LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jr kap. 7 pp. 81-91
  • “Jien Inserraħ lir-​Ruħ Għajjiena”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Jien Inserraħ lir-​Ruħ Għajjiena”
  • Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦEMEJJEL LI JISTGĦU JISKURAĠĠIXXU
  • INT SE SSERRAĦ LIR-​RUĦ GĦAJJIENA?
  • “Ma Nistax Noqgħod Sieket”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Liema Ħbieb Se Tagħżel Int?
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • “Jien Poġġejtlek Kliemi f’Fommok”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Ġeħova jibgħat lil Ġeremija jipprietka
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
jr kap. 7 pp. 81-91

Kapitlu Sebgħa

“Jien Inserraħ lir-​Ruħ Għajjiena”

1. Għal liema barka fid-​dinja l-​ġdida qed tħares int ’il quddiem għaliha b’mod partikulari?

“ID-​DINJA l-​ġdida.” Meta tismaʼ dan il-​kliem, taħseb int dwar xi barkiet imbassrin li għad naraw? Forsi taħseb dwar ġisem perfett, abbundanza t’ikel sustanzjuż, annimali paċifiċi, jew djar għal kulħadd. X’aktarx tistaʼ tikkwota versi mill-​Bibbja li fuqhom tibbaża dawn l-​istennijiet. Madanakollu, tinsiex din il-​barka—saħħa spiritwali u emozzjonali tajba. Mingħajr din, il-​ferħ mill-​barkiet l-​oħrajn kollha malajr jisfa fix-​xejn.

2, 3. Il-​kitbiet taʼ Ġeremija jgħinuna nistennew liema barka speċjali?

2 Meta Alla qabbad lil Ġeremija jbassar ir-​ritorn tal-​Lhud minn Babilonja, hu ġibed l-​attenzjoni lejn kif kienu se jħossuhom: “Għad tiżżejjen bit-​tanburlini u toħroġ tiżfen bħal dawk daħqana.” (Aqra Ġeremija 30:18, 19; 31:4, 12-​14.) Alla żied xi ħaġa li għandha mnejn tolqtok: “Jien inserraħ lir-​ruħ għajjiena, u nissodisfa lil kull ruħ mitluqa.” Il-​Bibbja tal-​Għaqda Biblika Maltija, It-​Tieni Edizzjoni, tittraduċi l-​wegħda t’Alla b’dan il-​mod: “Jien naħji kull ruħ mifnija, u nxabba’ kull ruħ għajjiena.”—Ġer. 31:25.

3 X’tama din! Ġeħova qal li kien se jserraħ, jew jaħji, lill-​wieħed għajjien jew skuraġġit. U żgur li Alla jagħmel dak li jwiegħed! Il-​kitbiet taʼ Ġeremija jagħtuna l-​fiduċja li aħna wkoll se niġu mserrħin. Minbarra dan, dawn il-​kitbiet jagħtuna dehen dwar kif nistgħu niġu inkuraġġiti u nkunu ottimisti saħansitra issa. Iktar minn hekk, huma juruna modi prattiċi kif nistgħu ninkuraġġixxu ’l oħrajn, u b’hekk ngħinu lill-​uħud għajjenin jiksbu serħan.

4. Għala nistgħu nifhmu kif ħassu Ġeremija?

4 Din il-​wegħda kienet sors taʼ faraġ għal Ġeremija, u tistaʼ tkun l-​istess għalina. Għala? Ftakar f’punt li ssemma f’Kapitlu 1 taʼ din il-​pubblikazzjoni, jiġifieri, li Ġeremija kien “raġel b’sentimenti bħal tagħna,” bħalma kien Elija. (Ġak. 5:17) Aħseb dwar biss ftit raġunijiet għala xi kultant Ġeremija setaʼ ħassu qalbu maqtugħa jew saħansitra ftit dipress. Hekk kif tagħmel dan, immaġina kif kont tħossok int f’sitwazzjonijiet simili, u għala xi ċirkustanzi li tiffaċċja jistgħu jiskuraġġuk.—Rum. 15:4.

5. X’setaʼ kien taʼ skuraġġiment għal Ġeremija?

5 Parti mill-​iskuraġġiment taʼ Ġeremija setaʼ ġie min-​nies tar-​raħal fejn trabba. Hu kiber f’Għanatot, belt Levita ftit kilometri lejn il-​Grigal taʼ Ġerusalemm. F’Għanatot kien hemm nies li l-​profeta kien jaf u forsi kien hemm ukoll qraba. Ġesù qal li profeta mhuwiex onorat f’pajjiżu, u dan kien minnu fil-​każ taʼ Ġeremija. (Ġw. 4:44) In-​nies tar-​raħal urew diżrispett lejn Ġeremija u nuqqas t’interess fih. Mhux talli hekk, imma talli darba minnhom Alla qal li “n-​nies t’Għanatot” kienu qed ‘jipprovaw jieħdu ħajjet Ġeremija.’ B’mod aggressiv qalu: “Tipprofetizzax f’isem Ġeħova, għax tmut taħt idejna.” X’theddida din minn ġirien u forsi qraba li messhom kienu fuq in-​naħa tiegħu!—Ġer. 1:1; 11:21.

Stampa f’paġna 83

6. Jekk sħabek tax-​xogħol jew oħrajn jopponuk, kif tistaʼ tibbenefika mill-​esperjenza taʼ Ġeremija man-​“nies t’Għanatot”?

6 Jekk tħoss pressjoni mill-​ġirien, sħabek tal-​iskola, sħabek tax-​xogħol, jew saħansitra xi membri tal-​familja, ikseb il-​faraġ minn kif Ġeħova ttratta maʼ Ġeremija. Lura f’dak iż-​żmien Alla qal li kien se ‘jitlob kont minn’ dawk f’Għanatot li kienu qed jopponu lill-​profeta tiegħu. (Aqra Ġeremija 11:22, 23.) L-​assiguranza t’Alla żgur li għenet lil Ġeremija jegħleb kwalunkwe skuraġġiment li ġie minn dik l-​oppożizzjoni lokali. Iktar tard, Alla kien se jitlob kont minnhom billi jġib “gwaj fuq in-​nies t’Għanatot,” u hekk ġara. Fil-​każ tiegħek, serraħ moħħok li Ġeħova qed jagħti kas x’inhu jiġri. (Salm 11:4; 66:7) Il-​fatt li ‘żżomm’ maʼ tagħlim Bibliku u li tagħmel dak li hu tajjeb għad jistaʼ jgħin lil xi opponenti jevitaw il-​gwaj li altrimenti kien se jiġi fuqhom.—1 Tim. 4:16.

Fil-​ktieb taʼ Ġeremija, x’jindika li Alla hu interessat fis-​sentimenti tal-​poplu tiegħu, u dan kif setaʼ għen lill-​profeta?

GĦEMEJJEL LI JISTGĦU JISKURAĠĠIXXU

7, 8. X’tip t’abbuż sofra Ġeremija, u dan kif effettwah?

7 Ġeremija ffaċċja ħafna iktar minn theddid verbali min-​nies taʼ pajjiżu. Okkażjoni minn dawn kienet tittratta dwar raġel magħruf f’Ġerusalemm, qassis jismu Pasħur.a Meta semaʼ profezija divina, “Pasħur sawwat lil Ġeremija l-​profeta u qiegħdu fil-​qjud.” (Ġer. 20:1, 2) Dan il-​kliem x’aktarx fisser ħafna iktar minn daqqa taʼ ħarta biss. Xi wħud jikkonkludu li Pasħur sawwat lil Ġeremija, forsi bi frosta, u tah sa 40 daqqa. (Dt. 25:3) Waqt li Ġeremija kien qed isofri fiżikament, in-​nies setgħu kienu qed jiddieħqu bih u jabbużawh verbalment, saħansitra jobżqulu. Dan mhux kollox. Pasħur tefaʼ lil Ġeremija fi “qjud” sal-​għada. Il-​kelma Ebrajka li tintuża tagħti x’tifhem li l-​ġisem kien mgħawweġ u milwi. Iva, Ġeremija kien sforzat bi krudeltà li jgħaddi lejl muġugħ, probabbilment maqful ġo frejm tal-​injam.

8 Trattament bħal dan kif effettwa lil Ġeremija? Hu qal lil Alla: “Il-​jum kollu jidħqu bija.” (Ġer. 20:3-​7) Saħansitra għadda minn moħħu li jieqaf jitkellem f’isem Alla. Imma int taf li Ġeremija ma setax u m’għamilx dan. Anzi, il-​messaġġ divin li ġie inkarigat iwassal kien ‘bħal nar jaqbad magħluq f’għadmu,’ u ma setax iżomm lura milli jitkellem għal Ġeħova.—Aqra Ġeremija 20:8, 9.

Stampa f’paġna 84, 85

9. Għala hu t’għajnuna għalina li nirriflettu fuq l-​esperjenza taʼ Ġeremija?

9 Dan ir-​rakkont jistaʼ jgħinna jekk niffaċċjaw twaqqigħ għaċ-​ċajt malizzjuż minn dawk li nafu, kemm jekk huma qraba, ġirien, sħabna tax-​xogħol, jew tal-​iskola. M’għandniex niħduha bi kbira jekk xi kultant oppożizzjoni bħal din iġġegħelna nħossuna ftit skuraġġiti. Dan jistaʼ jiġri wkoll jekk niġu maltrattati fiżikament għax insegwu l-​qima vera. Ir-​raġel imperfett Ġeremija ġie effettwat minn affarijiet bħal dawn, u m’għandniex aħna wkoll sentimenti umani bħal tiegħu? Però, m’għandniex ninsew li bl-​għajnuna t’Alla, Ġeremija reġaʼ kiseb il-​ferħ u l-​qlubija tiegħu. L-​iskuraġġiment ma kienx permanenti, u m’għandux għalfejn ikun hekk fil-​każ tagħna.—2 Kor. 4:16-​18.

10. X’dehen tagħtina l-​Bibbja rigward il-​burdata taʼ Ġeremija?

10 Xi drabi l-​burdata taʼ Ġeremija kienet tinbidel, anke b’mod drastiku. Ġieli kellek tkampa b’xi ħaġa simili—forsi filli tħossok ottimist u pożittiv u filli tħossok qalbek sewda u mdejjaq? Bħala eżempju taʼ meta Ġeremija ħassu ottimist, ara l-​kliem f’Ġeremija 20:12, 13. (Aqra.) Wara dak li Pasħur ġiegħlu jgħaddi minnu, Ġeremija feraħ għax kien bħal wieħed mill-​fqar li nħeles “minn id in-​nies il-​ħżiena.” Kultant, x’aktarx ħassejtek ferħan se ttir u kellek aptit tkanta lil Ġeħova, kemm jekk dan kien wara li ħassejt l-​għajnuna t’Alla b’xi mod u kemm jekk dan kien bħala reazzjoni għal xi ġrajja hienja f’ħajtek jew fis-​servizz Kristjan. Kemm hu sabiħ li tħossok hekk!—Atti 16:25, 26.

Stampa f’paġna 86

HL-​oppożizzjoni jew it-​twaqqigħ għaċ-​ċajt kif għandu mnejn jeffettwa l-​emozzjonijiet tagħna?

11. Jekk għandna t-​tendenza għall-​burdati, x’għandna nżommu f’moħħna dwar Ġeremija?

11 Madanakollu, peress li aħna imperfetti, il-​burdata tagħna tistaʼ tinbidel, kif għamlet taʼ Ġeremija. Wara li esklama “kantaw lil Ġeħova,” hu ħass disprament kbir, forsi bid-​dmugħ iġelben. (Aqra Ġeremija 20:14-​16.) Tant ħassu dipress li ħaseb x’kien jiswa li ġie fid-​dinja! F’dan l-​istat taʼ dwejjaq hu qal li r-​raġel li ħabbar it-​twelid tiegħu kellu jiġi misħut u kien jistħoqqlu jispiċċa bħal Sodoma u Gomorra. Imma hawn għandna xi ħaġa taʼ min jinnotaha: Baqaʼ jħossu ddisprat Ġeremija? Qataʼ qalbu u rrassenja ruħu li se jibqaʼ jħossu skuraġġit? Le. Minflok, bilfors li stinka biex jegħleb l-​iskuraġġiment tiegħu, u rnexxielu. Ikkunsidra x’inhu rrakkontat wara dan, skont kif inhu mniżżel fil-​ktieb taʼ Ġeremija. Il-​Pasħur l-​ieħor, il-​prinċep, avviċina lil Ġeremija b’talba mis-​Sultan Sedekija rigward il-​Babiloniżi li kienu qed jassedjaw lil Ġerusalemm. Ġeremija laqaʼ l-​isfida u bil-​qlubija ddikjara l-​ġudizzju taʼ Ġeħova u x’kien se jiġri. (Ġer. 21:1-​7) Jidher ċar li Ġeremija kien qed jibqaʼ jaqdi bħala profeta!

12, 13. X’nistgħu nagħmlu biex inkampaw maʼ bidliet li ninnotaw fil-​burdata tagħna?

12 Xi wħud mill-​qaddejja t’Alla llum jesperjenzaw bidliet fil-​burdata. Dawn jistgħu jkunu minħabba kaġun fiżiku—forsi bdil f’daqqa fl-​ormoni jew żbilanċ bijokimiku—u tabib kwalifikat jistaʼ jissuġġerilek modi kif tikkontrolla dawn il-​bidliet fil-​burdata. (Lq. 5:31) Però, għall-​maġġuranza minna, il-​ferħ jew id-​dwejjaq kbar li kultant inħossu la huma estremi u lanqas mhux normali. X’aktarx, il-​biċċa l-​kbira mis-​sentimenti negattivi huma parti mill-​ħajja umana imperfetta. Jistgħu jkunu kaġunati mill-​għeja jew mit-​telfa taʼ xi ħadd maħbub. Jekk niffaċċjaw sitwazzjonijiet bħal dawn, nistgħu niftakru li Ġeremija ttratta maʼ bidliet fil-​burdata imma baqaʼ jkollu l-​favur t’Alla. Biex inkampaw jistaʼ jkun hemm bżonn li naġġustaw ir-​rutina tagħna ħalli nistrieħu iktar. Jew forsi jkollna nagħtu lilna nfusna biżżejjed ħin biex nitfarrġu wara telfa taʼ niket li nkunu ġarrabna. Madanakollu, hu vitali li nibqgħu nattendu l-​laqgħat Kristjani u nibqgħu nieħdu sehem regulari fl-​attivitajiet teokratiċi. Dawn huma modi ewlenin kif inżommu l-​bilanċ u jkollna l-​ferħ f’li naqdu ’l Alla.—Mt. 5:3; Rum. 12:10-​12.

13 Kemm jekk il-​fatt li tħossok qalbek maqtugħa jkun xi ħaġa taʼ darba li rari tiġri, u kemm jekk ikun xi ħaġa li tiġri spiss, l-​esperjenza taʼ Ġeremija tistaʼ tgħinek. Bħalma ssemma, kultant kien iħossu tassew skuraġġit. Minkejja dan, ma ħalliex l-​iskuraġġiment ibiegħdu mill-​Alla li ħabb u li qeda b’fedeltà. Meta l-​opponenti pattew it-​tajjeb tiegħu bil-​ħażin, hu dar lejn Ġeħova u fada fih. (Ġer. 18:19, 20, 23) Kun determinat li timita lil Ġeremija.—Lam. 3:55-​57.

Jekk kultant tħossok skuraġġit jew imdejjaq, kif tistaʼ tapplika dak li ssib fil-​ktieb taʼ Ġeremija?

INT SE SSERRAĦ LIR-​RUĦ GĦAJJIENA?

14. Ġeremija b’liema mod partikulari kien inkuraġġit?

14 Nagħmlu tajjeb jekk nagħtu l-​attenzjoni tagħna għal kif Ġeremija kien inkuraġġit u kif inkuraġġixxa l-​uħud ‘għajjenin.’ (Ġer. 31:25) Il-​profeta kien inkuraġġit b’mod partikulari minn Ġeħova. Aħseb dwar kemm kont tkun imsaħħaħ int li kieku smajt lil Ġeħova jgħidlek: “Jien, illum għamiltek belt fortifikata . . . Dawn jiġġieldu kontrik imma ma jegħlbukx, għax ‘jien miegħek,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘biex neħilsek.’” (Ġer. 1:18, 19) Ġeremija kellu raġuni tajba biex jirreferi għal Ġeħova bħala “s-​saħħa u l-​fortizza tiegħi, u l-​post li niġri fih meta nkun imnikket.”—Ġer. 16:19.

15, 16. Il-​mod kif Ġeħova inkuraġġixxa lil Ġeremija joffri liema ħjiel dwar dak li nistgħu nagħmlu biex ninkuraġġixxu ’l oħrajn?

15 Taʼ min jinnota li Ġeħova qal lil Ġeremija: “Jien miegħek.” Qed tara f’dan il-​kliem ħjiel taʼ x’tistaʼ tagħmel meta xi ħadd li taf ikollu bżonn taʼ inkuraġġiment? Hija ħaġa li tirrealizza li ħu jew oħt Kristjana jew forsi xi qarib għandu bżonn l-​inkuraġġiment u hija ħaġa oħra li tirreaġixxi b’mod effettiv għal dan il-​bżonn. F’ħafna każi, l-​iktar ħaġa effettiva hi li tagħmel dak li għamel Alla għal Ġeremija—li sempliċement tkun mal-​imnikket. Imbagħad, f’xi ħin offri kliem taʼ inkuraġġiment, imma mhux ruxxmata taʼ kliem. X’aktarx, ftit kliem jagħmel iktar ġid jekk ikun magħżul biex jassigura u jibni lil dak li jkun. M’hemmx għalfejn tkun tinqalaʼ biex titkellem. Uża kliem sempliċi li juri interess, tħassib, u affezzjoni Kristjana. Kliem bħal dan jagħmel ħafna ġid.—Aqra Proverbji 25:11.

16 Ġeremija talab: “O Ġeħova, ftakar fija u agħti kasi.” Imbagħad? Il-​profeta jkompli jgħid: “Kliemek ġie għandi, u jien kiltu; u kelmtek saret għalija l-​ferħ u l-​hena taʼ qalbi.” (Ġer. 15:15, 16) Bl-​istess mod, dak li tixtieq tinkuraġġih jistaʼ jkollu bżonn attenzjoni b’qalb tajba. M’għandniex xi ngħidu, m’intix se tqabbel kliemek maʼ dak taʼ Ġeħova. Imma tistaʼ tinkludi xi ftit mill-​kliem t’Alla f’dak li tgħid. Espressjonijiet bħal dawn ibbażati fuq il-​Bibbja u li huma sinċieri u mill-​qalb jistgħu tassew iferrħu qalb dak li jkun skuraġġit.—Aqra Ġeremija 17:7, 8.

17. Liema lezzjoni importanti nistgħu nieħdu minn kif Ġeremija ttratta maʼ Sedekija u Ġoħanan?

17 Innota li minbarra li ġie inkuraġġit minn Alla, Ġeremija inkuraġġixxa lil oħrajn. Kif? Darba minnhom, is-​Sultan Sedekija qal lil Ġeremija dwar il-​biżaʼ tiegħu mil-​Lhud li ssieħbu mal-​Babiloniżi. Il-​profeta qal kliem taʼ inkuraġġiment u ħeġġeġ lis-​sultan biex jobdi ’l Ġeħova, u b’hekk ikollu riżultat pożittiv. (Ġer. 38:19, 20) Wara li Ġerusalemm waqgħet u kien hemm biss fdal taʼ Lhud fil-​pajjiż, il-​kap militari tagħhom, Ġoħanan, ħaseb dwar li jieħu n-​nies l-​Eġittu. Imma l-​ewwel ħa parir mingħand Ġeremija. Il-​profeta semaʼ dak li kellu x’jgħid Ġoħanan u mbagħad talab lil Ġeħova. Iktar tard, hu ta t-​tweġiba inkuraġġanti taʼ Ġeħova u semma li kien se jaħbtilhom tajjeb jekk isegwu d-​direzzjoni divina biex jibqgħu fil-​pajjiż. (Ġer. 42:1-​12) Fiż-​żewġ każi, Ġeremija ta widen—hu semaʼ qabel ma tkellem. Li nagħtu widen hu fundamentali biex ninkuraġġixxu lil oħrajn. Ħalli lill-​imnikket jiftaħ qalbu. Ismaʼ x’qed jinkwetah, x’qed ibeżżgħu. Meta jkun xieraq, offri kliem taʼ inkuraġġiment. Mhux se jkollok xi rivelazzjoni divina x’toffri ’l dak li jeħtieġ l-​inkuraġġiment, iżda tistaʼ tinkludi ħsibijiet pożittivi mill-​Kelma t’Alla, ħsibijiet li jiffokaw fuq dak li hemm lest għalina fil-​futur.—Ġer. 31:7-​14.

Stampa f’paġna 91

18, 19. Liema eżempju dwar li ninkuraġġixxu lil oħrajn jidher fir-​rakkonti tar-​Rekabin u t’Għebed-​melek?

18 La Sedekija u lanqas Ġoħanan m’aċċetta l-​parir inkuraġġanti li wassal Ġeremija, u xi wħud illum donnhom ma jwiġbux għall-​parir tiegħek. Tħallix dan jaqtagħlek qalbek. Oħrajn wieġbu b’mod favorevoli għall-​inkuraġġiment li ta Ġeremija, u x’aktarx li ħafna se jagħmlu l-​istess għalik. Aħseb dwar ir-​Rekabin, grupp taʼ Kenin li kienu ħbieb mal-​Lhud għal ħafna snin. Fost il-​kmandi li rċivew mill-​antenat tagħhom, Ġeħonadab, kien hemm il-​kmand li bħala residenti barranin ma jixorbux l-​inbid. Meta l-​Babiloniżi kienu qed jattakkaw, Ġeremija ħa lir-​Rekabin f’kamra tal-​ikel fit-​tempju. Bid-​direzzjoni t’Alla, Ġeremija poġġa l-​inbid quddiemhom. B’rispett lejn l-​antenat tagħhom u b’kuntrast għad-​diżubbidjenza t’Iżrael, ir-​Rekabin kienu ubbidjenti u ma xorbux l-​inbid. (Ġer. 35:3-​10) Ġeremija tahom it-​tifħir li kien ġej mingħand Ġeħova u qalilhom bil-​wegħda Tiegħu għall-​futur tagħhom. (Aqra Ġeremija 35:14, 17-​19.) Dan hu eżempju li tistaʼ timita meta toffri l-​inkuraġġiment: Faħħar onestament lil oħrajn meta possibbli.

19 Ġeremija għamel dan ukoll m’Għebed-​melek, Etjopjan li milli jidher qeda bħala uffiċjal fil-​palazz tas-​Sultan Sedekija. Xi prinċpijiet taʼ Ġuda tefgħu lil Ġeremija b’mod inġust f’ġiebja bil-​ħama u ħallewh hemm biex imut. Għebed-​melek appella lis-​Sultan Sedekija u dan awtorizzah isalva lill-​profeta. Dan ir-​raġel barrani hekk għamel, avolja setaʼ ffaċċja ndħil vjolenti. (Ġer. 38:7-​13) Għebed-​melek setaʼ kien inkwetat dwar il-​futur tiegħu peress li probabbilment kien biegħed lill-​prinċpijiet taʼ Ġuda minnu. Ġeremija ma baqax sieket jew sempliċement ittama li Għebed-​melek kien se jgħaddilu. Hu kellmu u inkuraġġieh billi qallu dwar il-​barkiet futuri li Alla kellu lest għalih.—Ġer. 39:15-​18.

20. X’għandna nkunu rridu nagħmlu għal ħutna kbar u żgħar?

20 Meta naqraw il-​ktieb taʼ Ġeremija tassew insibu eżempji mill-​aħjar dwar kif personalment nistgħu nagħmlu dak li l-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil ħutna f’Tessalonika biex jagħmlu: “Ibqgħu farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin . . . Il-​qalb tajba mhix mistħoqqa tal-​Mulej tagħna Ġesù Kristu tkun magħkom.”—1 Tess. 5:11, 28.

X’lezzjonijiet minn Ġeremija biħsiebek tapplika meta tistinka biex tinkuraġġixxi l-​uħud għajjenin?

a Matul il-​ħakma taʼ Sedekija kien hemm Pasħur differenti, prinċep li talab lis-​sultan biex joqtol lil Ġeremija.—Ġer. 38:1-​5.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja