LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 2/1 pp. 27-32
  • Gawdi l-Benefiċċji tat-Tagħlim Divin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Gawdi l-Benefiċċji tat-Tagħlim Divin
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ibiddel Il-​Ħajjiet
  • Skop Veru Fil-​Ħajja
  • Programm Taʼ Tagħlim Mad-​Dinja Kollha
  • Effett Taʼ Benefiċċju Fuq L-​Ispirtu Tagħna
  • Taʼ Benefiċċju Fir-​Relazzjonijiet Umani
  • Dejjem Taʼ Benefiċċju U Trijonfanti
  • It-Tagħlim Divin Jittrijonfa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Il-Kelma t’Alla Tiswa Biex Tgħallem
    Il-Ministeru tas-Saltna—2013
  • Mgħallmin Minn Jehovah Sa dan il-Jum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Il-Valur Imprezzabbli tal-Edukazzjoni Divina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 2/1 pp. 27-32

Gawdi l-Benefiċċji tat-Tagħlim Divin

“Jien, Jehovah, jien Alla tiegħek, Dak li qiegħed igħallmek biex tibbenefika lilek innifsek.”—ISAIJA 48:17.

1. X’riżultat se jkollna jekk napplikaw it-​tagħlim divin fil-​ħajjiet tagħna?

ALLA JEHOVAH jaf x’inhu l-​aħjar. Ħadd ma jgħaddih fil-​ħsieb, fil-​kliem, jew fl-​azzjoni. Bħala l-​Ħallieq tagħna, hu jaf il-​bżonnijiet tagħna u jipprovdihom b’mod abbundanti. Hu ċertament jaf kif jistruwina. U jekk napplikaw it-​tagħlim divin, nibbenefikaw lilna nfusna u ngawdu hena vera.

2, 3. (a) Il-​poplu tal-​qedem t’Alla kif kienu jibbenefikaw lilhom infushom kieku obdew il-​kmandamenti tiegħu? (b) X’jiġri jekk napplikaw it-​tagħlim divin fil-​ħajjiet tagħna llum?

2 It-​tagħlim divin jirrivela x-​xewqa ħerqana t’Alla li l-​qaddejja tiegħu jevitaw il-​gwaj u jgawdu l-​ħajja billi jaġixxu fi qbil mal-​liġijiet u l-​prinċipji tiegħu. Li kieku l-​poplu tal-​qedem taʼ Jehovah semgħu minnu, kienu jgawdu barkiet għonja, għax hu kien qalilhom: “Jien, Jehovah, jien Alla tiegħek, Dak li qiegħed igħallmek biex tibbenefika lilek innifsek, Dak li qiegħed iġiegħlek tirfes fil-​mogħdija li fiha għandek timxi. O kieku biss tagħti kas attwalment il-​kmandamenti tiegħi! Imbagħad il-​paċi tiegħek kieku ssir sewwa sew bħal xmara, u t-​tjieba tiegħek bħall-​mewġ tal-​baħar.”—Isaija 48:17, 18.

3 Il-​poplu tal-​qedem t’Alla kienu jibbenefikaw lilhom infushom li kieku taw kas tal-​kmandamenti u taʼ l-​istruzzjonijiet tiegħu. Minflok ma kienu jbatu gwaj minn idejn il-Babilonjani, kienu jgawdu paċi u prosperità sħaħ, profondi, u għal dejjem bħal xmara. Barra minn hekk, l-​għemejjel taʼ tjieba tagħhom kienu se jammontaw daqs il-​mewġ bla għadd tal-​baħar. B’mod simili, jekk napplikaw tagħlim divin fil-​ħajjiet tagħna, nistgħu ngawdu l-​ħafna benefiċċji tiegħu. X’inhuma xi ftit minn dawn?

Ibiddel Il-​Ħajjiet

4. It-​tagħlim divin kif qed jeffettwa l-​ħajjiet taʼ ħafna nies?

4 It-​tagħlim divin kien taʼ benefiċċju għal ħafna nies għaliex biddel il-​ħajjiet tagħhom għat-​tajjeb. Dawk li japplikaw l-​istruzzjoni taʼ Jehovah jabbandunaw ix-​“xogħlijiet tal-​laħam,” bħalma huma l-​kondotta laxka, l-​idolatrija, l-​ispiritiżmu, il-​ġlied, u l-​għira. Minflok, huma juru l-​frott taʼ l-​ispirtu taʼ mħabba, ferħ, paċi, sabar fit-​tul, qalb tajba, tjubija, fidi, ħlewwa, u kontroll fuqhom infushom. (Galatin 5:19-23) Huma jagħtu kas ukoll tal-​parir f’​Efesin 4:17-24, fejn Pawlu jħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin biex ma jimxux bħalma jagħmlu l-​ġnus, fin-​nuqqas taʼ siwi taʼ mħuħhom u fid-​dlam mentali, aljenati mill-​ħajja li tappartjeni lil Alla. Billi ma jiġux immexxijin minn qlub insensibbli, individwi li jixbhu lil Kristu ‘jinżgħu l-​personalità qadima li taqbel mal-​korsa taʼ kondotta taʼ qabel tagħhom u jiġu mġeddin fil-​forza li qiegħda tħaddem lil moħħhom.’ Huma ‘jilbsu l-​personalità ġdida maħluqa skond ir-​rieda t’Alla fit-​tjieba u l-​lealtà veri.’

5. It-​tagħlim divin kif jeffettwa l-​mod kif jimxu n-​nies?

5 Benefiċċju mill-​aħjar taʼ li napplikaw it-​tagħlim divin huwa li jurina kif nimxu m’Alla. Jekk nimxu maʼ Jehovah, bħalma għamel Noè, insegwu l-​korsa taʼ ħajja spjegata mill-​Għalliem Grandjuż tagħna. (Ġenesi 6:9; Isaija 30:20, 21) Nies tal-​ġnus “jimxu fin-​nuqqas taʼ siwi taʼ mħuħhom,” kif qal l-​appostlu Pawlu. U kemm jistgħu jkunu bla siwi xi kitbiet taʼ dawk l-​imħuħ! Billi nnota l-​kitbiet taʼ oħrajn fuq ħajt f’Pompej, wieħed osservatur innifsu kiteb: “Hija ħaġa taʼ l-​iskantament, O ħajt, li għadek ma ġġarraftx taħt il-​piż taʼ daqstant kitba bla sens.” Imma m’hemm xejn li hu bla sens fit-​“tagħlim taʼ Jehovah” u fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna li dan jagħmel possibbli. (Atti 13:12) Permezz taʼ dak ix-​xogħol, nies li jħobbu l-​verità jinġiebu f’sensihom. Jiġu mgħallmin kif iridu jieqfu milli jimxu fil-​mod midneb tagħhom, fl-​injoranza taʼ l-​għanijiet t’Alla. M’humiex iktar fid-​dlam mentalment, lanqas ma huma mqanqlin minn qlub insensibbli li qegħdin ifittxu miri bla siwi.

6. Liema relazzjoni hemm bejn l-​ubbidjenza tagħna lejn it-​tagħlim taʼ Jehovah u l-​hena tagħna?

6 It-​tagħlim divin jibbenefikana wkoll għaliex igħinna nsiru nafu lil Jehovah u l-​modi tiegħu kif jittratta maʼ oħrajn. Għarfien bħal dan iressaqna eqreb lejn Alla, iżid l-​imħabba tagħna lejh, u jkabbar ix-​xewqa tagħna biex nobduh. Igħid l-​1 Ġwann 5:3: “Dan hu li tfisser l-​imħabba t’Alla, li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” Naġixxu wkoll fi qbil mal-​kmandamenti taʼ Ġesù għaliex nafu li t-​tagħlim tiegħu huwa minn Alla. (Ġwann 7:16-18) Ubbidjenza bħal din tipproteġina minn ħsara spiritwali u żżid il-​hena tagħna.

Skop Veru Fil-​Ħajja

7, 8. (a) Kif għandna nifhmu Salm 90:12? (b) Kif nistgħu ndaħħlu qalb taʼ għerf?

7 It-​tagħlim taʼ Jehovah hu taʼ benefiċċju f’li jurina kif nużaw il-​ħajja tagħna bi skop. Fil-​fatt, it-​tagħlim divin jurina kif ngħoddu l-​jiem tagħna b’mod speċjali. Tul taʼ ħajja taʼ 70 sena joffri wegħda taʼ xi 25,550 jum. Wieħed li għandu 50 sena diġà qattaʼ 18,250 minnhom, u s-​7,300 jum li hu ttamat li baqagħlu jidhru ftit tabilħaqq. Speċjalment issa jistaʼ hu japprezza iktar bis-​sħiħ għala l-​profeta Mosè talab lil Alla f’Salm 90:12: “Urina sewwa sew kif ngħoddu l-​jiem tagħna b’tali mod li nkunu nistgħu ndaħħlu qalb taʼ għerf.” Imma Mosè x’ried ifisser b’dak?

8 Mosè ma riedx ifisser li Alla kellu jirrivela n-​numru eżatt tal-​jiem li kellu jkun hemm fil-​għomor taʼ kull Iżraelit. Skond Salm 90, versi 9 u 10, dak il-​profeta Ebrew irrikonoxxa li t-​tul taʼ ħajja jistaʼ jkun xi 70 jew 80 sena​—qasir tabilħaqq. Mela l-​kliem taʼ Salm 90:12 b’mod evidenti esprima x-​xewqa bit-​talb taʼ Mosè li Jehovah juri, jew igħallem, lilu u lill-​poplu Tiegħu biex jeżerċitaw għerf f’li jistmaw ‘il-​jiem tas-​snin tagħhom’ u jużawhom b’mod li Alla japprova. Sewwa, allura, xi ngħidu għalina? Napprezzaw aħna lil kull jum prezzjuż? Qegħdin aħna nġibu ġewwa qalb taʼ għerf billi nfittxu li nqattgħu kull jum b’mod taʼ siwi għall-​glorja taʼ l-​Għalliem Grandjuż tagħna, Alla Jehovah? It-​tagħlim divin igħinna nagħmlu preċiż hekk.

9. X’nistgħu nistennew jekk nitgħallmu ngħoddu l-​jiem tagħna għall-​glorja taʼ Jehovah?

9 Jekk nitgħallmu ngħoddu l-​jiem tagħna għall-​glorja taʼ Jehovah, nistgħu forsi nibqgħu ngħoddu bla ma nieqfu, għax it-​tagħlim divin jagħti għarfien għall-​ħajja eterna. “Dan ifisser il-​ħajja taʼ dejjem,” qal Ġesù, “li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku veru Alla, u dwar dak li inti bgħatt, Ġesù Kristu.” (Ġwann 17:3) M’għandniex xi ngħidu, jekk niksbu l-​għarfien kollu disponibbli tad-​dinja, dan ma jġibilniex ħajja eterna. Imma ħajja taʼ dejjem tistaʼ tkun tagħna jekk niksbu u napplikaw għarfien eżatt dwar iż-​żewġ persuni l-​iktar importanti fl-​univers u verament neżerċitaw fidi.

