LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 11/15 pp. 18-23
  • Qiegħed Twettqu l-Obbligu Kollu Tiegħek Lejn Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qiegħed Twettqu l-Obbligu Kollu Tiegħek Lejn Alla?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Huwa Kollox Frugħa?
  • Id-​Dedikazzjoni u l-​Obbligu Tagħna lejn Alla
  • Iżen bir-​Reqqa d-​Deċiżjonijiet Tiegħek!
  • Għajnuniet biex Niftakru fil-​Ħallieq Grandjuż Tagħna
  • L-​Obbligu Kollu Tagħna lejn Alla
  • Wettaq l-​Obbligu Kollu Tiegħek
  • Id-“Dmir Taʼ Kull Bniedem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Koħèlet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ftakar fil-Ħallieq Grandjuż Tiegħek!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Ħajtek—X’Inhu l-Iskop Tagħha?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 11/15 pp. 18-23

Qiegħed Twettqu l-​Obbligu Kollu Tiegħek Lejn Alla?

“Għax Alla jġib għall-​ħaqq tiegħu l-​għemejjel kollha, sa l-​inqas ħaġa moħbija, sew tajba u sew ħażina.”—KOĦÈLET 12:14.

1. Jehovah liema provvedimenti għamel għall-​poplu tiegħu?

JEHOVAH jwieżen lil dawk li jibqgħu jiftakru fih bħala l-​Ħallieq Grandjuż tagħhom. Il-​Kelma ispirata tiegħu tagħtihom l-​għarfien meħtieġ biex ikunu jistgħu jogħġbuh għalkollox. L-​ispirtu qaddis t’Alla jiggwidahom biex jagħmlu r-​rieda divina u biex jipproduċu l-​“frott taʼ kull opra tajba.” (Kolossin 1:9, 10) Iktar minn hekk, Jehovah jipprovdi ikel spiritwali u direzzjoni teokratika permezz taʼ “l-​ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW) Għalhekk, b’diversi modi, in-​nies t’Alla għandhom il-​barka tas-​sema hekk kif huma jaqdu lil Jehovah u jwettqu x-​xogħol vitali taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna.— Mark 13:10.

2. Rigward is-​servizz lejn Jehovah, liema mistoqsijiet jistgħu jqumu?

2 Kristjani veri huma kuntenti li jkunu okkupati f’servizz sagru lejn Jehovah. Iżda xi wħud jistgħu jiskuraġġixxu ruħhom u jaħsbu li l-​isforzi tagħhom huma insinjifikanti. Per eżempju, xi drabi Kristjani dedikati forsi jiddubitaw jekk l-​isforzi kuxjenzjużi tagħhom humiex tassew siewja. Meta jirrifletti dwar l-​istudju tal-​familja u attivitajiet oħrajn, mistoqsijiet bħal dawn li ġejjin għandhom mnejn iqumu f’moħħ il-​kap tal-​familja: ‘Hu Jehovah tassew kuntent b’dak li qed nagħmlu? Qegħdin inwettqu l-​obbligu kollu tagħna lejn Alla?’ Il-​kliem għaqli tal-​mexxej tal-​laqgħa jistaʼ jgħinna nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet.

Huwa Kollox Frugħa?

3. Fi qbil maʼ Koħèlet 12:8, liema hi l-​akbar frugħa?

3 Xi wħud forsi jaħsbu li kliem ir-​raġel għaref m’huwa taʼ inkuraġġiment għal ħadd—la għaż-​żgħażagħ u lanqas għax-​xjuħ. “O frugħa tal-​frugħat, jgħid Koħèlet, kollox frugħa.” (Koħèlet 12:8) Fil-​fatt, hija l-​akbar frugħa li tinjora lill-​Ħallieq Grandjuż fiż-​żgħożija, li tixjieħ mingħajr ma tkun qdejtu, u li jkollok biss l-​età avanzata x’turi wara ħajja twila. Kollox ikun frugħa, jew vanità, għal bniedem bħal dan, saħansitra jekk imut b’ġid u fama f’din id-​dinja li tinsab fil-​poter tal-​wieħed mill-​agħar, Satana x-​Xitan.—1 Ġwann 5:19.

4. Għala jistaʼ jingħad li mhux kollox hu frugħa?

4 Mhux kollox hu frugħa għal dawk li jaħżnu teżori fis-​sema bħala qaddejja leali taʼ Jehovah. (Mattew 6:19, 20) Huma għandhom ħafna x’jagħmlu fix-​xogħol premjanti tal-​Mulej, u din il-​ħidma żgur li m’hijiex għalxejn. (1 Korintin 15:58) Imma jekk aħna Kristjani dedikati, qegħdin inżommu ruħna okkupati f’xogħol mogħti lilna minn Alla f’dawn l-​aħħar jiem? (2 Timotju 3:1) Jew adottajna stil taʼ ħajja li hu ftit li xejn differenti minn dak tal-​ġirien tagħna in ġenerali? Dawn forsi mseħbin maʼ diversi reliġjonijiet u forsi huma devoti mhux ħażin, billi jattendu regolarment fil-​postijiet tal-​qima tagħhom u jipprovaw iwettqu dak li tirrikjedi minnhom l-​għamla taʼ qima tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, dawn m’humiex proklamaturi tal-​messaġġ tas-​Saltna. M’għandhomx għarfien eżatt li dan hu ż-​“żmien taʼ l-​aħħar” u m’għandhom l-​ebda sens t’urġenza dwar iż-​żmien li qed ngħixu fih.— Danjel 12:4.

5. Jekk l-​interessi normali tal-​ħajja saru t-​tħassib ewlieni tagħna, x’għandna nagħmlu?

5 Ġesù Kristu qal dan dwar iż-​żmien kritiku li qed ngħixu fih: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-​miġja taʼ Bin il-​bniedem. Għax kif fiż-​żmien taʼ qabel id-​dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-​arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-​dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-​miġja taʼ Bin il-​bniedem.” (Mattew 24:37-39) Bil-​moderazzjoni, m’hemm xejn ħażin f’li wieħed jiekol u jixrob, u ż-​żwieġ huwa arranġament li oriġinah Alla nnifsu. (Ġenesi 2:20-24) Madankollu, jekk nirrealizzaw li l-​interessi normali tal-​ħajja saru t-​tħassib ewlieni tagħna, għala ma ninkludux dan fit-​talb tagħna? Jehovah jistaʼ jgħinna biex inżommu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel, nagħmlu dak li hu sewwa, u nwettqu l-​obbligu tagħna lejh.—Mattew 6:33; Rumani 12:12; 2 Korintin 13:7.

Id-​Dedikazzjoni u l-​Obbligu Tagħna lejn Alla

6. Xi individwi mgħammdin b’liema mod importanti qed jonqsu li jwettqu l-​obbligu kollu tagħhom lejn Alla?

6 Xi Kristjani mgħammdin għandhom bżonn jitolbu bil-​ħerqa għaliex m’humiex jgħixu fi qbil maʼ l-​obbligi ministerjali li daħlu għalihom meta ddedikaw ruħhom lil Alla. Għal għadd taʼ snin issa, ’il fuq minn 300,000 qed jitgħammdu kull sena, imma l-​għadd ġenerali taʼ Xhieda taʼ Jehovah attivi ma jikkorrispondix maʼ dan. Xi wħud li saru pubblikaturi tas-​Saltna ma baqgħux jipproklamaw l-​aħbar tajba. Madankollu, l-​individwu jrid ikollu sehem sinjifikanti fil-​ministeru Kristjan qabel ma jitgħammed. Għalhekk dawn huma konxji dwar l-​inkarigu li Ġesù ta lis-​segwaċi kollha tiegħu: “Morru . . . agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20) Jekk m’għandhomx xi limitazzjonijiet mill-​iktar straordinarji minħabba s-​saħħa jew xi fatturi oħrajn li m’għandhomx kontroll fuqhom, individwi mgħammdin li m’għadhomx jaqdu bħala Xhieda attivi t’Alla u taʼ Kristu m’humiex jgħixu fi qbil maʼ l-​obbligu kollu tagħhom quddiem il-​Ħallieq Grandjuż tagħna.—Isaija 43:10-12.

7. Għala għandna niltaqgħu flimkien regolarment għall-​qima?

7 Iżrael tal-​qedem kien ġens dedikat lil Alla, u taħt il-​patt tal-​Liġi, il-​poplu tiegħu kellu xi obbligi quddiem Jehovah. Per eżempju, l-​irġiel kollha kellhom jinġabru flimkien għal tliet festi annwali, u raġel li ma kienx iħares il-​festa tal-​Qbiż apposta kellu “jinqataʼ” bil-​mewt. (Numri 9:13; Levitiku 23:1-43; Dewteronomju 16:16) Biex iwettqu l-​obbligu tagħhom lejn Alla bħala l-​poplu dedikat tiegħu, l-​Iżraeliti kellhom jinġabru għall-​qima. (Dewteronomju 31:10-13) Ma kien hemm xejn fil-​Liġi li kien jgħid, ‘Agħmel dan jekk inhu konvenjenti għalik.’ Għal dawk li issa huma dedikati lil Jehovah, ċertament li dan ikompli jenfasizza dak li qal Pawlu: “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mil-​laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-​drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-​qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-​Jum.” (Lhud 10:24, 25) Iva, li regolarment jiltaqaʼ flimkien maʼ kredenti sħabu hija parti mill-​obbligu taʼ Kristjan dedikat lil Alla.

Iżen bir-​Reqqa d-​Deċiżjonijiet Tiegħek!

8.Żagħżugħ, jew żagħżugħa, dedikat għala għandu jikkunsidra permezz tat-​talb is-​servizz sagru tiegħu?

8 Forsi int żagħżugħ, jew żagħżugħa, dedikat lil Jehovah. Barkiet għonja jkunu tiegħek jekk iżżomm l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajtek. (Proverbji 10:22) Jekk titlob u tippjana sewwa, għandek mnejn tkun tistaʼ tqattaʼ għall-​inqas xi ftit minn żgħożitek f’xi għamla taʼ servizz full-time—mod mill-​aħjar biex turi li tiftakar fil-​Ħallieq Grandjuż tiegħek. Altrimenti, interessi materjali jistgħu jibdew jokkupaw il-​biċċa l-​kbira mill-​ħin u l-​attenzjoni tiegħek. Bħan-​nies in ġenerali, int forsi tiżżewweġ żgħir u tidħol fid-​dejn biex tikseb l-​affarijiet materjali. Għandu mnejn xi karriera li trendi ħafna flus tiħodlok ħafna mill-​ħin u l-​enerġija tiegħek. Jekk ikollok it-​tfal, ikollok terfaʼ r-​responsabbiltajiet tal-​familja għal bosta snin. (1 Timotju 5:8) Forsi ma tkunx insejtu lill-​Ħallieq Grandjuż tiegħek, imma huwa għaqli li tirrealizza li sew jekk tippjana bil-​quddiem, u sew jekk tonqos li tagħmel dan, jistaʼ jfassallek it-​triq għall-​ħajja adulta tiegħek. Iktar tard fil-​ħajja, għandek mnejn tħares lura u tixtieq li għall-​inqas iż-​żgħożija tiegħek tkun qattajtha b’mod iktar sħiħ f’servizz sagru lejn il-​Ħallieq Grandjuż tagħna. Għala ma titlobx dwar il-​prospetti tiegħek minn issa stess, sabiex issib sodisfazzjon fis-​servizz sagru tiegħek lejn Jehovah fis-​snin taʼ żgħożitek?

9. X’jistaʼ jkun possibbli għal wieħed li jkun kiber fl-​età u li darba kien jerfaʼ responsabbiltà tqila fil-​kongregazzjoni?

9 Ikkunsidra tip ieħor taʼ ċirkustanzi—dawk taʼ raġel li darba kien jaqdi bħala ragħaj tal-​“merħla taʼ Alla.” (1 Pietru 5:2, 3) Għal xi raġuni, hu ċeda minn jeddu dawn il-​privileġġi. Veru, issa kiber iżjed fl-​età, u forsi jsibha iżjed diffiċli biex jissokta fis-​servizz t’Alla. Iżda jistaʼ jagħti l-​kas li hu għandu jirsisti mill-​ġdid għall-​privileġġi teokratiċi? X’barka jistaʼ jkun għall-​oħrajn raġel bħal dan li kieku jkun kapaċi jerfaʼ iktar responsabbiltà fil-​kongregazzjoni! U ladarba ħadd ma jgħix biss għalih innifsu, il-​ħbieb u l-​maħbubin tiegħu se jithennew jekk ikun kapaċi jżid is-​servizz tiegħu, għall-​glorja t’Alla. (Rumani 14:7, 8) Fuq kollox, Jehovah mhux se jinsa dak li wieħed jagħmel fis-​servizz tiegħu. (Lhud 6:10-12) Mela, x’jistaʼ jgħinna niftakru fil-​Ħallieq Grandjuż tagħna?

Għajnuniet biex Niftakru fil-​Ħallieq Grandjuż Tagħna

10. Il-​mexxej tal-​ġemgħa għala kien f’pożizzjoni eċċellenti biex jipprovdi pariri awtorevoli fuq il-​kwistjoni taʼ li niftakru fil-​Ħallieq Grandjuż tagħna?

10 Il-​mexxej tal-​ġemgħa kien f’pożizzjoni eċċellenti biex jipprovdi pariri awtorevoli li bihom niftakru fil-​Ħallieq Grandjuż tagħna. Jehovah wieġeb it-​talb tiegħu mill-​qalb billi tah għerf straordinarju. (1 Slaten 3:6-12) Salamun għamel investigazzjoni bir-​reqqa dwar il-​medda sħiħa t’attività umana. Iktar minn hekk, ġie ispirat b’mod divin biex iniżżel bil-​miktub is-​sejbiet tiegħu sabiex oħrajn jibbenefikaw minnhom. Hu kiteb: “Barra milli kien għaref, Koħèlet għallem l-​għerf lill-​poplu; b’ħafna ħsieb u tiftix niseġ kotra taʼ proverbji. Koħèlet fittex li jsib qwiel sbieħ u li jikteb bir-​reqqa kliem is-​sewwa.”— Koħèlet 12:9, 10.

11. Għala għandna naċċettaw il-​pariri għaqlin taʼ Salamun?

11 Il-​Bibbja Mqaddsa taʼ Karm Żammit tittraduċi dan il-​kliem hekk: “Billi l-​Predikatur kien għaref, għallem ukoll il-​għerf lill-​poplu; u wiżen, u għarbel, u damm ħafna proverbji. Il-​Predikatur fittex li jsib kliem li jogħġob; u dak li nkiteb inkiteb bir-​reqqa u bis-​sewwa.” Salamun ipprova jilħaq il-​qlub tal-​qarrejja tiegħu bi kliem pjaċevoli u suġġetti verament interessanti u taʼ siwi. Ladarba kliemu li nsibuh fl-​Iskrittura hu l-​prodott taʼ ispirazzjoni mill-​ispirtu qaddis, nistgħu bla biżaʼ naċċettaw is-​sejbiet tiegħu u l-​pariri għorrief tiegħu.— 2 Timotju 3:16, 17.

12. Fi kliemek stess, kif tesprimi dak li qal Salamun bħalma nsibu f’Koħèlet 12:11, 12?

12 Saħansitra mingħajr il-​metodi moderni taʼ l-​istampar, fi żmien Salamun kien hemm bosta kotba disponibbli. Kif kellha titqies din il-​letteratura? Hu qal: “Kliem l-​għorrief hu bħal xpruni, bħal puntali sodi l-​ġabriet taʼ qwielhom; lkoll mogħtija minn ragħaj wieħed. Aktar minn daqshekk, ibni, m’għandekx xi tridu; għax il-​kotba joktru bla heda, u l-​istudju żejjed jgħajji l-​ġisem.”—Koħèlet 12:11, 12.

13. Kif jistaʼ kliem dawk li għandhom għerf divin ikun bħal xpruni, u min huma bħal “puntali sodi”?

13 Kliem dawk li għandhom għerf divin hu bħal xpruni. Kif? Dan iqanqal lill-​qarrejja jew semmiegħa biex jagħmlu avvanz fi qbil mal-​kliem għaqli li jaqraw jew jisimgħu. Iktar minn hekk, dawk li jokkupaw ruħhom bil-​“ġabriet taʼ qwielhom,” jew proverbji verament għaqlin u taʼ siwi, huma bħal “puntali sodi,” jew imwaħħlin tajjeb. Dan jistaʼ jkun minnu għax il-​kliem mill-​aħjar taʼ dawn l-​individwi jirrifletti l-​għerf taʼ Jehovah, u għalhekk jistaʼ jservi biex jissoda u jwieżen lill-​qarrejja jew semmiegħa. Jekk int ġenitur li għandek il-​biżaʼ t’Alla, m’għandekx tagħmel kull sforz biex tnaqqax dan l-​għerf fil-​moħħ u fil-​qalb taʼ ibnek jew bintek?—Dewteronomju 6:4-9.

14. (a) Li nagħmlu “studju żejjed” taʼ liema xorta taʼ kotba m’huwiex taʼ benefiċċju? (b) Lil liema letteratura għandna nagħtu l-​aqwa konsiderazzjoni, u għala?

14 Iżda Salamun għala tkellem b’dan il-​mod dwar il-​kotba? Tabilħaqq, imqabbla mal-​Kelma taʼ Jehovah, il-​volumi bla tmiem taʼ kotba f’din id-​dinja fihom biss raġunar uman. Il-​biċċa l-​kbira minn dawn l-​ideat jirriflettu moħħ Satana x-​Xitan. (2 Korintin 4:4) Għalhekk, “l-​istudju żejjed” taʼ dan il-​materjal sekulari jipproduċi biss ftit valur dejjiemi. Fil-​fatt, ammont kbir minnu jistaʼ jkun taʼ detriment spiritwali. Bħal Salamun, ejja nimmeditaw fuq dak li tgħid il-​Kelma t’Alla dwar il-​ħajja. Dan se jsaħħaħ il-​fidi tagħna u jressaqna eqreb lejn Jehovah. Attenzjoni eċċessiva għal kotba jew sorsi oħrajn taʼ istruzzjoni tistaʼ tgħajjina. B’mod speċjali meta dawn il-​kitbiet huma l-​prodott taʼ raġunar dinji li ma jaqbilx maʼ l-​għerf divin dawn ikunu detrimentali u distruttivi għall-​fidi f’Alla u fl-​iskopijiet tiegħu. Mela, allura, ejja niftakru li l-​iktar kitbiet taʼ benefiċċju fi żmien Salamun u fi żmienna huma dawk li jirriflettu l-​għerf tar-​“ragħaj wieħed,” Alla Jehovah. Hu pprovda s-​66 ktieb taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa, u lil dawn għandna nagħtuhom l-​iktar attenzjoni tagħna. Il-​Bibbja u pubblikazzjonijiet t’għajnuna mill-​‘ilsir leali’ jgħinuna niksbu t-​“tagħrif taʼ Alla.”—Proverbji 2:1-6.

L-​Obbligu Kollu Tagħna lejn Alla

15. (a) Kif tesprimih int kliem Salamun dwar “l-​obbligu kollu . . . tal-​bniedem”? (b) X’irridu nagħmlu biex inwettqu l-​obbligu tagħna lejn Alla?

15 Billi jiġbor fil-​qosor l-​investigazzjoni kollha tiegħu, Salamun, il-​mexxej tal-​ġemgħa, jgħid: “Hawn hu l-​qofol tad-​diskors wara li nstamaʼ kollox: ‘Ħobb lil Alla u ħares il-​kmandamenti tiegħu, għax f’dan jinġabar il-​bniedem kollu [“l-​obbligu kollu . . . tal-​bniedem,” NW].’ Għax Alla jġib għall-​ħaqq tiegħu l-​għemejjel kollha, sa l-​inqas ħaġa moħbija, sew tajba u sew ħażina.” (Koħèlet 12:13, 14) Biżaʼ bnin mill-​Ħallieq Grandjuż tagħna, jew stima b’rispett lejh se tipproteġi lilna, u nittamaw anki lill-​familji tagħna, milli nsegwu korsa taʼ ħajja riskjuża li tistaʼ ġġib inkwiet u niket bla tmiem fuqna u fuq il-​maħbubin tagħna. Il-​biżaʼ bnin minn Alla hu pur u hu l-​bidu taʼ l-​għerf u t-​tagħrif. (Salm 19:10 [Salm 19:9, NW]; Proverbji 1:7) Jekk għandna d-​dehen ibbażat fuq il-​Kelma ispirata t’Alla u napplikaw il-​pariri tagħha f’kollox, aħna nkunu qed inwettqu “l-​obbligu kollu” tagħna lejn Alla. Le, m’hijiex kwistjoni taʼ li nagħmlu lista sħiħa taʼ obbligi. Minflok, dak li hu meħtieġ hu li nfittxu l-​gwida mill-​Iskrittura meta niġu biex inħollu l-​problemi tal-​ħajja u dejjem nagħmlu l-​affarijiet kif irid Alla.

16. Rigward il-​ġudizzju, x’se jagħmel Jehovah?

16 Irridu nirrealizzaw li xejn ma jaħrab minn taħt għajnejn il-​Ħallieq Grandjuż tagħna. (Proverbji 15:3) Hu “jġib għall-​ħaqq tiegħu l-​għemejjel kollha.” Iva, l-​Iktar Għoli se jiġġudika kollox, inkluż dawk l-​affarijiet moħbijin mill-​għajnejn umani. Li nkunu konxji dwar dawn il-​fatturi jistaʼ jservi taʼ inċentiv f’li nosservaw il-​kmandamenti t’Alla. Iżda l-​akbar inċentiv għandu jkun l-​imħabba għal Missierna tas-​sema, għax l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Għax din hi l-​imħabba taʼ Alla, li nżommu l-​kmandamenti tiegħu; u l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwann 5:3) U ladarba l-​kmandamenti t’Alla huma mfasslin biex jippromwovu l-​benesseri dejjiemi tagħna, ċertament li nosservawhom m’huwiex biss xieraq iżda wkoll verament għaqli. M’hemm xejn taʼ xkiel f’dan għal min iħobb lill-​Ħallieq Grandjuż. Hu jkun irid iwettaq l-​obbligu kollu tiegħu lejh.

Wettaq l-​Obbligu Kollu Tiegħek

17. X’se nagħmlu jekk tassew irridu nwettqu l-​obbligu kollu tagħna lejn Alla?

17 Jekk aħna għaqlin u verament nixtiequ nwettqu l-​obbligu kollu tagħna lejn Alla, minbarra li nħarsu l-​kmandamenti tiegħu, se jkollna wkoll biżaʼ riverenzjali li nonqsu li nogħġbuh. Tabilħaqq, “il-​bidu taʼ l-​għerf hu l-​biżaʼ tal-​Mulej,” u dawk li josservaw il-​kmandamenti tiegħu huma “tassew bil-​għaqal.” (Salm 111:10; Proverbji 1:7) Ejja mela naġixxu bil-​għaqal u nobdu lil Jehovah f’kollox. Dan hu b’mod speċjali vitali issa, għax is-​Sultan Ġesù Kristu hu preżenti, u jum il-​ġudizzju mingħandu bħala l-​Imħallef maħtur minn Alla huwa qrib.— Mattew 24:3; 25:31, 32.

18. X’se jkun ir-​riżultat għalina jekk inwettqu l-​obbligu kollu tagħna lejn Alla Jehovah?

18 Kull wieħed minna issa qiegħed jiġi mifli bir-​reqqa minn Alla. Disposti aħna spiritwalment, jew ħallejna influwenzi dinjin idgħajfu r-​relazzjoni tagħna m’Alla? (1 Korintin 2:10-16; 1 Ġwann 2:15-17) Sew jekk aħna żgħażagħ u sew jekk aħna xjuħ, ejja nagħmlu kulma nistgħu biex nogħġbu lill-​Ħallieq Grandjuż tagħna. Jekk nobdu lil Jehovah u nħarsu l-​kmandamenti tiegħu, se nirrifjutaw l-​affarijiet fiergħa tad-​dinja qadima li waslet biex tispiċċa. Imbagħad nistgħu nħaddnu t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem fis-​sistema t’affarijiet ġdida mwegħda minn Alla. (2 Pietru 3:13) Xi prospetti grandjużi dawn għal dawk kollha li jwettqu l-​obbligu kollu tagħhom lejn Alla!

Kif Twieġeb Int?

◻ Għala tgħid int li mhux kollox frugħa?

◻ Żagħżugħ Kristjan għala għandu jikkunsidra bit-​talb is-​servizz sagru tiegħu?

◻ Li nagħmlu “studju żejjed” taʼ liema xorta taʼ kotba ma jkunx taʼ benefiċċju?

◻ X’inhu “l-​obbligu kollu . . . tal-​bniedem”?

[Stampa f’paġna 20]

Mhux kollox frugħa għal dawk li jaqdu lil Jehovah

[Stampa f’paġna 23]

Kuntrarju għal ħafna kotba f’din id-​dinja, il-​Kelma t’Alla hija rifreskanti u taʼ benefiċċju

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja