LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jr kap. 13 pp. 154-167
  • “Ġeħova Għamel li Kellu f’Moħħu”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ġeħova Għamel li Kellu f’Moħħu”
  • Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KIF SETAʼ JKUN DAQSHEKK ĊERT?
  • PROFEZIJI LI ĠEREMIJA QAL U LI RAHOM JITWETTQU
  • PROFEZIJI MWETTQIN IKTAR TARD
  • PROFEZIJI LI JEFFETTWAW LILEK
  • “Ma Nistax Noqgħod Sieket”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Liema Ħbieb Se Tagħżel Int?
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Qiegħed Tistaqsi Kuljum, “Fejn Hu Ġeħova?”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • “Jien Poġġejtlek Kliemi f’Fommok”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
Ara Iżjed
Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
jr kap. 13 pp. 154-167

Kapitlu Tlettax

“Ġeħova Għamel li Kellu f’Moħħu”

1. Meta l-​qerda taʼ Ġerusalemm kienet kompluta, Ġeremija x’qal dwar il-​profeziji taʼ Ġeħova?

ĠERUSALEMM kienet ħerba. Id-​duħħan kien għadu tielaʼ min-​nirien li l-​Babiloniżi rebbieħa kienu qabbdu. Ġeremija setaʼ jiftakar l-​għajjat li jkexkex taʼ dawk li kienu qed jiġu maqtulin. Hu kien intqallu x’kien se jiġri, u l-​affarijiet żvolġew eżatt kif kien qal Alla. Il-​profeta esklama: “Ġeħova għamel li kellu f’moħħu.” Xi traġedja kienet il-​waqgħa taʼ Ġerusalemm!—Aqra Lamentazzjonijiet 2:17.

2. Ġeremija ra t-​twettiq taʼ liema profezija li tlissnet sekli qabel?

2 Iva, Ġeremija ra t-​twettiq taʼ ħafna profeziji li twasslu għand in-​nies t’Alla, inkluż profeziji mill-​qedem. Sekli qabel, Mosè poġġa quddiem Iżrael il-​konsegwenzi taʼ li jobdu jew ma jobdux lil Alla—“il-​barka” jew “is-​saħta.” Ġeħova ried l-​aħjar għal niesu, il-​barkiet. Min-​naħa l-​oħra, is-​saħtiet, li kienu r-​riżultat tad-​diżubbidjenza, kienu se jkunu tal-​biżaʼ. Mosè wissa—u Ġeremija mbagħad irripeta—li dawk li kienu qed jinjoraw u jopponu lil Ġeħova saħansitra kienu se “jieklu l-​laħam taʼ wliedhom subien u bniet.” (Dt. 30:19, 20; Ġer. 19:9; Lev. 26:29) Xi wħud għandhom mnejn jaħsbu: ‘Setgħet tassew tiġri xi ħaġa tant terribbli?’ Matul l-​assedju Babiloniż, meta l-​ikel kien skars, dan tassew seħħ. Ġeremija qal: “Idejn in-​nisa ħanina għallew ’l uliedhom stess. Dawn saru bħall-​ħobż tal-​konsolazzjoni matul it-​tiġrif taʼ bint il-​poplu tiegħi.” (Lam. 4:10) Xi traġedja!

3. X’kien l-​iskop t’Alla li jibgħat lil profeti għand il-​poplu tiegħu?

3 M’għandniex xi ngħidu, l-​iskop li Ġeħova inkariga lil profeti bħal Ġeremija ma kienx sempliċement biex iħabbar il-​qerda li kienet ġejja. Alla ried li l-​poplu tiegħu jerġaʼ lura għal ħajja taʼ fedeltà. Hu ried li l-​midinbin jindmu. Esdra enfasizza dan meta qal: “Ġeħova, l-​Alla taʼ missirijiethom, baqaʼ jibgħat iwissihom permezz tal-​messaġġiera tiegħu, jibgħat darba wara l-​oħra, għaliex ħass mogħdrija għall-​poplu tiegħu u għall-​post fejn jgħammar hu.”—2 Kron. 36:15; aqra Ġeremija 26:3, 12, 13.

Stampa f’paġna 154

4. Ġeremija kif ħassu dwar il-​messaġġ li wassal?

4 Bħal Ġeħova, Ġeremija ħass mogħdrija għal niesu. Tistaʼ tara dan minn dak li qal qabel il-​waqgħa taʼ Ġerusalemm. Hu kien tassew inkwetat dwar dik il-​qerda li kienet fil-​qrib. Din kienet katastrofi li setgħet faċilment ġiet skansata li kieku n-​nies kienu taw widen għall-​messaġġ li ġarr Ġeremija u obdewh! Ipprova ġib quddiem għajnejk l-​emozzjonijiet taʼ Ġeremija hekk kif wassal il-​messaġġ t’Alla. Hu għajjat: “Ajma l-​ġewwieni, il-​ġewwieni tiegħi! Għandi wġigħ kbir fil-​ħitan taʼ qalbi. Qalbi mimlija ansjetà. Ma nistax noqgħod sieket, għax smajt il-​ħoss tal-​qarn, l-​għajta tal-​gwerra.” (Ġer. 4:19) Hu sempliċement ma setax jibqaʼ sieket dwar il-​gwaj li kien riesaq.

KIF SETAʼ JKUN DAQSHEKK ĊERT?

5. Ġeremija għala kien fiduċjuż dwar il-​messaġġ li pprietka?

5 Ġeremija għala setaʼ jkun fiduċjuż li dak li pprofetizza kien se jseħħ? (Ġer. 1:17; 7:30; 9:22) Hu kien raġel taʼ fidi li kien studja l-​Iskrittura u kien jaf li Ġeħova hu l-​Alla tal-​profezija vera. L-​istorja xehdet għall-​abbiltà taʼ Ġeħova li jbassar ġrajjiet li dehru impossibbli minn ħarsa umana, bħall-​ħelsien t’Iżrael mill-​jasar fl-​Eġittu. Ġeremija kien familjari mar-​rakkont tal-​Eżodu u mal-​kliem taʼ wieħed, Ġożwè, li kien ra dan b’għajnejh stess. Ġożwè kien fakkar lill-​Iżraelin sħabu: “Intom tafu sew b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li lanqas kelma waħda mill-​kliem tajjeb kollu li Ġeħova Alla tagħkom qalilkom ma naqset. Kollu seħħ għalikom. Lanqas kelma waħda ma naqset.”—Ġoż. 23:14.

6, 7. (a) Għala għandek tkun interessat fid-​dikjarazzjonijiet profetiċi taʼ Ġeremija? (b) X’se jgħinek tkun fiduċjuż fil-​messaġġ li tipprietka int?

6 Għaliex għandek tkompli tagħti kas il-​profeziji li qal Ġeremija? L-​ewwel, għax kellu kull raġun ikun fiduċjuż li Ġeħova kien se jwettaq kliemu. It-​tieni, għax xi ftit mid-​dikjarazzjonijiet minn Alla permezz taʼ Ġeremija qed jitwettqu issa, u int għad trid tara t-​twettiq t’oħrajn. It-​tielet, għax l-​għadd kbir taʼ proklamazzjonijiet li għamel Ġeremija f’isem Alla, kif ukoll iż-​żelu li bih għamilhom, ġegħluh jispikka bħala qaddej straordinarju t’Alla. Studjuż wieħed jgħid: “Anke meta mqabbel maʼ profeti oħrajn, Ġeremija jispikka bil-​kbir.” Ġeremija tant kien magħruf bħala persunaġġ importanti fil-​mod kif Alla ttratta mal-​poplu Tiegħu li meta kien qed jitkellem Ġesù, xi wħud li semgħuh emmnu li bilfors kien Ġeremija.—Mt. 16:13, 14.

7 Bħal Ġeremija, int tgħix fi żmien meta qed jitwettqu profeziji kruċjali tal-​Bibbja. U bħal Ġeremija, trid tibqaʼ fiduċjuż fil-​verità tal-​wegħdi t’Alla. (2 Pt. 3:9-​14) Kif tistaʼ tagħmel dan? Billi tkompli tibni l-​fiduċja tiegħek fil-​fatt li assolutament tistaʼ toqgħod fuq il-​Kelma profetika t’Alla. Għal dan l-​għan, f’dan il-​kapitlu aħna se nirrivedu numru taʼ profeziji li qal Ġeremija u li rahom jitwettqu. Oħrajn li se nikkunsidraw twettqu iktar tard. U terġaʼ oħrajn jeffettwaw lilek direttament issa u se jeffettwaw il-​futur tiegħek. Ħalli lil din ir-​reviżjoni ssaħħaħ il-​fiduċja tiegħek fil-​Kelma profetika taʼ Ġeħova biex int issir saħansitra iktar konvint li ‘hu se jagħmel li għandu f’moħħu.’—Lam. 2:17.

Alla għala inkariga lill-​profeti? Int għala tafda l-​profeziji dwar il-​qerda li ġejja?

PROFEZIJI LI ĠEREMIJA QAL U LI RAHOM JITWETTQU

8, 9. X’inhu mod wieħed kif il-​Bibbja hi ktieb impressjonanti?

8 Hemm ħafna nies li jipprovaw ibassru l-​futur. Aħseb dwar l-​ekonomisti, il-​politikanti, l-​ispiritisti, u l-​bassara tat-​temp. Bla ebda dubju, int rajt id-​diffikultà li hemm f’li jsir anke tbassir sempliċi b’eżattezza, dak li jistaʼ jiġri fi ftit ġranet jew ġimgħat. Iżda, l-​ipprofetizzar bir-​reqqa hu waħda mill-​affarijiet li tidentifika lill-​Bibbja. (Is. 41:26; 42:9) Il-​profeziji kollha taʼ Ġeremija, kemm jekk kienu dwar il-​futur qarib u kemm il-​futur imbiegħed, kienu eżatti għall-​aħħar. Ħafna minnhom jikkonċernaw lil individwi u ġnus. Ejja l-​ewwel nikkunsidraw xi ftit li twettqu matul il-​ħajja taʼ Ġeremija.

9 Min illum jistaʼ jbassar x’se tkun is-​sitwazzjoni tad-​dinja fi żmien sena jew sentejn? Pereżempju, liema analista tal-​affarijiet internazzjonali jistaʼ jbassar b’eżattezza jekk hux se jkun hemm bidla fil-​ħakmiet governattivi? Però, b’ispirazzjoni divina Ġeremija bassar it-​tkabbir tal-​influwenza taʼ Babilonja. Hu stqarr li Babilonja kienet il-​“kies tad-​deheb” li permezz tiegħu Ġeħova kien se jsawwab il-​korla tiegħu kontra Ġuda u kontra ħafna bliet u nies fil-​viċinanza, u b’hekk kienu se jiġu mġegħlin jidħlu fil-​jasar. (Ġer. 51:7) Dan hu eżatt dak li Ġeremija u n-​nies taʼ żmienu raw.—Qabbel Ġeremija 25:15-​29; 27:3-​6; 46:13.

10. Ġeħova x’bassar dwar erbaʼ slaten taʼ Ġuda?

10 Ġeħova wkoll uża lil Ġeremija biex jindika r-​riżultat aħħari taʼ erbaʼ slaten taʼ Ġuda. Rigward Ġeħogħaħaż, jew Sallum, iben is-​Sultan Ġosija, Alla bassar li kien se jkun eżiljat u li qatt ma kien se jirritorna Ġuda. (Ġer. 22:11, 12) Dan seħħ. (2 Slat. 23:31-​34) Alla pproklama li dak li saltan flok Ġeħogħaħaż, Ġeħojakim, kien se jindifen “b’difna bħal taʼ ħmar.” (Ġer. 22:18, 19; 36:30) Il-​Bibbja ma tispeċifikax kif miet jew x’sar minn ġismu, imma turi li ibnu Ġeħojakin beda jsaltan floku matul l-​assedju. Ġeremija ħabbar li Ġeħojakin (magħruf ukoll bħala Konija u Ġekonija) kien se jittieħed fl-​eżilju f’Babilonja u li kien se jmut hemm. (Ġer. 22:24-​27; 24:1) Dan twettaq. Xi ngħidu għall-​aħħar sultan, Sedekija? Ġeremija bassar li Sedekija kien se jingħata f’idejn l-​għedewwa, li ma wrew l-​ebda mogħdrija. (Ġer. 21:1-​10) X’ġara? Dawk l-​għedewwa veru qabduh. Huma qatlu lil uliedu żgħar quddiem għajnejh, għamewh, u ħaduh magħhom Babilonja fejn miet. (Ġer. 52:8-​11) Iva, dawn il-​profeziji kollha twettqu.

11. Min kien Ħananija, u Ġeħova x’bassar dwaru?

11 F’Ġeremija kapitlu 28 aħna naqraw li matul il-​ħakma taʼ Sedekija, il-​profeta falz Ħananija kkontradixxa d-​dikjarazzjoni taʼ Ġeħova permezz taʼ Ġeremija dwar id-​dominju taʼ Babilonja fuq Ġerusalemm. Ħananija ma tax kas il-​kelma t’Alla u saħaq li l-​madmad tal-​jasar li Nebukadnessar kien poġġa fuq Ġuda u fuq ġnus oħra kien se jitkisser. Madanakollu, bid-​direzzjoni taʼ Ġeħova, Ġeremija kixef il-​gidba taʼ Ħananija, reġaʼ qal li ħafna ġnus kien se jkollhom jaqdu lill-​Babiloniżi, u qal lill-​profeta falz li kien se jmut fi żmien sena. U hekk ġara.—Aqra Ġeremija 28:10-​17.

12. Il-​biċċa l-​kbira taʼ dawk fi żmien Ġeremija kif irreaġixxew għall-​messaġġ profetiku ewlieni tiegħu?

12 Ovvjament, il-​messaġġ profetiku ċentrali li Alla ta lil Ġeremija kien dwar il-​waqgħa taʼ Ġerusalemm infisha. Darba wara l-​oħra, Ġeremija wissa li l-​belt kienet se tiġi megħluba jekk il-​Lhud ma kinux se jindmu mill-​idolatrija, l-​inġustizzja, u l-​vjolenza tagħhom. (Ġer. 4:1; 16:18; 19:3-​5, 15) Ħafna minn dawk taʼ żmien Ġeremija ħasbu li Ġeħova qatt ma kien se jagħmel xi ħaġa bħal din. It-​tempju t’Alla kien f’Ġerusalemm. Kif kien se jħalli lil dak il-​post qaddis jiġi meqrud? Huma ħasbu li dan qatt ma kien se jiġri. Imma, inti taf li Ġeħova ma jigdibx. Hu għamel li kellu f’moħħu.—Ġer. 52:12-​14.

Stampa f’paġna 160

Ġenituri: Użaw l-​eżempji tar-​Rekabin, Għebed-​melek, u Baruk biex tibnu l-​fidi taʼ wliedkom

13. (a) Żmienna kif inhu simili għal dak taʼ Ġeremija? (b) Għaliex għandek tkun interessat fil-​wegħdi li Alla għamel maʼ ċerti individwi fi żmien Ġeremija?

13 Il-​poplu t’Alla llum isib ruħu f’sitwazzjoni simili għal dik tal-​uħud leali lejn Ġeħova fi żmien Ġeremija. Aħna nafu li Ġeħova dalwaqt se jġib gwaj fuq dawk kollha li jirrifjutaw li jisimgħu mit-​twissijiet tiegħu. Xorta waħda, nistgħu nagħmlu l-​qalb meta nqisu l-​wegħdi profetiċi tiegħu, bħalma għamlu l-​Lhud li appoġġaw il-​qima pura fi żmien Ġeremija. Minħabba l-​lealtà tar-​Rekabin lejn Ġeħova u lejn il-​kmandi tal-​antenat tagħhom, Alla qal li kienu se jsalvaw mill-​waqgħa taʼ Ġerusalemm. U hekk għamlu. Il-​fatt li iktar tard jissemma “Malkija bin Rekab,” li għen fit-​tiġdid taʼ Ġerusalemm matul il-​ħakma taʼ Neħemija, jistaʼ jagħti prova taʼ dan. (Neħ. 3:14; Ġer. 35:18, 19) Ġeħova assigura lil Għebed-​melek li hu wkoll kien se jsalva għax hu fada f’Alla u appoġġa lil Ġeremija. (Ġer. 38:11-​13; 39:15-​18) Bl-​istess mod, Alla wiegħed li sieħeb Ġeremija, Baruk, kien se jingħata ‘ruħu bħala priża.’ (Ġer. 45:1, 5) Għal liema konklużjoni tasal meta tara t-​twettiq taʼ dawn il-​profeziji? Kif taħseb li Ġeħova se jittratta miegħek jekk int tibqaʼ leali?—Aqra t-​2 Pietru 2:9.

Il-​fatt li Alla dejjem iwettaq il-​profeziji tiegħu kif effettwa lil Għebed-​melek, Baruk, u r-​Rekabin? Kif tħossok dwar wegħdi bħal dawn?

PROFEZIJI MWETTQIN IKTAR TARD

14. Il-​profezija t’Alla dwar Babilonja għala kienet tispikka?

14 Alla bassar li Nebukadnessar kien se jegħleb mhux biss lil Ġuda imma wkoll lill-​Eġittu. (Ġer. 25:17-​19) Dan x’aktarx li ma tantx deher probabbli għax l-​Eġittu kien tant b’saħħtu li saħansitra kien jiddomina lil Ġuda. (2 Slat. 23:29-​35) Wara l-​waqgħa taʼ Ġerusalemm, fdal taʼ Lhud ippjanaw li jitilqu minn arthom ħalli jsibu s-​sigurtà u s-​serħan tal-​moħħ fl-​Eġittu. Huma riedu jagħmlu dan avolja Ġeħova kien wissiehom biex ma jagħmlux hekk u kien qal li kien se jberikhom jekk jibqgħu f’Ġuda. Jekk, mill-​banda l-​oħra, kienu se jaħarbu lejn l-​Eġittu, kien se jiġri li l-​istess sejf li beżgħu minnu kien se jilħaqhom hemm. (Ġer. 42:10-​16; 44:30) Il-​kitbiet tiegħu ma jgħidulniex jekk Ġeremija rax l-​invażjoni Babiloniża fl-​Eġittu jew le. Li nafu biċ-​ċert hu li t-​twettiq tal-​profeziji taʼ Ġeħova laħaq lir-​refuġjati Iżraelin meta l-​Babiloniżi għelbu lill-​Eġittu kmieni fis-​sitt seklu Q.E.K.—Ġer. 43:8-​13.

15, 16. Kif twettqet il-​kelma t’Alla dwar il-​ħelsien tal-​poplu tiegħu?

15 Ġeremija wkoll ipprofetizza dwar it-​tmiem tal-​qawwa li għelbet lill-​Eġittu, Babilonja nfisha. Seklu qabel ma seħħ dan, Ġeremija ħabbar bir-​reqqa l-​waqgħa zoptu taʼ Babilonja. Kif? Il-​profeta t’Alla bassar li l-​ilmijiet protettivi tagħha kienu se “jinxfu,” u li l-​irġiel setgħanin tagħha ma kinux se jiġġieldu. (Ġer. 50:38; 51:30) Dawn il-​profeziji twettqu f’kull dettall meta l-​Medi u l-​Persjani dawru l-​korsa tax-​Xmara Ewfrat, imxew fl-​ilma baxx tagħha, u mbagħad daħlu fil-​belt u qabdu l-​Babiloniżi fuq sieq waħda. X’aktarx li tikkunsidra d-​dikjarazzjoni li l-​belt kienet se ssir art abbandunata bħala li kienet sinifikanti wkoll. (Ġer. 50:39; 51:26) Sal-​ġurnata tal-​lum, il-​kundizzjoni deżolata taʼ Babilonja li darba kienet b’saħħitha tixhed għall-​eżattezza tal-​profezija divina.

16 Ġeħova pproklama permezz taʼ Ġeremija li l-​Lhud kienu se jaqdu l-​Babiloniżi għal 70 sena. Imbagħad Alla kien se jġib lil niesu lura f’arthom. (Aqra Ġeremija 25:8-​11; 29:10.) Danjel kellu fiduċja sħiħa f’din il-​profezija u hu użaha biex jara meta “l-​ħerba taʼ Ġerusalemm” kienet se tispiċċa. (Dan. 9:2) Esdra qal: “Biex titwettaq il-​kelma taʼ Ġeħova minn fomm Ġeremija, Ġeħova qanqal l-​ispirtu taʼ Ċiru, is-​sultan tal-​Persja,” li kien qered lil Babilonja, biex ireġġaʼ lura l-​Lhud f’arthom. (Esd. 1:1-​4) Dawk li rritornaw setgħu mbagħad jifirħu bil-​paċi t’art twelidhom u jġeddu l-​qima vera hemmhekk, bħalma kien bassar Ġeremija.—Ġer. 30:8-​10; 31:3, 11, 12; 32:37.

17. Spjega kif il-​kliem taʼ Ġeremija dwar “biki” f’Rama jistaʼ jirreferi għal żewġ okkażjonijiet differenti.

17 Ġeremija wkoll niżżel bil-​miktub profeziji li twettqu fil-​futur imbiegħed. Hu qal: “Hekk qal Ġeħova, ‘F’Rama jinstemaʼ leħen, tinwiħ u biki taʼ mrar; Rakele qed tibki lil uliedha. Ma tridx titfarraġ għal uliedha, għax m’għadhomx iżjed.’” (Ġer. 31:15) Milli jidher il-​Lhud fil-​jasar inġabru fil-​belt taʼ Rama, xi tmien kilometri lejn it-​Tramuntana taʼ Ġerusalemm, wara l-​qerda tagħha fis-​sena 607 Q.E.K. Xi priġunieri setgħu saħansitra nqatlu f’Rama. Dan setaʼ wassal għall-​ewwel twettiq, bħallikieku kienet Rakele tibki minħabba li tilfet lil “uliedha.” Iżda, iktar minn sitt sekli wara, is-​Sultan Erodi kkmanda li jinqatlu t-​trabi f’Betlehem. Mattew, kittieb taʼ wieħed mill-​evanġelji, spjega li kliem Ġeremija bassar ir-​reazzjoni kollha mrar għal dak il-​massakru.—Mt. 2:16-​18.

Stampa f’paġna 163

Where are the Edomites today?

18. Il-​profezija t’Alla dwar Edom kif twettqet?

18 Profezija oħra wkoll twettqet fl-​ewwel seklu E.K. Alla bassar permezz taʼ Ġeremija li Edom kien fost il-​ġnus li kien se jbati taħt l-​invażjoni taʼ Babilonja. (Ġer. 25:15-​17, 21; 27:1-​7) Imma Alla qal iktar dwar dak li kellu jiġri lil Edom. Edom kellu jsir bħal Sodoma u Gomorra. Int taf x’fisser dan—diżabitat għal dejjem, ma baqax jeżisti. (Ġer. 49:7-​10, 17, 18) Eżatt hekk ġara. Fejn taħseb li tistaʼ ssib l-​ismijiet Edom u Edomin illum? Fuq xi mapep moderni? Le. L-​aktar li jinstabu hu f’kotba tal-​istorja tal-​qedem u tal-​Bibbja jew fuq mapep taʼ dak iż-​żmien. Ġużeppi Flavju jirrakkonta li l-​Edomin kienu mġegħlin jaċċettaw il-​Ġudaiżmu fit-​tieni seklu Q.E.K. Wara dan, huma waqfu milli jeżistu bħala poplu distint mal-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K.

19. Il-​ktieb taʼ Ġeremija x’jikxef dwar l-​abbiltà t’Alla li jwettaq il-​profeziji?

19 Kif tistaʼ tara, kapitlu wara l-​ieħor tal-​ktieb taʼ Ġeremija hu mimli bi profeziji dwar individwi u ġnus. Il-​biċċa l-​kbira taʼ dawn il-​profeziji diġà twettqu. Biss biss, din ir-​realtà tagħmel il-​ktieb jistħoqqlu l-​attenzjoni u l-​istudju tiegħek għax tikkonfermalek xi ħaġa dwar l-​Alla kbir tiegħek. Ġeħova għamel li kellu f’moħħu, u hekk se jibqaʼ jagħmel. (Aqra Isaija 46:9-​11.) Dan jistaʼ jsaħħaħ il-​fiduċja tiegħek f’dak li tbassar il-​Bibbja. Infatti, xi profeziji li niżżel bil-​miktub Ġeremija għandhom twettiq li jeffettwa direttament lilek u l-​futur tiegħek. Ejja neżaminaw xi ftit minn dawn fl-​aħħar sezzjoni taʼ dan il-​kapitlu.

X’inhuma xi profeziji li twettqu wara l-​mewt taʼ Ġeremija, u dawn għala huma importanti għalik?

PROFEZIJI LI JEFFETTWAW LILEK

20-22. Għala jistaʼ jingħad li profeziji Bibliċi, inkluż xi ftit fil-​ktieb taʼ Ġeremija, għandhom iktar minn twettiq wieħed? Agħti eżempju.

20 Profezija Biblika jistaʼ jkollha iktar minn twettiq wieħed. Dan nistgħu narawh mit-​tweġiba li Ġesù ta għall-​mistoqsija tad-​dixxipli tiegħu dwar is-​sinjal ‘tal-​preżenza tiegħu u tal-​konklużjoni tas-​sistema.’ (Mt. 24:3) Kien hemm twettiq fis-​snin 66 sa 70 E.K. Iżda, jidher ċar li f’ċerti aspetti dik il-​profezija għad trid titwettaq matul it-​“tribulazzjoni kbira” li ġejja fuq din is-​sistema mill-​agħar kollha kemm hi. Din se tkun tribulazzjoni “li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tad-​dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.” (Mt. 24:21) Xebh simili jeżisti fil-​profeziji mniżżlin minn Ġeremija. Xi wħud minn dawn kellhom l-​ewwel twettiq li seħħ fis-​sena 607 Q.E.K., imma kellhom twettiq ieħor li kien se jseħħ ħafna wara, bħalma rajna fi qbil mal-​profezija taʼ li “Rakele qed tibki lil uliedha.” (Ġer. 31:15) Tabilħaqq, xi ftit minn dak li bassar Ġeremija jirreferi għaż-​żmien li tgħix fih int, u t-​twettiq jeffettwa lilek personalment.

21 Tistaʼ tara dan mill-​ktieb tar-​Rivelazzjoni. L-​appostlu Ġwanni ġie mnebbaħ jirreferi għal profeziji li Ġeremija kien lissen dwar it-​tmiem taʼ Babilonja fis-​sena 539 Q.E.K. Aħna nsibu xebh f’Rivelazzjoni bejn dik il-​ġrajja bikrija u dak li mbassar li għandu jiġri fuq skala ħafna akbar. Fost il-​profeziji mlissna minn Ġeremija li twettqu fiż-​żmien modern hemm dik dwar il-​waqgħa taʼ imperu kbir—l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, “Babilonja l-​Kbira.” (Riv. 14:8; 17:1, 2, 5; Ġer. 50:2; 51:8) Il-​poplu t’Alla jkollu ‘joħroġ minnha’ biex ma jkollux sehem mill-​kastig tagħha. (Riv. 18:2, 4; Ġer. 51:6) L-​ilmijiet taʼ dik il-​belt, li jirrappreżentaw lil niesha, jew dawk li jissieħbu magħha, kellhom ‘jinxfu.’—Ġer. 51:36; Riv. 16:12.

22 Il-​wegħda t’Alla li jagħmel vendetta mir-​reliġjon falza għat-​trattament ħażin tal-​poplu tiegħu għad trid titwettaq fil-​futur tagħna. Ġeħova se ‘jħallasha skond dak kollu li għamlet.’ (Ġer. 50:29; 51:9; Riv. 18:6) U l-​artijiet figurattivi tar-​reliġjon falza jridu jsiru diżabitati.—Ġer. 50:39, 40.

23. Liema tiġdid spiritwali, imbassar minn Ġeremija, seħħ fis-​seklu 20?

23 Bħalma forsi diġà indunajt, il-​profeziji li Ġeremija ppreżenta għandhom ukoll aspett ottimist. Fi qbil maʼ dan, hu bassar tiġdid tal-​qima vera fuq l-​art fiż-​żminijiet moderni. Il-​ħelsien tal-​priġunieri Lhud mill-​belt antika taʼ Babilonja għandu xebh mal-​ħelsien tan-​nies t’Alla tal-​ġurnata tal-​lum minn Babilonja l-​Kbira wara li s-​Saltna twaqqfet fis-​sema. F’sens spiritwali, Ġeħova reġġaʼ lura lil niesu għall-​qima pura u dan wassal għal radd il-​ħajr u ferħ. Hu bierek l-​isforzi tagħhom f’li jgħinu lil oħrajn jaslu biex iqimu lilu u jkunu mitmugħin sew spiritwalment. (Aqra Ġeremija 30:18, 19.) Int ukoll taf mill-​esperjenza persunali kif fiż-​żminijiet moderni Ġeħova wettaq il-​wegħda tiegħu biex jipprovdi rgħajja lill-​poplu tiegħu —irġiel maturi spiritwalment li verament jimpurtahom mill-​merħla u jipproteġuha.—Ġer. 3:15; 23:3, 4.

24. Liema kliem drammatiku taʼ Ġeremija għad irid jitwettaq?

24 Il-​kliem taʼ Ġeremija lill-​poplu li Alla kellu fil-​qedem mhux biss kien fih wegħda t’affarijiet aħjar għal dawk li baqgħu leali, imma wkoll twissija taʼ qerda għal dawk li ma żammewx ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova. Hu simili llum. Ma nistgħux nonqsu milli naraw l-​urġenza tat-​twissija li hemm f’dan il-​kliem: “Dakinhar, dawk maqtulin minn Ġeħova se jkunu minn tarf sat-​tarf l-​ieħor taʼ l-​art. Ma jibkuhomx, lanqas jiġbruhom jew jidfnuhom. Bħal demel fuq wiċċ l-​art isiru.”—Ġer. 25:33.

25. In-​nies t’Alla llum għandhom liema responsabbiltà?

25 Iva, bħal Ġeremija, aħna ngħixu fi żminijiet kritiċi. Bħal fi żmienu, ir-​reazzjoni tan-​nies għall-​messaġġ taʼ Ġeħova tagħmel id-​differenza bejn il-​ħajja u l-​mewt. In-​nies t’Alla llum mhumiex profeti. M’aħniex imnebbħin biex inżidu mal-​kliem infallibbli tal-​verità taʼ Ġeħova li nsibu fil-​Bibbja. Xorta waħda, ġejna inkarigati nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna l-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema. (Mt. 28:19, 20) Aħna żgur li ma rridux ‘nisirqu minn kliem Ġeħova’ billi naħbu min-​nies dak li se jiġri dalwaqt. (Aqra Ġeremija 23:30.) Aħna determinati li ma nnaqqsux mill-​forza u l-​effett taʼ kliemu. Ħafna profeziji li Alla qabbad lil Ġeremija jipproklama diġà twettqu. Dan jassigurana li dawk li għad iridu jitwettqu huma tassew taʼ min joqgħod fuqhom. Aħna għandna ngħidu lin-​nies li Alla żgur se jagħmel dak ‘li kellu f’moħħu u dak li kien ikkmanda minn żmien twil ilu.’—Lam. 2:17.

Stampa f’paġna 166

Tisraqx’ minn kliem Ġeħova billi taħbi dak li għad irid iseħħ

26. Liema profezija oħra għad irridu nikkunsidraw?

26 L-​ebda konsiderazzjoni tal-​attività u l-​messaġġ profetiku taʼ Ġeremija ma tkun kompluta mingħajr ma tingħata attenzjoni lejn il-​wegħdi grandjużi taʼ Ġeħova dwar “patt ġdid” maʼ niesu, li l-​liġijiet tiegħu Alla kien se jikteb fi qlubhom. (Ġer. 31:31-​33) Din il-​profezija u t-​twettiq tagħha, li jeffettwaw lilek direttament, huma s-​suġġett tal-​kapitlu li ġej.

Liema profeziji fil-​ktieb taʼ Ġeremija twettqu fiż-​żminijiet moderni? Kif tħossok dwar dawk li għad iridu jitwettqu?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja