVERBJI 20:11, New International Version.
1. Liema huma xi ftit mill-affarijiet tal-għaġeb li l-Bibbja tgħid dwar Samwel?
IŻ-ŻAGĦŻUGĦ Samwel probabbli li kellu biss minn tlieta sa ħames snin meta beda “jimministra” fit-tabernaklu taʼ Jehovah f’Xilo. Wieħed mid-dmirijiet tiegħu kien li jiftaħ “il-bibien tad-dar taʼ Jehovah.” Il-Bibbja tgħid li “Samwel kien qed isir akbar u iktar gustuż kemm mill-ħarsa taʼ Jehovah u kemm minn dik tal-bnedmin.” Meta kiber, hu ġab lura lil Iżrael għall-qima vera. Hu qeda ’l Alla “l-jiem kollha taʼ ħajtu.” Saħansitra meta kien “xiħ b’xagħru abjad” hu kien għadu jħeġġeġ lin-nies biex “jibżgħu minn Jehovah, u . . . jaqduh fil-verità.” Ma tkunx xi ħaġa ferm sabiħa li kieku n-nies jistgħu jgħidu dawn l-affarijiet mill-aħjar dwarek bl-istess mod bħalma l-Bibbja tgħidhom dwar Samwel?—1 Samwel 1:24; 2:18, 26; 3:15; 7:2-4, 15; 12:2, 24.
2. Iż-żgħar x’jitgħallmu fil-laqgħat tal-poplu taʼ Jehovah illum?
2 Jekk int wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah jew wieħed li tattendi l-laqgħat Kristjani tagħhom, ħares madwarek fis-Sala tas-Saltna fejn qed tiġi studjata din il-lezzjoni. Tara nies taʼ kull età. Wisq probabbli hemm nies li diġà huma ‘xjuħ b’xagħarhom abjad.’ Hemm ukoll ġenituri, żgħażagħ, tfal żgħar, u saħansitra trabi fid-dirgħajn. L-iżgħar fosthom diġà qed jitgħallmu? Iva. Staqsi ftit lil dawk li huma stess inġabu għal dawn il-laqgħat meta kienu żgħar. Huma jgħidulek b’mod onest li, miċ-ċokon, kienu qed jitgħallmu jirrispettaw ’l Alla, jħobbu lill-poplu tiegħu, u japprezzaw il-postijiet fejn jiġi meqjum. Hekk kif igħaddi ż-żmien, iċ-ċkejknin jitgħallmu veritajiet tal-għaġeb. Ħafna żgħażagħ, wara li jikbru fil-għarfien u fl-apprezzament, isiru parti mill-‘irġiel żgħażagħ u xebbiet, irġiel xjuħ u tfal’ li lilhom is-salmista ħeġġeġ biex ‘ifaħħru lill-isem taʼ Jehovah, għax ismu biss hu għoli li ma jintlaħaqx.’—Salm 148:12, 13.
3. Kif inhu li żgħażagħ li jafu l-Bibbja jħarsu lejn il-ħajja b’mod differenti minn dawk li ma jafuhiex?
3 Jekk int wieħed żagħżugħ li l-ġenituri jġibuk b’mod regulari għal laqgħat bħal dawn, int imbierek b’mod speċjali. Ħafna żgħażagħ oħra huma inkwetati bil-problemi tad-dinja. Xi wħud jistgħu jkunu beżgħanin li l-bnedmin se jeqirdu l-art. Inti taf li Alla mhux se jħalli dan jiġri, li mhux se jħalli lill-bnedmin ikomplu jirrovinaw lil din il-pjaneta sabiħa. Minflok ma jħalli li jiġri dan, Alla, skond il-Bibbja, se ‘jġib f’rovina lil dawk li qed jirrovinaw l-art.’ Inti taf li l-Bibbja twiegħed li futur mill-isbaħ fid-dinja ġdida taʼ tjieba t’Alla hu qrib.—Rivelazzjoni 11:18; Salm 37:29; 2 Pietru 3:13.
Il-Fidi Tiegħek Stess
4. X’responsabbiltà jpoġġi fuq iż-żgħażagħ il-għarfien tal-mogħdijiet t’Alla, u ż-żagħżugħ Samwel kif kien taʼ eżempju mill-aħjar f’dan?
4 Għall-ewwel, il-mogħdija taʼ verità Kristjana setgħet kienet il-mira tal-ġenituri tiegħek. Forsi ġejt għal-laqgħat Kristjani għaliex ġabuk magħhom, u ħadt sehem f’servizz taʼ tjieba għaliex ħaduk huma. Madankollu, hekk kif igħaddi ż-żmien, li sservi u tobdi lil Jehovah jistaʼ jsir il-ferħ tiegħek stess. Omm iż-żagħżugħ Samwel qabbditu fit-triq it-tajba, imma hu personalment kellu jsegwiha. Naqraw: “Saħansitra tfajjel huwa magħruf mill-azzjonijiet tiegħu, dwar jekk il-kondotta tiegħu hix pura u sewwa.”—Proverbji 20:11, NIV.
5. (a) Taʼ liema valur kbir hi l-Bibbja? (b) X’qal Pawlu lil Timotew dwar l-importanza tal-Kelma miktuba t’Alla?
5 L-Iskrittura tgħidilna x’irid Alla minna. Turina b’mod ċar kif nogħġbuh, billi tipprovdi għadd kbir taʼ informazzjoni li tistaʼ tagħmlilna ħafna ġid. L-appostlu Pawlu qal liż-żagħżugħ li kien igħinu Timotew: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla u taʼ benefiċċju għat-tagħlim, għat-twiddib, biex tiddritta l-affarijiet, biex tiddixxiplina fit-tjieba, biex il-bniedem t’Alla jistaʼ jkun kompetenti għalkollox, imgħammar bis-sħiħ għal kull xogħol tajjeb.”—2 Timotew 3:16, 17.
6. Il-ktieb taʼ Proverbji xi jgħid dwar l-importanza tal-għarfien u tal-għerf divin?
6 Il-Bibbja tgħidilna wkoll biex ‘nisimgħu mid-dixxiplina u nsiru għorrief.’ Tgħidilna biex ‘naħżnu bħal teżor’ il-kmandamenti t’Alla, biex ‘insejħu għall-fehma,’ u biex ‘nibqgħu nfittxu’ d-dehen bħal li kieku qed infittxu teżori moħbija taʼ valur. Jekk issegwi dan il-parir, imbagħad “int se tifhem il-biżaʼ taʼ Jehovah, u int se ssib il-għarfien innifsu t’Alla.” Insibu wkoll dan il-parir: “Issa, O wlied subien, isimgħu minni; iva, henjin huma dawk li jżommu mal-istess mogħdijiet tiegħi. Isimgħu mid-dixxiplina u siru għorrief, u turu ebda traskuraġni. Hieni hu l-bniedem li qed jismaʼ minni . . . Għax dak li jsibni żgur li se jsib il-ħajja, u se jikseb rieda tajba mingħand Jehovah.” Tistma int lill-Bibbja daqshekk u tagħmel dik ix-xorta taʼ sforz biex titgħallem l-affarijiet li tgħid hi?—Proverbji 2:1-5; 8:32-35.
Akkwista l-Għarfien
7. Liema huma l-iktar affarijiet importanti li għandna nitgħallmu?
7 Xi żgħażagħ jafu l-istatistiċi kollha tal-isport, jew jafu jgħidulek kull ħaġa dwar il-grupp tal-mużika favorit tagħhom. Huma jsibu dawn l-affarijiet ħfief biex jitgħallmuhom u jiftakruhom għaliex huma interessati fihom. Imma l-iżjed mistoqsija importanti hi, X’jafu dwar Alla? Aħseb ftit dwar x’għamel. Alla għamel l-univers. Hu ħabbar x’kienu se jagħmlu l-bnedmin u x’kien se jiġri ħafna qabel ma ġraw l-affarijiet. Il-Bibbja mhux biss tgħidilna dwar Alla imma hi tgħallimna kif nistgħu nogħġbuh. Turina kif jistaʼ jkollna ħajja hienja issa u kif nistgħu nakkwistaw ħajja taʼ dejjem fid-dinja ġdida tiegħu taʼ tjieba. M’huwiex dak iżjed importanti milli tkun taf min rebaħ xi logħba tal-ballun jew milli titgħallem l-ismijiet taʼ mużiċisti li n-nies malajr se jinsewhom?—Isaija 42:5, 9; 46:9, 10; Għamos 3:7.
8. Liema eżempju tajjeb ħallew Ġosija u Ġesù?
8 Meta ż-żagħżugħ Sultan Ġosija kellu 15-il sena, hu “beda jfittex għal dak Alla taʼ David missieru tal-qedem.” Meta Ġesù kellu 12-il sena, sabuh “bil-qiegħda f’nofs il-għalliema” fit-tempju taʼ Jehovah, “jismaʼ mingħandhom u jistaqsihom.”a Minkejja l-età tiegħek, żviluppajt int, bħal Ġosija u Ġesù, interess veru f’li titgħallem dwar l-affarijiet li Alla għamel u li għad irid jagħmel?—2 Kronaki 34:3; Luqa 2:46.
9. (a) Xi problema għandhom ħafna żgħażagħ? (b) X’jistaʼ jagħmel il-qari u l-istudju eħfef, u sibt int personalment li dan hu veru?
9 Madankollu, tistaʼ tgħid: ‘L-istudju hu xogħol iebes.’ Ħafna nies, żgħar u kbar, qatt ma qraw biżżejjed biex il-qari jsir faċli. Iktar ma taqra, iktar il-qari jsir ħafif. Iktar ma tistudja, it-tagħlim isir iżjed ħafif, iżżid idejat ġodda mal-affarijiet li diġà taf u b’hekk tagħmilha eħfef biex tifhimhom u tiftakarhom.
10. (a) Kif tistaʼ tieħu iżjed mil-laqgħat Kristjani? (b) X’inhi l-esperjenza tiegħek stess f’dan ir-rigward?
10 X’jistaʼ jgħinek biex titgħallem iktar dwar Alla? Forsi tistaʼ tkun iktar regulari f’li tattendi għal-laqgħat Kristjani. Tistaʼ tipprepara minn qabel u verament tipparteċipa? Per eżempju, tieħu int livell iżjed profond taʼ għarfien minn din il-lezzjoni billi tfittex it-testi skritturali li huma ċċitati imma mhux ikkwotati? Ktibt int xi kelma jew tnejn fil-marġni biex tfakkrek kull wieħed minn dawn it-testi xi jżid mal-paragrafu jew mal-lezzjoni? Għandek int id-drawwa li tinkludi minn tal-inqas wieħed minn dawn it-testi f’xi kumment li juri l-apprezzament tiegħek għal dik id-diskussjoni Skritturali? Anzjan tal-kongregazzjoni li attenda l-laqgħat b’mod regulari għal ħafna snin igħid: “Insibha ħaġa iebsa li nżomm moħħi fuq xi lezzjoni li ma nkunx verament ippreparajt, imma nsib għaxqa assoluta f’li nsegwi waħda li nkun studjajt bir-reqqa.”
11. Kif tistaʼ tieħu iżjed minn taħdidiet ibbażati fuq il-Bibbja, u dan għala hu tant importanti?
11 Meta tismaʼ taħdidiet Bibliċi, tieħu noti qosra biex igħinuk tanalizza kif it-taħdita qed tiġi żviluppata u biex iżżomm moħħok fuq dak li qed jintqal? Tqabbel int dak li tismaʼ maʼ dak li diġà taf biex tistaʼ tifhmu iktar malajr u tiftakru aħjar? Ġesù talab: “Dan ifisser il-ħajja taʼ dejjem li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku veru Alla, u dwar dak li inti bgħatt, Ġesù Kristu.” (Ġwann 17:3) Il-għarfien li jwassal għall-ħajja m’huwiex l-aqwa għarfien li tistaʼ possibilment takkwista? Innota xi tgħid il-Bibbja dwar dan: “Għax Jehovah innifsu jagħti l-għerf; minn fommu hemm għarfien u dehen. Meta l-għerf jidħol ġewwa qalbek u l-għarfien innifsu jsir pjaċevoli għal ruħek stess, l-abbiltà nfisha li taħseb se tgħasses fuqek, id-dehen innifsu se jissalvagwardjak.”−Proverbji 2:6, 10, 11.
Ikber fl-Apprezzament
12. Liema huma xi ftit mill-affarijiet tal-għaġeb li Alla għamel għalina?
12 Napprezzaw verament dak li Alla għamel għalina? Hu ħalaq art sabiħa u ħejjieha għall-ħajja. Hu ħalaq lill-ewwel ġenituri tagħna, billi b’hekk għamilha possibbli għalina li nitwieldu. Hu rranġa biex aħna jkollna l-appoġġ taʼ familji u taʼ kongregazzjoni taʼ mħabba. (Ġenesi 1:27, 28; Ġwann 13:35; Ebrej 10:25) Hu bagħat lill-Iben imwieled l-ewwel tiegħu stess fuq l-art biex igħallimna iktar dwaru Nnifsu u biex jipprovdi r-rahan li jagħmel possibbli l-ħajja taʼ dejjem. Tapprezzahom int verament dawn ir-rigali meraviljużi? Iqanqluk dawn biex taċċetta l-istedina tiegħu biex titgħallem dwaru u biex taqdih?—Mattew 20:28; Ġwann 1:18; Rumani 5:21.
13. Għala tħossok li Alla jinteressa ruħu fl-individwi?
13 Il-Ħallieq tal-univers jinteressa ruħu fin-nies. Hu sejjaħ lil Abraham “il-ħabib tiegħi,” u qal lil Mosè: “Jien tassew nafek bl-isem.” (Isaija 41:8; Eżodu 33:12) Il-ktieb taʼ Rivelazzjoni jindika li Alla għandu ktieb simboliku, jew “romblu tal-ħajja,” li fih l-ismijiet tal-qaddejja lejali tiegħu “mit-tisjis tad-dinja.” Se jkun ismek inkluż hemm?—Rivelazzjoni 3:5; 17:8; 2 Timotew 2:19.
14. Li ssegwi l-prinċipji t’Alla kif jistaʼ jtejjiblek ħajtek?
14 Il-Prinċipji t’Alla jaħdmu. Billi tagħmel l-affarijiet kif igħid hu jelimina ħafna problemi—immoralità, abbuż taʼ drogi, alkoħoliżmu, tqala mhix mixtieqa, mard venerju, vjolenza, qtil, u lista twila taʼ problemi oħra. Li ssegwi l-mogħdijiet tiegħu se jgħinek ukoll biex issib ħbieb veri u biex tgħix iżjed hieni. Ma jaqbillekx li tagħmel hekk? (1 Korintin 6:9-11) Saħansitra persuna żagħżugħa li diġà determinata li tagħmel l-affarijiet kif irid Alla tistaʼ takkwista iżjed saħħa biex tagħmel dak li hu sewwa. Il-Bibbja tgħid: ‘Ma wieħed lejali Jehovah se jaġixxi bil-lejaltà.’ Tassigurana wkoll li hu la se “jitlaq lill-uħud lejali tiegħu” lanqas ma se “jabbanduna lill-poplu tiegħu.”−Salm 18:25; 37:28; 94:14; Isaija 40:29-31.
Imxi ’l Quddiem f’li Taqdi ’l Alla
15. Salamun liema parir taʼ tjieba ta liż-żgħażagħ?
15 Huma l-miri tiegħek iċċentrati fid-dinja qadima li qed tmut jew fil-waħda ġdida taʼ tjieba? Tismaʼ int minn Alla, jew tismaʼ minn persuni b’għerf dinji li jikkontradixxu lilu? Jiġu r-rikreazzjoni, l-edukazzjoni għolja, jew xi karriera sekulari li tikkonsma ħafna ħin qabel Alla u s-servizz tiegħu? Il-għaref Sultan Salamun kiteb il-ktieb Bibliku taʼ Ekkleżjasti kollu biex juri x’għandu jiġi l-ewwel fil-ħajjiet tagħna. Hu kkonkluda: “Ftakar, issa, fil-Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem il-bidu taʼ rġulitek, qabel ma jiem il-għawġ jissoktaw jiġu, jew is-snin ikunu waslu meta int tgħid: ‘Ma nieħu ebda għaxqa fihom.’ Il-konklużjoni tal-ħaġa, wara li nstemaʼ kollox, hi: Ibżaʼ mill-veru Alla u żomm il-kmandamenti tiegħu. Għax dan hu l-obbligu kollu tal-bniedem.”−Ekkleżjasti 12:1, 13.
16. Iż-żgħażagħ kif jistgħu jistinkaw għal iktar privileġġi?
16 L-aħwa Kristjani kollha li huma kbar u li inti tafhom—l-anzjani, il-pijunieri, u l-indokraturi distrettwali u tas-circuit tiegħek—darba kienu tfal. X’wassal għall-barkiet li huma jgawdu llum? Huma kienu jħobbu, ’l Alla u riedu jaqduh. Ħafna minnhom fiż-żgħożija ħadu vantaġġ mill-ħin żejjed li kellhom biex jakkwistaw għarfien u esperjenza. Huma studjaw u pparteċipaw fil-laqgħat. Ħadu sehem fit-tagħlim, u stinkaw għal iżjed privileġġi—xogħol taʼ pijunier, servizz f’Betel, jew xi attività oħra premjanti. Huma ma kinux xi ‘super żgħażagħ’; huma kellhom interessi u tħassib normali bħalma għandek int. Madankollu, applikaw lilhom infushom fi qbil mal-parir: “Hu x’inhu li qegħdin tagħmlu, aħdmu għalih b’ruħkom kollha qisu għal Jehovah, u mhux għall-bnedmin.”−Kolossin 3:23; qabbel Luqa 10:27; 2 Timotew 2:15.
17. X’jistaʼ jgħin liż-żgħażagħ biex jagħmlu progress fis-servizz t’Alla?
17 Xi ngħidu għalik? Tapprezza verament affarijiet taʼ tjieba? Tagħżel ħbieb fost dawk li jpoġġu l-ewwel affarijiet spiritwali? Tinkuraġġixxi lil oħrajn biex jieħdu sehem miegħek f’attività Kristjana? Tmur għas-servizz Kristjan maʼ wħud akbar, taʼ iżjed esperjenza biex titgħallem minnhom, biex idduq il-ferħ tagħhom, u biex tiġi nkuraġġit bix-xogħlijiet mill-aħjar tagħhom? Waħda Xhud tiftakar dak in-nhar, kważi 20 sena ilu, meta għall-ewwel darba persuna akbar minnha stednitha mill-qalb biex tmur magħha fil-ministeru tal-għalqa. Dan, qalet, ikkaġuna l-bidla f’ħajjitha: “Għall-ewwel darba kont sejra għax ridt jien, mhux biss għax il-ġenituri tiegħi kienu qed joħduni.”
18. Liema affarijiet għandek taħseb dwarhom qabel tippreżenta lilek innifsek għall-magħmudija?
18 Jekk qed tagħmel progress f’li tagħmel l-affarijiet kif irid Alla, int malajr forsi tibda taħseb dwar il-magħmudija. Huwa importanti li tiftakar li l-magħmudija mhix xi ċeremonja li biha ssir adult żagħżugħ. Ma turix li int qed tikber, lanqas ma hi xi ħaġa li għandek tagħmel għaliex ħbiebek ħadu dak il-pass. Qabel tistaqsi biex titgħammed, irid ikollok għarfien bażiku tal-verità u tkun qed tgħix fi qbil mal-Kelma t’Alla. Irid ikollok esperjenza raġonevoli f’li taqsam dak il-għarfien maʼ oħrajn u tirrealizza li dan hu parti vitali mill-vera qima. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Għandek tkun taf ukoll li wara li tieħu dan il-pass Kristjan importanti int tkun mistenni li tgħix fi qbil mal-prinċipji morali taʼ tjieba tal-Bibbja.b F’qalbek, int ridt tkun iddedikajt ħajtek lil Missierek tas-sema taʼ mħabba.—Qabbel Salm 40:8, 9.
19. Persuna meta għandha titgħammed?
19 Il-magħmudija hija pass li int tieħu meta tkun iddeċidejt b’mod sod li jiġri x’jigri fil-bqija taʼ ħajtek, int se taqdi ’l Alla. Huwa sinjal pubbliku li int għamilt dedikazzjoni sħiħa, bla riżerva, u bla limiti lil Jehovah permezz taʼ Ġesù Kristu biex tagħmel ir-rieda t’Alla. Anzjan Kristjan jiftakar il-jum, kważi nofs seklu ilu, meta hu rrealizza: “Jien irrid nagħmel xi ħaġa dwar dan!” Michelle, Xhud żagħżugħa mgħammda fi Newcastle, l-Ingilterra, xi ftit tas-snin ilu, tgħid: “Fl-eta taʼ 13-il sena, jien irrealizzajt li għandi niddedika ħajti u nitgħammed; m’hemm xejn li nippreferi nagħmel iżjed milli naqdi ’l Alla.”
20. (a) Liema eżempju mill-aħjar taw diġà għaxriet taʼ eluf taʼ żgħażagħ? (b) Dan il-pass kif għandu jitqies?
20 Għaxriet taʼ eluf taʼ żgħażagħ ġew imgħammdin dan l-aħħar. Huma studjaw il-Kelma t’Alla u tgħallmu l-mogħdijiet tiegħu, u mbagħad, bil-magħmudija tal-ilma, huma bil-ferħ ingħaqdu maʼ ħafna oħrajn akbar fl-età f’li jissimbolizzaw fil-pubbliku d-dedikazzjoni tagħhom lil Alla. Huma jafu li l-magħmudija mhix tmiem imma biss bidu għall-mod taʼ ħajja verament iddedikat li huma determinati li jsegwu fis-servizz taʼ Jehovah għal dejjem.
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Qaddejja Żgħażagħ fi Żminijiet Bibliċi” f’paġna 3.
b Dan ma jfissirx li billi tgħid ‘Jien għadni m’inix imgħammed’ hija skuża biex tagħmel il-ħażin. Kif inkunu nafu x’irid Alla minna, aħna ovvjament għandna r-responsabbiltà li nobduh.—Ġakbu 4:17.
Kif Se Twieġeb?
◻ Il-għarfien tal-Kelma t’Alla għala hu tant importanti?
◻ Kif tistaʼ tieħu iżjed mil-laqgħat Kristjani?
◻ Liema barkiet mingħand Alla għandhom iqanqluna biex nobduh?
◻ Kif tistaʼ timxi ’l quddiem fis-servizz t’Alla?
◻ Wieħed meta għandu jitgħammed?