10. Enċiklopedija waħda xi tgħid dwar l-​edukazzjoni, u dan kif jitqabbel mal-​benefiċċji tat-​tagħlim divin?

10 Minkejja kemm diġà għexna, ejjew niftakru dan il-​benefiċċju notevoli tat-​tagħlim divin: Huwa jagħti lil dawk li japplikawh skop veru fil-​ħajja. The World Book Encyclopedia tistqarr: “L-​edukazzjoni għandha tgħin lin-​nies isiru membri utli tas-​soċjetà. Għandha tgħinhom ukoll jiżżviluppaw apprezzament lejn il-​wirt kulturali tagħhom u jgħixu ħajjiet iktar sodisfaċenti.” It-​tagħlim divin hu taʼ benefiċċju f’li jgħinna ngħixu ħajjiet sodisfaċenti. Jiżżviluppa ġewwa fina apprezzament ħerqan lejn il-​wirt spiritwali tagħna bħala l-​poplu t’Alla. U żgur li jagħmilna membri utli tas-​soċjetà, għax permezz tiegħu jkollna rwol vitali f’li nilħqu l-​ħtiġijiet tan-​nies maʼ l-​art kollha. Dak għala jistaʼ jingħad?

Programm Taʼ Tagħlim Mad-​Dinja Kollha

11. Thomas Jefferson kif enfasizza l-​ħtieġa għal edukazzjoni xierqa?

11 Bħal ebda programm ieħor taʼ istruzzjoni, it-​tagħlim divin iwettaq il-​ħtiġijiet edukattivi tan-​nies. Il-​ħtieġa li wieħed igħallem lin-​nies kienet innotata minn Thomas Jefferson, li sar it-​tielet president taʼ l-​Istati Uniti. F’ittra tat-​13 t’Awissu, 1786, lil George Wythe, ħabib tiegħu u wieħed li ffirma miegħu d-​Dikjarazzjoni taʼ l-​Indipendenza, Jefferson kiteb: “Jien bil-​wisq naħseb li l-​iktar liġi importanti fil-​kodiċi kollha tagħna hija dik għat-​tixrid taʼ l-​għarfien fost in-​nies. Ebda pedament fiż-​żgur ieħor ma jistaʼ jiġi vvintat, għaż-​żamma tal-​libertà u tal-​hena. . . . Ippriedka, għażiż sinjur tiegħi, kruċjata kontra l-​injoranza; stabbilixxi u tejjeb il-​liġi għall-​edukazzjoni tan-​nies komuni. Ħalli jkunu jafu n-​nies taʼ pajjiżna . . . li t-​taxxa li se titħallas għall-​iskop [taʼ l-​edukazzjoni] mhix iktar minn wieħed f’elf minn dak li se jitħallas lil slaten, qassisin, u nobbli li se jqumu fostna jekk inħallu lin-​nies fl-​injoranza.”

12. Għala jistaʼ jingħad li t-​tagħlim divin hu l-​iktar programm taʼ suċċess u taʼ benefiċċju għal edukazzjoni globali?

12 Minflok ma jħalli fl-​injoranza lin-​nies disposti b’mod taʼ tjieba, it-​tagħlim taʼ Jehovah jipprovdi l-​aqwa programm għal edukazzjoni globali għall-​benefiċċju tagħhom. Waqt li t-​II Gwerra Dinjija kienet għadha fl-​aqwa tagħha 50 sena ilu, il-​Kumitat taʼ l-​Istati Uniti fuq ir-​Rikostruzzjoni Edukattiva ra ħtieġa urġenti għal “edukazzjoni globali.” Dik il-​ħtieġa għadha teżisti, imma t-​tagħlim divin hu l-​uniku programm taʼ suċċess għal edukazzjoni globali. Huwa wkoll l-​iktar wieħed taʼ benefiċċju għaliex jerfaʼ lin-​nies mid-​disprament, igħollihom moralment u spiritwalment, isalvahom mill-​kburija u l-​preġudizzju tad-​dinja, u jagħti għarfien għall-​ħajja eterna. Fuq kollox, dan il-​programm qiegħed jibbenefika lin-​nies kullimkien billi jgħallimhom jaqdu lil Alla Jehovah.

13. Isaija 2:2-4 kif qed jitwettaq illum?

13 Il-​benefiċċji tat-​tagħlim divin qegħdin jiġu gawduti minn kotriet taʼ nies li qegħdin isiru qaddejja t’Alla. Huma konxji tal-​ħtieġa spiritwali tagħhom u jafu tajjeb li l-​jum taʼ Jehovah huwa qrib. (Mattew 5:3; 1 Tessalonkin 5:1-6) Eżatt issa, “fil-​parti finali tal-​jiem,” dawn in-​nies mill-​ġnus kollha qegħdin jiġru bħal nixxiegħa lejn il-​muntanja taʼ Jehovah, il-​qima pura tiegħu. Hija stabbilita fis-​sod u eżaltata ferm ’il fuq mill-​qima kollha li hi kuntrarja għar-​rieda t’Alla. (Isaija 2:2-4) Jekk int Xhud iddedikat taʼ Jehovah, ma titgħaxxaqx int li qiegħed fost il-​qtajja li dejjem qegħdin jiżdiedu li jqimu lilu u li jibbenefikaw mit-​tagħlim divin? Kemm hi ħaġa taʼ l-​għaġeb li tkun fost dawk li jesklamaw: “Faħħru lil Jah!”—Salm 150:6.

Effett Taʼ Benefiċċju Fuq L-​Ispirtu Tagħna

14. Taʼ liema benefiċċju hu li ssegwi l-​parir taʼ Pawlu fl-​1 Korintin 14:20?

14 Fost il-​ħafna benefiċċji tat-​tagħlim divin hemm l-​effett mill-​aħjar li jistaʼ jkollu fuq il-​ħsieb u l-​ispirtu tagħna. Iqanqalna biex naħsbu fuq affarijiet taʼ tjieba, indaf, taʼ virtù, u taʼ tifħir. (Filippin 4:8) It-​tagħlim taʼ Jehovah igħinna biex insegwu l-​parir taʼ Pawlu: “Kunu trabi għal dak li hu ħażen; madankollu siru nies li kibru fil-​qawwiet tal-​fehma.” (1 Korintin 14:20) Jekk napplikaw din it-​twissija, ma nfittxux għarfien fil-​ħażen. Pawlu kiteb ukoll: “Ħallu kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżieq u kliem t’abbuż jittieħed lil hinn minnkom flimkien mal-​ħażen kollu.” (Efesin 4:31) Li nagħtu kas taʼ pariri bħal dawn se jgħinna biex nevitaw l-​immoralità u dnubiet serji oħrajn. Fil-​waqt li dan jistaʼ jkun taʼ benefiċċju fiżikament u mentalment, b’mod speċjali se jġibilna l-​ferħ li nkunu nafu li qegħdin nogħġbu lil Alla.

15. Liema ħaġa tistaʼ tgħinna biex nibqgħu taʼ virtù fil-​ħsieb?

15 Jekk irridu nibqgħu bil-​virtù fil-​ħsieb, għajnuna waħda hi li nevitaw ‘sħubijiet ħżiena li jħassru drawwiet utli.’ (1 Korintin 15:33) Bħala Kristjani, ma nagħmluhiex maʼ nies żienja, adulteri, u oħrajn li jagħmlu l-​ħażin. Loġikament, allura, ma rridux nassoċjaw maʼ individwi bħal dawn billi naqraw dwarhom għal pjaċir senswali jew billi noqogħdu narawhom fuq it-​televiżjoni jew fil-​films. Il-​qalb hi qarrieqa, tistaʼ faċilment tikseb xewqa għal affarijiet ħżiena, u tistaʼ tiġi ttantata biex tagħmilhom. (Ġeremija 17:9) Ejjew għalhekk nevitaw tentazzjonijiet bħal dawn billi nżommu sod mat-​tagħlim divin. Dan jistaʼ jeffettwa l-​ħsieb tal-​“maħbubin taʼJehovah” sal-​punt taʼ benefiċċju li ‘jobogħdu dak li hu ħażin.’—Salm 97:10.

16. It-​tagħlim t’Alla kif jistaʼ jeffettwa l-​ispirtu li nuru?

16 Pawlu qal lill-​ħaddiem sieħbu Timotew: “Il-​Mulej ikun maʼ l-​ispirtu li turu. Il-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu tkun magħkom.” (2 Timotew 4:22) L-​appostlu xtaq li Alla, permezz tal-​Mulej Ġesù Kristu, japprova l-​forza li qiegħda tħaddem u li tqanqal lil Timotew u Kristjani oħrajn. It-​tagħlim t’Alla jgħinna biex nuru spirtu taʼ mħabba, taʼ qalb tajba, u ġwejjed. (Kolossin 3:9-14) U kemm hu differenti dan minn dak taʼ ħafna f’dawn l-​aħħar jiem! Huma kburin, ingrati, neqsin mill-​imħabba naturali, m’humiex lesti li jiftiehmu, rashom iebsa, iħobbu l-​pjaċiri, u neqsin mid-​devozzjoni vera lejn Alla. (2 Timotew 3:1-5) Hekk kif inkomplu napplikaw il-​benefiċċji tat-​tagħlim divin fil-​ħajjiet tagħna, madankollu, aħna nuru spirtu li jħabbibna m’Alla u mal-​bnedmin sħabna.

Taʼ Benefiċċju Fir-​Relazzjonijiet Umani

17. Koperazzjoni umli għala hi tant importanti?

17 It-​tagħlim taʼ Jehovah igħinna naraw il-​benefiċċji taʼ koperazzjoni umli maʼ adoraturi sħabna. (Salm 138:6) Kuntrarju għal ħafna nies illum, aħna ma niksrux prinċipji taʼ tjieba imma lesti li niftiehmu. Per eżempju, ħafna ġid jirriżulta għaliex indokraturi maħturin lesti li jiftiehmu matul laqgħat taʼ l-​anzjani. Dawn l-​irġiel kapaċi jitkellmu bil-​kalma fl-​interess tal-​verità, fil-​waqt li ma jħallux l-​emozzjoni ddallam il-​loġika jew tikkaġuna nuqqas taʼ unità. Il-​membri kollha tal-​kongregazzjoni se jibbenefikaw mill-​ispirtu taʼ unità li ngawdu jekk ilkoll kemm aħna nibqgħu napplikaw it-​tagħlim divin.—Salm 133:1-3.

18. It-​tagħlim divin igħinna biex ikollna liema ħarsa dwar kredenti sħabna?

18 It-​tagħlim divin huwa wkoll taʼ benefiċċju f’li jgħinna biex ikollna ħarsa xierqa taʼ kredenti sħabna. Ġesù qal: “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-​Missier, li bagħatni, ma jiġbdux.” (Ġwann 6:44) Mill-​1919 ’il hawn b’mod partikulari, Jehovah qabbad lill-​qaddejja tiegħu jipproklamaw il-​ġudizzji tiegħu, u s-​sistema dinjija taʼ Satana ġiet imbandla u mheżhża minn din it-​twissija globali. Fl-​istess ħin, bnedmin li għandhom il-​biżaʼ t’Alla​—“l-​affarijiet mixtiqin”—​inġibdu minn Alla biex jisseparaw lilhom infushom mill-​ġnus u jieħdu sehem maʼ Kristjani midlukin f’li jimlew id-​dar taʼ qima taʼ Jehovah bil-​glorja. (Ħaggaj 2:7) Ċertament, għandna nħarsu lejn uħud mixtiqin bħal dawn miġbudin minn Alla bħala mseħbin maħbubin.

19. It-​tagħlim t’Alla x’jirrivela dwar li nsolvu diffikultajiet persunali maʼ Kristjani sħabna?

19 Minħabba li lkoll kemm aħna imperfetti, m’għandniex xi ngħidu, l-​affarijiet mhux dejjem se jimxu mingħajr problemi. Meta Pawlu kien wasal biex jitlaq għat-​tieni vjaġġ missjunarju tiegħu, Barnabas kien determinat li jieħu lil Mark magħhom. Pawlu ma qabilx għaliex Mark “kien telaqhom minn Pamfilja u ma kienx mar magħhom għax-​xogħol.” Għal dan, “tfaqqiegħa qawwija taʼ rabja” żvolġiet. Barnabas ħa lil Mark miegħu lejn Ċipru, fil-​waqt li Pawlu kellu lil Silas jakkumpanjah minn ġos-​Sirja u ċ-​Ċiliċja. (Atti 15:36-41) Iktar tard, din il-​firda milli jidher issewwiet, għax Mark kien maʼ Pawlu f’Ruma, u l-​appostlu tkellem tajjeb dwaru. (Kolossin 4:10) Benefiċċju wieħed tat-​tagħlim divin hu li jurina kif insolvu diffikultajiet persunali bejn Kristjani billi nsegwu pariri bħal dak taʼ Ġesù f’​Mattew 5:23, 24 u Mattew 18:15-17.

Dejjem Taʼ Benefiċċju U Trijonfanti

20, 21. Il-​konsiderazzjoni li għamilna dwar it-​tagħlim divin għandha tqanqalna biex nagħmlu liema ħaġa?

20 Saħansitra mill-​konsiderazzjoni qasira li għamilna taʼ xi benefiċċji u trijonfi tat-​tagħlim divin, bla dubju lkoll kemm aħna nistgħu naraw il-​ħtieġa li nipperseveraw f’li napplikawh fil-​ħajjiet tagħna. Bi spirtu taʼ talb, allura, ejjew inkomplu nitgħallmu mingħand l-​Għalliem Grandjuż tagħna. Fi żmien qasir, it-​tagħlim divin se jittrijonfa bħal qatt qabel. Se jkun trijonfanti meta l-​intellettwali taʼ din id-​dinja se jkunu spiċċaw għal dejjem. (Qabbel 1 Korintin 1:19.) Barra minn hekk, hekk kif iktar miljuni jitgħallmu u jagħmlu r-​rieda t’Alla, l-​għarfien taʼ Jehovah se jimla l-​art bħalma l-​ilmijiet igħattu lill-​istess baħar. (Isaija 11:9) B’liema mod grandjuż dan se jibbenefika lill-​bnedmin ubbidjenti u jivvindika lil Jehovah bħala s-​Sovran Universali!

21 It-​tagħlim taʼ Jehovah se jkun dejjem taʼ benefiċċju u trijonfanti. Se tkompli int tibbenefika minnu bħala student ħerqan tal-​Ktieb il-​kbir taʼ istruzzjoni t’Alla? Qiegħed int tgħix f’armonija mal-​Bibbja u taqsam il-​veritajiet tagħha maʼ oħrajn? Jekk iva, tistaʼ tħares ’il quddiem lejn li tara t-​trijonf komplet tat-​tagħlim divin, għall-​glorja taʼ l-​Għalliem Grandjuż tagħna, il-​Mulej Sovran Jehovah. [w94 02/01]

X’Tgħallimt Int?

◻ It-​tagħlim divin x’effett jistaʼ jkollu fuq il-​ħajjiet tagħna?

◻ It-​tagħlim taʼ Jehovah kif qed jilħaq il-​ħtiġijiet edukattivi?

◻ It-​tagħlim divin liema effett taʼ benefiċċju jistaʼ jkollu fuq il-​ħsieb u l-​attitudni tagħna?

◻ It-​tagħlim t’Alla kif juri li hu taʼ benefiċċju rigward ir-​relazzjonijiet umani?

[Stampa f’paġna 29]

It-​tagħlim divin jurina kif nimxu m’Alla, kif għamel Noè

[Stampa f’paġna 31]

Nies mill-​ġnus kollha qegħdin jiġru bħal nixxiegħa lejn il-​muntanja taʼ Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja