Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Isaija—I
“LIL min se nibgħat? Min se jmurilna?” Għal din l-istedina minn Alla Ġeħova, Isaija bin Amos iwieġeb: “Hawn jien: ibgħat lili!” (Isaija 1:1; 6:8) Dak il-ħin, hu jirċievi inkarigu bħala profeta. L-attivitajiet profetiċi taʼ Isaija huma mniżżlin fil-ktieb Bibliku li jġib ismu.
Il-ktieb taʼ Isaija, li nkiteb mill-profeta nnifsu, ikopri perijodu taʼ xi 46 sena, minn madwar is-sena 778 Q.E.K. sa xi żmien wara s-sena 732 Q.E.K. Filwaqt li l-ktieb fih orakli kontra Ġuda, Iżrael, u l-ġnus taʼ madwarhom, it-tema bażika tiegħu m’hijiex il-kundanna. Minflok, il-messaġġ hu s-“salvazzjoni” minn Ġeħova. (Isaija 25:9) Fil-fatt, isem Isaija stess ifisser “Salvazzjoni taʼ Ġeħova.” Dan l-artiklu se jiddiskuti punti prinċipali minn Isaija 1:1–35:10.
‘FDAL BISS JERĠAʼ LURA’
Il-Bibbja ma tgħidx jekk il-messaġġ profetiku mniżżel fl-ewwel ħames kapitli tal-ktieb taʼ Isaija jiġux imwasslin qabel ma Isaija jinħatar bħala profeta jew wara. (Isaija 6:6-9) Però, dak li jidher ċar hu li Ġuda u Ġerusalemm huma morda spiritwalment “minn qiegħ ir-riġel sar-ras.” (Isaija 1:6) L-idolatrija tinsab mifruxa maʼ kullimkien. Il-mexxejja huma korrotti. In-nisa saru mkabbrin. In-nies ma jaqdux lil Alla b’mod aċċettabbli. Isaija jingħata l-inkarigu biex imur u jkellem “darba wara l-oħra” (NW) lil dawk li la jifhmu u lanqas iridu jkunu jafu.
Ġuda tinsab mhedda mill-invażjoni tal-forzi magħqudin taʼ Iżrael u s-Sirja. Billi juża lil Isaija u lil uliedu bħala “sinjali u għeġubijiet,” Ġeħova jassigura lil Ġuda li l-alleanza tas-Sirja u Iżrael mhux se tirnexxi. (Isaija 8:18) Però, il-paċi dejjiema se tiġi biss permezz tal-ħakma tal-“Prinċep tas-sliem.” (Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW]) Ġeħova se jitlob kont ukoll mill-Assirja, il-ġens li hu juża bħala ‘l-ħatar t’għadbu.’ Ġuda maż-żmien se tispiċċa fil-jasar, imma ‘fdal biss jerġaʼ lura.’ (Isaija 10:5, 21, 22) Il-ġustizzja vera se ssir realtà taħt il-ħakma taʼ “fergħa [figurattiva] miz-zokk taʼ Ġesse.”—Isaija 11:1.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:8, 9—Bint Sijon kif kellha ‘tibqaʼ waħedha, bħal għarix f’qasam dwieli, bħal girna f’għalqa bħajra’? Dan ifisser li matul l-invażjoni Assirjana, Ġerusalemm se tidher tassew bla difiża, bħal sempliċi għarix f’qasam tad-dwieli jew bħal girna li tiġġarraf malajr f’għalqa bħajra. Imma Ġeħova jiġi biex jgħinha, u għalhekk ma jħallihiex issir bħal Sodoma u Gomorra.
1:18—Xi jfisser il-kliem: “Ejjew, mela, nirraġunaw flimkien”? Din m’hijiex stedina biex issir diskussjoni u jintlaħaq ftehim permezz taʼ konversazzjonijiet li fihom isir kompromess. Minflok, dan il-vers jirreferi għal ambjent bħal dak taʼ qorti li fih l-Imħallef ġust, Ġeħova, jagħti lil Iżrael opportunità biex jinbidel u jnaddaf lilu nnifsu.
6:8a—Hawnhekk għal min qed jirreferi l-kliem “nibgħat” u “jmurilna”? Il-kelma “nibgħat” qed tirreferi għal Alla Ġeħova. Il-kelma “jmurilna” tindika li hemm xi ħaddieħor maʼ Ġeħova. M’għandniex xi ngħidu, dan hu “l-Iben uniġenitu tiegħu.”—Ġwanni 1:14; 3:16.
6:11—Isaija x’ried ifisser meta staqsa: “Sakemm Sidi?” Isaija ma kienx qed jistaqsi sakemm kellu jdum iwassal il-messaġġ taʼ Ġeħova lin-nies li ma kinux qed iwieġbu għalih. Minflok, hu ried ikun jaf kemm kellha ddum il-kundizzjoni marida spiritwalment tan-nies li kienet qed iġġib diżunur lill-isem t’Alla.
7:3, 4—Ġeħova għala salva lis-Sultan ħażin Aħaż? Is-slaten tas-Sirja u Iżrael ippjanaw li jneħħu lis-Sultan Aħaż taʼ Ġuda minn fuq it-tron u minfloku jpoġġu ħakkiem kontrollat minnhom, lil bin Tabal—raġel li ma kienx dixxendent taʼ David. Dan il-pjan Sataniku setaʼ jinterrompi l-funzjoni tal-patt tas-Saltna maʼ David. Ġeħova salva lil Aħaż sabiex jippreserva l-linja li minnha kellu jiġi “l-Prinċep tas-sliem” li kien ġie mwiegħed.—Isaija 9:5 (9:6, NW).
7:8—Efrajm kif sar “bċejjeċ” f’65 sena? Dan sar minħabba li n-nies bdew jiġu deportati mis-saltna t’għaxar tribujiet u l-art bdiet issir abitata mill-barranin “fi żmien Pekaħ, sultan taʼ Iżrael,” ftit wara li Isaija qal il-profezija. (2 Slaten 15:29) Dan baqaʼ għaddej sa ħafna wara fil-ġranet tas-Sultan Assirjan Asarħaddun, li kien l-iben u s-suċċessur taʼ Sanħerib. (2 Slaten 17:6; Esdra 4:1, 2; Isaija 37:37, 38) Minħabba li l-Assirjani bdew kontinwament joħorġu n-nies mis-Samarija u jġibu oħrajn minflokhom, laħaq għadda l-perijodu taʼ 65 sena msemmi f’Isaija 7:8.
11:1, 10—Ġesù Kristu kif jistaʼ jkun “fergħa miz-zokk taʼ Ġesse” kif ukoll “l-għerq taʼ Ġesse”? (Rumani 15:12) Ġesù kien “miz-zokk taʼ Ġesse” f’sens ġenealoġiku. Hu kien dixxendent taʼ Ġesse permezz taʼ David bin Ġesse. (Mattew 1:1-6; Luqa 3:23-32) Madankollu, minħabba li jirċievi l-qawwa taʼ sultan, il-mod kif Ġesù huwa relatat maʼ l-antenati tiegħu jiġi effettwat. Minħabba li jingħata qawwa u awtorità biex jagħti ħajja taʼ dejjem fuq l-art lill-bnedmin ubbidjenti, Ġesù jsir “Missier għal dejjem.” (Isaija 9:5 [9:6, NW]) Għalhekk, hu wkoll “l-għerq” taʼ l-antenati tiegħu, inkluż Ġesse.
Lezzjonijiet Għalina:
1:3. Min jirrifjuta li jgħix skond dak li jeħtieġ il-Ħallieq tagħna jkun bħallikieku jaf inqas minn gendus jew ħmar. Mill-banda l-oħra, jekk nibnu l-apprezzament għal dak kollu li Ġeħova għamel magħna se nżommu lura milli nġibu ruħna taʼ wħud li ma jifhmux u nitilquh.
1:11-13. Lil Ġeħova jdejquh iċ-ċerimonji reliġjużi u t-talb formali li m’humiex sinċieri. L-għemejjel u t-talb tagħna għandhom ikunu mqanqlin minn motivazzjoni xierqa f’qalbna.
1:25-27; 2:2; 4:2, 3. Il-jasar u l-ħerba taʼ Ġuda kellhom jispiċċaw malli l-fdal niedem imur lura lejn Ġerusalemm u l-qima vera terġaʼ tiġi restawrata. Ġeħova juri ħniena maʼ dawk li jindmu mill-ħażen tagħhom.
2:2-4. Jekk nieħdu sehem biż-żelu fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u li nagħmlu dixxipli, individwi minn ħafna ġnus jiġu megħjunin jitgħallmu l-paċi u kif iżommuha bejniethom.
4:4. Ġeħova se jneħħi, jew inaddaf, il-ħmieġ morali u l-ħtija tad-demm.
5:11-13. Min ma jużax ir-rażna u l-bilanċ fl-għażla tarrikreazzjoni tiegħu jkun qed jirrifjuta li jaġixxi skond l-għarfien.—Rumani 13:13.
5:21-23. L-anzjani Kristjani, jew l-indokraturi, għandhom joqogħdu lura milli jkunu “għorrief f’għajnejhom.” Huma jridu jkunu moderati ‘fix-xorb taʼ l-inbid’ u għandhom joqogħdu lura milli juru l-preferenzi.
11:3a. L-eżempju taʼ Ġesù u t-tagħlim tiegħu juru li l-biżaʼ taʼ Ġeħova jġib il-ferħ.
“IL-MULEJ IĦENN GĦAL ĠAKOBB”
Kapitli 13 sa 23 huma orakli kontra l-ġnus. Madankollu, “il-Mulej iħenn għal Ġakobb” billi jippermetti li t-tribujiet kollha taʼ Iżrael jirritornaw lejn darhom. (Isaija 14:1) Mal-messaġġ taʼ qerda lil Ġuda f’kapitlu 24 sa 27 hemm il-wegħda taʼ restawrazzjoni. Ġeħova jesprimi r-rabja tiegħu għas-“sakranazzi taʼ Efrajm [Iżrael]” minħabba li fformaw alleanza mas-Sirja u għall-‘qassisin u l-profeti’ taʼ Ġuda talli fittxew alleanza maʼ l-Assirja. (Isaija 28:1, 7) Jiġi mbassar gwaj fuq dawk t’“Arjel [jew “Ġerusalemm,” skond in-nota taʼ taħt fin-New World Translation]” talli “telqu u niżlu l-Eġittu” għall-protezzjoni. (Isaija 29:1; 30:1, 2) Xorta waħda, is-salvazzjoni hija mbassra għal dawk li jeżerċitaw fidi f’Ġeħova.
Bħal ‘ferħ l-iljun jgħajjat fuq il-priża,’ Ġeħova se jħares lill-“muntanja taʼ Sijon.” (Isaija 31:4) Hemm ukoll wegħda: “Araw, sultan għad isaltan bil-ġustizzja.” (Isaija 32:1) Waqt li t-theddida Assirjana kontra Ġuda ġġiegħel saħansitra lill-“messaġġiera tas-sliem” (Saydon) jibku bl-imrar, Ġeħova jwiegħed li l-poplu tiegħu kellu jfiq, kellha “tinħafirlu ħżunitu.” (Isaija 33:7, 22-24) “Il-Mulej mgħaddab għall-ġnus kollha, u s-saħna tiegħu fuq l-eżerċti kollha tagħhom.” (Isaija 34:2) Ġuda m’hijiex se tibqaʼ ħerba. “Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-ranġis.”—Isaija 35:1.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
13:17—Il-Medi b’liema mod ma ħasbux fil-fidda u m’għamlux għad-deheb? Il-Medi u l-Persjani kienu jħarsu lejn il-glorja mill-konkwisti tagħhom bħala taʼ iktar valur mill-priża li setgħu jaħtfu fil-gwerra. Dan wera li kien minnu fil-każ taʼ Ċiru, li ta lill-eżiljati li rritornaw it-tagħmir tad-deheb u l-fidda li Nabukodonosor ħataf mit-tempju taʼ Ġeħova.
14:1, 2—Il-poplu taʼ Ġeħova kif ‘kiseb bħala lsiera [lil] dawk li kienu ijassruh’ u kif ‘ħakem lill-ħakkiema tiegħu’? Dan twettaq fil-każ taʼ individwi bħal Danjel, li kellu pożizzjoni għolja f’Babilonja taħt il-Medi u l-Persjani; Ester, li saret reġina Persjana; u Mordekaj, li ġie mlaħħaq bħala prim ministru taʼ l-Imperu Persjan.
20:2-5—Isaija tassew li mexa għarwien għalkollox għal tliet snin? Jistaʼ jkun li Isaija neħħa biss il-libsa taʼ barra u kien jimxi “liebes ħafif.”—1 Samwel 19:24 (NW), nota taʼ taħt.
21:1—Liema reġjun jissejjaħ “id-deżert tal-baħar”? Għalkemm Babilonja ma kienet tinsab qrib ebda baħar, il-vers jirreferi għaliha b’dan il-mod. Dan hu minħabba li l-ilmijiet imfawrin tax-xmajjar Ewfrat u Tigri kienu jgħarrqu r-reġjun kull sena, u joħolqu “baħar” taʼ għadajjar.
24:13-16—Il-Lhud kif kellhom isiru “fost il-popli, bħal meta jfarfru s-siġar taż-żebbuġ, bħall-fdal wara l-ġbir taʼ l-għeneb”? Sewwasew bħalma fuq siġra jew dielja jibqaʼ ftit frott wara l-ħsad, hekk ukoll dawk li jsalvaw mill-qerda taʼ Ġerusalemm u Ġuda kellhom ikunu ftit. Kulfejn dawk li jsalvaw kienu jiġu deportati, kemm jekk “fil-lvant [fejn hemm Babilonja]” u kemm jekk “fil-gżejjer tal-punent [tal-baħar Mediterran],” dawn kellhom jigglorifikaw lil Ġeħova.
24:21—Min huma “l-eżerċti tas-smewwiet” u “s-slaten taʼ l-art”? “L-eżerċti tas-smewwiet” jistgħu fil-fatt jirreferu għall-forzi taʼ l-ispirti ħżiena. “Is-slaten taʼ l-art,” allura, huma l-ħakkiema taʼ l-art, li d-demonji għandhom influwenza qawwija fuqhom.—1 Ġwanni 5:19.
25:7—X’inhu “l-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha, għata li kien jaħbi kollha kemm huma l-ġnus”? Din it-tixbiha tiġbed l-attenzjoni lejn żewġ għedewwa kbar tal-bniedem—id-dnub u l-mewt.
Lezzjonijiet Għalina:
13:20-22; 14:22, 23; 21:1-9. Il-kelma profetika taʼ Ġeħova dejjem isseħħ, bħalma ġara fil-każ taʼ Babilonja.
17:7, 8. Għalkemm il-maġġuranza f’Iżrael ma tawx kas, xi ftit individwi fittxew lil Ġeħova. Bl-istess mod, xi wħud fil-Kristjaneżmu jwieġbu għall-messaġġ tas-Saltna.
28:1-6. Iżrael se jispiċċa f’idejn l-Assirja, imma Alla se jara li min hu leali jsalva. Il-ġudizzji taʼ Ġeħova ma jħallux lil min hu ġust bla tama.
28:23-29. Ġeħova jaġġusta lil uħud sinċieri skond il-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom.
30:15. Is-salvazzjoni minn Ġeħova teħtieġ li aħna nuru l-fidi billi nżommu “l-kalma,” jew noqogħdu lura, milli nfittxu s-salvazzjoni permezz taʼ pjanijiet umani. Billi nibqgħu “fil-kwiet,” jew billi ma nibżgħux, aħna nuru l-fiduċja tagħna fl-abbiltà taʼ Ġeħova li jipproteġina.
30:20, 21. Aħna ‘naraw’ lil Ġeħova u ‘nisimgħu’ l-leħen tiegħu taʼ salvazzjoni billi nagħtu kas dak li jgħidilna permezz tal-Kelma ispirata tiegħu, il-Bibbja, u permezz taʼ “l-ilsir leali u għaqli.”—Mattew 24:45.
Il-Profezija taʼ Isaija Ssaħħaħ il-Fiduċja Tagħna fil-Kelma t’Alla
Kemm għandna għalxiex inkunu grati għall-messaġġ t’Alla fil-ktieb taʼ Isaija! Il-profeziji li diġà seħħew isaħħu l-fiduċja tagħna li dak li ‘joħroġ minn fomm [Ġeħova] ma jerġax lura vojt.’—Isaija 55:11.
Xi ngħidu għall-profeziji Messjaniċi, bħal dawk li nsibu f’Isaija 9:6 (9:7, NW) u 11:1-5, 10? Ma jsaħħux dawn il-fidi tagħna fil-provvediment taʼ Ġeħova għas-salvazzjoni tagħna? Il-ktieb fih ukoll profeziji li l-parti l-kbira minnhom qed iseħħu fi żmienna jew għadhom se jseħħu. (Isaija 2:2-4; 11:6-9; 25:6-8; 32:1, 2) Tabilħaqq, il-ktieb taʼ Isaija jżid maʼ l-evidenza li “l-kelma t’Alla hi ħajja”!—Ebrej 4:12.
[Stampa f’paġna 8]
Isaija u wliedu kienu lkoll “sinjali u għeġubijiet f’Iżrael”
[Stampa f’paġna 9]
Ġerusalemm kellha ssir “bħal għarix f’qasam dwieli”
[Stampa f’paġna 10]
In-nies mill-ġnus kif qed jiġu megħjunin “jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet”?