LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 3/1 pp. 13-18
  • Mimlijin Ferħ Issa u Għal Dejjem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mimlijin Ferħ Issa u Għal Dejjem
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Twettiq Fi Żmienna
  • Int Parti Mit-​Twettiq?
  • Twettiq Li Għad Irid Jiġi!
  • L-​Art Terġaʼ Ssir Ġenna!
    Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I
  • Għandna Għalfejn Ngħajtu bil-Ferħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Għandek Għalxiex Tittama f’Ġenna?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ġeħova Jgħinna Nissaportu bil-Ferħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 3/1 pp. 13-18

Mimlijin Ferħ Issa u Għal Dejjem

‘Ifirħu u aqbżu bil-​ferħ għal dejjem, minħabba f’dak li għad naħlaq jien. Arani, se naħlaq Ġerusalemm għall-​hena, il-​poplu tagħha għall-​ferħ.’—ISAIJA 65:18.

1. Il-​vera qima kif effettwat lil individwi matul is-​sekli?

MATUL is-​sekli, kotriet bla għadd sabu ferħ għani f’li jaqdu lil dak Alla veru, Jehovah. David kien biss wieħed minn ħafna li kien mimli ferħ fil-​vera qima. Il-​Bibbja tirrakkonta li meta l-​arka tal-​patt ġiet imtellaʼ Ġerusalemm, “David u d-​dar kollha taʼ Israel kollha wasslu l-​arka tal-​Mulej b’agħjat taʼ ferħ.” (2 Samwel 6:15) Ferħ bħal dan f’li wieħed jaqdi lil Jehovah m’huwiex sempliċement xi ħaġa tal-​passat. Int tistaʼ tieħu sehem fih. U saħansitra porzjonijiet ġodda taʼ ferħ dalwaqt jistgħu jkunu tiegħek!

2. Minbarra t-​twettiq oriġinali taʼ Isaija kapitlu 35 fuq il-​Lhud li rritornaw, min illum huma involuti fi twettiq ieħor?

2 Fl-​artiklu taʼ qabel, eżaminajna t-​twettiq inizjali tal-​profezija stimulanti miktuba f’Isaija kapitlu 35. Din bix-​xieraq nistgħu nsejħulha profezija taʼ restawr għaliex hekk tat prova li kienet għal-​Lhud tal-​qedem. Din għandha twettiq simili fi żmienna. Dan kif? Sewwa, billi beda mill-​appostli taʼ Ġesù u oħrajn f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., Jehovah kien u għadu qiegħed jittratta maʼ Iżraeliti spiritwali. Dawn huma bnedmin midlukin bl-​ispirtu qaddis t’Alla li jsiru parti minn dak li l-​appostlu Pawlu jsejjaħ l-​“Israel taʼ Alla.” (Galatin 6:16; Rumani 8:15-17) Ftakar, ukoll, li fl-​1 Pietru 2:9, dawn il-​Kristjani huma msejħin “ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih.” Pietru jissokta biex jidentifika l-​inkarigu mogħti lil Iżrael spiritwali: ‘Xandru l-​glorja taʼ dak li sejħilkom mid-​dlam għad-​dawl tiegħu tal-​għaġeb.’

Twettiq Fi Żmienna

3, 4. X’kienet is-​sitwazzjoni meta Isaija kapitlu 34 sab twettiq fiż-​żminijiet moderni?

3 Kien hemm żmien kmieni f’dan is-​seklu meta l-​fdal taʼ Iżrael spiritwali fuq l-​art ma kinux attivi b’mod konsistenti f’li jiddikjaraw messaġġ bħal dan. Ma kinux qegħdin jithennew bis-​sħiħ fid-​dawl taʼ l-​għaġeb t’Alla. Fil-​fatt, kienu fi dlam konsiderevoli. Dak meta kien? U Alla Jehovah x’għamel dwar dan?

4 Kien fil-​perijodu taʼ l-​Ewwel Gwerra Dinjija, ftit wara li s-​Saltna Messjanika t’Alla ġiet imwaqqfa fis-​sema fl-​1914. Il-​ġnus, bl-​appoġġ tal-​kleru tal-​knejjes f’diversi pajjiżi, kienu nkorlati għal xulxin. (Apokalissi 11:17, 18) Alla, m’għandniex xi ngħidu, kien daqstant kontra l-​Kristjaneżmu apostat bil-​klassi elevata tal-​kleru tiegħu daqs kemm kien kontra l-​ġens kburi t’Edom. Għaldaqstant, il-​Kristjaneżmu, l-​Edom antitipiku, qiegħed f’pożizzjoni li jħoss it-​twettiq taż-​żmien modern taʼ Isaija kapitlu 34. Dan it-​twettiq permezz taʼ qerda permanenti huwa daqstant ċert daqs kemm kien l-​ewwel twettiq kontra Edom tal-​qedem.—Apokalissi 18:4-8, 19-21.

5. Isaija kapitlu 35 liema xorta taʼ twettiq kellu fi żmienna?

5 Xi ngħidu dwar kapitlu 35 tal-​profezija taʼ Isaija, bl-​enfasi tiegħu fuq il-​ferħ? Dak ukoll kien ġarrab twettiq fi żmienna. Dak kif? Kien ġie mwettaq f’restawr taʼ Iżrael spiritwali minn għamla taʼ jasar. Ejjew neżaminaw il-​fatti minn dik li hija realment storja teokratika riċenti, li seħħet matul il-​ħajja taʼ ħafna li għadhom mimlijin bil-​għomor.

6. Għala jistaʼ jingħad li l-​fdal taʼ Iżrael spiritwali ġew f’kundizzjoni taʼ jasar?

6 Għal medda taʼ żmien relattivament qasira matul il-​perijodu taʼ l-​Ewwel Gwerra Dinjija, il-​fdal taʼ Iżrael spiritwali ma kinux żammew indaf għal kollox u f’linja waħda mar-​rieda t’Alla. Xi wħud minnhom kienu mtebbgħin bi żbalji duttrinali u għamlu kompromess billi ma ħadux waqfa ċara favur Jehovah meta tqiegħdu taħt pressjoni biex jappoġġjaw lill-​ġnus li kienu qegħdin jigwerraw. Matul dawk is-​snin taʼ gwerra, huma sofrew kull xorta taʼ persekuzzjoni, fejn il-​letteratura Biblika tagħhom saħansitra ġiet ipprojbita f’ħafna postijiet. Finalment, xi wħud mill-​aħwa l-​iktar prominenti ġew ikkundannati u mitfugħin il-​ħabs taħt akkużi foloz. Meta tħares lura m’huwiex diffiċli biex tara li, f’ċertu sens, in-​nies t’Alla, minflok ma kienu ħelsin, kienu f’kundizzjoni taʼ jasar. (Qabbel Ġwann 8:31, 32.) Dawn kienu neqsin serjament minn dehen spiritwali. (Efesin 1:16-18) Huma wrew sikta relattiva rigward li jfaħħru lil Alla, bir-​riżultat li kienu bla frott spiritwalment. (Isaija 32:3, 4; Rumani 14:11; Filippin 2:11) Tara int kif din hija parallela mas-​sitwazzjoni tal-​Lhud tal-​qedem fil-​jasar f’Babilonja?

7, 8. Il-​fdal taż-​żmien modern liema xorta taʼ restawr esperjenzaw?

7 Imma kien se jħalli Alla lill-​qaddejja tiegħu taż-​żmien modern f’dak l-​istat? Le, kien iddeterminat li jirrestawrahom, fi qbil maʼ dak li kien imbassar permezz taʼ Isaija. B’hekk din l-​istess profezija f’kapitlu 35 issib twettiq distint fi żmienna, bir-​restawr tal-​fdal taʼ Iżrael spiritwali għal prosperità u saħħa f’ġenna spiritwali. F’Lhud 12:12, Pawlu applika Isaija 35:3 f’sens figurattiv, billi wera kemm huwa validu li nagħmlu applikazzjoni spiritwali taʼ dan il-​porzjon tal-​profezija taʼ Isaija.

8 Fil-​perijodu taʼ wara l-​gwerra, l-​uħud midlukin li kien fadal taʼ Iżrael spiritwali ħarġu mill-​jasar, biex ngħidu hekk. Alla Jehovah uża lil Ġesù Kristu, Ċiru l-​Akbar, biex jilliberahom. B’hekk, dawn il-​fdal setgħu jagħmlu xogħol taʼ bini mill-​ġdid, li jixbah lix-​xogħol tal-​fdal tal-​Lhud tal-​qedem, li marru lura lejn pajjiżhom biex jibnu mill-​ġdid it-​tempju litterali f’Ġerusalemm. Barra minn hekk, dawn l-​Iżraeliti spiritwali fiż-​żminijiet moderni setgħu jibdew jikkultivaw u jipproduċu ġenna spiritwali tħaddar, ġnien taʼ Għeden figurattiv.

9. Xi ħaġa bħal dik deskritta f’Isaija 35:1, 2, 5-7 kif żviluppat fi żmienna?

9 B’dan t’hawn fuq f’moħħna, ejjew nikkunsidraw għal darb’oħra Isaija kapitlu 35, u nħarsu l-​ewwel lejn versi 1 u 2. Dak li kien deher qisu reġjun bla ilma beda verament jiffjorixxi u jkun produttiv bħall-​pjanuri tal-​qedem taʼ Xaron. Imbagħad, ħares lejn versi 5 sa 7. Il-​fdal, li għadd minnhom għadhom ħajjin u attivi fis-​servizz taʼ Jehovah, kellhom l-​għajnejn tagħhom tal-​fehma miftuħin. Setgħu jaraw aħjar it-​tifsir taʼ dak li kien ġara fl-​1914 u wara. Dak kellu wkoll influwenza fuq il-​ħafna minna li nifformaw il-​“kotra kbira,” li issa naqdu spalla maʼ spalla mal-​fdal.—Apokalissi 7:9.

Int Parti Mit-​Twettiq?

10, 11. (a) Int kif ġejt involut fit-​twettiq taʼ Isaija 35:5-7? (b) Int personalment kif tħossok dwar dawn il-​bidliet?

10 Qis lilek innifsek per eżempju. Qabel ma ġejt f’kuntatt max-​Xhieda taʼ Jehovah, kont int taqra l-​Bibbja regolarment? Jekk iva, kemm kont tifhem minnha? Issa taf, per eżempju, il-​verità dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin. Probabbli tistaʼ tirreferi lil xi ħadd interessat f’din il-​ħaġa lejn testi relevanti f’Ġenesi kapitlu 2, Koħelet kapitlu 9, u Eżekjel kapitlu 18, kif ukoll ħafna passaġġi oħrajn. Iva, x’aktarx li int tifhem dak li l-​Bibbja tgħallem dwar ħafna suġġetti jew kwistjonijiet. Fi kliem sempliċi, il-​Bibbja tagħmel sens għalik, u tistaʼ tispjega ħafna minnha lil oħrajn, bħalma bla dubju għamilt.

11 Kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi, iżda, ‘Kif tgħallimt jien dak kollu li naf dwar verità tal-​Bibbja? Qabel ma studjajt man-​nies taʼ Jehovah, kont sibt jien il-​passaġġi kollha li għadhom kif issemmew? Kont nagħmel sens minnhom u wasalt għal konklużjonijiet tajbin dwar it-​tifsir tagħhom?’ It-​tweġiba onesta għal dawn il-​mistoqsijiet probabbli hija le. Ħadd m’għandu jieħu għalih bi stqarrija bħal din, imma jistaʼ jingħad li bażikament int kont għama rigward dawn it-​testi u t-​tifsir tagħhom. M’huwiex veru dan? Hemmhekk kienu fil-​Bibbja, imma int ma stajtx tarahom jew tieħu s-​sinjifikat tagħhom. Kif, allura, infetħu għajnejk spiritwalment? Kien b’dak li Jehovah għamel bi twettiq taʼ Isaija 35:5 fuq il-​fdal midlukin. Imbagħad, infetħulek għajnejk. M’għadekx iżjed fi dlam spiritwali. Tistaʼ tara.—Qabbel Apokalissi 3:17, 18.

12. (a) Għala nistgħu ngħidu li dan m’huwiex iż-​żmien għal fejqan fiżiku mirakoluż? (b) Il-​każ taʼ ħuna F. W. Franz kif juri l-​mod taʼ kif Isaija 35:5 qiegħed jitwettaq fi żmienna?

12 Studenti ħerqanin tal-​Bibbja u taʼ l-​aġir t’Alla matul is-​sekli jafu li dan m’huwiex il-​perijodu fl-​istorja għal mirakli fiżiċi taʼ fejqan. (1 Korintin 13:8-10) Mela ma nistennewx li Ġesù Kristu jiftaħ għajnejn għomja biex jagħti prova li hu l-​Messija, il-​Profeta t’Alla. (Ġwann 9:1-7, 30-33) Lanqas ma qiegħed iġiegħel lit-​torox kollha jisimgħu mill-​ġdid. Hekk kif Frederick W. Franz, wieħed mill-​midlukin u f’dak iż-​żmien president tal-​Watch Tower Society, qorob l-​età taʼ 100 sena, kien kważi għama u kellu juża strument biex jgħinu jismaʼ. Għal ftit tas-​snin ma setax iktar jara jaqra; madankollu, min kien se jqisu bħala għama jew trux fis-​sens taʼ Isaija 35:5? Il-​vista spiritwali akuta tiegħu kienet barka għan-​nies t’Alla maʼ l-​art kollha.

13. In-​nies t’Alla taż-​żmien modern liema bidla jew restawr esperjenzaw?

13 Jew xi ngħidu għal ilsienek? Il-​midlukin t’Alla għandhom mnejn immutaw matul il-​jasar spiritwali tagħhom. Imma hekk kif Alla reġġaʼ lura dik il-​kundizzjoni, l-​ilsna tagħhom bdew jgħajtu bil-​ferħ dwar dak li kienu jafu dwar is-​Saltna stabbilita t’Alla u l-​wegħdi tiegħu għall-​futur. Għandu mnejn li għenu lilek biex tħoll ilsienek ukoll. Kemm kont titkellem int dwar verità tal-​Bibbja m’oħrajn fil-​passat? Għandu mnejn li f’xi żmien partikulari ħsibt, ‘Nieħu pjaċir nistudja, imma qatt ma se mmur u nitkellem maʼ nies li ma nafhomx.’ Madankollu, m’huwiex veru li ‘lsien l-​imbikkem’ qiegħed issa “jinħall bil-​ferħ”?—Isaija 35:6.

14, 15. Ħafna kif imxew fit-​“Triq il-​Qaddisa” fi żmienna?

14 Il-​Lhud tal-​qedem illiberati minn Babilonja kellhom vjaġġ twil lura lejn art twelidhom. Dak maʼ liema ħaġa jikkorrispondi fi żmienna? Sewwa, ħares lejn Isaija 35:8: “Hemm ikun hemm triq, isejħulha: ‘It-​Triq il-​Qaddisaʼ. Ħadd imniġġes ma jgħaddi minnha.”

15 Minn mindu nħelsu mill-​jasar spiritwali, il-​fdal midlukin, issa akkumpanjati minn miljuni taʼ ngħaġ oħrajn, ħarġu minn Babilonja l-​Kbira għal ġo triq prinċipali figurattiva, mogħdija nadifa taʼ qdusija li twassal lil dak li jkun għal ġo ġenna spiritwali. Aħna qegħdin nagħmlu kull sforz biex nikkwalifikaw għal din it-​Triq Prinċipali taʼ Qdusija u biex nibqgħu fiha. Aħseb dwarek innifsek. M’humiex il-​livelli morali tiegħek u l-​prinċipji li tħaddan wisq ogħla issa milli meta kont fid-​dinja? Ma tagħmilx iżjed sforz biex tikkonforma l-​ħsieb u l-​kondotta tiegħek maʼ dawk t’Alla?—Rumani 8:12, 13; Efesin 4:22-24.

16. Liema kundizzjonijiet nistgħu ngawdu hekk kif nimxu fil-​Mogħdija taʼ Qdusija?

16 Hekk kif tkompli f’din il-​Mogħdija taʼ Qdusija, int bażikament ħieles minn inkwiet rigward bnedmin qishom bhejjem. Veru, fid-​dinja trid toqgħod attent li nies rgħibin jew mimlijin mibgħeda ma jqaxxrukx ħaj figurattivament. Tant u tant nies huma ħattafin fil-​mod kif jittrattaw m’oħrajn. X’kuntrast fost in-​nies t’Alla! Hemmhekk int qiegħed f’ambjent protett. M’għandniex xi ngħidu, Kristjani sħabek m’humiex perfetti; xi drabi wieħed jieħu żball jew jikkaġuna offiża. Imma int taf li ħutek m’humiex qegħdin jipprovaw iweġġgħuk jew jibilgħuk apposta. (Salm 57:5 [Salm 57:4, NW]; Eżekjel 22:25; Luqa 20:45-47; Atti 20:29; 2 Korintin 11:19, 20; Galatin 5:15) Minflok, juru interess fik; għenuk; iridu jaqdu miegħek.

17, 18. F’liema sens teżisti ġenna issa, u x’inhu l-​effett taʼ dan fuqna?

17 Mela nistgħu nħarsu lejn Isaija kapitlu 35, waqt li nżommu f’moħħna t-​twettiq kurrenti taʼ versi 1 sa 8. M’huwiex ċar li aħna sibna dik li bix-​xieraq tissejjaħ ġenna spiritwali? Le, m’hijiex perfetta​—mhux għal issa. Imma hija verament ġenna, għaliex hawnhekk nistgħu diġà, bħalma huwa mistqarr f’vers 2, ‘naraw is-​sebħ tal-​Mulej, il-​ġmiel taʼ Alla tagħna.’ U x’inhu l-​effett? Vers 10 jgħid: “Jerġgħu lura l-​mifdijin tal-​Mulej, u jidħlu f’Sijon igħajtu bil-​ferħ, b’ferħ taʼ dejjem fuq rashom. Il-​ferħ u l-​hena jiksbu, u jgħibu swied il-​qalb u l-​krib.” Verament, li ħriġna mir-​reliġjon falza u qegħdin insegwu l-​vera qima taħt il-​favur t’Alla jispira ferħ.

18 Il-​ferħ konness mal-​vera qima jibqaʼ jiżdied, hux tassew? Tara wħud interessati ġodda jagħmlu bidliet u jsiru stabbiliti fil-​verità tal-​Bibbja. Tosserva żgħażagħ jikbru u jagħmlu avvanz spiritwali fil-​kongregazzjoni. Hemm il-​magħmudijiet, fejn tara wħud li taf jitgħammdu. M’humiex dawk raġunijiet għal ferħ, għal ferħ abbundanti, illum? Iva, x’ferħ li jkollna oħrajn jingħaqdu magħna fil-​libertà tagħna u l-​kundizzjonijiet taʼ ġenna spiritwali!

Twettiq Li Għad Irid Jiġi!

19. Isaija kapitlu 35 b’liema stennija mimlija tama jimliena?

19 S’issa kkunsidrajna Isaija kapitlu 35 rigward l-​ewwel twettiq tiegħu mar-​ritorn tal-​Lhud u rigward it-​twettiq spiritwali li qiegħed iseħħ illum. Imma dak m’huwiex it-​tmiem. Hemm wisq iżjed. Huwa konness maʼ l-​assiguranza Biblika taʼ restawr li għad irid jiġi taʼ kundizzjonijiet taʼ ġenna litterali fuq l-​art.—Salm 37:10, 11; Apokalissi 21:4, 5.

20, 21. Għala huwa loġiku u Skritturali li temmen li se jkun hemm saħansitra twettiq ieħor taʼ Isaija kapitlu 35?

20 Ma jkunx konsistenti għal Jehovah li jipprovdi deskrizzjonijiet vivaċi taʼ ġenna u mbagħad jillimita t-​twettiq għal affarijiet spiritwali. Dan, m’għandniex xi ngħidu, ma jfissirx li t-​twettiq spiritwali huwa insinjifikanti. Saħansitra li kieku ġenna litterali kellha tkun stabbilita, ma kenitx tissodisfana jekk f’nofs ix-​xenarju sabiħ u l-​annimali paċifiċi nkunu mdawrin minn nies korrotti spiritwalment, bnedmin li jaġixxu bħal bhejjem slavaġ. (Qabbel Titu 1:12.) Iva, l-​ispiritwali jrid jiġi l-​ewwel, għaliex huwa l-​iktar importanti.

21 Minkejja dan, il-​Ġenna li ġejja ma tispiċċax b’aspetti spiritwali li ngawdu issa u li se ngawdu saħansitra iżjed fil-​futur. Għandna raġuni tajba li nistennew twettiq litterali taʼ profeziji bħalma hija Isaija kapitlu 35. Għala? Sewwa, f’kapitlu 65, Isaija bassar “smewwiet ġodda u art ġdida.” L-​appostlu Pietru rrefera għal dan meta ddeskriva x’se jsegwi l-​jum taʼ Jehovah. (Isaija 65:17, 18; 2 Pietru 3:10-13) Pietru kien qiegħed jindika li l-​karatteristiċi deskritti minn Isaija kellhom attwalment jeżistu meta l-​“art ġdida” ssir realtà. Dak jinkludi deskrizzjonijiet li int għandek mnejn familjari magħhom​—li jibnu djar u jokkupawhom; li jħawlu għelieqi taʼ dwieli u jieklu l-​frott; li jgawdu għal żmien twil ix-​xogħol taʼ jdejhom; lupu u ħaruf jgħammru flimkien; u ebda ħsara ma tiġri maʼ l-​art kollha. Fi kliem ieħor, ħajja twila, djar fis-​sigurtà, ikel abbundanti, xogħol sodisfaċenti, u paċi fost l-​annimali u bejn l-​annimali u l-​bnedmin.

22, 23. Liema bażi għal ferħ se jkun hemm fit-​twettiq futur taʼ Isaija kapitlu 35?

22 Ma jimlikx dak il-​prospett b’ferħ? Hekk għandu, għaliex dak huwa kif Alla ħalaqna biex ngħixu. (Ġenesi 2:7-9) Mela, xi jfisser dan rigward il-​profezija f’Isaija kapitlu 35 li qegħdin nikkunsidraw? Ifisser li għandna raġuni miżjuda biex ngħajtu bil-​ferħ. Id-​deżerti u r-​reġjuni bla ilma litterali se jiffjorixxu, billi b’hekk iġagħluna nithennew. Imbagħad nies b’għajnejn blu, jew għajnejn kannella, jew xi kulur sabiħ ieħor, imma li issa huma għomja, se jkunu jistgħu jaraw. Kristjani sħabna li huma torox, jew saħansitra dawk minna li ma tantx jisimgħu, se jkunu jistgħu jisimgħu ċar. X’ferħ li tuża dik l-​abbiltà biex tismaʼ l-​Kelma t’Alla tinqara u tiġi spjegata, kif ukoll li tagħti widen għall-​ħsejjes taż-​żiffa fis-​siġar, id-​daħk taʼ tarbija, l-​għanja t’għasfur!

23 Ikun ifisser ukoll li wħud zopop, inklużi dawk milqutin bl-​artrite issa, se jimxu ’l hawn u ’l hinn bla wġigħ. X’serħan! Imbagħad widien litterali taʼ ilma se jgelglu minn ġod-​deżert. Se naraw l-​ilma jmewweġ kif ukoll nisimgħu l-​ħoss taʼ l-​ilma jbaqbaq. Se nkunu nistgħu nimxu hemmhekk u mmissu l-​ħaxix aħdar u l-​pjanti tal-​papiru. Se tkun verament Ġenna rrestawrata. Xi ngħidu dwar il-​ferħ li tkun ħdejn iljun jew annimal ieħor bħalu mingħajr biżaʼ? M’għandniex għalfejn nibdew niddeskrivu dak, għaliex ilkoll kemm aħna diġà tgħaxxaqna nimmaġinaw dik ix-​xena.

24. Għala tistaʼ taqbel maʼ l-​espressjoni f’Isaija 35:10?

24 Isaija jiżgurana: “Jerġgħu lura l-​mifdijin tal-​Mulej, u jidħlu f’Sijon igħajtu bil-​ferħ, b’ferħ taʼ dejjem fuq rashom.” Mela nistgħu naqblu li għandna għalfejn ngħajtu bil-​ferħ. Ferħ dwar dak li Jehovah diġà qiegħed jagħmel għall-​poplu tiegħu fil-​ġenna spiritwali tagħna, u ferħ dwar dak li nistgħu nistennew fil-​Ġenna litterali li hija fil-​qrib. Dwar uħud mimlijin ferħ​—dwarna—​Isaija jikteb: “Il-​ferħ u l-​hena jiksbu, u jgħibu swied il-​qalb u l-​krib.”—Isaija 35:10. (w96 2/15)

Innotajt Int?

◻ Isaija kapitlu 35 liema tieni twettiq kellu?

◻ Liema ħaġa tikkorrispondi spiritwalment mal-​bidliet mirakolużi li bassar Isaija?

◻ Int kif ħadt sehem fit-​twettiq taʼ din il-​profezija?

◻ Għala nistgħu ngħidu li Isaija kapitlu 35 jimliena b’tama għall-​futur?

[Stampa f’paġna 15]

Il-​ħabs taʼ Raymond Street fi Brooklyn, New York, fejn sebaʼ aħwa prominenti nżammu f’Ġunju tal-​1918

[Stampa f’paġna 16]

Għalkemm kważi għama fl-​aħħar snin taʼ ħajtu, il-​vista spiritwali taʼ Ħuna Franz baqgħet qawwija

[Stampi f’paġna 17]

L-​iżvilupp u l-​avvanz spiritwali huma raġunijiet għal ferħ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja