LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 11/1 p. 13-p. 16 para. 10
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Koħèlet

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Koħèlet
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​FRUGĦA X’MA TINKLUDIX?
  • (Koħèlet 1:1–​6:​12)
  • PARIR GĦALL-​GĦAREF
  • (Koħèlet 7:1–​12:8)
  • “KLIEM L-​GĦORRIEF” JIGGWIDANA
  • (Koħèlet 12:​9-​14)
  • Id-“Dmir Taʼ Kull Bniedem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Qiegħed Twettqu l-Obbligu Kollu Tiegħek Lejn Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Ħajtek—X’Inhu l-Iskop Tagħha?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • X’Jagħmel il-Ħajja Siewja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 11/1 p. 13-p. 16 para. 10

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb taʼ Koħèlet

“IL-​BNIEDEM imwieled minn mara għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed,” qal il-​patrijarka Ġob. (Ġob 14:1) Kemm huwa vitali li ma naħlux il-​ħajja qasira li għandna fi tħassib u ġiri wara affarijiet li m’humiex siewja! F’liema miri għandna ninvestu l-​ħin, l-​enerġija, u r-​riżorsi tagħna? Liema miri għandna nevitaw? Il-​kliem kollu għerf li hu mniżżel fil-​ktieb Bibliku taʼ Koħèlet jagħti gwida taʼ min joqgħod fuqha dwar dan. Il-​messaġġ li jagħti ‘jistaʼ jagħraf il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb’ u jistaʼ jgħinna ngħixu ħajja sinifikanti.​—Ebrej 4:​12.

Il-ktieb taʼ Koħèlet, li hu miktub minn raġel magħruf għall-​għerf tiegħu, is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem, fih pariri prattiċi fuq dak li għandu valur veru fil-​ħajja u dak li m’huwiex taʼ valur. Ladarba Salamun jirreferi għal uħud mill-​proġetti taʼ bini li kien għamel, bilfors li hu kiteb il-​ktieb taʼ Koħèlet wara li tlestew u qabel ma ta dahru lill-​qima vera. (Neħemija 13:26) Dan juri li l-​ktieb inkiteb qabel is-​sena 1000 Q.E.K., lejn l-​aħħar tar-​renju t’40 sena taʼ Salamun.

IL-​FRUGĦA X’MA TINKLUDIX?

(Koħèlet 1:1–​6:​12)

“Kollox frugħa!” jgħid il-​kongregatur li jistaqsi: “Xi qligħ għandu l-​bniedem mit-​taħbit tiegħu kollu, li jġarrab taħt ix-​xemx?” (Koħèlet 1:​2, 3) L-​espressjonijiet “frugħa” u “taħt ix-​xemx” jidhru ħafna drabi f’Koħèlet. Il-​kelma Ebrajka għal “frugħa” letteralment tfisser “nifs” jew “fwar” u timplika nuqqas taʼ importanza prattika, permanenza, u valur li jdum. L-​espressjoni “taħt ix-​xemx” tfisser “fuq din l-​art” jew “f’din id-​dinja.” Għalhekk, kollox​—jiġifieri, l-​istinkar kollu tal-​bniedem li ma jagħtix kas ir-​rieda t’Alla​—huwa frugħa.

“Qis il-​pass li tagħmel inti u tersaq lejn id-​dar taʼ Alla . . . biex tismaʼ,” jgħid Salamun. (Koħèlet 4:17 [5:​1, NW]) Is-​sehem tagħna fil-​qima vera t’Alla Ġeħova m’huwiex frugħa. Fil-​fatt, biex ikollna ħajja sinifikanti huwa essenzjali li nieħdu ħsieb ir-​relazzjoni tagħna miegħu.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

1:​4-​10​—Iċ-​ċikli naturali għala huma t’‘għeja’? (Saydon) Il-​kongregatur isemmi biss tliet funzjonijiet bażiċi li jagħmlu l-​ħajja fuq l-​art possibbli​—ix-​xemx, ir-​riħ, u ċ-​ċiklu taʼ l-​ilma. Fir-​realtà, iċ-​ċikli naturali huma ħafna u huma kumplessi ħafna. Wieħed jistaʼ jqattaʼ ħajtu kollha jistudja dwarhom u xorta ma jkunx jistaʼ jifhimhom għalkollox. Dan tassew jistaʼ ‘jgħejjik.’ Huwa wkoll frustranti meta tqabbel il-​ħajja qasira tagħna mar-​ripetizzjoni li ma taqtaʼ qatt taʼ dawn iċ-​ċikli. Anki t-​tentattivi biex isiru skoperti ġodda huma t’għeja. Wara kollox, l-​iskoperti ġodda m’huma xejn iktar minn applikar taʼ prinċipji li l-​Alla l-​veru stabbilixxa u diġà uża fil-​ħolqien.

2:​1, 2​—Id-​daħq għala huwa msejjaħ “ġenn”? Id-​daħq jistaʼ jgħinna ninsew il-​problemi tagħna għal mument, u l-​pjaċir jistaʼ ma jħalliniex nieħdu l-​problemi tagħna bis-​serjetà. Madankollu, id-​daħq ma jneħħilniex id-​diffikultajiet tagħna. Għalhekk, il-​ġiri wara l-​ferħ permezz tad-​daħq jissejjaħ “ġenn.”

3:​11​—Alla x’għamel “tajjeb f’waqtu”? Uħud mill-​affarijiet li Alla Ġeħova għamel “tajjeb,” jew sewwa u taʼ benefiċċju, fil-​ħin xieraq huma l-​ħolqien taʼ Adam u Eva, il-​patt permezz tal-​qawsalla, il-​patt m’Abraham, il-​patt Davidiku, il-​miġja tal-​Messija, u l-​ħatra taʼ Ġesù Kristu bħala Sultan tas-​Saltna t’Alla. Madankollu, hemm xi ħaġa oħra li Ġeħova se jagħmel ‘tajba’ fil-​futur qarib. Nistgħu nkunu fiduċjużi li d-​dinja l-​ġdida mimlija ġustizzja se ssir realtà fiż-​żmien xieraq.​—2 Pietru 3:​13.

5:8 (5:​9, NW)​—“Dak li tagħti l-​art” kif inhu “għal kulħadd”? L-​abitanti kollha taʼ l-​art jiddependu minn “dak li tagħti l-​art”​—mill-​prodotti tagħha. Sultan m’huwiex xi eċċezzjoni. Sabiex jirċievi l-​prodotti mill-​għalqa tiegħu, is-​sultan jiddependi mix-​xogħol iebes tal-​qaddejja tiegħu li jikkultivawlu l-​art.

Lezzjonijiet Għalina:

1:​15. Huwa kollu għalxejn li naħlu l-​ħin u l-​enerġija tagħna nipprovaw nirranġaw l-​oppressjoni u l-​inġustizzja li naraw illum. Is-​Saltna t’Alla biss tistaʼ tneħħi l-​ħażen.​—Danjel 2:​44.

2:​4-​11. Attivitajiet kulturali, bħall-​arkitettura, il-​ġardinaġġ, u l-​mużika, kif ukoll ħajja lussuża huma “ġiri wara r-​riħ” minħabba li dawn l-​affarijiet la jistgħu jagħtu sinifikat veru lill-​ħajja u lanqas jistgħu jġibu ferħ dejjiemi.

2:​12-​16. L-​għerf għandu iktar vantaġġi mill-​bluha għax jistaʼ jgħinna nsolvu xi problemi. Madankollu, l-​ebda għerf uman m’għandu vantaġġi fuq il-​mewt. U anki jekk wieħed jikseb il-​fama minħabba li jkollu għerf bħal dan, dak li jkun xorta ma jdumx ma jintesa.

2:​24; 3:​12, 13, 22. M’huwiex ħażin li wieħed igawdi l-​frott taʼ xogħlu.

2:​26. L-​għerf divin, li jġib il-​ferħ, jingħata lil ‘min hu sewwa quddiem Alla.’ Huwa impossibbli li tikseb l-​għerf mingħajr ma jkollok relazzjoni tajba m’Alla.

3:​16, 17. M’huwiex realistiku li tistenna li ssir ġustizzja f’kull każ. Minflok ma nħossuna ansjużi minħabba dak li qed jiġri fid-​dinja llum, għandna nistennew lil Ġeħova biex jirranġa l-​affarijiet.

4:4. Xogħol iebes magħmul bis-​sengħa jistaʼ jġib sodisfazzjon. Madankollu, jekk naħdmu iebes sempliċement biex inkunu aħjar minn ħaddieħor se noħolqu kompetizzjoni u nistgħu noħolqu malizzja u għira. Ix-​xogħol iebes tagħna fil-​ministeru Kristjan għandu jiġi minn motivi tajbin.

4:​7-​12. Ir-​relazzjonijiet umani huma iktar importanti minn affarijiet materjali u m’għandniex nitilfuhom minħabba l-​ġiri wara r-​rikkezzi.

4:​13. Il-​pożizzjoni u l-​età mhux dejjem jirbħu r-​rispett. Dawk li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà għandhom jaġixxu bil-​għaqal.

4:​15, 16. “Iż-​żagħżugħ”​—is-​suċċessur tas-​sultan​—għall-​ewwel għandu mnejn ikollu l-​appoġġ tal-​‘kotra li jsir mexxej tagħha,’ imma ‘dawk li jiġu warajhom ma jifirħux bih.’ Tabilħaqq, il-​popolarità normalment hija temporanja.

5:1 (5:​2, NW). It-​talb tagħna għandu jsir bil-​ħsieb u b’rispett, u mhux imżejjen b’ħafna kliem.

5:​2-6 (5:​3-7, NW). Tħassib fuq li jikseb affarijiet materjali jistaʼ jwassal lil individwu biex joqgħod jaħseb fuq interessi egoistiċi. Jistaʼ wkoll iġiegħel lil dak li jkun iħossu ansjuż u joqgħod jaħseb bil-​lejl, u dan itellef raqda tajba. Ħafna kliem jistaʼ jġiegħel lil individwu jidher iblah quddiem ħaddieħor u jistaʼ jġagħlu jagħmel wegħda taʼ malajr quddiem Alla. ‘Il-​biżaʼ minn Alla’ se jgħinna nevitaw dawn iż-​żewġ affarijiet.

6:​1-9. X’benefiċċju għandhom il-​ġid, il-​glorja, ħajja twila, u saħansitra familja kbira jekk iċ-​ċirkustanzi ma jħalluniex ingawduhom? U “aħjar tara b’għajnejk,” jew tiffaċċja r-​realtajiet, milli “ssiefer bil-​ħsieb,” jiġifieri, li tistinka biex taqtaʼ xewqat li huma impossibbli biex taqtagħhom. Mela l-​aħjar mod kif ngħixu hu li nkunu kuntenti li għandna “x’nieklu u biex nitgħattew” u fl-​istess ħin ingawdu affarijiet tajbin fil-​ħajja u niffokaw fuq li nżommu relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova.​—1 Timotju 6:8.

PARIR GĦALL-​GĦAREF

(Koħèlet 7:1–​12:8)

Kif nistgħu nieħdu ħsieb isimna, jew ir-​reputazzjoni tagħna? X’għandha tkun l-​attitudni tagħna lejn il-​ħakkiema umani u l-​inġustizzji li naraw? Jekk il-​mejtin m’huma konxji taʼ xejn, kif għandna nużaw ħajjitna issa? Iż-​żgħażagħ b’liema mod jistgħu jużaw il-​ħin u l-​enerġija tagħhom bil-​għaqal? Il-​pariri siewja tal-​kongregatur fuq dawn l-​affarijiet u fuq kwistjonijiet oħrajn huma mniżżlin għalina fil-​kapitli 7 sa 12 taʼ Koħèlet.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

7:​19​—L-​għerf kif inhu iktar b’saħħtu minn ‘għaxar [irġiel] bis-​setgħa’? Meta jiġi użat b’mod figurattiv fil-​Bibbja, in-​numru għaxra jirrappreżenta l-​kompletezza. Salamun qed jgħid li l-​għerf jistaʼ jipproteġi iktar minn numru komplet taʼ gwerriera li jgħassu belt.

10:2​—X’jiġifieri li qalb individwu tkun fuq “il-​lemin” jew fuq “ix-​xellug”? Ladarba l-​id il-​leminija ħafna drabi tfisser pożizzjoni taʼ favur, il-​fatt li qalb dak li jkun qiegħda fuq il-​lemin ifisser li qalbu tqanqlu biex jagħmel dak li hu tajjeb. Madankollu, jekk lil individwu tqanqlu biex jagħmel dak li hu ħażin, jingħad li qalbu qiegħda fuq ix-​xellug.

10:15​—‘It-​taħbit taʼ l-​iblah’ għala “jifnih”? Jekk individwu ma jkollux dehen, ix-​xogħol iebes tiegħu ma jipproduċi xejn taʼ siwi veru. Ma jkollux sodisfazzjon. Xogħol iebes bħal dan iġagħlu jħossu biss mifni.

11:​7, 8​—Xi tfisser l-​istqarrija: “Ħelu tassew id-​dawl, u għażiża għall-​għajnejn id-​dehra tax-​xemx”? Id-​dawl u x-​xemx qegħdin hemm biex iferrħu lill-​bnedmin. Salamun hawnhekk qed jgħid li huwa tajjeb li tkun ħaj u li tgawdi qabel ma jiem mudlama, jew ix-​xjuħija, jisirqulna l-​enerġija.

11:10​—“It-​tfulija u ż-​żgħożija” għala huma frugħa? Jekk ma jintużawx sew, se jkunu frugħa għax l-​enerġija taż-​żgħożija tgħaddi malajr bħal fwar.

Lezzjonijiet Għalina:

7:6. Id-​daħq mhux f’waqtu huwa irritanti u għalxejn daqskemm hu ċ-​ċaqċiq tax-​xewk li jkun qed jaqbad taħt borma. Nagħmlu tajjeb jekk ngħassu kontrih.

7:​21, 22. M’għandniex ninkwetaw iżżejjed dwar dak li jgħidu oħrajn dwarna.

8:​2, 3; 10:4. Meta tiġi kritikat jew koreġut minn xi mgħallem ikun għaqli li tibqaʼ kalm. Aħjar hekk milli ‘titlaq tgħaġġel minn quddiemu,’ jiġifieri, taqbad u tirriżenja mill-​kariga.

8:8; 9:​5-​10, 12. Il-​ħajja tagħna tistaʼ tintemm ħesrem bħalma l-​ħut jinqabad f’xibka jew l-​għasafar f’nassa. Iktar minn hekk, fil-​mewt ħadd ma jistaʼ jżomm il-​forza tal-​ħajja milli titlaq, u ħadd ma jistaʼ jaħrab mill-​battalja li l-​mewt qed tiġġieled kontra l-​umanità. Għalhekk, m’għandniex noqogħdu naħlu l-​ħin billi nitgħażżnu. Ġeħova jridna nistmaw il-​ħajja u ngawduha b’mod xieraq. Sabiex nagħmlu dan għandna npoġġu s-​servizz taʼ Ġeħova fl-​ewwel post f’ħajjitna.

8:​16, 17. Aħna ma nistgħux nifhmu dak kollu li għamel Alla u li ppermetta li jseħħ fost l-​umanità, lanqas li kieku kellna nitilfu l-​irqad sakemm niksbu l-​fehma. Jekk noqogħdu ninkwetaw fuq il-​ħażin li nkunu għamilna se nitilfu t-​tgawdija tal-​ħajja.

9:​16-​18. L-​għerf għandu jiġi stmat anki meta ma jkunx apprezzat. Il-​kliem taʼ l-​għaref li jintqal bil-​kalma huwa preferut iktar mill-​għajjat taʼ l-​iblah.

10:1. Għandna noqogħdu attenti x’ngħidu u x’nagħmlu. Saħansitra nuqqas wieħed taʼ diskrezzjoni, bħar-​rabja, l-​użu ħażin taʼ l-​alkoħol, jew kondotta sesswali ħażina, anki jekk dawn isiru darba biss, huma biżżejjed biex titħassar reputazzjoni tajba taʼ persuna rispettata.

10:​5-​11. M’għandniex għalfejn ngħiru għal individwu li għandu pożizzjoni għolja li ma jagħmilx xogħlu sew. Meta dak li jkun ma jagħmilx xogħlu sew, anki fl-​iċken ħaġa, ikollu konsegwenzi ħżiena. Għall-​kuntrarju, jekk nikkultivaw l-​abbiltà li ‘nħaddmu l-​għaqal’ se jkun taʼ vantaġġ għalina. Kemm huwa importanti li nsiru tas-​sengħa fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u li nagħmlu dixxipli!

11:​1, 2. Għandna nagħtu minn qalbna. Il-​ġenerożità tqanqal lil oħrajn biex juru l-​ġenerożità wkoll.​—Luqa 6:38.

11:​3-6. L-​inċertezzi tal-​ħajja m’għandhomx jagħmluna indeċiżi.

11:9; 12:​1-7. Iż-​żgħażagħ iridu jagħtu kont lil Ġeħova. Għalhekk, huma għandhom jużaw il-​ħin u l-​enerġija tagħhom fis-​servizz t’Alla qabel ma x-​xjuħija tisirqilhom l-​enerġija tagħhom.

“KLIEM L-​GĦORRIEF” JIGGWIDANA

(Koħèlet 12:​9-​14)

Kif għandna nqisu l-​“kliem pjaċevoli” (NW) li l-​kongregatur fittex li jsib u jikteb? B’kuntrast mal-​ħafna kotba t’għerf uman, “kliem l-​għorrief hu bħal xpruni, bħal puntali sodi l-​ġabriet taʼ qwielhom; lkoll mogħtija minn ragħaj wieħed.” (Koħèlet 12:​10-12) Il-​kliem taʼ l-​għaref li jingħata minn “ragħaj wieħed,” Ġeħova, jagħtina stabbiltà f’ħajjitna.

Jekk napplikaw il-​pariri għaqlin li nsibu fil-​ktieb taʼ Koħèlet se nkunu tassew megħjunin biex ikollna ħajja mimlija tifsir u hena. Iktar minn hekk, aħna rassigurati: “Ikollhom l-​hena dawk li jibżgħu minn Alla.” Għalhekk, jalla jkollna determinazzjoni soda biex ‘nibżgħu minn Alla u l-​kmandamenti tiegħu.’​—Koħèlet 8:​12, 13 (8:​12, NW); 12:​13, Saydon.

[Stampa f’paġna 15]

Waħda mill-​iktar affarijiet tajbin li għamel Alla se ssir realtà fiż-​żmien xieraq

[Stampa f’paġna 16]

L-​għotjiet t’Alla jinkludu l-​ikel, ix-​xorb, u l-​frott tax-​xogħol iebes tagħna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja