Ħu Bħala Xempju l-Profeti t’Alla
“L-aħwa, ħudu bħala xempju taʼ li ssofru d-deni u li teżerċitaw il-paċenzja lill-profeti, li tkellmu f’isem Jehovah.”—ĠAKBU 5:10.
1. Liema ħaġa tgħin lill-qaddejja taʼ Jehovah biex jithennew saħansitra meta jkunu ppersegwitati?
IL-QADDEJJA taʼ Jehovah jiddu bil-ferħ minkejja d-dieqa prevalenti mad-dinja kollha f’dawn l-aħħar jiem. Dan huwa hekk għaliex jafu li qegħdin jogħġbu lil Alla. Xhieda taʼ Jehovah ukoll jissaportu taħt persekuzzjoni u oppożizzjoni għall-ministeru pubbliku tagħhom għaliex jirrealizzaw li qegħdin isofru minħabba t-tjieba. Ġesù Kristu qal lis-segwaċi tiegħu: “Henjin intom meta n-nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-gideb jgħidu kull xorta taʼ ħaġa mill-agħar kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, ladarba l-premju tagħkom huwa kbir fis-smewwiet; għax b’dak il-mod ippersegwitaw lill-profeti qabilkom.” (Mattew 5:10-12) Tabilħaqq, kulmeta l-qaddejja t’Alla jiffaċċjaw provi taʼ fidi, iqisuhom bħala ferħ.—Ġakbu 1:2, 3.
2. Skond Ġakbu 5:10, x’jistaʼ jgħinna neżerċitaw il-paċenzja?
2 Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “L-aħwa, ħudu bħala xempju taʼ li ssofru d-deni u li teżerċitaw il-paċenzja lill-profeti, li tkellmu f’isem Jehovah.” (Ġakbu 5:10) W. F. Arndt u F. W. Gingrich jiddefinixxu l-kelma Griega hawn tradotta “xempju” (hy·poʹdeig·ma) bħala “eżempju, mudell, xempju, f’sens tajjeb bħala xi ħaġa li tqanqal jew għandha tqanqal lil dak li jkun biex jimitaha.” Bħalma huwa muri fi Ġwann 13:15, “dan huwa iżjed minn eżempju. Huwa prototip definit.” (Theological Dictionary of the New Testament) Mela, allura, il-qaddejja taʼ Jehovah taż-żmien modern jistgħu jieħdu lill-profeti leali tiegħu bħala xempju rigward ‘li jsofru d-deni’ u ‘li jeżerċitaw il-paċenzja.’ X’nistgħu nifhmu iżjed meta nistudjaw il-ħajjiet tagħhom? U dan kif jistaʼ jgħinna fl-attività tagħna taʼ l-ippridkar?
Huma Sofrew Id-Deni
3, 4. Il-profeta Amos kif irreaġixxa għal oppożizzjoni minn Amażija?
3 Il-profeti taʼ Jehovah taʼ spiss sofrew id-deni jew trattament ħażin. Fid-disaʼ seklu Q.E.K., per eżempju, Amażija l-qassis li kien jadura l-għoġol b’mod mill-agħar oppona lill-profeta Amos. Amażija sostna b’mod falz li Amos xewwex kontra Ġeroboam II billi pprofetizza li s-sultan kien se jmut bis-sejf u li Iżrael kien se jmur fl-eżilju. Bi stmerrija, Amażija qal lil Amos: “O viżjunarju, mur, iġri fil-mogħdija tiegħek lejn l-art taʼ Ġuda, u hemmhekk kul il-ħobż, u hemmhekk tistaʼ tipprofetizza. Imma f’Betel ma tridx tagħmel iktar profetizzar, għax hija s-santwarju taʼ sultan u hija d-dar taʼ saltna.” Bla biżaʼ minn dan l-attakk verbali, Amos wieġeb: “Jien ma kontx profeta, lanqas ma kont bin profeta; imma kont ragħaj u niġbor it-tin tas-siġar tal-ġummajż. U Jehovah issokta jeħodni milli nsegwi l-merħla, u Jehovah issokta jgħidli, ‘Mur, ipprofetizza lill-poplu tiegħi Iżrael.’”—Amos 7:10-15.
4 L-ispirtu taʼ Jehovah ta l-qawwa lil Amos biex jipprofetizza bil-kuraġġ. Immaġina r-reazzjoni taʼ Amażija hekk kif Amos qal: “Ismaʼ l-kelma taʼ Jehovah, ‘Qiegħed int tgħid: “Ma tridx tipprofetizza kontra Iżrael, u ma trid tħalli ebda kelma taqaʼ kontra d-dar taʼ Iżakk”? Għalhekk dan huwa dak li Jehovah qal: “Inkwantu għal martek, fil-belt se ssir prostituta. U inkwantu għal uliedek subjien u wliedek bniet, bis-sejf se jaqgħu. U inkwantu għal artek, bil-ħabel tal-qisien se tiġi mqassma. U inkwantu għalik innifsek, fuq art mhix nadifa se tmut; u inkwantu għal Iżrael, definittivament se tmur fl-eżilju mill-art tagħha stess.”’” Dik il-profezija seħħet. (Amos 7:16, 17) Kemm ċertament li ħassu maħsud Amażija l-apostat!
5. Liema parallel jistaʼ jinġibed bejn is-sitwazzjoni tal-qaddejja taʼ Jehovah taż-żmien modern u dik tal-profeta Amos?
5 Dan huwa simili għas-sitwazzjoni tan-nies taʼ Jehovah illum. Aħna nsofru d-deni bħala dawk li jiddikjaraw il-messaġġi t’Alla, u ħafna nies jitkellmu bi stmerrija dwar l-attività tagħna taʼ ppridkar. Veru, l-awtorizzazzjoni tagħna biex nippridkaw ma tiġix minn xi seminarju teoloġiku. Minflok, l-ispirtu qaddis taʼ Jehovah jqanqalna biex inxandru l-aħbar tajba tas-Saltna. Aħna la nbiddlu lanqas indgħajfu l-messaġġ t’Alla. Minflok, bħal Amos, b’ubbidjenza niddikjarawh minkejja r-reazzjoni taʼ dawk li jisimgħuna.—2 Korintin 2:15-17.
Huma Eżerċitaw Il-Paċenzja
6, 7. (a) X’ikkaratterizza l-ipprofetizzar taʼ Isaija? (b) Il-qaddejja taʼ Jehovah taż-żmien modern kif jaġixxu bħal Isaija?
6 Il-profeti t’Alla eżerċitaw il-paċenzja. Per eżempju, paċenzja ntweriet minn Isaija, li qeda bħala profeta taʼ Jehovah fit-tmien seklu Q.E.K. Alla qallu: “Mur, u trid tgħid lil dan il-poplu, ‘Isimgħu darba wara l-oħra, imma tifhmux; u araw darba wara l-oħra, imma tieħdu ebda għarfien.’ Agħmel lil qalb dan il-poplu ma tiħux, u agħmel lil widnejhom stess ma jweġbux, u kaħħal lil għajnejhom stess flimkien, biex jistgħu ma jarawx b’għajnejhom u b’widnejhom jistgħu ma jisimgħux, u biex qalbhom stess tistaʼ ma tifhimx u biex ma jmorrux attwalment iduru lura u jiksbu fejqan għalihom infushom.” (Isaija 6:9, 10) In-nies tabilħaqq irreaġixxew b’dak il-mod. Imma ġiegħel dan lil Isaija jitlaq? Le. Minflok, bil-paċenzja u b’żelu ddikjara l-messaġġi taʼ twissija taʼ Jehovah. L-istruttura Ebrajka tal-kliem t’Alla li għadna kemm ikkwotajna tappoġġja l-ħsieb tal-“kontinwazzjoni fit-tul” tal-proklamazzjonijiet tal-profeta, li n-nies semgħuhom “darba wara l-oħra.”—Gesenius’ Hebrew Grammar.
7 Illum ħafna jirreaġixxu għall-aħbar tajba sewwa sew bħalma rreaġixxew in-nies għall-kliem taʼ Jehovah imwasslin minn Isaija. Bħal dak il-profeta leali, madankollu, aħna nirrepetu l-messaġġ tas-Saltna “darba wara l-oħra.” Aħna nagħmlu dan b’żelu u persistenza paċenzjuża għax din hija r-rieda taʼ Jehovah.
“Għamlu Preċiż Hekk”
8, 9. Il-profeta taʼ Jehovah Mosè b’liema modi hu eżempju mill-aħjar?
8 Il-profeta Mosè kien eżemplari fil-paċenzja u fl-ubbidjenza. Għażel li jieħu l-waqfa tiegħu flimkien maʼ l-Iżraeliti mjassrin, imma kellu jistenna bil-paċenzja għaż-żmien tal-ħelsien tagħhom. Għal 40 sena għex f’Midjan sakemm Alla wżah biex joħroġ lill-poplu taʼ Iżrael ’il barra mill-jasar. Meta Mosè u ħuh Aronne kienu quddiem il-ħakkiem taʼ l-Eġittu, b’ubbidjenza qalu u għamlu dak li Alla kkmandahom. Fil-fatt, “għamlu preċiż hekk.”—Eżodu 7:1-6; Ebrej 11:24-29.
9 Mosè bil-paċenzja ssaporta l-40 sena ħorox taʼ Iżrael fix-xagħri. Hu wkoll b’ubbidjenza segwa direzzjoni divina fil-bini tat-tabernaklu taʼ Iżrael u fl-għemil taʼ affarijiet oħrajn użati fil-qima taʼ Jehovah. Il-profeta tant segwa l-istruzzjonijiet t’Alla mill-qrib li naqraw: “Mosè ssokta jagħmel skond dak kollu li Jehovah kien ikkmandah. Għamel preċiż hekk.” (Eżodu 40:16) F’li nwettqu l-ministeru tagħna fi sħubija maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah, ejjew niftakru fl-ubbidjenza taʼ Mosè u napplikaw il-parir taʼ l-appostlu Pawlu biex ‘inkunu ubbidjenti lejn dawk li qegħdin jieħdu t-tmexxija fostna.’—Ebrej 13:17.
Kellhom Attitudni Pożittiva
10, 11. (a) X’jindika li l-profeta Ħosea kellu ħarsa pożittiva? (b) Kif nistgħu nżommu attitudni pożittiva meta navviċinaw lin-nies fit-territorji tagħna?
10 Il-profeti kienu jeħtieġu attitudni pożittiva hekk kif xandru messaġġi taʼ ġudizzju kif ukoll profeziji li jirriflettu t-tħassib taʼ mħabba t’Alla għal uħud leali mxerrdin maʼ Iżrael kollu. Dan kien veru dwar Ħosea, li kien profeta għal xejn inqas minn 59 sena. B’mod pożittiv, baqaʼ jxandar il-messaġġi taʼ Jehovah u kkonkluda l-ktieb profetiku tiegħu bil-kelmiet: “Min hu għaref, biex ikun jistaʼ jifhem dawn l-affarijiet? Diskret, biex ikun jistaʼ jafhom? Għax il-mogħdijiet taʼ Jehovah huma retti, u t-twajbin huma dawk li se jimxu fihom; imma dawk li jonqsu huma dawk li se jieħdu gambetta fihom.” (Ħosea 14:9) Sakemm Jehovah iħallina nagħtu xiehda, ejjew inżommu attitudni pożittiva u nibqgħu nfittxu lil dawk li bl-għaqal se jaċċettaw il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.
11 Biex ‘infittxu lil min jistħoqqlu,’ neħtieġu li nipperseveraw u nħarsu lejn l-affarijiet b’mod pożittiv. (Mattew 10:11) Per eżempju, li kieku nitilfu ċ-ċwievet tagħna, aħna nerġgħu mmorru minn fejn għaddejna u nfittxu fil-postijiet differenti fejn konna. Forsi nsibuhom biss wara li nkunu għamilna dan b’mod ripetut. Ejjew bl-istess mod nipperseveraw f’li nfittxu wħud bħal ngħaġ. X’ferħ ikollna meta jwieġbu għall-aħbar tajba f’territorju li jinħadem spiss! U kemm nithennew li Alla qed ibierek ix-xogħol tagħna f’artijiet fejn restrizzjonijiet qabel kienu jillimitaw il-ministeru pubbliku tagħna!—Galatin 6:10.
Sorsi Taʼ Nkuraġġiment
12. Liema profezija taʼ Ġojeli qiegħda jkollha twettieq fis-seklu 20, u kif?
12 Il-kliem tal-profeti taʼ Jehovah jistaʼ jkun taʼ inkuraġġiment kbir għalina fil-ministeru tagħna. Per eżempju, ikkunsidra l-profezija taʼ Ġojeli. Fiha messaġġi taʼ ġudizzju li kienu diretti lil Iżraeliti apostati u oħrajn fid-disaʼ seklu Q.E.K. Madankollu, Ġojeli ġie mnebbaħ ukoll biex jipprofetizza: “Irid iseħħ li jien [Jehovah] se nsawwab l-ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ laħam, u wliedkom subjien u wliedkom bniet ċertament li se jipprofetizzaw. Inkwantu għall-irġiel xjuħ tagħkom, ħolm se joħolmu. Inkwantu għall-irġiel żgħażagħ tagħkom, dehriet se jaraw. U saħansitra fuq il-qaddejja rġiel u fuq il-qaddejja nisa f’dawk il-jiem se nsawwab l-ispirtu tiegħi.” (Ġojeli 2:28, 29) Dan ta prova li kien veru dwar is-segwaċi taʼ Ġesù minn Pentekoste tas-sena 33 E.K. ’l quddiem. U xi twettieq grandjuż taʼ din il-profezija naraw f’dan is-seklu 20! Illum għandna miljuni li “jipprofetizzaw,” jew jipproklamaw il-messaġġ taʼ Jehovah—fosthom ’il fuq sewwa minn 600,000 fis-servizz taʼ pijunieri full-time.
13, 14. X’jistaʼ jgħin lil Kristjani żgħażagħ isibu ferħ fil-ministeru taʼ l-għalqa?
13 Ħafna xandara tas-Saltna huma żgħażagħ. Mhux dejjem faċli għalihom li jitkellmu maʼ wħud akbar minnhom dwar il-Bibbja. Xi drabi qaddejja żgħażagħ taʼ Jehovah jintqalilhom: ‘Qegħdin taħlu l-ħin tagħkom tippridkaw,’ u ‘jmisskom qegħdin tagħmlu xi ħaġa oħra.’ Bit-tattika Xhieda żgħażagħ taʼ Jehovah jistgħu jwieġbu li huma jiddispjaċihom li l-persuna tħoss hekk. Wieħed predikatur żagħżugħ taʼ l-aħbar tajba jsibha taʼ għajnuna li jżid: “Jien inħoss li verament nibbenefika milli nitkellem maʼ nies akbar minni bħalek, u nieħu gost b’dan.” M’għandniex xi ngħidu, l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba ċertament li m’huwiex ħela taʼ ħin. Ħajjiet hemm fin-nofs. Permezz taʼ Ġojeli, Alla ssokta jiddikjara: “[I]rid iseħħ li kulmin isejjaħ isem Jehovah se joħroġ salvat.”—Ġojeli 2:32.
14 Tfal li jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom f’attività taʼ ppridkar tas-Saltna jilqgħu għajnuna tal-ġenituri f’li jistabbilixxu miri persunali. Pass pass żgħażagħ bħal dawn jipprogressaw minn li jaqraw xi skrittura għal li jispjegaw it-tama tagħhom ibbażata fuq il-Bibbja u joffru letteratura xierqa lil nies interessati. Hekk kif jaraw il-progress tagħhom stess u l-barka taʼ Jehovah, pubblikaturi żgħażagħ tas-Saltna jsibu ferħ kbir f’li jippridkaw l-aħbar tajba.—Salm 110:3; 148:12, 13.
Żelu u Attitudni Taʼ Stennija
15. L-eżempju taʼ Eżekjel kif jistaʼ jgħin biex ikebbes mill-ġdid iż-żelu tagħna għax-xogħol taʼ ppridkar tas-Saltna?
15 Il-profeti t’Alla kienu wkoll eżemplari f’li juru kemm żelu kif ukoll attitudni taʼ stennija—karatteristiċi li għandna bżonn fil-ministeru tagħna llum. Meta għall-ewwel darba tgħallimna l-verità mill-Kelma t’Alla, wisq probabbli konna mixgħulin b’żelu li qanqalna biex nitkellmu bil-qlubija. Imma forsi issa għaddew ħafna snin minn dak in-nhar, u forsi t-territorju fejn nagħtu xiehda dornieh kemm-il darba. Inqas nies forsi issa qegħdin jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna. Naqqas dan iż-żelu tagħna? Jekk iva, ikkunsidra lill-profeta Eżekjel, li ismu jfisser “Alla Jsaħħaħ.” Għalkemm Eżekjel iffaċċja nies taʼ qalbhom iebsa f’Iżrael tal-qedem, Alla saħħu u b’mod figurattiv għamillu ġbinu iktar iebes miż-żonqor. B’hekk, Eżekjel setaʼ jwettaq il-ministeru tiegħu għal ħafna, ħafna snin kemm jekk in-nies taw widen u kemm jekk le. L-eżempju tiegħu juri li aħna nistgħu nagħmlu l-istess, u jistaʼ jgħinna biex inkebbsu mill-ġdid iż-żelu tagħna għax-xogħol taʼ ppridkar.—Eżekjel 3:8, 9; 2 Timotew 4:5.
16. Liema attitudni taʼ Mikea għandna nikkultivaw?
16 Notevoli għall-paċenzja tiegħu kien Mikea, li pprofetizza fit-tmien seklu Q.E.K. “Inkwantu għalija,” kiteb hu, “huwa għal Jehovah li se nibqaʼ ngħasses. Se nuri attitudni taʼ stennija għal dak Alla tas-salvazzjoni tiegħi. Alla tiegħi se jismagħni.” (Mikea 7:7) Il-fiduċja taʼ Mikea kellha l-għeruq tagħha fil-fidi qawwija tiegħu. Bħall-profeta Isaija, Mikea kien jaf li dak li Jehovah kellu l-iskop li jagħmel Hu ċertament kien se jagħmlu. Aħna dan nafuh ukoll. (Isaija 55:11) Ejjew għalhekk nikkultivaw attitudni taʼ stennija lejn it-twettieq tal-wegħdiet t’Alla. U ejjew nippridkaw l-aħbar tajba b’żelu, saħansitra f’inħawi fejn in-nies ftit juru interess fil-messaġġ tas-Saltna.—Titus 2:14; Ġakbu 5:7-10.
Neżerċitaw Il-Paċenzja Llum
17, 18. Liema eżempji antiki u moderni jistgħu jgħinuna neżerċitaw il-paċenzja?
17 Xi wħud mill-profeti taʼ Jehovah bil-paċenzja ppersistew fl-inkarigi tagħhom għal snin sħaħ imma ma rawx it-twettieq tal-profeziji tagħhom. Madankollu, il-perseveranza paċenzjuża tagħhom, taʼ spiss waqt li sofrew trattament ħażin, tgħinna nirrealizzaw li aħna nistgħu nwettqu l-ministeru tagħna. Aħna wkoll nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju taʼ wħud midlukin leali fil-bidu tas-seklu 20. Għalkemm it-tamiet tagħhom għas-sema ma ġewx irrealizzati malajr daqs kemm stennewhom huma, ma ħallewx id-diżappunt fuq dak li deher qisu dewmien inaqqas iż-żelu tagħhom biex jagħmlu r-rieda t’Alla kif irrivelaha lilhom.
18 Għal snin sħaħ, ħafna minn dawn il-Kristjani b’mod regulari qassmu It-Torri Taʼ L-Għassa u r-rivista li takkumpanjah, Awake!, (li qabel kien jisimha The Golden Age u iktar tard Consolation). Huma b’żelu għamlu dawn ir-rivisti taʼ valur disponibbli għan-nies fit-toroq u fi djarhom f’dawk li llum insejħulhom rotot bir-rivisti (magazine routes). Waħda oħt anzjana li temmet il-korsa tagħha fuq l-art malajr inħass in-nuqqas tagħha minn dawk li kienu mdorrijin jarawha tagħti xiehda fit-triq. Liema xiehda tat matul il-ħafna snin taʼ servizz leali, kif muri mir-rimarki taʼ apprezzament taʼ dawk li kienu osservaw il-ministeru pubbliku tagħha! Bħala xandâr tas-Saltna, qiegħed int b’mod regulari tħalli It-Torri Taʼ L-Għassa u l-Awake! f’idejn dawk li tiltaqaʼ magħhom fil-ministeru tiegħek?
19. Ebrej 6:10-12 liema inkuraġġiment joffrilna?
19 Ikkunsidra, ukoll, il-paċenzja u s-servizz leali taʼ l-aħwa li jaqdu bħala membri tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah. Ħafna minnhom għandhom issa mad-disgħin jew mitt sena, imma għadhom xandara tas-Saltna li b’żelu jieħdu ħsieb tad-doveri assenjati lilhom. (Ebrej 13:7) U xi ngħidu għal xjuħ oħrajn bit-tama għas-sema u saħansitra fost in-“ngħaġ oħrajn” li għaddej ġmielu ż-żmien minn fuqhom? (Ġwann 10:16) Jistgħu jibqgħu ċerti li Alla mhux bla tjieba biex jinsa x-xogħol tagħhom u l-imħabba li wrew għal ismu. Flimkien maʼ kredenti sħabhom iżgħar fl-età, jalla Xhieda taʼ Jehovah imdaħħlin fiż-żmien jipperseveraw f’li jagħmlu dak li jistgħu, billi jeżerċitaw fidi u juru paċenzja fis-servizz t’Alla. (Ebrej 6:10-12) Imbagħad, kemm jekk b’irxoxt, bħal fil-każ tal-profeti tal-qedem, jew b’salvazzjoni fit-“tribulazzjoni kbira” li ġejja, se jaħsdu l-ħlas għani taʼ ħajja eterna.—Mattew 24:21.
20. (a) X’tgħallimt mix-“xempju” tal-profeti? (b) Paċenzja bħal tal-profeti kif tistaʼ tgħinna?
20 Liema xempju mill-aħjar ħallewlna l-profeti t’Alla! Minħabba li ssaportew it-tbatija, eżerċitaw il-paċenzja, u wrew kwalitajiet taʼ tjieba oħrajn, huma kienu pprivileġġjati li jitkellmu f’isem Jehovah. Bħala x-Xhieda tiegħu taż-żmien modern, ejjew inkunu bħalhom u nkunu daqstant determinati bħall-profeta Ħabakkuk, li ddikjara: “Fuq il-post taʼ l-għassa tiegħi jien se nibqaʼ bil-wieqfa, u se nżomm lili nnifsi stazzjonat fuq is-sur; u se noqgħod għassa, biex nara x’se jgħid [Alla] bija.” (Ħabakkuk 2:1) Ejjew nuru determinazzjoni simili hekk kif neżerċitaw paċenzja u bil-ferħ inkomplu nagħmlu dikjarazzjoni pubblika għall-isem illustri tal-Ħallieq Grandjuż tagħna, Jehovah!—Neħemija 8:10; Rumani 10:10. (w94 9/15)
Fhimthom Int Dawn Il-Punti?
◻ Il-profeta Amos liema eżempju taʼ kuraġġ ħallielna?
◻ Il-profeta Mosè b’liema modi kien eżemplari?
◻ Ix-Xhieda taʼ Jehovah taż-żmien modern kif jistgħu jaġixxu bħal Amos u Isaija?
◻ Ministri Kristjani x’jistgħu jitgħallmu mill-kondotta taʼ Ħosea u Ġojeli?
◻ Kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempji taʼ Eżekjel u Mikea?
[Stampa f’paġna 14]
Minkejja l-oppożizzjoni feroċi taʼ Amażija, l-ispirtu taʼ Jehovah ta l-qawwa lil Amos biex jipprofetizza b’kuraġġ
[Stampa f’paġna 16]
Uħud midlukin leali taw eżempju mill-aħjar billi eżerċitaw il-paċenzja fis-servizz taʼ Jehovah