LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 4/15 pp. 8-13
  • Kollox Isir Ġdid—Bħalma Tbassar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kollox Isir Ġdid—Bħalma Tbassar
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Materjal Simili
  • Id-Dinja l-Ġdida—Int Se Tkun Hemm?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • ‘Aqbżu bil-Ferħ għal Dejjem Minħabba f’Dak li Għad Noħloq Jien’
    Il-Profezija ta’ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha II
  • Dinja Ġdida Skond il-Wegħda t’Alla
    Ibqaʼ Għassa!
  • Ħolqien Ġdid Imwelled!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 4/15 pp. 8-13

Kollox Isir Ġdid—Bħalma Tbassar

“Dak li hu bilqiegħda fuq it-​tron qal: ‘Ara, se nġedded kollox.’ Qalli: . . . ‘Dawn il-​kelmiet huma minnhom u taʼ min joqgħod fuqhom.’”—APOKALISSI 21:5.

1, 2. Ħafna nies għala għandhom raġun jaħsbuha darbtejn jekk iqisux x’se jiġri fil-​futur?

Qatt għedt jew ħsibt, ‘Min jaf x’se jiġri għada?’ Tistaʼ tifhem għala n-​nies iżommu lura milli jipprovaw jaqtgħu x’se jiġri fil-​futur u ma tantx jafdaw f’dawk li bl-​arja kollha jgħidu li kapaċi jbassru dak li ġej. Il-​bnedmin sempliċement m’humiex kapaċi jbassru b’eżattezza dak li se jseħħ fix-​xhur jew fis-​snin li ġejjin.

2 Ir-rivista Forbes ASAP iddedikat ħarġa sħiħa dwar iż-​żmien. Fiha, Robert Cringely, preżentatur taʼ diversi dokumentarji televiżivi, kiteb: “Iż-​żmien eventwalment jumiljana lkoll, imma ħadd ma jsofri minn idejn iż-​żmien daqs il-​bassara. Meta nipprovaw naqtgħu l-​futur inkunu qed nilagħbu logħba li kważi dejjem nitilfuha. . . . Xorta waħda, l-​hekk imsejħa esperti jibqgħu jbassru.”

3, 4. (a) Xi wħud liema ottimiżmu għandhom rigward il-​millennju l-​ġdid? (b) Oħrajn liema stennija realistika għandhom dwar il-​futur?

3 Forsi osservajt li, bl-​attenzjoni kollha li qed tingħata lill-​millennju l-​ġdid, donnu jidher li iktar nies qed jaħsbu dwar il-​futur. Fil-​bidu tas-​sena l-​oħra, ir-​rivista Maclean’s qalet: “Is-​sena 2000 għandha mnejn tkun sempliċement sena oħra fil-​kalendarju għall-​biċċa l-​kbira mill-​Kanadiżi, imma jistaʼ jiġri li tinzerta taħbat maʼ xi bidu verament ġdid.” Il-​Professur Chris Dewdney taʼ l-​Università taʼ York semma din ir-​raġuni għala għandna nkunu ottimisti: “Il-​millennju jfisser li nistgħu naħslu idejna minn seklu tassew terribbli.”

4 Jinstemaʼ dan bħallikieku xi xewqa vojta? Fil-​Kanada, minn dawk li wieġbu għal stħarriġ, 22 fil-​mija biss “jemmnu li s-​sena 2000 se ġġib bidu ġdid għad-​dinja.” Fil-​fatt, kważi nofshom “jistennew konflitt dinji ieħor”—gwerra dinjija—fi żmien 50 sena oħra. Jidher ċar li l-​biċċa l-​kbira jħossu li l-​millennju l-​ġdid ma jistax jelimina l-​problemi tagħna u jagħmel kollox ġdid. Sir Michael Atiyah, li kien president tar-​Royal Society taʼ l-​Ingilterra, kiteb: “Il-​pass mgħaġġel tal-​bidla . . . jfisser li s-​seklu wieħed u għoxrin se jġib sfidi kruċjali għaċ-​ċivilizzazzjoni tagħna kollha kemm hi. Il-​problemi taż-​żjieda fil-​popolazzjoni, tal-​limitazzjoni taʼ riżorsi, tat-​tinġis taʼ l-​ambjent, u tal-​faqar mifrux maʼ kullimkien diġà jinsabu fuqna u jridu jiġu trattati b’urġenza.”

5. Fejn nistgħu nsibu informazzjoni taʼ min joqgħod fuqha dwar dak li ġej fil-​futur?

5 Forsi taħseb, ‘Ladarba l-​bnedmin ma jistgħux ibassru x’se jiġri fil-​futur, mhux aħjar li sempliċement ninjorawh il-​futur?’ It-​tweġiba hija le! Veru, il-​bnedmin ma jistgħux ibassru b’eżattezza dak li ġej, imma m’għandniex naħsbu li dan ħadd ma jistaʼ jagħmlu. Allura min jistaʼ, u għala għandna nuru ottimiżmu dwar il-​futur? Tistaʼ ssib tweġibiet sodisfaċenti f’erbaʼ tbassiriet speċifiċi. Dawn jinsabu miktubin fl-​iktar ktieb moqri li kważi kulħadd għandu kopja tiegħu, ktieb li wkoll jiġi injorat u mifhum ħażin minn ħafna nies—il-​Bibbja. Taħseb x’taħseb dwar il-​Bibbja, u midħla kemm int midħla tagħha, ikun taʼ benefiċċju għalik li tikkunsidra dawn l-​erbaʼ siltiet fundamentali. Dawn fil-​fatt ibassru futur li hu sabiħ tassew. Iktar minn hekk, dawn l-​erbaʼ profeziji fundamentali jindikaw x’jistaʼ jkun il-​futur tiegħek u dak tal-​maħbubin tiegħek.

6, 7. Isaija meta pprofetizza, u t-​tbassiriet tiegħu kif kellhom twettiq taʼ l-​għaġeb?

6 L-ewwel waħda nsibuha f’Isaija 65. Qabel taqraha, żomm tajjeb f’moħħok l-​isfond—meta nkiteb il-​materjal u liema sitwazzjoni qed tiġi trattata. Il-​profeta t’Alla, Isaija, li kiteb dan il-​kliem, kien jgħix iktar minn seklu qabel ma ntemmet is-​saltna taʼ Ġuda. It-​tmiem wasal meta Jehovah neħħa l-​protezzjoni tiegħu minn fuq il-​Lhud żleali, billi ħalla l-​Babiloniżi jeqirdu lil Ġerusalemm u jieħdu lill-​poplu tagħha fl-​eżilju. Dan seħħ iktar minn mitt sena wara li Isaija bassar dwaru.—2 Kronaki 36:​15-21.

7 Rigward l-​isfond storiku tat-​twettiq, ftakar li Isaija, gwidat minn Alla, bassar isem Ċiru, il-​Persjan, li finalment għeleb lil Babilonja. Din it-​tbassira saret meta Ċiru kien għadu lanqas biss twieled. (Isaija 45:1) Ċiru ħejja t-​triq biex il-​Lhud jirritornaw lejn arthom fis-​sena 537 Q.E.K. Ħaġa taʼ l-​iskantament, Isaija bassar dik ir-​restawrazzjoni, bħalma naqraw f’kapitlu 65. Hu ffoka fuq is-​sitwazzjoni li l-​Iżraelin setgħu jgawdu meta jmorru lura lejn arthom.

8. Isaija bassar liema futur hieni, u liema espressjoni hija taʼ interess partikulari?

8 F’Isaija 65:​17-19 naqraw: “Għax, arani, se noħloq smewwiet ġodda u art ġdida. Ma jitfakkarx iżjed l-​imgħoddi, f’moħħ ħadd aktar ma jiġi. Imma għad jifirħu u jaqbżu bil-​ferħ għal dejjem, minħabba f’dak li għad noħloq jien. Arani, se noħloq Ġerusalemm għall-​hena, il-​poplu tagħ[h]a għall-​ferħ. Jien nifraħ b’Ġerusalemm u nitgħaxxaq bil-​poplu tiegħi, ma jinstemax aktar fiha leħen il-​biki, lanqas leħen in-​niket.” Isaija ċertament li ddeskriva kundizzjonijiet li kienu ferm aħjar minn dawk li kienu għexu taħthom il-​Lhud f’Babilonja. Hu bassar hena u ferħ. Issa ħares lejn l-​espressjoni “smewwiet ġodda u art ġdida.” Din hija l-​ewwel darba mill-​erbaʼ postijiet fejn tidher din il-​frażi fil-​Bibbja, u dawn l-​erbaʼ siltiet jistaʼ jkollhom rabta diretta mal-​futur tagħna, u saħansitra jbassruh.

9. Il-​Lhud tal-​qedem kif kienu involuti fi twettiq wieħed taʼ Isaija 65:​17-19?

9 It-twettiq inizjali taʼ Isaija 65:​17-19 kien jinvolvi lil-​Lhud tal-​qedem li, bħalma bassar b’eżattezza Isaija, verament irritornaw lejn arthom, fejn stabbilew mill-​ġdid il-​qima safja. (Esdra 1:​1-4; 3:​1-4) M’għandniex xi ngħidu, int tirrealizza li dawn irritornaw f’pajjiż fuq din l-​istess pjaneta, mhux xi mkien ieħor fl-​univers. Li nirrealizzaw dan jistaʼ jgħinna naraw x’ried ifisser Isaija bi smewwiet ġodda u art ġdida. M’hemmx għalfejn nispekulaw, bħalma jagħmlu xi wħud, dwar profeziji vagi taʼ Nostradamus jew taʼ xi bassâr uman ieħor. Il-​Bibbja nfisha tikkjarifika Isaija x’ried ifisser.

10. Kif għandna nifhmu l-​“art” ġdida li bassar Isaija?

10 Fil-Bibbja, “art” mhux dejjem tirreferi għall-​globu tagħna. Per eżempju, Salm 96:1 skond in-​New World Translation jgħid letteralment: ‘Għanni lil Jehovah, int l-​art kollha.’ Issa nafu li l-​pjaneta tagħna—it-​terraferma u l-​oċeani immensi—ma tistax tkanta. In-​nies ikantaw. Iva, Salm 96:1 qed jirreferi għan-​nies taʼ fuq l-​art.a Imma Isaija 65:17 isemmi wkoll “smewwiet ġodda.” Jekk l-​“art” tirrappreżenta soċjetà ġdida taʼ nies f’pajjiż il-​Lhud, x’inhuma s-​“smewwiet ġodda”?

11. X’kienet tindika l-​frażi “smewwiet ġodda”?

11 Is-Cyclopædia of Biblical, Theological, and Ecclesiastical Literature minn M’Clintock u Strong, tgħid: “Kulmeta jissemma f’xi viżjoni profetika, sema jissinjifika . . . il-​ġemgħa kollha tal-​potenzi li jaħkmu . . . billi huma qegħdin fuq is-​sudditi u jaħkmuhom, sewwa sew bħalma s-​sema naturali jinsab fuq l-​art u jaħkimha.” Rigward il-​frażi kollha “sema u art,” is-​Cyclopædia tispjega li ‘fil-​lingwaġġ profetiku l-​frażi tissinjifika l-​kundizzjoni politika taʼ persuni taʼ livelli soċjali differenti. Is-​sema huwa s-​sovranità; l-​art hija n-​nies komuni, uħud li għandhom min hu fuqhom.’

12. Il-​Lhud tal-​qedem kif esperjenzaw “smewwiet ġodda u art ġdida”?

12 Meta l-​Lhud irritornaw lejn arthom, huma kisbu dik li nistgħu nsejħulha sitwazzjoni soċjali ġdida. Kien hemm ġemgħa ġdida tmexxi. Żerubbabel, dixxendent tas-​Sultan David, kien gvernatur, u Ġożwè kien qassis il-​kbir. (Ħaggaj 1:​1, 12; 2:21; Żakkarija 6:11) Dawn ifformaw “smewwiet ġodda.” Fuq liema ħaġa? Is-​“smewwiet ġodda” kienu fuq “art ġdida,” is-​soċjetà msoffija taʼ nies li kienu jinsabu lura f’arthom sabiex jibnu mill-​ġdid lil Ġerusalemm u t-​tempju tagħha għall-​qima taʼ Jehovah. Għaldaqstant, f’dan is-​sens reali, kien hemm smewwiet ġodda u art ġdida fit-​twettiq li kien jinvolvi lil-​Lhud taʼ dak iż-​żmien.

13, 14. (a) Liema eżempju ieħor tal-​frażi “smewwiet ġodda u art ġdida” għandna nikkunsidraw? (b) Il-​profezija taʼ Pietru għala hija taʼ interess partikulari f’dan iż-​żmien?

13 Oqgħod attent li ma titlifx is-​sinjifikat taʼ dan kollu. M’aħniex qed nagħmlu xi eżerċizzju fl-​interpretazzjoni tal-​Bibbja u lanqas m’aħna sempliċement qed nagħtu ħarsa lejn l-​istorja tal-​qedem. Dan tistaʼ tarah billi tgħaddi għal post ieħor fejn tidher il-​frażi “smewwiet ġodda u art ġdida.” Din tinsab fit-​2 Pietru kapitlu 3, u se ssib li fiha tassew hemm involut il-​futur tagħna.

14 L-appostlu Pietru kiteb l-​ittra tiegħu iktar minn 500 sena wara li l-​Lhud irritornaw lejn arthom. Bħala wieħed mill-​appostli taʼ Ġesù, Pietru kien qed jikteb lis-​segwaċi taʼ Kristu, il-​“Mulej” li jissemma fit-​2 Pietru 3:2. Fil-​vers 4, Pietru jsemmi “l-​wegħda tal-​miġja” taʼ Ġesù, li jagħmel il-​profezija għandha x’taqsam ħafna llum. Evidenza abbundanti turi li mill-​Ewwel Gwerra Dinjija ’l hawn, Ġesù hu preżenti fis-​sens li għandu awtorità bħala Ħakkiem tas-​Saltna t’Alla fis-​sema. (Apokalissi 6:​1-8; 11:​15, 18) Dan jieħu sinjifikat speċjali meta tqis xi ħaġa oħra li bassar Pietru f’dan il-​kapitlu.

15. Il-​profezija taʼ Pietru dwar “is-​smewwiet ġodda” kif qed titwettaq?

15 Fit-2 Pietru 3:13 naqraw: “Imma aħna, skond il-​wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-​ġustizzja.” Forsi diġà tgħallimt li Ġesù fis-​sema hu l-​Ħakkiem prinċipali fis-​“smewwiet ġodda.” (Luqa 1:​32, 33) Madankollu, siltiet Bibliċi oħrajn jindikaw li hu ma jaħkimx waħdu. Ġesù wiegħed li l-​appostli u xi oħrajn bħalhom se jkollhom post miegħu fis-​sema. Fil-​ktieb taʼ Lhud, l-​appostlu Pawlu lil dawn jiddeskrivihom bħala li ‘għandhom sehem fis-​sejħa tas-​sema.’ U Ġesù qal li dawk li jifformaw dan il-​grupp se joqogħdu miegħu fuq tronijiet fis-​sema. (Lhud 3:1; Mattew 19:28; Luqa 22:​28-30; Ġwann 14:​2, 3) Il-​punt hu li oħrajn se jirrenjaw maʼ Ġesù bħala parti mis-​smewwiet ġodda. Allura Pietru x’ried ifisser bit-​terminu “art ġdida”?

16. Liema “art ġdida” diġà teżisti?

16 Bħat-twettiq tal-​qedem—ir-​ritorn tal-​Lhud lejn arthom—it-​twettiq preżenti tat-​2 Pietru 3:13 jinvolvi nies li jissottomettu ruħhom għal ħakma mis-​smewwiet ġodda. Illum issib miljuni taʼ nies li qed jissottomettu ruħhom bil-​ferħ għal din il-​ħakma. Dawn qed jibbenefikaw mill-​programm edukattiv tagħha u jistinkaw biex iħarsu l-​liġijiet tagħha misjubin fil-​Bibbja. (Isaija 54:13) Huma jifformaw il-​bażi taʼ “art ġdida” fis-​sens li dawn jagħmlu parti minn soċjetà globali taʼ kull nazzjonalità, lingwa, u razza, u huma jaħdmu flimkien sottomessi lejn is-​Sultan renjanti, Ġesù Kristu. Fatt sinjifikanti hu dan: Int tistaʼ tkun parti minnu!—Mikea 4:​1-4.

17, 18. Il-​kliem tat-​2 Pietru 3:13 għala jagħtina raġuni biex inħarsu lejn il-​futur?

17 M’għandekx taħseb li l-​affarijiet jieqfu hawn u li m’għandna l-​ebda dettalji dwar il-​futur. Fil-​fatt, hekk kif teżamina l-​kuntest tat-​2 Pietru kapitlu 3, se ssib indikazzjonijiet taʼ bidla kbira fil-​futur. F’versi 5 u 6, Pietru jikteb dwar id-​Dilluvju taʼ żmien Noè, l-​Għarqa li temmet id-​dinja mill-​agħar taʼ dak iż-​żmien. F’vers 7, Pietru jsemmi li “s-​smewwiet u l-​art taʼ llum,” kemm il-​ħakkiema u kemm il-​mases tan-​nies, huma merfugħin għal “jum il-​ġudizzju, li jkun jum it-​telfien tal-​ħżiena.” (Korsiv tagħna.) Dan jikkonferma li l-​frażi “s-​smewwiet u l-​art taʼ llum” tirreferi, mhux għall-​univers materjali, imma għall-​bnedmin u l-​ħakmiet tagħhom.

18 Wara dan Pietru jispjega li l-​jum li ġej taʼ Jehovah se jġib miegħu tindifa kbira, u b’hekk iħejji t-​triq għas-​smewwiet ġodda u l-​art ġdida li jissemmew f’vers 13. Innota kif jispiċċa dan il-​vers—“fihom tgħammar il-​ġustizzja.” Ma jissuġġerix dan li żgur li se jseħħu xi bidliet konsiderevoli għall-​aħjar? Ma jqajjimx dan il-​prospett t’affarijiet verament ġodda, żmien meta l-​bnedmin se jsibu tgawdija akbar fil-​ħajja milli jsibu illum? Jekk dan tistaʼ tarah, mela int ksibt dehen f’dak li tbassar il-​Bibbja, dehen li relattivament ftit għandhom.

19. Il-​ktieb taʼ l-​Apokalissi f’liema sfond jiġbed l-​attenzjoni tagħna lejn “smewwiet ġodda u art ġdida” li għad iridu jiġu?

19 Imma ejja nkomplu naraw iktar. S’issa rajna eżempju tal-​frażi “smewwiet ġodda u art ġdida” f’Isaija kapitlu 65 u ieħor fit-​2 Pietru kapitlu 3. Issa iftaħ Apokalissi 21, fejn insibu eżempju ieħor taʼ din l-​espressjoni fil-​Bibbja. Għal darb’oħra, ikun t’għajnuna li nifhmu l-​isfond. Żewġ kapitli qabel, f’Apokalissi kapitlu 19, insibu deskritta gwerra f’simboliżmu ħaj. Din m’hijiex gwerra bejn ġnus ostili. Fuq naħa waħda hemm “il-​Verb taʼ Alla.” Int bla dubju dan tagħrfu bħala titlu li jingħata lil Ġesù Kristu. (Ġwann 1:​1, 14) Hu qiegħed fis-​sema, u din il-​viżjoni tagħti stampa tiegħu flimkien maʼ l-​eżerċti tiegħu fis-​sema. Kontra min qed jiggwerra? Il-​kapitlu jsemmi “slaten,” “kaptani,” u nies taʼ diversi livelli soċjali, “kemm żgħar u kemm kbar.” Din il-​battalja tinvolvi l-​jum li ġej taʼ Jehovah, il-​qerda tal-​ħażen. (2 Tessalonikin 1:​6-10) Jekk nibqgħu naqraw insibu li Apokalissi kapitlu 20 jibda billi jiddeskrivi t-​tneħħija tas-​“Serp tal-​qedem, li hu d-​Demonju u x-​Xitan.” Dan iħejjilna t-​triq biex nikkunsidraw Apokalissi kapitlu 21.

20. Apokalissi 21:1 jindika li qorbot liema bidla sinjifikanti?

20 L-appostlu Ġwanni jibda bil-​kliem eċċitanti: “Rajt sema ġdida u art ġdida, għax is-​sema taʼ qabel u l-​art taʼ qabel għabu, u ma kienx hemm iżjed baħar.” Ibbażat fuq dak li rajna f’Isaija kapitlu 65 u fit-​2 Pietru kapitlu 3, nistgħu nkunu żguri li dan ma jfissirx li s-​smewwiet letterali u l-​pjaneta tagħna, bil-​profondità taʼ l-​ilmijiet taʼ fuqha, se jinbidlu. Bħalma wrew il-​kapitli taʼ qabel, in-​nies il-​ħżiena u l-​ħakkiema tagħhom, inkluż il-​ħakkiem inviżibbli Satana, se jitneħħew. Iva, il-​wegħda hawn hija taʼ sistema ġdida li tinvolvi lill-​bnedmin fuq l-​art.

21, 22. Ġwanni dwar liema barkiet jiżgurana, u x’ifisser l-​ixxottar tad-​dmugħ?

21 Niġu żgurati minn dan hekk kif inkomplu nikkunsidraw din il-​profezija taʼ l-​għaġeb. Vers 3 jispiċċa billi jitkellem dwar iż-​żmien meta Alla se jkun mal-​bnedmin, billi jixħet ħarstu ħanina lejn in-​nies li qed jagħmlu r-​rieda tiegħu. (Eżekjel 43:7) Ġwanni jissokta f’versi 4 u 5: “Hu [Jehovah] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel. Mbagħad dak li hu bilqiegħda fuq it-​tron qal: ‘Ara, se nġedded kollox.’ Qalli: ‘Ikteb, għax dawn il-​kelmiet huma minnhom u taʼ min joqgħod fuqhom.’” Xi profezija inkuraġġanti!

22 Ieqaf ftit u tpaxxa b’dak li l-​Bibbja qed tbassar. ‘Alla se jixxotta kull demgħa minn għajnejhom.’ Dan żgur mhux qed jirreferi għad-​dmugħ normali li jxarrab l-​għajnejn sensittivi tagħna, lanqas ma jirreferi għad-​dmugħ taʼ ferħ. Le, id-​dmugħ li se jixxotta Alla hu kaġunat minn sofferenza, niket, diżappunt, uġigħ, u agunija. Kif nistgħu nkunu żguri? Sewwa, din il-​wegħda taʼ l-​għaġeb minn Alla torbot l-​ixxottar tad-​dmugħ maʼ li ‘ma jkunx hemm iżjed mewt, biki, għajat, u tbatija.’—Ġwann 11:35.

23. Il-​profezija taʼ Ġwanni tiggarantixxi t-​tmiem taʼ liema kundizzjonijiet?

23 Ma jagħtix dan prova li l-​kanċer, il-​puplesiji, l-​attakki tal-​qalb, u saħansitra l-​mewt se jkunu ġew eliminati? Min minna ma mitlux xi ħadd maħbub b’xi marda, f’xi inċident, jew b’xi diżastru? Alla hawn qed iwiegħed li l-​mewt mhix se tibqaʼ teżisti, u dan jissuġġerixxi li t-​tfal li forsi jitwieldu f’dak iż-​żmien mhux se jkollhom jiffaċċjaw il-​prospett li jikbru u mbagħad jixjieħu—u jispiċċaw imutu. Din il-​profezija tfisser ukoll li mhux se jkun hemm iżjed il-​marda t’Alzheimer, l-​osteoporożi, it-​tumuri, il-​glaucoma, jew saħansitra l-​katarretti—tant komuni fix-​xjuħija.

24. ‘Is-​sema ġdid u l-​art ġdida’ kif se jkunu taʼ barka, u x’għad irridu nikkunsidraw?

24 Bla dubju taqbel li n-​niket u l-​għajat se jonqsu bit-​tneħħija tal-​mewt, ix-​xjuħija, u l-​mard. Madankollu, xi ngħidu dwar il-​faqar u l-​għaks, l-​abbuż fuq it-​tfal, u d-​diskriminazzjoni oppressiva minħabba l-​ambjent soċjali jew il-​kulur tal-​ġilda? Li kieku dawn l-​affarijiet—tant komuni llum—kellhom jibqgħu sejrin, ma nistgħux ninħelsu min-​niket u l-​għajat. B’hekk, il-​ħajja taħt “sema ġdida u art ġdida” mhix se tkun imċappsa b’dawn l-​affarijiet li fil-​preżent jikkaġunaw id-​dwejjaq. X’bidla dik! Iżda, s’issa kkunsidrajna biss tlieta mill-​erbaʼ postijiet fil-​Bibbja fejn tidher il-​frażi “smewwiet ġodda u art ġdida.” Hemm eżempju ieħor li jorbot maʼ dan li eżaminajna u li jenfasizza għala għandna għalfejn inħarsu ’l quddiem lejn meta u kif Alla se jwettaq il-​wegħda tiegħu biex ‘jagħmel kollox ġdid.’ L-​artiklu li jmiss se jittratta din il-​profezija u dak li tistaʼ tfisser għall-​hena tagħna.

[Nota taʼ taħt]

a It-traduzzjoni taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija tittraduċi Salm 96:1: “Għannu lill-​Mulej fl-​art kollha!” Dan jaqbel mal-​fehma li b’“art ġdida” Isaija kien qed jirreferi għan-​nies t’Alla f’arthom.

Tiftakar Int?

• Liema huma t-​tliet postijiet fil-​Bibbja fejn din tbassar “smewwiet ġodda u art ġdida”?

• Il-​Lhud tal-​qedem kif kienu involuti fi twettiq wieħed taʼ “smewwiet ġodda u art ġdida”?

• Liema twettiqiet huma mifhuma għal “smewwiet ġodda u art ġdida” kif issemmew minn Pietru?

• Apokalissi kapitlu 21 kif jindikalna futur mill-​isbaħ?

[Stampa f’paġna 10]

Sewwa sew bħalma kien bassar Jehovah, Ċiru ħejja t-​triq għal-​Lhud biex jirritornaw lejn arthom fis-​sena 537 Q.E.K.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja