Għandna Għalfejn Ngħajtu bil-Ferħ
“Il-ferħ u l-hena jiksbu, u jgħibu swied il-qalb u l-krib.”—ISAIJA 35:10.
1. Min illum għandu raġuni partikulari għall-ferħ?
INT x’aktarx li nnotajt kemm ftit nies għandhom ferħ veru llum il-ġurnata. Madankollu, bħala Kristjani veri, ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom il-ferħ. U l-prospett li jakkwistaw dak l-istess ferħ jinsab sewwa sew quddiem miljuni oħrajn taʼ wħud li għadhom mhux mgħammdin, żgħażagħ u xjuħ, li jassoċjaw max-Xhieda. Il-fatt li int issa qiegħed taqra dan il-kliem f’din ir-rivista jindika li dan il-ferħ diġà qiegħed għandek jew x’aktarx li tistaʼ takkwistah.
2. Il-ferħ taʼ Kristjan kif inhu f’kuntrast maʼ l-istat ġenerali tal-biċċa l-kbira tan-nies?
2 Il-biċċa l-kbira tan-nies iħossu li ħajjithom jonqosha xi ħaġa. Xi ngħidu dwarek? Veru, jistaʼ jkun li m’għandekx kull oġġett materjali li tistaʼ tiġi bżonn, ċertament mhux kulma għandhom is-sinjuri u l-potenti. U għandek mnejn tixtieq li jkollok iktar f’dawk li huma saħħa tajba u enerġija. Minkejja dan, nistgħu ngħidu bla tlaqliq li inkwantu għall-ferħ, int iktar għani u b’saħħtek mill-biċċa l-kbira tal-biljuni taʼ l-art. Dan kif?
3. Liema kliem mimli tifsir jimmerita l-attenzjoni tagħna, u għala?
3 Ftakar fil-kliem taʼ Ġesù: “Għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.” (Ġwann 15:11) “Il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.” X’deskrizzjoni dik! Studju fil-fond tal-mod t’għixien Kristjan se jirrevela ħafna raġunijiet għala l-ferħ tagħna huwa sħiħ. Imma issa stess, innota l-kliem mimli tifsir f’Isaija 35:10. Dan huwa mimli tifsir għaliex għandu ħafna x’jaqsam magħna llum. Naqraw: “Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej, u jidħlu f’Sijon igħajtu bil-ferħ, b’ferħ taʼ dejjem [“thennija għal żmien indefinit,” New World Translation] fuq rashom. Il-ferħ u l-hena jiksbu, u jgħibu swied il-qalb u l-krib.”
4. Liema xorta taʼ ferħ huwa msemmi f’Isaija 35:10, u għala għandna nagħtu attenzjoni għal dan?
4 “Thennija għal żmien indefinit.” Il-frażi “għal żmien indefinit” hija tifsira eżatta taʼ dak li Isaija kiteb bl-Ebrajk. Imma, bħalma huwa muri minn skritturi oħrajn, is-sinjifikat taʼ dan il-vers huwa “għal dejjem.” (Salm 45:7 [Salm 45:6, NW]; 90:2; Isaija 40:28) Mela t-thennija se tkun bla tmiem, f’kundizzjonijiet li se jippermettu—iva, jiġġustifikaw—thennija għal dejjem. Ma jinstemax dan bħala xi ħaġa li tgħaxxqek? Forsi, iżda, dak il-vers jolqtok bħala kumment dwar xi sitwazzjoni astratta, li jġagħlek tħoss: ‘Dak attwalment ma jinvolvix lili fl-istess sens li jinvolvuni l-problemi u t-tħassib tiegħi taʼ kuljum.’ Imma l-fatti juru mod ieħor. Il-wegħda profetika f’Isaija 35:10 għandha tifsir għalik illum. Biex niskopru kif, ejjew neżaminaw dan il-kapitlu sabiħ, Isaija 35, billi ninnotaw kull parti skond il-kuntest. Ibqaʼ żgur li se tieħu pjaċir b’dak li nsibu.
Nies Li Kellhom Bżonn Jithennew
5. F’liema sfond profetiku nsibuha l-profezija taʼ Isaija kapitlu 35?
5 Bħala għajnuna, ejjew nagħtu ħarsa lejn l-isfond, il-kuntest storiku, għal din il-profezija affaxxinanti. Il-profeta Ebrew Isaija kiteb dan madwar is-sena 732 Q.E.K. Dak kien għaxriet taʼ snin qabel ma l-armati Babilonjani qerdu lil Ġerusalemm. Bħalma jindika Isaija 34:1, 2, Alla kien bassar li kien se jesprimi vendetta fuq il-ġnus, bħal Edom, imsemmi f’Isaija 34:6. Evidentement hu uża lill-Babilonjani tal-qedem biex jagħmlu dak. B’mod simili, Alla ġiegħel lill-Babilonjani jħarbtu lil Ġuda għaliex il-Lhud ma kinux leali. Ir-riżultat? Il-poplu t’Alla ttieħdu fil-jasar, u art twelidhom baqgħet imħarbta għal 70 sena.—2 Kronaki 36:15-21.
6. Liema kuntrast hemm bejn dak li kellu jiġi fuq l-Edomiti u dak li kellu jiġi fuq il-Lhud?
6 Madankollu, hemm differenza sinjifikanti bejn l-Edomiti u l-Lhud. Il-kastig divin fuq l-Edomiti kien ma jispiċċa qatt; maż-żmien huma għosfru bħala poplu. Iva, għad tistaʼ żżur ir-rovini abbandunati fl-inħawi fejn kienu jgħixu l-Edomiti qabel, bħal ngħidu aħna l-fdalijiet taʼ Petra li huma famużi mad-dinja kollha. Imma llum, m’hemm ebda ġens jew poplu li jistaʼ jiġi identifikat bħala ‘l-Edomiti.’ Mill-banda l-oħra, kellu t-tħarbit taʼ Ġuda mill-Babilonjani jkun għal dejjem, billi jħalli l-pajjiż bla ferħ għall-eternità?
7. Il-Lhud fil-jasar f’Babilonja kif kellhom mnejn wieġbu għal Isaija kapitlu 35?
7 Hawnhekk il-profezija taʼ l-għaġeb f’Isaija kapitlu 35 għandha tifsira eċċitanti. Tistaʼ tissejjaħ profezija taʼ restawrar, għax kellha l-ewwel twettiq tagħha meta l-Lhud irritornaw lejn art twelidhom fis-sena 537 Q.E.K. L-Iżraeliti li kienu ilhom irsiera f’Babilonja ngħataw il-libertà biex jirritornaw lejn art twelidhom. (Esdra 1:1-11) Madankollu, sakemm dak seħħ il-Lhud fil-jasar f’Babilonja li kkunsidraw din il-profezija divina għandhom mnejn berrnu f’moħħhom dwar liema xorta taʼ kundizzjonijiet kienu se jsibu lura f’art twelidhom nazzjonali, Ġuda. U liema kundizzjoni kellhom huma nfushom isibu ruħhom fiha? It-tweġibiet huma relevanti għall-fatt għala aħna għandna verament raġun ngħajtu bil-ferħ. Ejjew naraw.
8. Liema kundizzjonijiet kellhom isibu l-Lhud meta rritornaw minn Babilonja? (Qabbel Eżekjel 19:3-6; Ħosegħa 13:8.)
8 Is-sitwazzjoni ċertament ma kenitx se tidher promettenti għal-Lhud saħansitra meta semgħu li setgħu jirritornaw lejn art twelidhom. Pajjiżhom kien ilu mħarbat għal sebaʼ għaxriet taʼ snin, għomor sħiħ taʼ bniedem. X’kien ġralu l-pajjiż? Kwalunkwe għelieqi, msaġar tad-dwieli jew tal-frott ikkultivati kienu saru xagħri. Ġonna msoqqijin jew bċejjeċ kbar t’art maħduma kienu spiċċaw bħala art żdingata u niexfa jew deżert. (Isaija 24:1, 4; 33:9; Eżekjel 6:14) Aħseb, ukoll, dwar l-annimali selvaġġi li kienu kotrana. Dawn kienu jinkludu annimali karnivori, bħal iljuni u ljupardi. (1 Slaten 13:24-28; 2 Slaten 17:25, 26; Għanja tal-Għanjiet 4:8) Lanqas ma setgħu jinjoraw l-orsijiet, li kellhom il-ħila jegħlbu kemm lil raġel, mara, tifel jew tifla. (1 Samwel 17:34-37; 2 Slaten 2:24; Proverbji 17:12) U m’għandniex għalfejn insemmu l-lifgħat u s-sriep velenużi oħrajn, jew l-iskorpjuni. (Ġenesi 49:17; Dewteronomju 32:33; Ġob 20:15 [Ġob 20:16, NW]; Salm 58:5 [Salm 58:4, NW]; Salm 140:4 [Salm 140:3, NW]; Luqa 10:19) Li kieku kont mal-Lhud li kienu qegħdin jirritornaw minn Babilonja fis-sena 537 Q.E.K., probabbilment kont taħsibha darbtejn qabel toqgħod tippassiġġa f’inħawi bħal dawk. Ċertament li ma kien hemm ebda ġenna meta waslu.
9. Dawk li rritornaw għal liema raġuni kellhom bażi għat-tama u l-fiduċja?
9 Xorta waħda, Jehovah innifsu kien wassal lill-adoraturi tiegħu lejn darhom, u hu għandu l-abbiltà li jreġġaʼ lura sitwazzjoni taʼ tħarbit. Mhux hekk temmen int dwar il-Ħallieq? (Ġob 42:2; Ġeremija 32:17, 21, 27, 37, 41) Mela x’kien se jagħmel—x’għamel—għal-Lhud li kienu qegħdin jirritornaw u għall-pajjiżhom? X’effett għandu dan fuq in-nies t’Alla fiż-żmien modern u fuq is-sitwazzjoni tiegħek—fil-preżent u fil-futur? L-ewwel ejjew naraw x’kien ġara lura f’dak iż-żmien.
Mimlijin Ferħ Minħabba Sitwazzjoni Mibdula
10. Isaija 35:1, 2 liema bidla bassar?
10 X’kellu jiġri meta Ċiru ħalla lil-Lhud jirritornaw lejn dak il-pajjiż tal-waħx? Aqra l-profezija eċċitanti f’Isaija 35:1, 2: “Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-ranġis. Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni. Sebħ il-Libanu jingħata lilha, il-ġmiel tal-Karmel u tas-Saron. Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej, il-ġmiel taʼ Alla tagħna.”
11. Isaija għamel użu minn liema għarfien dwar il-pajjiż?
11 Fi żminijiet Bibliċi, il-Libanu, il-Karmel, u s-Saron kienu magħrufin għas-sbuħija li tħaddar tagħhom. (1 Kronaki 5:16; 27:29; 2 Kronaki 26:10; Għanja tal-Għanjiet 2:1; 4:15; Ħosegħa 14:6-8 [Ħosegħa 14:5-7, NW]) Isaija għamel użu minn dawn l-eżempji biex jiddeskrivi kif kien se jkun il-pajjiż ittrasformat, bil-għajnuna t’Alla. Imma kien dan se jkun effett sempliċement fuq il-ħamrija? Ċertament li le!
12. Għala nistgħu ngħidu li l-profezija f’Isaija kapitlu 35 tiċċentra fuq in-nies?
12 Isaija 35:2 jitkellem dwar li l-pajjiż qiegħed ‘jifraħ fuq li jifraħ, u jaqbeż u jgħanni.’ Aħna nafu li l-ħamrija u x-xtieli ma ‘ferħux fuq li ferħu’ litteralment. Madankollu, it-trasformazzjoni tagħhom biex isiru fertili u produttivi setgħet iġġiegħel lin-nies iħossuhom hekk. (Levitiku 23:37-40; Dewteronomju 16:15; Salm 126:5, 6; Isaija 16:10; Ġeremija 25:30; 48:33) Il-bidliet litterali fil-pajjiż innifsu kellhom jikkorrispondu maʼ bidliet fin-nies, għax in-nies huma l-qofol taʼ din il-profezija. Għalhekk, għandna kull raġun li nifhmu l-kliem taʼ Isaija bħala li qiegħed jiffoka primarjament fuq il-bidliet tal-Lhud li rritornaw, speċjalment dwar l-istat ferrieħi tagħhom.
13, 14. Isaija 35:3, 4 bassar liema bidla fin-nies?
13 Fi qbil maʼ dan, ejjew neżaminaw iktar minn din il-profezija stimulanti biex naraw kif sabet it-twettiq wara l-liberazzjoni u r-ritorn tal-Lhud minn Babilonja. Fil-versi 3 u 4, Isaija jitkellem dwar bidliet oħrajn f’dawk in-nies li rritornaw: “Qawwu l-idejn mitruħa; saħħu l-irkubbtejn imriegħda. Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa: ‘Agħmlu l-ħila, la tibżgħux! Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas; il-ħlas taʼ Alla wasal; Hu stess ġej biex isalvakom.’”
14 Ma jqawwiniex dan meta naħsbu li Alla tagħna, li setaʼ jreġġaʼ lura l-kundizzjoni deżolata taʼ l-art, hu tant interessat fl-adoraturi tiegħu? Hu ma riedx lil-Lhud imjassrin iħossuhom dgħajfin, skuraġġiti, jew anzjużi dwar il-futur. (Lhud 12:12) Aħseb dwar il-kundizzjoni taʼ dawk il-Lhud imjassrin. Minbarra t-tama li setgħu jieħdu mill-profeziji t’Alla dwar il-futur tagħhom, kien se jkun diffiċli għalihom li jkunu ottimisti. Kien bħal li kieku kienu f’ħabs mudlam taħt l-art, mhux ħelsin li jmorru fejn iridu u jkunu attivi f’li jaqdu lil Jehovah. Setaʼ bix-xieraq dehrilhom li ma kien hemm ebda dawl quddiemhom.—Qabbel Dewteronomju 28:29; Isaija 59:10.
15, 16. (a) X’nistgħu nikkonkludu li għamel Jehovah għal dawk li rritornaw? (b) Dawk li rritornaw għala ma kinux stennew fejqan mirakoluż, imma Alla x’għamel fi qbil maʼ Isaija 35:5, 6?
15 Kif inbidel dak, iżda, meta Jehovah ġiegħel lil Ċiru jerħihom biex jirritornaw lejn darhom! M’hemm ebda evidenza Biblika li Alla hemmhekk fetaħ mirakolożament lil xi għajnejn għomja tal-Lhud li rritornaw, li fetaħ il-widnejn taʼ xi wħud torox, jew li fejjaq xi riġlejn zopop jew lil dawk taʼ bla riġlejn. Madankollu, hu tassew għamel xi ħaġa ferm iktar grandjuża. Irrestawrahom lejn id-dawl u l-ħelsien tal-pajjiż maħbub tagħhom.
16 M’hemm ebda indikazzjoni li dawk li rritornaw stennew li Jehovah iwettaq fejqan fiżiku mirakoluż bħal dan. Bil-fors li rrealizzaw li Alla ma kienx għamel hekk maʼ Iżakk, Sansun, jew Eli. (Ġenesi 27:1; Imħallfin 16:21, 26-30; 1 Samwel 3:2-8; 4:15) Imma jekk stennew li l-kundizzjoni tagħhom tiġi b’mod divin imreġġaʼ lura figurattivament, ma kinux diżappuntati. Ċertament, f’sens figurattiv, versi 5 u 6 sabu twettiq reali. Isaija kien bassar b’eżattezza: “Imbagħad jinfetħu għajnejn il-għomja, jinfetħu widnejn it-torox. Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.”
Jagħmlu L-Pajjiż Qisu Ġenna
17. Jehovah evidentement ġab liema bidliet fiżiċi?
17 Dawk li rritornaw ċertament li kellhom raġun jgħajtu bil-ferħ minħabba l-kundizzjonijiet bħal dawk li Isaija kompla jiddeskrivi: “Iva, igelgel l-ilma fid-deżert, u l-widien fix-xagħri. L-art maħruqa tinbidel f’għadira, u l-art niexfa f’egħjun taʼ ilma ġieri. Fejn qabel kienu jimteddu x-xakalli, issa hemm il-ħmiemel tal-qasab u l-ġummar.” (Isaija 35:6b, 7) Għalkemm nistgħu ma narawx dan mar-reġjun kollu llum, l-evidenza tissuġġerixxi li l-inħawi li kienu Ġuda xi darba kienu “ġenna pastorali.”a
18. Dawk il-Lhud li rritornaw kif x’aktarx li wieġbu għall-barkiet t’Alla?
18 Inkwantu għal raġunijiet għall-ferħ, aħseb ftit dwar kif bil-fors li ħassu l-fdal Lhudi meta mar lura fl-Art Imwiegħda! Huma kienu f’pożizzjoni li jieħdu l-art żdingata, abitata mix-xakalli u annimali oħrajn bħal dawn, u jittrasformawha. Ma kontx int issib il-ferħ f’li tagħmel xogħol taʼ restawrazzjoni bħal dan, speċjalment jekk tkun taf li Alla kien qiegħed ibierek l-isforzi tiegħek?
19. Ir-ritorn mill-jasar Babilonjan f’liema sens kien kondizzjonali?
19 Ma kienx, madankollu, li sempliċement kwalunkwe jew kull irsir Lhudi fil-Babilonja setaʼ jerħilha lura jew li fil-fatt irħielha lura biex jieħu sehem f’dik it-trasformazzjoni ferrieħa. Alla stabbilixxa l-kundizzjonijiet. Ebda wieħed li kien ikkontaminat bi prattiċi reliġjużi Babilonjani u pagani ma kellu d-dritt li jirritorna. (Danjel 5:1, 3, 22, 23; Isaija 52:11) Lanqas ma setaʼ jirritorna xi ħadd li bi bluha kien qiegħed isegwi korsa mhix għaqlija. Kull min kien hekk ġie skwalifikat. Mill-banda l-oħra, dawk li laħqu l-livelli t’Alla, li hu kien qieshom bħala li huma qaddisin f’sens relattiv, setgħu jerħulha lura lejn Ġuda. Huma setgħu jivvjaġġaw bħal li kieku minn Mogħdija taʼ Qdusija. Isaija għamel dak ċar fil-vers 8: “Hemm ikun hemm triq, isejħulha: ‘It-Triq il-Qaddisaʼ. Ħadd imniġġes ma jgħaddi minnha, u l-boloh ma jitilfux triqithom fiha.”
20. Il-Lhud minn liema ħaġa ma kellhomx għalfejn jibżgħu hekk kif irritornaw, li rriżulta f’liema ħaġa?
20 Il-Lhud li kienu qegħdin jirritornaw ma kellhomx għalfejn jibżgħu minn xi attakk minn nies bħal bhejjem jew ċorom taʼ ħallelin. Għala? Għaliex Jehovah ma kienx se jippermetti wħud bħal dawk li jkunu fuq dik il-Mogħdija flimkien mal-poplu mixtri mill-ġdid tiegħu. Għalhekk setgħu jivvjaġġaw b’ottimiżmu ferrieħi u bi prospetti henjin. Innota kif Isaija ddeskriva dak meta kkonkluda l-profezija tiegħu: “Ma jkunx hemm l-iljun, u ebda bhima feroċi ma titlaʼ minnha: minnha jgħaddu l-mifdijin. Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej, u jidħlu f’Sijon igħajtu bil-ferħ, b’ferħ taʼ dejjem fuq rashom. Il-ferħ u l-hena jiksbu, u jgħibu swied il-qalb u l-krib.”—Isaija 35:9, 10.
21. Aħna llum kif għandna nħarsu lejn it-twettiq taʼ Isaija kapitlu 35 li diġà seħħ?
21 Xi stampa profetika għandna hawnhekk! M’għandniex, iżda, inqisu din bħala li tittratta biss maʼ storja tal-passat, bħal li kieku dan kien xi rakkont sabiħ li ftit li xejn għandu x’jaqsam mas-sitwazzjoni tagħna jew mal-futur tagħna. Il-fatt huwa li din il-profezija għandha twettiq li jgħaġġeb illum fost il-poplu t’Alla, u għalhekk din verament tolqot lil kull wieħed u waħda minna. Din tipprovdilna raġuni soda biex ngħajtu bil-ferħ. Dawn l-aspetti li jinvolvu lil ħajtek issa u fil-futur se jiġu ttrattati fl-artiklu li jmiss. (w96 2/15)
[Nota taʼ taħt]
a Mill-istudji tiegħu tar-reġjun, l-agronomista [l-istudjuż taʼ l-agrikoltura] Walter C. Lowdermilk (li rrappreżenta lill-Organizzazzjoni taʼ l-Ikel u l-Agrikoltura tal-Ġ.M.) ikkonkluda: “Dan il-pajjiż darba kien ġenna pastorali.” Hu indika wkoll li l-klima hemmhekk ma tbidlitx b’mod sinjifikanti “sa minn żmien ir-Rumani,” u “d-‘deżert’ li ħa post il-pajjiż li darba kien jiffjorixxi kien xogħol il-bniedem, mhux xogħol in-natura.”
Tiftakar Int?
◻ Isaija kapitlu 35 meta kellu l-ewwel twettiq tiegħu?
◻ L-ewwel twettiq tal-profezija liema effett kellu jipproduċi?
◻ Jehovah kif wettaq Isaija 35:5, 6?
◻ Il-Lhud li rritornaw liema bidliet esperjenzaw fil-pajjiż u fis-sitwazzjoni tagħhom?
[Stampa f’paġna 9]
Ir-rovini taʼ Petra, fl-inħawi fejn darba għexu l-Edomiti
[Sors]
Garo Nalbandian
[Stampi f’paġna 10]
Waqt li l-Lhud kienu fl-eżilju, il-biċċa l-kbira minn Ġuda saret bħal xagħri, miżgħuda b’annimali feroċi bħal orsijiet u ljuni
[Sorsi]
Garo Nalbandian
Ors u Ljun: Safari-Zoo taʼ Ramat-Gan, Tel Aviv