LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 11/15 pp. 20-25
  • Fittex lil Ġeħova, il-Wieħed li Jeżamina l-Qlub

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Fittex lil Ġeħova, il-Wieħed li Jeżamina l-Qlub
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Alla Jeżamina lil Iżrael
  • Iżrael—Ġens li Qed Jitħassar
  • Xebh maʼ Żmienna
  • “Ħobbu l-​Ġid”
  • Ġeħova Jitlob Kont
  • Ġid Minkejja l-​Ġuħ Spiritwali
  • Xandar il-Kelma t’Alla bil-Qlubija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ħu Bħala Mudell lill-Profeti—Għamos
    Il-Ministeru tas-Saltna—2013
  • Il-Ġudizzju taʼ Ġeħova Ġej Kontra l-Ħżiena
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Punti Prinċipali mill-Kotba taʼ Ġoel u Għamos
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 11/15 pp. 20-25

Fittex lil Ġeħova, il-​Wieħed li Jeżamina l-​Qlub

“Fittxuni u tgħixu.”—GĦAMOS 5:4.

1, 2. Xi tfisser l-​Iskrittura meta tgħid li Ġeħova ‘jara l-​qalb’?

ALLA ĠEĦOVA qal lill-​profeta Samwel: “Il-​Mulej ma jarax bħalma jara l-​bniedem, dak biss li jidher fl-​għajn, imma l-​qalb.” (1 Samwel 16:7) Xi jfisser li Ġeħova ‘jara l-​qalb’?

2 Fl-​Iskrittura, il-​qalb spiss tintuża b’mod figurattiv biex tirrappreżenta dak li l-​bniedem hu minn ġewwa—ix-​xewqat, il-​ħsibijiet, l-​emozzjonijiet, u l-​affezzjonijiet tiegħu. Mela meta l-​Bibbja tgħid li Alla jara l-​qalb, jfisser li hu jara lil hinn mid-​dehra taʼ barra u jiffoka fuq dak li l-​bniedem hu tassew.

Alla Jeżamina lil Iżrael

3, 4. Skond Għamos 6:4-6, f’liema qagħda kienet tinsab is-​saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet?

3 Meta l-​Wieħed li jeżamina l-​qlub osserva lis-​saltna b’għaxar tribujiet taʼ Iżrael fi żmien Għamos, Hu x’ra? Għamos 6:4-6 jitkellem dwar nies “fuq sodod taʼ l-​avorju mimduda, jitmattru fuq il-​friex.” Huma kienu ‘jieklu ħrief il-​merħla, għoġiela mill-​istalla.’ Dawn l-​uħud kienu ‘jivvintaw strumenti’ u “l-​inbid ilegilguh minn bwieqi kbar.”

4 Maʼ l-​ewwel daqqa t’għajn, din tistaʼ tidher xena pjaċevoli. Fil-​kumdità tad-​djar lussużi tagħhom, is-​sinjuri kienu jgawdu l-​ifjen ikel u xorb u jieħdu gost jisimgħu l-​aqwa strumenti mużikali. Kellhom ukoll “sodod taʼ l-​avorju.” Fis-​Samarija, il-​belt kapitali tas-​saltna taʼ Iżrael, l-​arkeoloġi sabu abbundanza t’avorju mnaqqax sabiħ ħafna. (1 Slaten 10:22) Wisq probabbli, ħafna minnu x’aktarx li kien imwaħħal maʼ l-​għamara u saħansitra ingastat f’panewijiet dekorattivi taʼ l-​injam.

5. Alla għala tnikket bl-​Iżraelin taʼ żmien Għamos?

5 Kien diżappuntat Ġeħova għall-​fatt li l-​Iżraelin kienu qed jgħixu ħajja komda, jieklu ikel tajjeb, jixorbu nbid fin, u jisimgħu mużika sabiħa? Dażgur li le! Wara kollox, hu jipprovdi dawn l-​affarijiet bix-​xabaʼ sabiex il-​bnedmin igawduhom. (1 Timotju 6:17) Dak li ddiżappuntah kien ix-​xewqat ħżiena tan-​nies, il-​kundizzjoni mill-​agħar taʼ qalbhom, l-​attitudni taʼ diżrispett li kellhom lejn Alla, u n-​nuqqas taʼ mħabba lejn sħabhom l-​Iżraelin.

6. X’kienet il-​qagħda spiritwali taʼ Iżrael matul żmien Għamos?

6 Dawk li kienu ‘jitmattru fuq il-​friex, jieklu ħrief il-​merħla, ilegilgu l-​inbid, u jivvintaw l-​istrumenti’ kellhom sorpriża ġejja. Lil dawn l-​uħud intqalilhom: ‘Mingħalikom ’il bogħod jum il-​ħsara.’ Huma suppost li kienu mnikkta għall-​aħħar minħabba l-​qagħda taʼ Iżrael, imma huma ma kinux ‘sewdu qalbhom għall-​qerda taʼ Ġużeppi.’ (Għamos 6:3-6) Minkejja l-​ġid ekonomiku tal-​ġens, Ġeħova ra li Ġużeppi—jew Iżrael—kien jinsab f’qagħda katastrofika spiritwalment. Madankollu, il-​poplu baqaʼ għaddej bil-​ħajja taʼ kuljum bla ma ħabbel rasu. Ħafna nies illum għandhom attitudni simili. Forsi jirrikonoxxu li qed ngħixu fi żminijiet diffiċli, imma sakemm ma jintlaqtux personalment, ftit jimpurtahom mill-​istat imwiegħer taʼ ħaddieħor u ma juru ebda interess f’affarijiet spiritwali.

Iżrael—Ġens li Qed Jitħassar

7. X’kien se jiġri jekk in-​nies taʼ Iżrael ma jagħtux kas it-​twissijiet divini?

7 Il-​ktieb t’Għamos jiddeskrivi ġens li qed jitħassar, għalkemm jidher għani minn barra. Minħabba li ma jridux jagħtu kas it-​twissijiet divini u jirranġaw l-​attitudni tagħhom, Ġeħova se jerħihom f’idejn l-​għedewwa tagħhom. L-​Assirjani kienu se jiġu jaħtfuhom minn fuq is-​sodod sbieħ tagħhom taʼ l-​avorju u jkaxkruhom fil-​jasar. Daqshekk kumdità għalihom!

8. Iżrael kif spiċċa f’qagħda ħażina spiritwalment?

8 L-​Iżraelin kif spiċċaw f’dan l-​istat? Kollox beda fis-​sena 997 Q.E.K., meta s-​Sultan Salamun miet u minfloku laħaq ibnu Reħobogħam u l-​għaxar tribujiet taʼ Iżrael infirdu minn mat-​tribujiet taʼ Ġuda u Benjamin. L-​ewwel sultan tas-​saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet kien Ġerobogħam, “bin Nebat.” (1 Slaten 11:26) Ġerobogħam I ikkonvinċa lin-​nies taħt il-​ħakma tiegħu li kien diffiċli wisq għalihom li jivvjaġġaw sa Ġerusalemm biex iqimu lil Ġeħova. Imma hu ma kienx jimpurtah verament mill-​ġid tal-​poplu. Minflok, hu kien qed jipprova jipproteġi l-​interessi tiegħu stess. (1 Slaten 12:26) Ġerobogħam kien qed jibżaʼ li jekk l-​Iżraelin ikomplu jmorru fit-​tempju taʼ Ġerusalemm għall-​festi annwali biex jonoraw lil Ġeħova, eventwalment huma kienu se jerġgħu jorbtu qalbhom mas-​saltna taʼ Ġuda. Għalhekk, biex ma jħallix dan jiġri, Ġerobogħam waqqaf żewġ għoġiela tad-​deheb, wieħed f’Dan u l-​ieħor f’Betel. B’hekk, il-​qima taʼ l-​għoġol saret ir-​reliġjon taʼ l-​Istat fis-​saltna taʼ Iżrael.—2 Kronaki 11:13-15.

9, 10. (a) Liema okkażjonijiet reliġjużi organizza s-​Sultan Ġerobogħam I? (b) Alla kif ħares lejn il-​festi f’Iżrael fi żmien is-​Sultan Ġerobogħam II?

9 Ġerobogħam ipprova jagħti dehra awtentika lil din ir-​reliġjon ġdida. Hu organizza okkażjonijiet reliġjużi li b’xi mod kienu simili għall-​festi li kienu jinżammu f’Ġerusalemm. Fl-​1 Slaten 12:32, naqraw: “Ġerobogħam waqqaf festa biex, bħall-​festa li kienet issir f’Ġuda, din ukoll issir nhar il-​ħmistax tax-​xahar, it-​tmien xahar tas-​sena; u dak in-​nhar hu talaʼ quddiem l-​artal.”

10 Ġeħova qatt ma approva dawn il-​festi reliġjużi foloz. Hu wera dan biċ-​ċar permezz t’Għamos iktar minn seklu wara waqt ir-​renju taʼ Ġerobogħam II, li sar is-​sultan tas-​saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet madwar is-​sena 844 Q.E.K. (Għamos 1:1) Skond Għamos 5:21-24, Alla qal: “Il-​festi tagħkom sirt nobgħodhom u nistmerrhom, ebda gost ma nsib fil-​laqgħat tagħkom. Meta tressquli quddiemi l-​offerti tal-​ħruq u s-​sagrifiċċji tagħkom, ma jogħġbunix, u anqas biss inħares lejn l-​offerti tas-​sliem tal-​bhejjem imsemmna tagħkom. Warrbu minni l-​għajat taʼ l-​għana tagħkom, ma rridx nismaʼ bid-​daqq taʼ l-​arpi tagħkom. Ħallu l-​ġustizzja tgelgel bħall-​ilma, u s-​sewwa bħal wied taʼ dejjem.”

Xebh maʼ Żmienna

11, 12. Liema xebh nistgħu naraw bejn il-​qima taʼ Iżrael tal-​qedem u dik li nsibu fil-​Kristjaneżmu?

11 Biċ-​ċar, Ġeħova eżamina l-​qlub taʼ dawk li kienu qed jieħdu sehem fil-​festi taʼ Iżrael u ċaħad dawn iċ-​ċelebrazzjonijiet u l-​offerti tagħhom. Bl-​istess mod illum, Alla jiċħad iċ-​ċelebrazzjonijiet pagani tal-​Kristjaneżmu, bħalma huma l-​Milied u l-​Għid. Għall-​aduraturi taʼ Ġeħova, ma jistaʼ jkun hemm l-​ebda rabta bejn il-​ġustizzja u l-​ksur tal-​liġi, l-​ebda sħubija bejn id-​dawl u d-​dlam.—2 Korintin 6:14-16.

12 Nistgħu naraw xebh ieħor bejn il-​qima taʼ l-​għoġol taʼ l-​Iżraelin u dik li jieħu sehem fiha l-​Kristjaneżmu. Għalkemm xi wħud li jgħidu li huma Kristjani jaċċettaw il-​verità tal-​Kelma t’Alla, il-​qima tal-​Kristjaneżmu fiha nfisha m’hijiex motivata minn imħabba ġenwina għal Alla. Li kieku kien hekk, dan kien jinsisti li jqim lil Ġeħova “bl-​ispirtu u l-​verità” għax dan huwa t-​tip taʼ qima li jogħġob Lilu. (Ġwanni 4:24) Iktar minn hekk, il-​Kristjaneżmu ma ‘jħallix il-​ġustizzja tgelgel bħall-​ilma, u s-​sewwa bħal wied taʼ dejjem.’ Minflok, hu dejjem jipprova jnaqqas mill-​importanza tal-​ħtiġijiet morali t’Alla. Hu jittollera ż-​żína u saħansitra wasal sal-​punt li jbierek żwiġijiet omosesswali!

“Ħobbu l-​Ġid”

13. Għala rridu nimxu skond il-​kliem li nsibu f’Għamos 5:15?

13 Lil dawk kollha li jixtiequ jqimu lil Ġeħova b’mod aċċettabbli, hu jgħidilhom: “Obogħdu d-​deni u ħobbu l-​ġid.” (Għamos 5:15) L-​imħabba u l-​mibegħda huma emozzjonijiet qawwijin li joħorġu mill-​qalb figurattiva. Ladarba l-​qalb hija qarrieqa, irridu nagħmlu kulma nistgħu biex nipproteġuha. (Proverbji 4:23; Ġeremija 17:9) Jekk inħallu lil qalbna tiżviluppa xewqat ħżiena, nistgħu nsibu lilna nfusna nħobbu d-​deni u nobogħdu l-​ġid. U jekk nissodisfaw xewqat bħal dawn billi nipprattikaw id-​dnub, nistgħu nkunu żelużi kemm irridu għax xorta m’aħniex se niksbu l-​approvazzjoni t’Alla. Mela, jalla nitolbu l-​għajnuna t’Alla biex ‘nobogħdu d-​deni u nħobbu l-​ġid.’

14, 15. (a) F’Iżrael, min kien hemm fost dawk l-​uħud li kienu qed jagħmlu l-​ġid, imma xi wħud minnhom kif kienu qed jiġu trattati? (b) Illum, kif nistgħu ninkuraġġixxu lil dawk li huma fis-​servizz full-time?

14 Mhux l-​Iżraelin kollha kienu qed jagħmlu l-​ħażin f’għajnejn Ġeħova. Per eżempju, Hosegħa u Għamos ‘ħabbew il-​ġid’ u qdew lil Alla lealment bħala profeti. Oħrajn għamlu wegħda li jgħixu bħala Nażrin. Matul iż-​żmien li għexu bħala Nażrin, huma qagħdu lura milli jużaw il-​prodotti tad-​dielja, speċjalment l-​inbid. (Numri 6:1-4) L-​Iżraelin l-​oħrajn kif qisuhom is-​sagrifiċċji li għażlu li jagħmlu dawn l-​uħud li kienu jagħmlu l-​ġid? It-​tweġiba xokkanti għal din il-​mistoqsija turi sa liema punt kien tħassar il-​ġens. Għamos 2:12 jgħid: “Intom sqejtu l-​inbid lin-​nażrin, u lill-​profeti għedtulhom: ‘Tħabbrulniex!’”

15 Malli raw l-​eżempju leali tan-​Nażrin u l-​profeti, dawk l-​Iżraelin xalaturi messhom stħaw u tqanqlu biex ibiddlu l-​imġiba tagħhom. Minflok, huma b’nuqqas taʼ mħabba pprovaw jiskuraġġixxu lill-​uħud leali biex ma jagħtux glorja lil Alla. Jalla aħna qatt ma nħeġġu lil dawk sħabna l-​Kristjani li huma pijunieri, missjunarji, indokraturi li jivvjaġġaw, jew membri tal-​familja taʼ Betel, biex jieqfu mis-​servizz tagħhom full-time u jerġgħu jibdew jgħixu ħajja hekk imsejħa normali. Minflok, ejja ninkuraġġuhom biex jibqgħu sejrin hekk!

16. Il-​qagħda taʼ l-​Iżraelin għala kienet aħjar fi żmien Mosè milli fi żmien Għamos?

16 Għalkemm fi żmien Għamos ħafna Iżraelin kienu qed igawdu ħajja li tissodisfahom materjalment, huma ‘ma kinux għonja m’Alla.’ (Luqa 12:13-21) Missirijiethom kielu biss il-​manna fid-​deżert għal 40 sena. Ma kinux iffesteġġjaw b’għoġiela mitmugħa fl-​istalla jew tmattru bl-​għażż fuq sodod taʼ l-​avorju. Madankollu, Mosè kien qalilhom sew meta qal: “Il-​Mulej, Alla tiegħek, bierkek f’kull xogħol taʼ jdejk . . . Għal dawn l-​aħħar erbgħin sena l-​Mulej Alla tiegħek kien miegħek, u f’xejn ma naqsek.” (Dewteronomju 2:7) Iva, l-​Iżraelin fid-​deżert dejjem kellhom l-​affarijiet li kienu jeħtieġu tassew. L-​aqwa ħaġa li kellhom kienet l-​imħabba, il-​protezzjoni, u l-​barka t’Alla!

17. Ġeħova għala daħħal lill-​Iżraelin tal-​bidu fl-​Art Imwiegħda?

17 Ġeħova fakkar lil dawk li kienu jgħixu fi żmien Għamos li Hu kien daħħal lill-​antenati tagħhom fl-​Art Imwiegħda u għenhom ineħħu lill-​għedewwa kollha tagħhom mill-​pajjiż. (Għamos 2:9, 10) Imma Alla għala kien ħareġ lill-​Iżraelin mill-​Eġittu u daħħalhom fl-​art tal-​wegħda? Għamel dan sabiex huma jkunu jistgħu jgħixu ħajja paxxuta fil-​lussu u jiċħdu lill-​Ħallieq tagħhom? Xejn minn dan! Minflok, għamel hekk sabiex huma jkunu jistgħu jqimuh bħala poplu ħieles u nadif spiritwalment. Imma l-​abitanti tas-​saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet ma bagħdux id-​deni u ma ħabbewx il-​ġid. Minflok, kienu qed jagħtu glorja lil xbihat minquxa, mhux lil Alla Ġeħova. X’għarukaża għalihom!

Ġeħova Jitlob Kont

18. Ġeħova għala ħelisna spiritwalment?

18 Alla ma kienx se jinjora l-​imġiba tal-​mistħija taʼ l-​Iżraelin. Hu wera ċar daqs il-​kristall x’inhi l-​pożizzjoni tiegħu meta qal: “Se nikkastigakom minħabba l-​ħażen kollu tagħkom.” (Għamos 3:2) Dan il-​kliem għandu jġagħalna nirriflettu fuq il-​ħelsien tagħna stess minn taħt il-​jasar fl-​Eġittu taʼ żmienna—din is-​sistema ħażina li ninsabu fiha. Ġeħova ma ħelisniex spiritwalment biex inkunu nistgħu niġru wara miri egoistiċi. Minflok, hu ħelisna sabiex inkunu nistgħu nagħtuh tifħir mill-​qalb bħala poplu ħieles li qed jieħu sehem f’qima nadifa. U lkoll kemm aħna rridu nagħtu kont għall-​mod kif qed nużaw il-​ħelsien tagħna mogħti minn Alla.—Rumani 14:12.

19. Skond Għamos 4:4, 5, ħafna mill-​Iżraelin x’saru jħobbu?

19 B’sogħba, ħafna mill-​abitanti taʼ Iżrael baqgħu ma laqgħuhx il-​messaġġ qawwi li wasslilhom Għamos. Il-​profeta jikxef il-​kundizzjoni marida spiritwalment taʼ qalbhom bil-​kliem imniżżel f’Għamos 4:4, 5: “Ejjew f’Betel u idinbu, f’Gilgal u komplu idinbu . . . Għax dan ħabbejtu, ulied Iżrael.” L-​Iżraelin ma kinux ikkultivaw xewqat xierqa. Ma kinux għassu lil qlubhom. Bħala riżultat, ħafna minnhom kienu bdew iħobbu d-​deni u jobogħdu l-​ġid. Dawn l-​aduraturi stinati taʼ l-​għoġiela ma nbidlux. Ġeħova kien se jitlob kont minnhom, u huma kienu se jibqgħu ribellużi sakemm imutu!

20. Kif jistaʼ wieħed jimxi skond dak li hemm imniżżel f’Għamos 5:4?

20 Żgur li ma kienx faċli għal xi ħadd li kien jgħix f’Iżrael dakinhar biex jibqaʼ leali lejn Ġeħova. M’huwiex faċli li timxi kontra l-​kurrent, biex ngħidu hekk, bħalma jafu sew il-​Kristjani llum, kemm kbar u kemm żgħar. Imma kien hemm xi Iżraelin li l-​imħabba tagħhom għal Alla u x-​xewqa li jogħġbuh qanqluhom biex jipprattikaw il-​qima vera. Lil dawn, Ġeħova tahom din l-​istedina kordjali kif dokumentata f’Għamos 5:4: “Fittxuni, u tgħixu.” Bl-​istess mod illum, Alla juri ħniena maʼ dawk li jindmu u jfittxuh billi jieħdu għarfien eżatt mill-​Kelma tiegħu u mbagħad jagħmlu r-​rieda tiegħu. M’huwiex faċli li jżommu f’din it-​triq, imma jekk jagħmlu hekk se jkollhom il-​ħajja taʼ dejjem.—Ġwanni 17:3.

Ġid Minkejja l-​Ġuħ Spiritwali

21. Liema ġuħ għandhom dawk li ma jipprattikawx il-​qima vera?

21 X’kien hemm merfugħ għal dawk li m’appoġġawx il-​qima vera? Ġuħ mill-​agħar—ġuħ spiritwali! Il-​Mulej Sovran Ġeħova qal: “Ara, għad jiġi żmien . . . meta nibgħat il-​ġuħ fl-​art; mhux il-​ġuħ tal-​ħobż, lanqas l-​għatx għall-​ilma, iżda għas-​smigħ tal-​kelma tal-​Mulej.” (Għamos 8:11) Il-​Kristjaneżmu qiegħed iħabbat wiċċu maʼ ġuħ spiritwali bħal dan. Madankollu, uħud taʼ qalb retta fost il-​membri tiegħu jistgħu jaraw il-​ġid spiritwali li qed igawdi l-​poplu t’Alla u qed jidħlu fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Il-​kuntrast li hemm bejn il-​qagħda tal-​Kristjaneżmu u dik tal-​Kristjani veri jidher b’mod xieraq fil-​kliem taʼ Ġeħova: “Araw, il-​qaddejja tiegħi jieklu, imma intom tkunu bil-​ġuħ; araw, il-​qaddejja tiegħi jixorbu, imma intom tkunu bl-​għatx; araw, il-​qaddejja tiegħi jifirħu, imma intom tistħu.”—Isaija 65:13, 14a (65:13, NW).

22. Għala għandna għalxiex nifirħu?

22 Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, napprezzaw personalment il-​provvedimenti u l-​barkiet spiritwali li għandna? Meta nistudjaw il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet Kristjani u nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet, tassew inħossu li rridu ngħollu leħinna bil-​ferħ minħabba l-​kundizzjoni tajba taʼ qalbna. Nifirħu bil-​fehma ċara li għandna tal-​Kelma t’Alla, inkluż il-​profezija t’Għamos ispirata minn Alla.

23. Xi jgawdu dawk li jigglorifikaw lil Alla?

23 Għal dawk li jħobbu lil Alla u jixtiequ jagħtuh glorja, il-​profezija t’Għamos għandha messaġġ taʼ tama. Hi x’inhi l-​qagħda ekonomika preżenti tagħna jew huma x’inhuma l-​provi li rridu niffaċċjaw f’din id-​dinja mimlija inkwiet, aħna li nħobbu ’l Alla qed ingawdu barkiet divini u l-​aqwa ikel spiritwali. (Proverbji 10:22; Mattew 24:45-47) Il-​glorja kollha, allura, tmur għal Alla, li jipprovdi kollox bix-​xabaʼ għall-​benefiċċju tagħna! Mela, jalla lkoll kemm aħna nkunu determinati li nfaħħruh minn qalbna għal dejjem. Dan se jkun il-​privileġġ taʼ ferħ tagħna jekk infittxu lil Ġeħova, il-​Wieħed li jeżamina l-​qlub.

Int Kif Twieġeb?

• F’liema qagħda kien Iżrael fi żmien Għamos?

• Liema xebh insibu llum mal-​mod kif kienu sejrin l-​affarijiet fis-​saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet?

• Liema ġuħ imbassar jeżisti llum, imma min m’huwiex effettwat minnu?

[Stampi f’paġna 21]

Ħafna Iżraelin għexu fil-​lussu iżda ma gawdewx ġid spiritwali

[Stampa f’paġna 23]

Ħeġġeġ lil dawk li jaqdu “full-time” biex jibqgħu sejrin hekk

[Stampi f’paġna 24, 25]

Il-​ġuħ spiritwali ma jeżistix fost il-​poplu hieni taʼ Ġeħova

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja