Tbassar il-Futur Immedjat Tagħna
META kien qed jiddiskuti l-futur tal-bniedem u taʼ l-art, l-appostlu Pietru kiteb: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-wegħda [t’Alla], u f’dawn tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Oriġinalment kien permezz tal-profeta Isaija li ngħatat wegħda taʼ “smewwiet ġodda u art ġdida.” (Isaija 65:17; 66:22) Pietru, billi kwota din il-profezija, wera li fi żmienu kienet għadha ma ġietx imwettqa għalkollox.
Iktar tard, madwar is-sena 96 E.K., ir-Rivelazzjoni li ngħatat permezz taʼ l-appostlu Ġwanni għamlet konnessjoni bejn dik l-“art ġdida” u l-barkiet taħt is-Saltna t’Alla. (Rivelazzjoni 21:1-4) Il-kliem taʼ Ġesù kif ukoll dak taʼ l-appostlu Pawlu dwar il-kundizzjonijiet tad-dinja eżatt qabel ma tiġi s-Saltna t’Alla issa qed jitwettaq. Għalhekk, nistgħu nistennew li dik is-Saltna dalwaqt iġġib id-dinja l-ġdida. Kif se tkun dik id-dinja l-ġdida? Il-ktieb Bibliku taʼ Isaija jgħidilna.
Barkiet fid-Dinja l-Ġdida
Paċi Globali u Qima f’Unità. “U jkollhom jaħdmu sjufhom f’sikek tal-moħriet u l-lanez tagħhom fi skieken taż-żabra. Ġens ma jerfax sejf kontra ġens, u ma jitħarrġux iktar għall-gwerra.”—Isaija 2:2-4.
Paċi Bejn in-Nies u l-Annimali. “Il-lupu se jgħammar għal xi żmien mal-ħaruf, u l-leopard jimtedd mal-gidi, u l-għoġol u l-iljun b’saħħtu u l-annimal magħluf tajjeb ilkoll flimkien; u tifel ċkejken se jkun mexxej fuqhom. U l-baqra u l-ors se jirgħu; il-frieħ tagħhom se jimteddu flimkien. U saħansitra l-iljun se jiekol it-tiben bħall-barri. . . . Ma se jagħmlu ebda ħsara jew ħerba fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi; għax l-art se tkun mimlija bl-għarfien taʼ Ġeħova bħalma l-ilmijiet jiksu l-baħar.”—Isaija 11:6-9.
Ikel Abbundanti Għal Kulħadd. “Ġeħova taʼ l-armati se jagħmel għall-popli kollha, fuq din il-muntanja, ikla kbira bi platti mħawrin sew biż-żejt, ikla kbira bi nbid imħolli joqgħod fuq it-tartru, bi platti mħawrin sew biż-żejt mimlijin mudullun, taʼ nbid imħolli joqgħod fuq it-tartru, imsoffi.”—Isaija 25:6.
Ma Jkunx Hemm Iżjed Mewt. “Hu [Alla] jiblaʼ l-mewt għal dejjem, u l-Mulej Sovran Ġeħova se jimsaħ id-dmugħ mill-uċuħ kollha. U t-tmaqdir tal-poplu tiegħu se jneħħih mill-art kollha, għax Ġeħova qalu dan.”—Isaija 25:8.
Il-Mejtin Jiġu Rxoxtati. “Il-mejtin tiegħek jgħixu, ġisimhom jerġaʼ jqum. Dawk li huma reqdin fl-art se jistenbħu u jgħajtu bil-ferħ . . . L-art se trodd lil dawk li ilhom mejtin għal twelid mill-ġdid.”—Isaija 26:19, The New English Bible.
Il-Messija Mħallef Ġust. “Mhux se jiġġudika biss fuq dak li jara b’għajnejh, lanqas ma jwiddeb sempliċement skond dak li jismaʼ b’widnejh. U bis-sewwa jiġġudika lill-batuti, u b’mod rett jagħti twiddib għan-nom tal-ġwejdin taʼ l-art.”—Isaija 11:3, 4.
L-Għomja u t-Torox Imfejqin. “Jinfetħu għajnejn l-għomja, u jinfetħu widnejn it-torox.”—Isaija 35:5.
Art Mitluqa Ssir Produttiva. “Ix-xagħri u r-reġjun bla ilma se jifirħu, u l-pjanura tad-deżert se tifraħ u twarrad bħaż-żagħfran. Bla dubju din twarrad, u tifraħ bil-ferħ u b’għajat ferrieħ.”—Isaija 35:1, 2.
Art Ġdida. “Qed noħloq smewwiet ġodda [gvern ġdid fis-sema] u art ġdida [soċjetà umana ġdida u ġusta]; u l-affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-qalb. Imma ifirħu u thennew għal dejjem b’dak li qed noħloq. . . . Se jibnu [l-abitanti tad-dinja l-ġdida t’Alla] djar u jgħammru fihom; u jħawlu għelieqi bid-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux u jgħammar ħaddieħor; ma jħawlux u jiekol ħaddieħor. Għax jiem in-nies tiegħi jkunu bħall-jiem taʼ siġra; u l-magħżulin tiegħi se jużaw xogħol idejhom bis-sħiħ. Ma jitħabtux għalxejn, u lanqas ma jildu għall-inkwiet; għax huma nisel magħmul mill-imberkin taʼ Ġeħova, u d-dixxendenti tagħhom magħhom. U jseħħ li qabel isejħu jien inwiġibhom; waqt li jkunu għadhom qed jitkellmu, jien nismagħhom.” “‘Bħalma s-smewwiet ġodda u l-art ġdida li qed nagħmel huma weqfin quddiemi,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘hekk ukoll nisilkom u isimkom se jibqgħu weqfin.’”—Isaija 65:17-25; 66:22.
Tbassar Futur Grandjuż
Il-ktieb Bibliku taʼ Isaija m’huwiex l-uniku wieħed li jbassar barkiet għall-futur. Il-Bibbja hija mimlija bi profeziji li jiddeskrivu l-affarijiet meraviljużi li Alla se jwettaq permezz tas-Saltna tiegħu taħt Kristu.a Tixtieq tgħix f’ġenna taʼ l-art b’kundizzjonijiet bħal dawn ? Int tistaʼ tagħmel dan! Ara għalik innifsek dak li l-Bibbja tgħallem verament dwar l-iskopijiet tajbin t’Alla għall-futur, u tgħallem kif tistaʼ tkun involut. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova se jkunu kuntenti li jgħinuk.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar is-Saltna t’Alla u dwar dak li se twettaq, ara l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? paġni 76-85, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 8]
In-nies se jkunu f’paċi bejniethom u maʼ l-annimali
[Stampa f’paġna 9]
Il-mejtin se jerġgħu jgħixu
[Stampa f’paġna 10]
L-art kollha se tkun ġenna