LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 10/1 p. 12-p. 15 para. 8
  • Punti Prinċipali mill-Kotba taʼ Ġoel u Għamos

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Kotba taʼ Ġoel u Għamos
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “AH, X’JUM DAN!”—GĦALA?
  • (Ġoel 1:1–​4:​21 [1:1–​3:​21, NW])
  • “ĦEJJI RUĦEK, BIEX TILTAQAʼ MAʼ ALLA TIEGĦEK”
  • (Għamos 1:1–​9:​15)
  • Dak li Għandna Nagħmlu
  • Xandar il-Kelma t’Alla bil-Qlubija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Il-Ġudizzju taʼ Ġeħova Ġej Kontra l-Ħżiena
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ħu Bħala Mudell lill-Profeti—Għamos
    Il-Ministeru tas-Saltna—2013
  • Fittex lil Ġeħova, il-Wieħed li Jeżamina l-Qlub
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 10/1 p. 12-p. 15 para. 8

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Kotba taʼ Ġoel u Għamos

KULMA jgħidilna dwaru nnifsu hu li kien “Ġoel bin Petwel.” (Ġoel 1:1) Fil-​ktieb li jġib ismu, Ġoel ftit li xejn jitkellem dwar affarijiet oħrajn ħlief dwar il-​messaġġ tiegħu, tant li anki ż-​żmien tal-​profezija tiegħu jistaʼ biss jiġi kalkulat​—madwar is-​sena 820 Q.E.K., disaʼ snin wara li Għużżija sar sultan fuq Ġuda. Ġoel għala joqgħod daqshekk lura milli jitkellem dwaru nnifsu? Ir-​raġuni x’aktarx hi li hu jrid jenfasizza l-​messaġġ u mhux il-​messaġġier.

Ukoll, fi żmien Għużżija, Għamos, resident taʼ Ġuda li hu ‘ragħaj u jiżbor il-​ġummajż,’ jiġi inkarigat biex ikun profeta. (Għamos 7:14) Kuntrarju għal Ġoel, li jipprofetizza f’Ġuda, Għamos jintbagħat fit-​tramuntana lejn is-​Saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet. Il-​ktieb t’Għamos jitlesta bejn wieħed u ieħor fis-​sena 804 Q.E.K. wara li l-​profeta jirritorna Ġuda, u hu miktub b’lingwa li hija sempliċi imma ħajja.

“AH, X’JUM DAN!”—GĦALA?

(Ġoel 1:1–​4:​21 [1:1–​3:​21, NW])

Invażjoni mill-​ġrad qattiegħ, mill-​ġrad gerriem, u mill-​ġrad qerried hu dak li jara Ġoel fil-​viżjoni. Hu jirreferi għall-​invażuri bħala “poplu kotran u qawwi” u bħala “nies qalbiena.” (Ġoel 1:4; 2:​2-7) “Ah, x’jum dan! Għax fil-​qrib jum il-​Mulej, jasal bħal riefnu mingħand Xaddaj,” jitniehed Ġoel. (Ġoel 1:​15) Ġeħova jagħti l-​parir lill-​abitanti taʼ Sijon: “Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha.” Jekk jagħmlu dan, Ġeħova se ‘jagħder il-​poplu tiegħu’ u se ‘jbiegħed minnhom lil tat-​tramuntana’—l-​invażjoni mill-​insetti. Però, qabel ma jiġi l-​jum il-​kbir tiegħu, Ġeħova se ‘jsawwab l-​ispirtu tiegħu fuq il-​ħlejjaq kollha’ u ‘fis-​sema u l-​art juri sinjali.’—Ġoel 2:​12, 18-​20; 3:​1-4 (2:​28-​31, NW).

Il-ġnus jiġu sfidati: “Is-​sikek tagħkom dewwbuhom fi sjuf, l-​imnieġel tagħkom f’lanez” u ppreparaw għall-​gwerra. Huma jiġu ordnati biex “imorru fil-​Wied taʼ Ġosafat,” fejn se jiġu ġudikati u meqrudin. “Imma l-​art taʼ Ġuda tkun mgħammra għal dejjem.”—Ġoel 4:​10, 12, 20 (3:​10, 12, 20, NW).

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

1:​15; 2:​1, 11; 3:4 (2:​31, NW); 4:​14 (3:​14, NW)​—X’inhu “jum il-​Mulej”? Il-​jum taʼ Ġeħova huwa ż-​żmien meta Ġeħova se jesegwixxi ġudizzju fuq l-​għedewwa tiegħu, li se jirriżulta f’qerda għalihom imma salvazzjoni għall-​aduraturi veri. Per eżempju, jum bħal dan wasal fuq Babilonja tal-​qedem fis-​sena 539 Q.E.K. meta ntrebħet mill-​Medi u l-​Persjani. (Isaija 13:​1, 6) “Jum il-​Mulej” ieħor jinsab fil-​qrib, meta Ġeħova se jesegwixxi ġudizzju divin fuq “Babilonja l-​Kbira”​—l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza.​—Rivelazzjoni 18:​1-4, 21.

2:​1-​10; 3:1 (2:​28, NW)​—Kif twettqet il-​profezija dwar l-​invażjoni mill-​insetti? M’hemm ebda rakkont imniżżel fil-​Bibbja dwar invażjoni kbira mill-​insetti fuq l-​art taʼ Kangħan bħalma hu deskritt fil-​ktieb taʼ Ġoel. Għalhekk, l-​attakk li jiddeskrivi Ġoel milli jidher huwa profezija dwar iż-​żmien fis-​sena 33 E.K. meta Ġeħova beda jferraʼ l-​ispirtu tiegħu fuq l-​ewwel segwaċi taʼ Kristu u dawn bdew jippridkaw il-​messaġġ li tturmenta lill-​mexxejja reliġjużi foloz. (Atti 2:​1, 14-​21; 5:​27-​33) Huwa l-​privileġġ tagħna li nieħdu sehem f’xogħol simili llum.

3:5 (2:​32, NW)​—Xi jfisser li wieħed “isejjaħ isem il-​Mulej”? Li wieħed isejjaħ isem Alla jfisser li jkun jaf dak l-​isem, li jirrispettah profondament, u li jistrieħ fuq dak li jġorr dan l-​isem u jafda fih.​—Rumani 10:​13, 14.

4:​14 (3:​14, NW)​—X’inhu “wied is-​sentenza”? Huwa post simboliku fejn Alla jesegwixxi ġudizzju. Fi żmien is-​Sultan Ġosafat taʼ Ġuda, li ismu jfisser “Ġeħova hu Mħallef,” Alla ħeles lil Ġuda mill-​ġnus taʼ madwarha billi ħawwad il-​qawwiet militari tagħhom. Għalhekk, il-​post jissejjaħ ukoll “il-​Wied taʼ Ġosafat.” (Ġoel 4:​2, 12 [Ġoel 3:​2, 12, NW]) Fi żmienna, dan jirrappreżenta post simboliku li fih il-​ġnus se jingħasru bħall-​għeneb f’magħsar.​—Rivelazzjoni 19:15.

Lezzjonijiet Għalina:

1:​13, 14. Biex insalvaw huwa essenzjali li nindmu sinċerament u nirrikonoxxu lil Ġeħova bħala l-​Alla l-​veru.

2:​12, 13. L-​indiema ġenwina tiġi mill-​qalb. Din tinvolvi li ‘tiċċarrat il-​qalb,’ mhux li ‘jiċċarrat l-​ilbies’ biex jarawna l-​oħrajn.

2:​28–​3:5 (2:​28-32, NW). Dak biss li “jsejjaħ isem il-​Mulej jinħeles” f’“Jum il-​Mulej, kbir u tal-​biżaʼ.” Kemm għandna għalxiex inkunu grati li Ġeħova jferraʼ l-​ispirtu tiegħu fuq kulħadd u għandu kemm kbar u kemm żgħar, kemm irġiel u kemm nisa li jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ipprofetizzar, jiġifieri, li jiddikjaraw “l-​affarijiet grandjużi t’Alla”! (Atti 2:11) Hekk kif joqrob il-​jum taʼ Ġeħova, m’għandniex aħna jkollna ħafna “atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla”?​—2 Pietru 3:​10-12.

4:​4-8, 19 (3:​4-8, 19, NW). Ġoel ipprofetizza li l-​ġnus madwar Ġuda kellhom jiġu msejħin biex jagħtu kont talli ttrattaw ħażin lill-​poplu magħżul t’Alla. Bħalma kienet tgħid il-​profezija, il-​belt prinċipali taʼ Tir ġiet meqruda mis-​Sultan Babiloniż Nabukodonosor. Iktar tard, meta l-​belt taʼ Tir li tinsab fuq gżira ġiet f’idejn Alessandru l-​Kbir, inqatlu eluf mill-​irġiel militari u n-​nies prominenti tagħha u 30,000 mill-​abitanti tagħha nbiegħu fil-​jasar. Il-​Filistin ġew trattati bl-​istess mod f’idejn Alessandru u s-​suċċessuri tiegħu. Sar-​rabaʼ seklu Q.E.K., Edom kienet għadha ħerba. (Malakija 1:3) Dawn il-​profeziji mwettqin isaħħu l-​fidi tagħna f’Ġeħova bħala l-​Wieħed li jwettaq il-​wegħdi tiegħu. Juru wkoll kif Ġeħova se jittratta mal-​ġnus li jippersegwitaw lill-​aduraturi tiegħu llum.

4:​16-​21 (3:​16-21, NW). “Is-​smewwiet u l-​art [se] jitriegħdu,” u l-​ġnus se jesperjenzaw il-​ġudizzji taʼ Ġeħova kontrihom. “Iżda l-​Mulej ikun għall-​poplu tiegħu kenn,” għaliex se jagħtihom ħajja f’kundizzjoni taʼ ġenna taʼ l-​art. M’għandniex aħna nkunu determinati b’mod sod li nibqgħu qrib tiegħu hekk kif qed joqrob il-​jum tiegħu biex jesegwixxi ġudizzju fuq id-​dinja mill-​agħar?

“ĦEJJI RUĦEK, BIEX TILTAQAʼ MAʼ ALLA TIEGĦEK”

(Għamos 1:1–​9:​15)

Għamos għandu messaġġ għall-​ġnus għedewwa taʼ madwar Iżrael u għal Ġuda u Iżrael. Hemm il-​qerda ġejja fuq is-​Sirja, Filistja, Tir, Edom, u Mowab minħabba li ttrattaw b’mod kiefer lill-​poplu t’Alla. L-​abitanti taʼ Ġuda se jesperjenzaw qerda minħabba li “telqu l-​liġi tal-​Mulej.” (Għamos 2:4) Xi ngħidu għas-​saltna taʼ Iżrael b’għaxar tribujiet? Dnubietha jinkludu moħqrija bir-​regħba fuq il-​foqra, l-​immoralità, u t-​trattament nieqes mir-​rispett lejn il-​profeti t’Alla. Għamos iwissi li Ġeħova se ‘jikkastiga l-​artali taʼ Betel’ u se ‘jaħbat għad-​dar tax-​xitwa u għad-​dar tas-​sajf.’​—Għamos 3:​14, 15.

Minkejja d-​diversi kastigi li diġà ngħataw, l-​Iżraelin idolatrużi jibqgħu rashom iebsa. Għamos jgħidilhom: “Ħejji ruħek, biex tiltaqaʼ maʼ Alla tiegħek.” (Għamos 4:​12) Għall-​Iżraelin, il-​jum taʼ Ġeħova se jkun ifisser li se ‘jiġu eżiljati ’l hemm minn Damasku,’ jiġifieri, lejn l-​Assirja. (Għamos 5:​27) Għamos jiffaċċja oppożizzjoni minn qassis taʼ Betel imma ma jibżax. “Wasal it-​tmiem għall-​poplu tiegħi Iżrael,” jgħid Ġeħova lil Għamos. “Ma naħfirlux iżjed.” (Għamos 8:2) La Qiegħ l-​Art u lanqas il-​muntanji għoljin ma jistgħu jipproteġuhom mill-​ġudizzji t’Alla. (Għamos 9:​2, 3) Madankollu, hemm wegħda taʼ restawrazzjoni. “Nreġġaʼ l-​poplu tiegħi Iżrael għal li kien,” jgħid Ġeħova, “jibnu l-​ibliet meqruda u jgħammru fihom; iħawwlu d-​dwieli u jixorbu l-​inbid tagħhom; u jxettlu ġonna u jieklu mill-​frott tagħhom.”—Għamos 9:14.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin :

4:1​—X’jissimbolizzaw il-​“baqar taʼ Basan”? Il-​biċċa art fuq għolja fejn kienet Basan, post fil-​lvant tal-​Baħar tal-​Galilija, kienet magħrufa għar-​razez eċċellenti t’annimali, inkluż il-​baqar. Il-​mergħat abbundanti tagħha kkontribwew għal dan. Għamos xebbah lin-​nisa tas-​Samarija li kienu jħobbu l-​lussu mal-​baqar taʼ Basan. Dawn in-​nisa żgur li għamlu pressjoni fuq ‘żwieġhom’ biex jgħakksu lill-​imsejknin ħalli jkunu jistgħu jiksbu l-​għana iktar faċilment.

4:6​—Xi tfisser l-​espressjoni “naddaftilkom snienkom”? Użata bħala parallel maʼ li individwu jkun ‘nieqes mill-​ħobż,’ din il-​frażi setgħet tirreferi għal żmien taʼ ġuħ meta s-​snien kienu jibqgħu nodfa minħabba n-​nuqqas taʼ ikel.

5:5​—Iżrael b’liema mod kellu ‘ma jfittixx lil Betel’? Ġerobogħam kien beda l-​qima taʼ l-​għoġol f’Betel. Minn dakinhar, il-​belt kienet saret ċentru taʼ qima falza. X’aktarx li Gilgal u Birsaba wkoll kienu postijiet taʼ qima apostata. Biex jaħrab mill-​gwaj imbassar, Iżrael kellu bżonn iwaqqaf il-​pellegrinaġġi reliġjużi lejn dawn il-​postijiet u jibda jfittex lil Ġeħova.

7:1​—Għal xiex jirreferi “l-​ħaxix imwaħħar wara l-​ħsad tas-​sultan”? X’aktarx li jirreferi għat-​taxxa li s-​sultan impona sabiex imantni ż-​żwiemel u l-​annimali tiegħu. Din it-​taxxa kellha titħallas “meta beda jinbet il-​ħaxix imwaħħar.” Wara dan, in-​nies setgħu jaħsdu r-​rabaʼ tagħhom. Madankollu, qabel ma setgħu jagħmlu dan, issawret qatgħa ġradijiet u belgħet ir-​rabaʼ tagħhom flimkien maʼ ħxejjex oħrajn.

8:​1, 2​—X’kienet tfisser il-​“qoffa bil-​frott tas-​sajf”? Din kienet tfisser li l-​jum taʼ Ġeħova kien fil-​qrib. Il-​frott tas-​sajf jinġabar fi tmiem l-​istaġun tal-​ħsad, jiġifieri, lejn l-​aħħar tas-​sena agrikola. Meta Ġeħova ġiegħel lil Għamos jara “qoffa bil-​frott tas-​sajf,” din kienet tfisser li t-​tmiem kien fil-​qrib għal Iżrael. Għalhekk, Alla qal lil Għamos: “Wasal it-​tmiem għall-​poplu tiegħi Iżrael. Ma naħfirlux iżjed.”

Lezzjonijiet Għalina:

1:​3, 6, 9, 11, 13; 2:​1, 4, 6. Dwar ir-​rabja tiegħu għal Iżrael, Ġuda, u s-​sitt ġnus taʼ madwarhom Ġeħova qal: “Ma nreġġax lura kelmti.” M’huwiex possibbli taħrab il-​ġudizzji taʼ Ġeħova.​—Għamos 9:​2-5.

2:​12. M’għandniex niskuraġġixxu pijunieri, indokraturi li jivvjaġġaw, missjunarji, jew membri tal-​familja taʼ Betel li jaħdmu iebes billi nħeġġuhom jieqfu mis-​servizz full-time biex minflok jgħixu l-​hekk imsejħa ħajja normali. Għall-​kuntrarju, aħna għandna ninkuraġġuhom biex jibqgħu sejrin fix-​xogħol tajjeb tagħhom.

3:8. Sewwasew bħalma dak li jkun jibżaʼ jekk jismaʼ ljun jgħajjat, Għamos ħassu mqanqal biex jippriedka meta semaʼ lil Ġeħova jgħid: “Mur, ħabbar lill-​poplu tiegħi.” (Għamos 7:15) Il-​biżaʼ t’Alla għandu jqanqalna nkunu predikaturi żelużi tal-​messaġġ tas-​Saltna.

3:​13-​15; 5:​11. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, ir-​ragħaj umli Għamos irnexxielu ‘jagħti xiehda’ lil nies li kienu għonja, u għalhekk, apatetiċi. Ġeħova jistaʼ jħejjina b’mod simili ħalli niddikjaraw il-​messaġġ tas-​Saltna minkejja kemm jistaʼ jkun taʼ sfida t-​territorju.

4:​6-​11; 5:​4, 6, 14. Minkejja li l-​Iżraelin naqsu ripetutament li ‘jerġgħu lura’ għand Ġeħova, huma ġew imħeġġin biex ‘ifittxu lil [Ġeħova] u jgħixu.’ Sakemm Ġeħova jippermetti bis-​sabar li din is-​sistema mill-​agħar tibqaʼ għaddejja, aħna għandna nħeġġu lil dawk li jinsabu fiha biex iduru lejn Alla.

5:​18, 19. Hija bluha għal individwu li ‘jixtieq jum il-​Mulej’ imma ma jkunx lest għalih. Is-​sitwazzjoni taʼ min jagħmel dan tkun bħal dik taʼ xi ħadd li jaħrab minn iljun imma jiltaqaʼ m’ors, u mbagħad jaħrab mill-​ors imma jispiċċa migdum minn serp. Aħna nkunu għaqlin jekk ‘nibqgħu mqajmin’ spiritwalment u nibqgħu attenti.​—Luqa 21:36.

7:​12-​17. Aħna għandna niddikjaraw il-​messaġġ t’Alla bla biżaʼ u b’mod qalbieni.

9:​7-​10. Il-​fatt li kienu dixxendenti tal-​patrijarki leali u taʼ dawk li nħelsu mill-​Eġittu bħala l-​poplu magħżul t’Alla ma żammx lura lill-​Iżraelin żleali milli jkollhom reputazzjoni ħażina m’Alla, bħal dik taʼ wlied Kus. Il-​fatt li dak li jkun ikollu reputazzjoni tajba maʼ l-​Alla imparzjali ma jiddependix mil-​linja tar-​razza tiegħu, imma milli “jibżaʼ minnu u jagħmel is-​sewwa.”​—Atti 10:​34, 35.

Dak li Għandna Nagħmlu

Il-​jum meta se jsir ġudizzju fuq id-​dinja taʼ Satana jinsab fil-​qrib. Alla ferraʼ l-​ispirtu tiegħu fuq l-​aduraturi tiegħu, billi ħejjiehom biex iwissu lill-​umanità dwar il-​miġja tal-​jum tiegħu. M’għandniex aħna nieħdu sehem bis-​sħiħ f’li ngħinu lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova u ‘jsejħu ismu’?​—Ġoel 3:​4, 5 (Ġoel 2:31, 32, NW).

Għamos iħeġġeġ: “Obogħdu d-​deni u ħobbu l-​ġid, saħħu l-​ġustizzja f’bieb il-​belt.” (Għamos 5:15) Hekk kif qed joqrob il-​jum taʼ Ġeħova, ikun għaqli li nersqu qrib lejn Alla u nżommu ruħna separati mid-​dinja mill-​agħar u s-​sħubija immorali li toffri. Għal din ir-​raġuni, kemm huma f’waqthom il-​lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mill-​kotba Bibliċi taʼ Ġoel u Għamos!​—Ebrej 4:​12.

[Stampa f’paġna 12]

Ġoel ipprofetizza: “Fil-​qrib jum il-​Mulej”!

[Stampi f’paġna 15]

Bħal Għamos, aħna għandna nkunu bla biżaʼ u qalbenin bħala proklamaturi tal-​messaġġ t’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja