LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • kl kap. 13 pp. 118-129
  • Għala li Ngħixu Ħajja Devota Jġib l-Hena

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala li Ngħixu Ħajja Devota Jġib l-Hena
  • Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​ONESTÀ TIRRIŻULTA F’HENA
  • IL-​ĠENEROŻITÀ ĠĠIB L-​HENA
  • FATTURI OĦRAJN LI JIPPROMWOVU L-​HENA
  • HENA FIŻ-​ŻWIEĠ
  • “MHUMIEX TAD-​DINJA”
  • NIŻNU L-​OSSERVANZI ANNWALI
  • IMPJIEG U DIVERTIMENT
  • RISPETT GĦALL-​ĦAJJA U D-​DEMM
  • Assigura Futur Dejjiemi għall-​Familja Tiegħek
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ferħ Veru f’li Naqdu lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Huwa ż-Żwieġ l-Uniku Muftieħ Għall-Ferħ?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Żid id-Devozzjoni Lejn Alla mas-Sabar Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
kl kap. 13 pp. 118-129

Kapitlu 13

Għala li Ngħixu Ħajja Devota Jġib l-​Hena

1. Għala nistgħu ngħidu li l-​mogħdija taʼ Jehovah iġġib l-​hena?

JEHOVAH hu “Alla l-​imbierek [“hieni,” NW],” u jridek tgawdi l-​ħajja. (1 Timotju 1:11) Billi timxi fil-​mogħdija tiegħu, tistaʼ tibbenefika lilek innifsek u tesperjenza trankwillità li hija profonda u dejjiema, bħal xmara li dejjem għaddejja. Li wieħed jimxi fil-​mogħdija t’Alla jqanqal ukoll lil dak li jkun biex iwettaq atti kontinwi taʼ tjieba, “bħal mewġ tal-​baħar.” Dan iġib il-​veru hena.—Isaija 48:17, 18.

2. Il-​Kristjani kif jistgħu jkunu henjin għalkemm kultant jiġu ttrattati ħażin?

2 Xi wħud jistgħu joġġezzjonaw, ‘In-​nies kultant isofru għax jagħmlu dak li huwa sewwa.’ Veru, u dak huwa li ġara lill-​appostli taʼ Ġesù. Għalkemm ippersegwitati, madankollu, huma thennew u komplew “[i]xandru . . . il-​Bxara it-​tajba li Ġesù hu l-​Messija.” (Atti 5:40-42) Nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet importanti minn dan. Waħda hija illi li ngħixu ħajja devota ma jiggarantix li dejjem se nkunu ttrattati tajjeb. “Fil-​fatt,” [NW] kiteb l-​appostlu Pawlu, “dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-​persekuzzjoni.” (2 Timotju 3:12) Ir-​raġuni għal dan hija li Satana u d-​dinja tiegħu jopponu lil dawk li jgħixu b’mod devot. (Ġwann 15:18, 19; 1 Pietru 5:8) Imma hena ġenwin ma jiddependix minn affarijiet esterni. Minflok, dan jiġi minn konvinzjoni li aħna qegħdin nagħmlu dak li huwa sewwa u għalhekk għandna t-​tbissima t’approvazzjoni t’Alla.—Mattew 5:10-12; Ġakbu 1:2, 3; 1 Pietru 4:13, 14.

3. Il-​qima taʼ Jehovah kif għandha teffettwa l-​ħajja taʼ persuna?

3 Hemm nies li jħossu li jistgħu jaqilgħu l-​favur t’Alla permezz t’atti taʼ devozzjoni kull tant żmien imma li jistgħu jinsew dwaru fi drabi oħrajn. Il-​vera qima t’Alla Jehovah m’hijiex hekk. Din teffettwa l-​kondotta taʼ persuna fis-​sigħat kollha li tkun imqajma, minn jum għal jum, sena wara sena. Dak huwa għala tissejjaħ ukoll “[I]t-Triq.” (Atti 19:9; Isaija 30:21) Din hija triq devota t’għixien li titlob minna li nitkellmu u naġixxu f’armonija mal-​Kelma t’Alla.

4. Għala huwa taʼ benefiċċju li wieħed jagħmel bidliet sabiex jgħix skond il-​mogħdijiet t’Alla?

4 Meta studenti ġodda tal-​Bibbja jaraw li għandhom bżonn jagħmlu xi bidliet sabiex jogħġbu lil Jehovah, jistgħu jaħsbu, ‘Huwa tassew vallapena li tgħix ħajja devota?’ Int tistaʼ tkun żgur li huwa. Għala? Għaliex “Alla hu mħabba,” u l-​mogħdijiet tiegħu għalhekk qegħdin hemm biex jibbenefikawna. (1 Ġwann 4:8) Alla hu wkoll għaref u jaf x’inhu l-​aħjar għalina. Ladarba Alla Jehovah jistaʼ kollox, hu kapaċi jsaħħaħna biex inwettqu x-​xewqa tagħna biex nogħġbuh billi naqtgħu xi vizzju ħażin. (Filippin 4:13) Ejjew nikkunsidraw xi prinċipji involuti f’għixien devot u naraw kif li napplikawhom iġib l-​hena.

L-​ONESTÀ TIRRIŻULTA F’HENA

5. Il-​Bibbja x’tgħid dwar il-​gideb u s-​serq?

5 Jehovah hu “Alla tas-​sewwa [“tal-​verità,” NW].” (Salm 31:6 [31:5, NW]) Bla dubju, int tixtieq issegwi l-​eżempju tiegħu u tkun magħruf bħala persuna li tgħid il-​verità. L-​onestà twassal għal rispett tiegħek innifsek u sentiment taʼ benesseri. Minħabba li d-​diżonestà hija tant komuni f’din id-​dinja midinba, madankollu, il-​Kristjani għandhom bżonn din it-​tfakkira: “Għidu l-​verità wieħed lil l-​ieħor . . . Iqis il-​ħalliel li ma jisraqx aktar; imma jaħdem bl-​onestà . . . biex ikun jistaʼ igħin lil min ikun fil-​bżonn.” (Efesin 4:25, 28) Impjegati Kristjani jagħtu l-​ġurnata tax-​xogħol tagħhom bl-​onestà. Kemm-il darba ma jkollhomx il-​permess taʼ min jimpjegahom, huma ma jiħdux affarijiet li jappartjenu lilu. Kemm jekk fuq ix-​xogħol, fl-​iskola, jew id-​dar, adoratur taʼ Jehovah irid ‘iġib ruħu sewwa f’kollox.’ (Lhud 13:18) Kulmin jeħodha drawwa li jigdeb u jisraq ma jistax ikollu l-​favur t’Alla.—Dewteronomju 5:19; Apokalissi 21:8.

6. L-​onestà taʼ persuna devota kif tistaʼ ġġib glorja lil Jehovah?

6 Li wieħed ikun onest jirriżulta f’ħafna barkiet. Selina hija armla Afrikana fil-​bżonn u li tħobb lil Alla Jehovah u l-​prinċipji taʼ tjieba tiegħu. Ġurnata waħda, sabet basket li kien fih ktieb tal-​bank u somma kbira ħafna taʼ flus. Billi wżat direttorju tat-​telefon, irnexxielha ssib lill-​propjetarju—sid taʼ ħanut li kien ġie misruq. Ir-​raġel ma setax jemmen lil għajnejh meta Selina, għalkemm kienet marida sew, żaritu u rritornatlu l-​kontenut kollu tal-​basket. “Onestà bħal din trid tiġi ppremjata,” qal hu u newlilha somma flus. Iktar importanti, dan ir-​raġel faħħar ir-​reliġjon taʼ Selina. Iva, għemejjel onesti jżejnu t-​tagħlim tal-​Bibbja, jigglorifikaw lil Alla Jehovah, u jġibu hena lill-​adoraturi onesti tiegħu.—Titu 2:10; 1 Pietru 2:12.

IL-​ĠENEROŻITÀ ĠĠIB L-​HENA

7. X’hemm ħażin fil-​logħob taʼ l-​azzard?

7 Hemm l-​hena f’li tkun ġeneruż, mentri nies rgħiba ma ‘jirtux is-​saltna taʼ Alla.’ (1 Korintin 6:10) Forma komuni taʼ regħba hija l-​logħob taʼ l-​azzard, li huwa attentat biex wieħed jagħmel il-​flus permezz tat-​telf t’oħrajn. Jehovah ma japprovax lil dawk li huma “mogħtija [“rgħiba”, NW] . . . għall-​qligħ baxx tal-​flus.” (1 Timotju 3:8) Saħansitra fejn il-​logħob taʼ l-​azzard huwa legali u persuna tilgħab biex tgħaddi ż-​żmien, tistaʼ ssir tiddependi minn u tkun qiegħda tippromwovi drawwa li rrovinat ħafna ħajjiet. Il-​logħob taʼ l-​azzard spiss iġib tbatija lill-​familja tal-​lagħbi, li jistgħu jitħallew bi ftit flus biex jixtru n-​neċessitajiet bħalma huma l-​ikel u l-​ilbies.—1 Timotju 6:10.

8. Ġesù kif stabbilixxa eżempju mill-​aħjar taʼ ġenerożità, u kif nistgħu aħna nkunu ġenerużi?

8 Minħabba l-​ġenerożità kollha mħabba tagħhom, il-​Kristjani jsibu l-​ferħ f’li jassistu lil oħrajn, speċjalment lil sħabhom fit-​twemmin li huma fil-​bżonn. (Ġakbu 2:15, 16) Qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art, hu osserva l-​ġenerożità t’Alla lejn l-​umanità. (Atti 14:16, 17) Ġesù nnifsu ta l-​ħin tiegħu, it-​talenti tiegħu, u saħansitra ħajtu għan-​nom taʼ l-​umanità. Għalhekk, kien ikkwalifikat sewwa biex jgħid: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Ġesù tkellem sewwa wkoll dwar l-​armla fqira li b’mod ġeneruż poġġiet żewġ muniti żgħar fis-​senduq tat-​teżor tat-​tempju, għax hi tat “dak kollu li kellha biex tgħix.” (Mark 12:41-44) L-​Iżraeliti tal-​qedem u l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu jipprovdu eżempji taʼ ġenerożità mimlija ferħ f’li jagħtu appoġġ materjali lill-​kongregazzjoni u x-​xogħol tas-​Saltna. (1 Kronaki 29:9; 2 Korintin 9:11-14) Barra milli jagħmlu kontribuzzjonijiet materjali għal dawn l-​iskopijiet, il-​Kristjani tal-​lum joffru bil-​hena kollu tifħir lil Alla u jużaw ħajjiethom fis-​servizz tiegħu. (Rumani 12:1; Lhud 13:15) Jehovah iberikom talli jużaw il-​ħin u l-​enerġija tagħhom, u riżorsi oħrajn, inklużi l-​fondi tagħhom, biex jappoġġjaw il-​qima vera u jippromwovu x-​xogħol mad-​dinja kollha taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna.—Proverbji 3:9, 10.

FATTURI OĦRAJN LI JIPPROMWOVU L-​HENA

9. X’hemm ħażin fix-​xorb eċċessiv taʼ xarbiet alkoħoliċi?

9 Biex ikunu henjin, il-​Kristani jridu wkoll ‘jgħassu l-​abbiltajiet taʼ ħsieb tagħhom.’ (Proverbji 5:1, 2, NW) Dan jirrikjedi li jaqraw u jimmeditaw fuq il-​Kelma t’Alla u letteratura Biblika bnina. Imma hemm xi affarijiet li jridu jiġu evitati. Per eżempju, ix-​xorb eċċessiv taʼ xarbiet alkoħoliċi jistaʼ jġiegħel lil persuna titlef il-​kontroll taʼ ħsibijietha. Fi stat bħal dak, ħafna nies jiġu involuti f’imġiba immorali, jaġixxu b’mod vjolenti, u jikkaġunaw inċidenti fatali. Mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja tgħid li s-​sakranazzi m’humiex se jirtu s-​Saltna t’Alla! (1 Korintin 6:10) Billi huma determinati li jibqgħu “meqjusa,” il-​veri Kristjani jevitaw is-​sokor, u dan jgħin biex jippromwovi l-​hena fosthom.—Titu 2:2-6.

10. (a) Il-​Kristjani għala ma jużawx it-​tabakk? (b) X’benefiċċji jiġu milli wieħed jeħles minn drawwiet vizzjużi?

10 Ġisem nadif jikkontribwixxi għall-​hena. Madankollu, ħafna jsiru jiddependu minn sustanzi li jagħmlu l-​ħsara. Per eżempju, ikkunsidra l-​użu tat-​tabakk. L-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa tirrapporta li t-​tipjip “joqtol tliet miljun ruħ kull sena.” Li teħles mill-​vizzju tat-​tabakk jistaʼ jkun diffiċli minħabba s-​sintomi temporanji tal-​waqfien mit-​tipjip. Mill-​banda l-​oħra, ħafna li qabel kienu jpejpu jsibu li għandhom saħħa aħjar u iktar flus għall-​ħtiġijiet tad-​dar. Iva, li tegħleb il-​vizzju tat-​tabakk jew id-​dipendenza fuq sustanzi oħrajn li jagħmlu l-​ħsara se jikkontribwixxi għal ġisem nadif, kuxjenza safja, u l-​veru hena.—2 Korintin 7:1.

HENA FIŻ-​ŻWIEĠ

11. X’inhu meħtieġ biex wieħed ikollu żwieġ onorabbli, legali u dejjiemi?

11 Dawk li jgħixu flimkien bħala mseħbin fiż-​żwieġ għandhom jaraw li ż-​żwieġ tagħhom ġie rreġistrat kif jixraq maʼ l-​awtoritajiet ċivili. (Mark 12:17) Huma jeħtieġu wkoll li jqisu r-​rabta taż-​żwieġ bħala responsabbiltà serja. Veru, separazzjoni tistaʼ ssir neċessarja f’xi każi taʼ nuqqas taʼ manteniment deliberatament, abbuż estrem, jew l-​ipperikolar assolut taʼ l-​ispiritwalità. (1 Timotju 5:8; Galatin 5:19-21) Imma l-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu fl-​1 Korintin 7:10-17 jinkuraġġixxi lill-​imseħbin fiż-​żwieġ biex jibqgħu flimkien. Għal hena veru, m’għandniex xi ngħidu, iridu jkunu leali lejn xulxin. Pawlu kiteb: “Ħalli jkun iż-​żwieġ tagħkom miżmum fil-​ġieh minn kulħadd u s-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis, għax Alla għad jagħmel ħaqq miż-​żienja u mill-​adulteri.” (Lhud 13:4) It-​terminu “sodda taż-​żwieġ” jindika l-​att sesswali bejn raġel u mara miżżewġin legalment lil xulxin. L-​ebda relazzjoni sesswali oħra, bħalma huwa żwieġ lil iktar minn mara waħda, ma tistaʼ tiġi deskritta bħala ‘miżmuma fil-​ġieh minn kulħadd.’ Iktar minn hekk, il-​Bibbja tikkundanna l-​att sesswali qabel iż-​żwieġ u l-​omosesswalità.—Rumani 1:26, 27; 1 Korintin 6:18.

12. X’inhu xi ftit mill-​frott imħassar tal-​fornikazzjoni?

12 Il-​fornikazzjoni tistaʼ ġġib xi ftit mumenti taʼ pjaċir fiżiku, imma ma tirriżultax f’hena veru. Dan ma jogħġobx lil Alla u jistaʼ jħalli marka fuq il-​kuxjenza tal-​persuna. (1 Tessalonkin 4:3-5) Il-​konsegwenzi tal-​biki minn sess illeġittimu jistgħu jkunu l-​AIDS u mard ieħor trażmess sesswalment. “Ġie stmat li iktar minn 250 miljun ruħ mad-​dinja kollha jiġu infettati kull sena bil-​gonorrea, u madwar 50 miljun bis-​sifilide,” jistqarr rapport mediku wieħed. Hemm ukoll il-​problema taʼ tqaliet m’humiex mixtiqin. The International Planned Parenthood Federation tirrapporta li, madwar id-​dinja, iktar minn 15-il miljun tfajla bejn l-​etajiet taʼ 15 u 19 joħorġu tqal kull sena, u terz minnhom jagħmlu abort. Studju wera li f’pajjiż Afrikan wieħed, il-​komplikazzjonijiet mill-​abort jirriżultaw fi 72 fil-​mija taʼ l-​imwiet kollha fost it-​tfajliet taʼ taħt l-​għoxrin. Xi nies żienja jistgħu jeħilsu mill-​mard u t-​tqala imma mhux mill-​ħsara emozzjonali. Ħafna jitilfu r-​rispett tagħhom infushom u saħansitra jobogħdu lilhom infushom.

13. Liema problemi miżjudin jiġu kkaġunati mill-​adulterju, u x’hemm fil-​futur għal dawk li jkomplu jkunu żienja u adulteri?

13 Għalkemm l-​adulterju jistaʼ jiġi maħfur, huwa bażi Skritturali valida għal divorzju min-​naħa tal-​parti innoċenti. (Mattew 5:32; qabbel Hosegħa 3:1-5.) Meta immoralità bħal din tirriżulta f’li żwieġ jitfarrak, dan jistaʼ jħalli marki emozzjonali profondi fuq il-​parti innoċenti u fuq it-​tfal. Għall-​ġid tal-​familja umana, il-​Kelma t’Alla turi li dan il-​ġudizzju avvers se jiġi fuq iż-​żienja u l-​adulteri li ma jindmux. Iktar minn hekk, dan juri ċar u tond li dawk li jipprattikaw l-​immoralità sesswali ‘ma jirtux is-​saltna taʼ Alla.’—Galatin 5:19, 21.

“MHUMIEX TAD-​DINJA”

14. (a) Liema huma xi forom taʼ idolatrija li jiġu evitati minn persuna devota? (b) Liema gwida hija pprovduta fi Ġwann 17:14 u Isaija 2:4?

14 Dawk li jixtiequ jogħġbu lil Jehovah u jgawdu l-​barkiet tas-​Saltna jevitaw l-​idolatrija fi kwalunkwe forma. Il-​Bibbja turi li huwa ħażin li tagħmel u tqim ix-​xbihat, inklużi dawk taʼ Kristu, jew taʼ Marija omm Ġesù. (Eżodu 20:4, 5; 1 Ġwann 5:21) Mela, il-​veri Kristjani ma jagħtux qima lil ikoni, slaleb, u xbihat. Huma wkoll jevitaw forom iktar sottili taʼ idolatrija, bħalma huma atti taʼ devozzjoni lejn il-​bnadar u l-​kant t’għanjiet li jigglorifikaw lill-​ġnus. Meta jkunu taħt pressjoni biex iwettqu atti bħal dawn, huma jiftakru l-​kliem taʼ Ġesù lil Satana: “Lill-​Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.” (Mattew 4:8-10) Ġesù qal li s-​segwaċi tiegħu “mhumiex tad-​dinja.” (Ġwann 17:14) Dan ifisser li tkun newtrali fi kwistjonijiet politiċi u li tgħix paċifikament f’armonija maʼ Isaija 2:4, li jgħid: “Il-​Mulej [Jehovah] jagħmel il-​ħaqq bejn il-​ġnus, u jaqtaʼ s-​sentenza bejn ħafna popli; u huma jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-​xabla kontra ġens ieħor, u s-​sengħa tal-​gwerra iżjed ma jitgħallmuhiex.”

15. X’inhi Babel il-​kbira, u x’jagħmlu ħafna studenti ġodda tal-​Bibbja biex joħorġu minnha?

15 Li wieħed ma jkunx “tad-​dinja” jfisser ukoll li jaqtaʼ kull sħubija maʼ “BABEL IL-​KBIRA,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Qima mhix nadifa nfirxet minn Babilonja tal-​qedem sakemm waslet biex teżerċita dominju spiritwali taʼ ħsara fuq in-​nies madwar l-​art kollha. “BABEL IL-​KBIRA” tħaddan ir-​reliġjonijiet kollha li d-​duttrini u l-​prattiċi tagħhom m’humiex f’armonija maʼ l-​għarfien dwar Alla. (Apokalissi 17:1, 5, 15, KŻ) L-​ebda adoratur leali taʼ Jehovah ma se jieħu sehem f’attivitajiet taʼ taħlit tal-​fidi billi jieħu sehem f’qima maʼ reliġjonijiet differenti jew billi jkollu sħubija spiritwali maʼ kwalunkwe parti minn Babilonja l-​Kbira. (Numri 25:1-9; 2 Korintin 6:14) B’konsegwenza taʼ dan, ħafna studenti ġodda tal-​Bibbja jibagħtu ittra taʼ riżenja lill-​organizzazzjoni reliġjuża li lilha jappartjenu. Dan ġabhom eqreb lejn dak Alla veru, bħalma ġie mwiegħed: “Oħorġu minn ġo nofshom, u nfirdu minnhom, igħid il-​Mulej; la tmissux l-​imniġġes, u jien nilqagħkom.” (2 Korintin 6:17; Apokalissi 18:4, 5) M’huwiex aċċettar bħal dan minn Missierna tas-​sema dak li tixtieq bil-​ħerqa kollha?

NIŻNU L-​OSSERVANZI ANNWALI

16. Il-​veri Kristjani għala ma jiċċelebrawx il-​Milied?

16 Ħajja devota teħlisna mill-​iċċelebrar taʼ btajjel dinjin li taʼ spiss ikun taʼ piż. Per eżempju, il-​Bibbja ma tirrivelax il-​ġurnata eżatta tat-​twelid taʼ Ġesù. ‘Kont naħseb li Ġesù twieled fil-​25 taʼ Diċembru!’ xi wħud jistgħu jesklamaw. Dan m’huwiex possibbli għaliex hu miet fir-​rebbiegħa tas-​sena 33 E.K. fl-​età taʼ 33 sena u nofs. Iktar minn hekk, fiż-​żmien tat-​twelid tiegħu, ir-​ragħajja kienu “fir-​rabaʼ, għassa mal-​merħla tagħhom bil-​lejl.” (Luqa 2:8) Fil-​pajjiż taʼ Iżrael, lejn l-​aħħar taʼ Diċembru huwa staġun kiesaħ bix-​xita li matulu n-​ngħaġ jinżammu f’postijiet imkennijin matul il-​lejl biex jipproteġuhom mit-​temp xitwi. Attwalment, il-​25 taʼ Diċembru ntgħażel mir-​Rumani bħala għeluq snin l-​alla xemx tagħhom. Sekli wara li Ġesù kien fuq l-​art, Kristjani apostati adottaw din id-​data għaċ-​ċelebrazzjoni tat-​twelid taʼ Kristu. B’konsegwenza taʼ dan, il-​veri Kristjani ma jiċċelebrawx il-​Milied jew kwalunkwe btala oħra bbażata fuq twemmin reliġjuż falz. Minħabba li jagħtu lil Jehovah devozzjoni esklussiva, huma wkoll ma josservawx btajjel li jidolizzaw bnedmin midinbin jew ġnus.

17. Nies devoti għala ma jagħmlux festi t’għeluq sninhom, u tfal Kristjani għala huma henjin xorta waħda?

17 Il-​Bibbja speċifikament issemmi biss żewġ osservanzi t’għeluq is-​snin, li t-​tnejn li huma jinvolvu lil irġiel li ma kinux jaqdu lil Alla. (Ġenesi 40:20-22; Mattew 14:6-11) Ladarba l-​Iskrittura ma tirrivelax id-​data tat-​twelid tar-​raġel perfett Ġesù Kristu, għala għandna nagħtu attenzjoni speċjali lil għeluq is-​snin taʼ bnedmin imperfetti? (Koħelet 7:1) M’għandniex xi ngħidu, ġenituri devoti ma jistennewx xi ġurnata speċjali biex juru mħabba lejn it-​tfal tagħhom. Tifla Kristjana taʼ 13-il sena rrimarkat: “Il-​familja tiegħi u jien nieħdu ħafna gost. . . . Jien qrib ħafna tal-​ġenituri tiegħi, u meta xi tfal oħrajn jistaqsuni għala ma niċċelebrax il-​btajjel, jien ngħidilhom li kuljum niċċelebra.” Qal żagħżugħ Kristjan taʼ 17-il sena: “Fid-​dar tagħna, l-​għoti taʼ rigali jsir is-​sena kollha.” Hena akbar jirriżulta meta l-​għotjiet jingħataw spontanjament.

18. Ġesù liema osservanza annwali waħda kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex iħarsu, u din dwar liema ħaġa tfakkarna?

18 Għal dawk li qegħdin isegwu ħajja devota, hemm ġurnata waħda kull sena li għandha tiġi osservata b’mod speċjali. Din hija l-​Ikla taʼ Fil-​Għaxija tal-​Mulej, taʼ spiss imsejħa l-​Mafkar tal-​Mewt taʼ Kristu. Dwar dan, Ġesù kkmanda lis-​segwaċi tiegħu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19, 20; 1 Korintin 11:23-25) Meta Ġesù istitwixxa din l-​ikla fil-​lejl taʼ l-​14 taʼ Nisan, tas-​sena 33 E.K., hu uża ħobż bla ħmira u nbid aħmar, li rrappreżentaw lill-​ġisem uman bla dnub tiegħu u d-​demm perfett tiegħu. (Mattew 26:26-29) Dawn l-​emblemi jieħdu sehem minnhom Kristjani midlukin bl-​ispirtu qaddis t’Alla. Huma ġew meħudin fil-​patt il-​ġdid u l-​patt għas-​Saltna, u għandhom tama għas-​sema. (Luqa 12:32; 22:20, 28-30; Rumani 8:16, 17; Apokalissi 14:1-5) Minkejja dan, benefiċċji jiġu esperjenzati minn dawk kollha preżenti fil-​lejla li tikkorrispondi maʼ l-​14 taʼ Nisan fuq il-​kalendarju antik Lhudi. Huma jiġu mfakkrin dwar l-​imħabba murija minn Alla Jehovah u Ġesù Kristu permezz tas-​sagrifiċċju bħala rahan li jpatti għad-​dnub u jagħmel il-​ħajja eterna possibbli għal dawk li għandhom il-​favur divin.—Mattew 20:28; Ġwann 3:16.

IMPJIEG U DIVERTIMENT

19. Il-​Kristjani liema sfida jiffaċċjaw f’li jaqilgħu l-​għixien?

19 Il-​veri Kristjani huma taħt obbligu li jaħdmu iebes u jipprovdu għall-​ħtiġijiet tagħhom. Li jwettqu dan iġib sentiment taʼ sodisfazzjon lill-​kapijiet tal-​familja. (1 Tessalonkin 4:11, 12) M’għandniex xi ngħidu, jekk l-​impjieg taʼ xi Kristjan huwa f’konflitt mal-​Bibbja, dan iċaħħdu mill-​hena. Madankollu, xi drabi huwa diffiċli għal Kristjan biex isib impjieg li huwa f’armonija mal-​livelli tal-​Bibbja. Per eżempju, xi impjegati jiġu mitlubin biex iqarrqu bil-​klijenti. Mill-​banda l-​oħra, ħafna minn dawk li jimpjegaw lin-​nies jagħmlu konċessjonijiet biex jakkomodaw il-​kuxjenza taʼ ħaddiem onest, billi ma jkunux iridu jitilfu impjegat taʼ min jafdah. Ikun x’ikun dak li jiżviluppa, madankollu, int tistaʼ tkun żgur li Alla se jbierek l-​isforzi tiegħek biex issib impjieg li jħallik b’kuxjenza nadifa.—2 Korintin 4:2.

20. Għala għandna nkunu selettivi f’li nagħżlu d-​divertiment?

20 Ladarba Alla jrid li l-​qaddejja tiegħu jkunu henjin, għandna bżonn nibbilanċjaw ix-​xogħol iebes b’xi perijodi rifreskanti taʼ rikreazzjoni u mistrieħ. (Mark 6:31; Koħelet 3:12, 13) Id-​dinja taʼ Satana tippromwovi divertiment li m’huwiex kif irid Alla. Imma biex nogħġbu lil Alla, irridu nkunu selettivi dwar il-​kotba li naqraw, il-​programmi tar-​radju u l-​mużika li nisimgħu, u l-​kunċerti, films, reċti, programmi televiżivi, u vidjos li naraw. Jekk id-​divertiment li għażilna fil-​passat huwa f’konflitt mat-​twissijiet fi skritturi bħal Dewteronomju 18:10-12, Salm 11:5, u Efesin 5:3-5, se nogħġbu lil Jehovah u se nkunu iktar henjin jekk nagħmlu aġġustamenti.

RISPETT GĦALL-​ĦAJJA U D-​DEMM

21. Rispett għall-​ħajja kif għandu jeffettwa l-​ħarsa tagħna lejn l-​abort, kif ukoll id-​drawwiet u l-​kondotta tagħna?

21 Biex ikollna l-​veru hena, jeħtieġ li nqisu l-​ħajja umana bħala sagra, saħansitra bħalma jagħmel Jehovah. Il-​Kelma tiegħu tipprojbilna li nikkommettu qtil. (Mattew 19:16-18) Fil-​fatt, il-​Liġi t’Alla lil Iżrael turi li hu jqis lit-​tarbija mhix imwielda bħala ħajja prezzjuża—mhux xi ħaġa li għandha tiġi meqruda. (Eżodu 21:22, 23) Għal dik ir-​raġuni, ma rridux nittrattaw il-​ħajja bħala bla valur billi nużaw it-​tabakk, billi nabbużaw lil ġisimna bid-​drogi jew bl-​alkoħol, jew billi nieħdu riskji bla bżonn. La għandna nieħdu sehem f’attivitajiet li jheddu l-​ħajja u lanqas m’għandna ninjoraw prekawzjonijiet li jissalvagwardjaw il-​ħajja, li jistaʼ jirriżulta fi ħtija taʼ demm.—Dewteronomju 22:8.

22. (a) X’inhi l-​ħarsa devota dwar id-​demm u l-​użu tiegħu? (b) Id-​demm taʼ min biss verament isalva l-​ħajja?

22 Jehovah qal lil Noè u lill-​familja tiegħu li d-​demm jirrappreżenta lir-​ruħ, jew ħajja. Għalhekk, Alla pprojbielhom li jieklu kwalunkwe demm. (Ġenesi 9:3, 4) Ladarba aħna d-​dixxendenti tagħhom, il-​liġi torbot lilna lkoll. Jehovah qal lill-​Iżraeliti li d-​demm kellu jiġi mxerred fl-​art u ma kellux jiġi wżat għall-​iskopijiet tal-​bniedem stess. (Dewteronomju 12:15, 16) U l-​liġi t’Alla dwar id-​demm ġiet imtennija meta l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu ngħataw l-​istruzzjoni: ‘Tbiegħdu mid-​demm.’ (Atti 15:28, 29) Minħabba r-​rispett lejn is-​santità tal-​ħajja, nies devoti ma jaċċettawx trasfużjonijiet tad-​demm, saħansitra jekk oħrajn jinsistu li proċedura bħal din tkun se ssalva l-​ħajja. Ħafna alternattivi mediċi aċċettabbli għax-​Xhieda taʼ Jehovah urew li kienu effettivi ferm u ma jesponux lil dak li jkun għall-​perikli minn trasfużjonijiet tad-​demm. Il-​Kristjani jafu li huwa biss id-​demm imxerred taʼ Ġesù li verament isalva l-​ħajja. Il-​fidi f’dan iġib il-​maħfra u l-​prospett taʼ ħajja eterna.—Efesin 1:7.

23. X’inhuma xi premjijiet taʼ mod devot taʼ ħajja?

23 B’mod ċar, li ngħixu ħajja devota jirrikjedi sforz. Dan jistaʼ jirriżulta f’li niġu mwaqqgħin għaż-​żufjett minn membri tal-​familja jew dawk li jafuna. (Mattew 10:32-39; 1 Pietru 4:4) Imma l-​premjijiet taʼ li wieħed jgħix ħajja bħal din jisbqu bil-​wisq lil kwalunkwe provi. Dan jirriżulta f’kuxjenza nadifa u jipprovdi sħubija bnina m’adoraturi sħabna taʼ Jehovah. (Mattew 19:27, 29) Imbagħad, ukoll, immaġina li ngħixu għal dejjem fid-​dinja ġdida taʼ tjieba t’Alla. (Isaija 65:17, 18) U x’ferħ hemm f’li ngħixu fi qbil mal-​parir tal-​Bibbja u b’hekk inġiegħlu lil qalb Jehovah tithenna! (Proverbji 27:11) Mhux taʼ b’xejn illi li ngħixu ħajja devota jġib l-​hena!—Salm 128:1, 2.

ITTESTJA L-​GĦARFIEN TIEGĦEK

Liema huma xi raġunijiet għala li ngħixu ħajja devota jġib l-​hena?

Għixien devot jistaʼ jitlob għal liema tibdiliet?

Int għala trid tgħix ħajja devota?

[Stampa f’paġna 124, 125]

Attivitajiet spiritwali bbilanċjati b’xi perijodi taʼ rilassament jikkontribwixxu għall-​hena taʼ dawk li qegħdin jgħixu ħajja devota

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja